Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2625(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0279/2014

Testi mressqa :

B7-0279/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 03/04/2014 - 7.63
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2014)0339

Testi adottati
PDF 304kWORD 70k
Il-Ħamis, 3 ta' April 2014 - Brussell
Is-sitwazzjoni fl-Iran
P7_TA(2014)0339B7-0279/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' April 2014 dwar l-istrateġija tal-UE rigward l-Iran (2014/2625(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iran, b'mod partikolari dawk tal-10 ta' Marzu 2011 dwar l-approċċ tal-UE lejn l-Iran(1), tas-17 ta' Novembru 2011 dwar każijiet reċenti ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran(2), tat-2 ta' Frar 2012 dwar l-Iran u l-programm nukleari tiegħu(3) u tal-14 ta' Ġunju 2012 dwar is-sitwazzjoni tal-minoranzi etniċi fl-Iran(4),

–  wara li kkunsidra l-istqarrija konġunta li saret mill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Catherine Ashton, u mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Iranjan, Mohammad Javad Zarif, fl-24 ta' Novembru 2013 f'Ġinevra, u l-istqarrija tal-VP/RGħ tat-12 ta' Jannar 2014,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Ottubru 2012 u s-16 ta' Diċembru 2013, u l-emendi għall-miżuri ristrettivi fis-seħħ kontra l-Iran, kif deċiżi mill-Kunsill fil-laqgħa tiegħu tal-20 ta' Jannar 2014,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta’ Marzu 2011, li jħabbru l-implimentazzjoni tal-miżuri restrittivi mmirati kontra dawk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija tal-VP/RGħ tad-19 ta' Settembru 2013 dwar il-ħelsien ta' Nasrin Sotoudeh u priġunieri oħra ta' kuxjenza fl-Iran,

–  wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran tal-4 ta' Ottubru 2013, l-istqarrija riċenti tiegħu tat-22 ta' Jannar 2014 fejn wissa dwar iż-żieda qawwija fl-imwiet bil-forka fl-Iran, u r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-10 ta' Settembru 2013 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran(5)

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar strateġija dwar il-libertà diġitali fil-politika barranija tal-UE(6),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar Kriterji għal Elezzjonijiet Ħielsa u Ġusti, li ġiet adottata b’mod unanimu fis-26 ta’ Marzu 1994 mill-Unjoni Interparlamentari, li tagħha l-Parlament Iranjan huwa membru,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran tat-18 ta’ Diċembru 2013(7), li tesprimi tħassib serju fir-rigward tal-ksur serju kontinwu u rikorrenti tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran, inkluż, iżda mhux limitat biss, għall-użu arbitrarju, frekwenti u kontinwu tal-piena tal-mewt,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat-18 ta' Diċembru 2013 dwar dinja kontra l-vjolenza u l-estremiżmu vjolenti(8),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċeduri tiegħu,

A.  billi fl-24 ta' Novembru 2013 f'Ġinevra, il-Viċi President/Rappreżentant Għoli Catherine Ashton, flimkien mal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-E3/UE+3, laħqet ftehim interim mar-Repubblika Iżlamika tal-Iran (minn hawn 'il quddiem l-Iran) dwar il-kwistjoni nukleari (iddettaljat fil-Pjan ta' Azzjoni Konġunt); billi fl-10 ta' Jannar 2014, l-E3/UE+3 laħqu ftehim dwar il-modalitajiet ta' implimentazzjoni għall-Pjan ta' Azzjoni Konġunt; billi l-perjodu ta' implimentazzjoni ta' sitt xhur tal-Pjan ta' Azzjoni Konġunt huwa kruċjali u jeħtieġ azzjoni simultanja u reċiproka miż-żewġ naħat;

B.  billi l-elezzjonijet presidenzjali ma sarux skont l-istandards demokratiċi mħaddna mill-UE; billi, madankollu, il-President President Hassan Rouhani wera rieda għal relazzjonijiet aktar miftuħa u kostruttivi bejn l-Iran u l-Punent; billi, minbarra l-ftehim nukleari, jeħtieġ li diversi kwistjonijiet varji – inkluż id-drittijiet tal-bniedem u s-sigurtà reġjonali – jiġu diskussi bejn l-UE u l-Iran;

