Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2005(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0254/2014

Testi mressqa :

A7-0254/2014

Dibattiti :

PV 14/04/2014 - 23
CRE 14/04/2014 - 23

Votazzjonijiet :

PV 15/04/2014 - 8.38
CRE 15/04/2014 - 8.38
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2014)0378

Testi adottati
PDF 367kWORD 96k
It-Tlieta, 15 ta' April 2014 - Strasburgu
Negozjati dwar il-QFP 2014-2020: it-tagħlimiet li għandhom jittieħdu u t-triq 'il quddiem
P7_TA(2014)0378A7-0254/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' April 2014 dwar in-negozjati dwar il-QFP 2014-2020: it-tagħlimiet li għandhom jittieħdu u t-triq 'il quddiem (2014/2005(INI))

Il-Parlament Ewropew,

—  wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) għas-snin 2014-2020 (COM(2011)0398), emendata fis-6 ta’ Lulju 2012 (COM(2012)0388), u għall-Abbozz tal-Ftehim Interistituzzjonali (FII) bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni f’materji marbuta mal-baġit fir-rigward ta’ ġestjoni finanzjarja soda (COM(2011)0403),

—  wara li kkunsidra l-kunsens tiegħu tad-19 ta’ Novembru 2013 għar-Regolament QFP(1), skont l-Artikolu 312 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u l-approvazzjoni tiegħu, fl-istess jum, għall-konklużjoni tal-FII(2),

—  wara li kkunsidra l-QFP u l-FII, kif finalment adottati fit-2 ta’ Diċembru 2013 u ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali fl-20 ta’ Diċembru 2013,

—  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar 'Ninvestu fil-ġejjieni: Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) ġdid għal Ewropa kompetittiva, sostenibbli u inklużiva'(3),

—  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Ottubru 2012 għall-fini li jinkiseb eżitu pożittiv għall-proċedura ta’ approvazzjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020(4),

—  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Marzu 2013 dwar il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-7 u t-8 ta’ Frar 2013 dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali(5),

—  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta’ Lulju 2013 dwar il-ftehim politiku rigward il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020(6),

—  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Diċembru 2013 dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-istituzzjonijiet li jirrappreżentaw lill-gvernijiet nazzjonali(7),

—  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

—  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7-0254/2014),

A.  billi l-ftehim dwar il-QFP 2014-2020 kien ir-riżultat ta’ negozjati twal u diffiċli li damu għaddejjin għal sentejn u nofs; billi l-ftehim politiku finali seta’ jintlaħaq biss fl-ogħla livell politiku bejn it-tliet Presidenti (il-Parlament, il-Presidenza tal-Kunsill u l-Kummissjoni) skont l-Artikolu 324 tat-TFUE;

B.  billi l-livell ġenerali tal-QFP li jmiss (EUR 960 biljun f’impenji, EUR 908 biljun f’pagamenti bi prezzijiet tal-2011), kif deċiż mill-Kunsill Ewropew u eventwalment approvat mill-Parlament, jirrappreżenta tnaqqis ta’ 3,5 % f’impenji u 3,7 % f’pagamenti meta mqabbel mal-qafas finanzjarju 2007-2013, minkejja l-kompetenzi li qed jikbru tal-UE wara t-Trattat ta’ Lisbona u t-tkabbir tal-Unjoni għal 28 Stat Membru; billi dan il-livell ma jilħaqx l-għanijiet u l-impenji politiċi tal-UE, b’mod partikolari fir-rigward tal-istrateġija Ewropa 2020;

C.  billi l-baġit annwali tal-UE se jkompli jirrappreżenta madwar 1 % tal-ING tal-UE fis-snin li ġejjin, livell li diġà ntlaħaq fil-bidu tad-disgħinijiet, u sew taħt il-limitu massimu tar-riżorsi proprji ta’ 1,29 % tal-ING tal-UE għall-impenji u ta’ 1,23 % tal-ING tal-UE għall-pagamenti, kif deċiż inizjalment fl-1992 u kkonfermat mill-ġdid fl-2010;