C.  billi l-impenji magħmula fil-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt jikkostitwixxu biss l-ewwel pass lejn soluzzjoni aktar kompleta għall-kwistjoni nukleari Iranjana u għandhom l-għan li jnaqqsu t-tensjonijiet immedjati u b'hekk joħolqu aktar ħin u spazju għal soluzzjoni diplomatika komprensiva; billi l-attivitajiet nukleari tal-Iran kienu kontradittorji għar-riżoluzzjonijiet preċedenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti;

D.  billi l-iżviluppi politiċi interni fl-Iran u l-ftehim interim dwar il-kwistjoni nukleari fetħu xaqq ta' opportunità għaż-żewġ riformi fl-Iran u għat-titjib tar-relazzjonijiet esterni mal-UE;

E.  billi n-negozjati dwar ftehim komprensiv dwar il-kummerċ u l-kooperazzjoni u dwar ftehim rigward id-djalogu politiku bejn l-UE u l-Iran beda fl-2002; billi dan il-proċess ġie interrott fl-2005 bħala riżultat tar-rivelazzjonijiet rigward l-attivitajiet nukleari klandestini tal-Iran u r-rifjut tal-pajjiż li jikkoopera bis-sħiħ mal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA);

F.  billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran għadha kkaratterizzata minn ksur kontinwu u sistematiku tad-drittijiet fundamentali;

G.  billi l-Iran għandu waħda mill-iżgħar popolazzjonijiet fid-dinja, fejnaktar minn 7 miljun tifel u tifla huma taħt l-età ta’ sitt snin;

H.  billi l-Iran għadu jirrifjuta li jikkoopera ma’ bosta korpi tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem, pereżempju ċaħad viża lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran u ma ħallieħx iwettaq il-mandat tiegħu b’mod indipendenti;

Dwar il-kwistjoni nukleari

1.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-ftehim interim ta’ Ġinevra bejn l-E3/UE+3 u l-Iran dwar il-programm nukleari tal-Iran; iqis li huwa importanti ħafna li l-partijiet kollha jkomplu jimpenjaw ruħhom b'mod kostruttiv fil-proċess ta' negozjar sabiex il-ftehim komprensiv finali jkun jista' jiġi konkluż fiż-żmien miftiehem;

2.  Jenfasizza li ma jistax ikun hemm alternattiva għal soluzzjoni paċifika negozjata li tindirizza t-tħassib tal-komunità internazzjonali fir-rigward tan-natura esklussivament paċifika tal-programm nukleari tal-Iran u s-sensittivitajiet reġjonali kif ukoll dawk ta’ sigurtà tal-Iran;

3.  Jilqa' d-deċiżjonijiet meħuda mill-Kunsill fil-laqgħa tiegħu tal-20 ta' Jannar 2014 bl-għan li jimplimenta l-Pjan ta' Azzjoni Konġunt, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet għall-eżenzjoni parzjali mis-sanzjonijiet; jenfasizza l-importanza kruċjali ta' monitoraġġ affidabbli tal-implimentazzjoni min-naħa tal-Iran tal-impenji tiegħu għall-Pjan ta' Azzjoni Konġunt; jemmen li ladarba jintlaħaq ftehim komprensiv li jiżgura n-natura esklussivament paċifika tal-programm nukleari tal-Iran, is-sanzjonijiet relatati mal-kwistjonijiet nukleari kontra l-Iran għandhom gradwalment jitneħħew;

Dwar il-prospetti għar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Iran

4.  Jenfasizza li relazzjonijiet aktar kostruttivi mal-Iran huma kontinġenti fuq il-progress tal-implimentazzjoni sħiħa tal-impenji tal-Iran taħt il-Pjan ta' Azzjoni Konġunt; jittama li l-progress fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni Konġunt u fin-negozjati għall-ftehim ta' Ġinevra ser iwitti t-triq għal relazzjonijiet aktar kostruttivi bejn l-UE u l-Iran, inkluż fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' tħassib reġjonali, bħall-gwerra ċivili fis-Sirja u l-ġlieda kontra kull forma ta' terroriżmu u l-kawżi tiegħu, iżda wkoll f'oqsma bħall-iżvilupp ekonomiku, ftehimiet ta' kummerċ, l-istat tad-dritt u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

5.  Jitlob lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex iwettaq ix-xogħol preparatorju kollu għall-ftuħ ta' delegazzjoni tal-Unjoni f'Teheran sal-aħħar tal-2014; jemmen bis-sħiħ li din tista’ tkun għodda effiċjenti biex jiġu influwenzati l-politiki Iranjani u li tista’ tappoġġa wkoll id-djalogu dwar kwistjonijiet bħad-drittijiet tal-bniedem u tal-minoranzi;

6.  Jistieden lill-Kunsill biex, suġġett għall-progress sostanzjali li qed isir fin-negozjati dwar il-kwistjoni nukleari, jibda diskussjoni dwar passi speċifiċi li jistgħu jwasslu għal titjib fir-relazzjonijiet bilaterali bejn l-UE u l-Iran, inkluż il-possibilità ta' qafas kuntrattwali għal dawn ir-relazzjonijiet u għall-iżvilupp ta' kooperazzjoni settorjali, iffukat, per eżempju, fuq l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili u s-settur privat fl-Iran, kif ukoll fuq oqsma bħall-ġlieda kontra d-droga narkotika (filwaqt li jiġi żgurat li l-persuna suspettata jkollha proċess ġust u ma tkunx suġġetta għall-piena tal-mewt), il-kooperazzjoni ambjentali, it-trasferiment tat-teknoloġija, l-iżvilupp u l-ippjanar tal-infrastruttura, l-edukazzjoni u l-kultura, il-protezzjoni tat-tfal u s-saħħa, u inizjattivi komuni li jippromwovu u jħarsu d-drittijiet tal-bniedem; jinsab imħasseb dwar il-possibilità li jfaqqa' mard infettiv bħall-poljo u l-ħożba b’mod speċjali fost it-tfal u jħeġġeġ lill-UE tiffaċilita l-aċċess għall-medikazzjoni rilevanti li sa issa kien diffiċli li tinkiseb minħabba s-sanzjonijiet;

7.  Jinnota bi tħassib partikolari is-sitwazzjoni ambjentali li sejra għall-agħar fl-Iran b’mod partikolari rigward in-nuqqas ta’ ilma, id-deżertifikazzjoni u t-tniġġis tal-arja u jistieden lill-UE tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-istituti ta’ riċerka, l-organizzazzjonijiet ambjentali u l-bliet Ewropej u Iranjani;

8.  Jinnota l-importanza tal-kummerċ mal-Iran għal ħafna kumpaniji Ewropej ta’ daqs medju u jenfasizza l-fatt li dan il-kummerċ għandu jikkontribwixxi b’mod pożittiv għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt;

9.  Sadattant, jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jużaw l-għodod kollha disponibbli għall-UE biex flimkien jagħtu s-setgħa u jiżviluppaw is-soċjetà ċivili fl-Iran u jżidu n-numru ta' programmi ta' skambju għall-istudenti, l-artisti u viżitaturi oħra, kif ukoll skambji kulturali u akkademiċi, u biex jippromwovu il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u l-impenn ċiviku; jitlob, għaldaqstant, għal aktar skambji u kooperazzjoni bejn s-SEAE u l-fergħat rilevanti tal-Kummissjoni, bħad-Direttorat Ġenerali għall-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni – EuropeAid;

10.  Jitlob lill-UE ssegwi politika aktar indipendenti rigward l-Iran, filwaqt li jkun hemm koordinazzjoni mal-alleati u l-imsieħba;

Dwar il-kwistjonijiet reġjonali

11.  Iqis li l-Iran għandu juża l-influwenza konsiderevoli tiegħu fis-Sirja sabiex iwaqqaf din il-gwerra ċivili mdemmija u jitlob lill-mexxejja tal-Iran jadottaw rwol kostruttiv fl-isforzi internazzjonali biex tinstab soluzzjoni għall-kriżi fis-Sirja; iqis, li għal dan l-għan, l-Iran għandu jkun involut fid-diskussjonijiet kollha, bil-kundizzjoni li jibqa' juri impenn biex tinstab soluzzjoni diplomatika għall-kriżi fis-Sirja u fir-reġjun;