D.  billi, iffaċċjat bin-nuqqas tal-possibbiltà li jinbidlu ċ-ċifri ġenerali tal-QFP deċiżi mill-Kunsill Ewropew, il-Parlament iffoka fuq it-titjib tal-implimentazzjoni tal-QFP billi nnegozja b’suċċess l-inklużjoni ta’ dispożizzjonijiet ġodda li se jgħinu biex jagħmlu l-qafas finanzjarju ġdid u l-baġit annwali ġdid tal-UE aktar operattivi, konsistenti, trasparenti u jwieġbu għall-ħtiġijiet taċ-ċittadini tal-UE u li jippermettu li l-limiti massimi tal-QFP jintużaw l-aktar possibbli; billi dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw, b’mod partikolari, l-arranġamenti l-ġodda marbuta mar-reviżjoni tal-QFP, il-flessibbiltà, l-unità u t-trasparenza tal-baġit tal-UE, flimkien ma' impenn ulterjuri dwar ir-riforma tal-finanzjament tal-baġit tal-UE (Dikjarazzjoni Konġunta dwar riżorsi proprji);

E.  billi, f’aderenza mal-prinċipju gwida li “xejn mhu maqbul sakemm kollox ikun maqbul”, il-Parlament ta l-kunsens tiegħu għar-Regolament QFP il-ġdid u approva l-Ftehim Interistituzzjonali ġdid fid-19 ta’ Novembru 2013, wara li l-Kunsill issodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-3 ta’ Lulju 2013, inkluża l-adozzjoni ta’ EUR 11.2 biljun addizzjonali f’pagamenti għall-2013;

F.  billi l-Kunsill naqas milli jagħmel kwalunkwe progress fir-riforma tant meħtieġa tas-sistema attwali għall-finanzjament tal-baġit tal-UE, minkejja l-proposti ambizzjużi mressqa mill-Kummissjoni mmirati mhux biss biex jingħeleb l-istaġnar ikkawżat min-nuqqas ta’ sistema reali għar-riżorsi proprji imma wkoll biex is-sistema tal-finanzjament tal-baġit tal-UE tkun iżjed sempliċi, iktar ġusta u trasparenti għaċ-ċittadini tal-UE;

G.  billi, wara l-ftehim dwar il-QFP 2014-2020, il-QFP għadu ma jaqbilx mal-mandati tal-Parlament u tal-Kummissjoni li l-mandati tagħhom jibdew fl-2014;

H.  billi ma ġewx sfruttati l-possibbiltajiet li saru disponibbli fit-Trattat ta' Lisbona biex jiġu modifikati l-proċeduri tat-teħid ta' deċiżjonijiet għall-QFP u d-deċiżjonijiet dwar ir-riżorsi proprji;

1.  Jiddispjaċih bil-qawwa għall-fatt li kemm il-proċedura li twassal għall-ftehim dwar il-QFP 2014-2020 kif ukoll id-dibattitu politiku madwar dawn in-negozjati wrew nuqqas ċar ta’ viżjoni kondiviża fir-rigward tal-baġit u l-prijoritajiet politiċi tal-UE, urew li jeżistu approċċi diverġenti ħafna fost l-istituzzjonijiet tal-UE, u naqsu milli jissodisfaw ir-rwol u l-prerogattivi msaħħa tal-Parlament skont it-Trattat ta’ Lisbona; jikkunsidra li huwa tal-akbar importanza, għalhekk, li dan ir-rapport jislet it-tagħlimiet politiċi u istituzzjonali meħtieġa, li jistgħu jservu ta’ bażi għat-tħejjija ta’ negozjati futuri, speċjalment fir-rigward tar-reviżjoni postelettorali tal-QFP, li għandha titnieda mill-Kummissjoni mhux aktar tard minn tmiem l-2016;

Kunsiderazzjonijiet politiċi

2.  Jirrikonoxxi li l-konsolidazzjoni fiskali li l-Istati Membri qed jiffaċċjaw attwalment waslet biex ftehim aktar ambizzjuż dwar il-QFP 2014-2020 ma jkunx fattibbli; madankollu, jiddispjaċih bil-qawwa, għall-fatt li r-rwol tal-baġit tal-UE bħala strument ta’ politika importanti u komuni sabiex tingħeleb il-kriżi ekonomika u soċjali attwali ma kienx rikonoxxut kif xieraq; jirrimarka li l-baġit tal-UE huwa primarjament baġit ta’ investiment li jipprovdi qafas uniku għall-koordinazzjoni u t-titjib tal-isforzi nazzjonali mwettqa bil-ħsieb li jerġa’ jiġi rkuprat it-tkabbir, tiġi stimulata l-kompetittività u jinħolqu l-impiegi fl-UE kollha;