12.  Iqis li impenn akbar bejn l-UE u l-Iran abbażi tal-implimentazzjoni kredibbli tal-Pjan ta' Azzjoni Konġunt u, fil-futur, tal-ftehim komprensiv, jista' jkun ta' benefiċċju għall-istabilizzazzjoni tas-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani; iħeġġeġ lill-UE, b'mod partikolari, tiffaċilita d-djalogu bejn l-Iran u l-membri tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf;

13.  Huwa tal-fehma li l-UE, l-Istati Uniti u l-Iran għandhom jiżviluppaw il-kooperazzjoni tagħhom fl-Afganistan, b'mod partikolari dwar il-kwistjoni tat-traffikar tad-droga u dwar kwistjonijiet umanitarji bħall-protezzjoni tar-rifuġjati, bil-ħsieb li jipproteġu l-kisbiet li saru fid-drittijiet tal-bniedem biex tkun tista' tinstab soluzzjoni paċifika u dejjiema għall-kunflitt; ifakkar li l-Iran qed jospita madwar 3 miljun rifuġjat Afgan, u jistieden lill-Iran, lill-aġenziji tan-NU u lill-komunità internazzjonali biex jiżguraw ir-rispett għad-drittijiet bażiċi tagħhom;

Dwar id-drittijiet tal-bniedem

14.  Jilqa' l-ħelsien ta' bosta priġunieri ta' kuxjenza fl-Iran, fosthom Nasrin Sotoudeh, avukat tad-drittijiet tal-bniedem u rebbieħa tal-Premju Sakharov, u jitlob lill-awtoritajiet Iranjani biex jeħilsu lid-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem li jinsabu l-ħabs, il-priġunieri politiċi, it-tejdjunjinisti u l-attivisti tax-xogħol, u dawk kollha li ġew miżmuma priġunieri wara l-elezzjoni presidenzjali tal-2009; jinnota b’interess l-inizjattiva tal-President Hassan Rouhani biex jifformula Karta tad-Drittijiet taċ-Ċittadini; madankollu, jesprimi tħassib kbir kontinwu rigward is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, b'mod partikolari l-allegazzjonijiet mifruxa ta' tortura, proċessi mhux ġusti – inkluż għall-avukati u għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem – u impunità għall-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem; jesprimi allarm fir-rigward tal-għadd kbir ta' eżekuzzjonijiet fl-2013 u l-2014, inkluż ta' minorenni; jinnota li l-biċċa l-kbira tal-eżekuzzjonijiet fl-2013 seħħew fl-aħħar ħames xhur tas-sena; jikkundanna r-restrizzjonijiet imposti fuq il-libertà ta' informazzjoni, il-libertà ta' assoċjazzjoni, il-libertà ta' espressjoni, il-libertà tal-għaqda, il-libertà tar-reliġjon, il-libertà akkademika, il-libertà tal-edukazzjoni u l-libertà ta' moviment, kif ukoll ir-ripressjoni u d-diskriminazzjoni abbażi tar-reliġjon, it-twemmin, l-etniċità, il-ġeneru jew l-orjentazzjoni sesswali li baqgħu jippersistu, fost l-oħrajn kontra l-komunità tal-Baha'i, l-Insara, l-apostati u dawk li kkonvertew;

15.  Hu tal-fehma li l-Karta tad-Drittijiet taċ-Ċittadini għandha tkun f'konformità sħiħa mal-obbligi internazzjonali tal-Iran, b'mod partikolari rigward in-nondiskriminazzjoni u d-dritt għall-ħajja, it-tisħiħ tal-projbizzjoni tat-tortura, l-iżgurar ta' libertà sħiħa tar-reliġjon u tat-twemmin, u li tkun garantita l-libertà ta' espressjoni, li bħalissa hija ristretta minn dispożizzjoni fformulata b'mod vag li twassal għal reat marbut mas-sigurtà nazzjonali(national-security-related offence’);

16.  Jistieden, għaldaqstant, lill-UE tintegra d-drittijiet tal-bniedem fir-relazzjonijiet tagħha kollha mal-Iran; jemmen li djalogu inklużiv ta’ livell għoli dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-Iran għandhu jkun parti mill-qafas politiku futur tar-relazzjonijiet bilaterali bejn l-UE u l-Iran; jitlob lill-UE biex tibda djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-Iran li jinkludi lill-forzi tal-ġudikatura u s-sigurtà u li jistabbilixxi punti ta' riferiment stabbiliti b'mod ċar li magħhom ikun jista' jitkejjel il-progress li qed isir; jitlob lill-UE tappoġġa bis-sħiħ ix-xogħol tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran, u jitlob lill-Iran jagħtih viża b'mod immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tad-dħul; iħeġġeġ lill-Kummissarju Għoli tan-NU Navi Pillay tilqa’ l-istedina mill-awtoritajiet Iranjani li żżur l-Iran; jistieden lill-Iran jiddikjara moratorju fuq il-piena tal-mewt;

17.  Jissottolinja l-fatt li kwalunkwe delegazzjoni futura tal-Parlament għall-Iran għandha timpenja ruħha biex tiltaqa' mal-membri tal-oppożizzjoni u ma' attivisti tas-soċjetà ċivili, u jkollha aċċess għall-priġunieri politiċi;

18.  Jenfasizza l-importanza li jinħoloq ambjent li jwassal għall-funzjonament korrett tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inkluż qafas ġuridiku riformat; jitlob lill-UE biex tagħmel użu massimu u globali mill-linji gwida tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-Linji gwida tal-UE dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-flessibilità ġdida pprovduta mill-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) 2014–2020, u l-potenzjal tal-Fond Ewropew għad-Demokrazija li ġie stabbilit dan l-aħħar mill-UE u mill-Istati Membri tagħha, biex tappoġa d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Iranjani;

19.  Jingħaqad mat-talba urġenti ta’ 772 ġurnalist Iranjan lill-President Iranjan biex iżomm il-wegħda tiegħu u jippermetti l-ftuħ mill-ġdid tal-Assoċjazzjoni tal-Ġurnalisti Iranjani;

20.  Iħeġġeġ lill-UE teżamina l-possibbiltà li testendi l-assistenza teknika, bi sħubija mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, lill-Iran bil-ħsieb li tassisti fir-riforma tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali attwalment prevista mill-parlament Iranjan; jesprimi tħassib, b'mod partikolari, fuq l-inabilità tad-detenuti li jkollhom aċċess għal avukat waqt l-interrogazzjonijiet, dwar l-allegazzjonijiet serji ta' abbuż li jsir matul iż-żamma qabel l-akkuża u qabel il-proċess, u dwar proċessi ta' persuni ċivili quddiem il-qrati revoluzzjonarji; jenfasizza li l-indipendenza mill-indħil politiku u l-iżgurar ta' proċess liberu huma kruċjali fl-iżvilupp ta' kodiċi ta' proċedura kriminali moderna u essenzjali fl-indirizzar ta' kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem;

21.  Jitlob lill-Iran jikkoopera mal-korpi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u l-NGOs tiegħu stess billi jieħu azzjoni fuq ir-rakkomandazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Eżami Perjodiku Universali (EPU) u għandu jippermetti li organizzazzjonijiet internazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem iwettqu l-missjonijiet tagħhom;

22.  Huwa tal-opinjoni li d-drittijiet tan-nisa għandhom, mingħajr eċċezzjoni, jibqgħu qasam ta’ attenzjoni speċjali fi kwalunkwe djalogu bejn l-UE u l-Iran; iqis li, minkejja l-progress li diġà sar, in-nisa fl-Iran għadhom ikunu vittmi ta’ diskriminazzjoni inaċċettabbli, partikolarment fi kwistjonijiet legali, kif ukoll fir-rigward tal-liġi tal-familja u dik li hija l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja ekonomika u politika;

o
o   o

23.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran.

(1) ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 163.
(2) ĠU C 153 E, 31.5.2013, p. 157.
(3) ĠU C 239 E, 20.8.2013, p. 43.
(4) ĠU C 332 E, 15.11.2013, p. 102.
(5) A/68/377
(6) Testi adottati, P7_TA(2012)0470.
(7) A/RES/68/184.
(8) A/RES/68/127.

Avviż legali - Politika tal-privatezza