3.  Jinsab mħasseb ħafna għall-fatt li dibattiti baġitarji fil-Kunsill kienu għal bosta snin ivvelenati bil-loġika ta’ ‘qligħ ġust’ minflok immexxija bil-loġika tal-valur miżjud Ewropew; iqis li, waqt li dan id-dibattitu diġà kien jeżisti qabel l-introduzzjoni ta’ ING ibbażat fuq ir-riżorsi, is-sitwazzjoni intensifikat serjament minħabba s-sistema attwali tal-finanzjament tal-UE, fejn xi 74 % tad-dħul jiġu minn kontribuzzjonjiet nazzjonali bbażati fuq l-ING flok fuq ir-riżorsi proprji reali, kif previst fit-Trattat ta’ Ruma u t-Trattati tal-UE kollha li ġew wara; iqis li din is-sistema tpoġġi enfasi sproporzjonata fuq il-bilanċi netti bejn l-Istati Membri u wasslet għall-introduzzjoni progressiva ta’ tnaqqis kumpless u mhux trasparenti u ta’ mekkaniżmi ta’ korrezzjoni oħra għall-finanzjament tal-baġit tal-UE;

4.  Jemmen li din il-loġika rebħet ukoll fil-mod kif ġie konkluż il-ftehim QFP mill-Kunsill Ewropew fit-8 ta’ Frar 2013; jikkunsidra li huwa ta’ dispjaċir li dan kien rifless fil-fatt li l-allokazzjonijiet nazzjonali, speċjalment mill-ikbar żewġ blokki tan-nefqa fil-baġit tal-UE, il-politiki tal-agrikoltura u tal-koeżjoni, ġew stabbiliti f’dak il-mument; jikkritika, b’mod partikolari, iż-żieda fl-għadd ta’ allokazzjonijiet speċjali u ta’ ‘rigali’ mogħtija matul in-negozjati bejn il-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern, li mhumiex ibbażati fuq kriterji oġġettivi u verifikabbli, iżda minflok jirriflettu s-saħħa ta’ negozjar tal-Istati Membri, li jippruvaw jiżguraw l-interessi nazzjonali tagħhom u jimmassimizzaw il-qligħ nett tagħhom; jikkundanna n-nuqqas ta’ trasparenza biex intlaħaq dan il-ftehim u n-nuqqas ta’ rieda min-naħa tal-Kunsill u tal-Kummissjoni biex jipprovdu d-dokumenti rilevanti kollha lill-Parlament; jenfasizza li l-valur miżjud Ewropew għandu jerbaħ fuq l-interessi nazzjonali;

5.  Jopponi bil-qawwa din il-viżjoni purament ta’ kontabbiltà tal-baġit tal-UE, li tinjora l-valur miżjud Ewropew, tikkontradixxi l-prinċipju ta’ solidarjetà tal-UE u tissottovaluta r-rwol attwali u potenzjali tal-baġit tal-UE fit-tisħiħ tal-governanza ekonomika; jenfasizza, li fil-maġġoranza, il-baġit tal-UE huwa baġit ta’ investiment b’effett ta’ lieva qawwi li jagħmel għadd ta’ proġetti possibbli li inkella jkunu diffiċli jew impossibbli li jiġu implimentati kif ukoll katalist għat-tkabbir, il-kompetittività u l-impjiegi mal-Unjoni kollha u aġent b’saħħtu għar-riforma; għaldaqstant, jikkundanna bil-qawwa l-fatt li xi Stati Membri jidher li jqisu l-kontribuzzjonijiet nazzjonali għall-baġit tal-UE purament bħala spiża li trid tiġi minimizzata;

6.  Jiddispjaċih li l-Kunsill Ewropew ħa approċċ "minn fuq għal isfel" biex jiddeċiedi d-daqs globali tal-QFP 2014-2020, li jindika diskrepanza inkwetanti bejn l-impenji politiċi tal-UE li l-Kunsill Ewropew qed iwettaq u n-nuqqas ta' rieda tiegħu li jiffinanzjahom b’mod adegwat; jemmen, għall-kuntrarju, li din id-deċiżjoni għandha tkun ibbażata fuq proċess "minn isfel għal fuq", wara valutazzjoni bir-reqqa tal-ħtiġijiet finanzjarji tal-UE u l-għanijiet politiċi kif stabbiliti fil-programmi u l-politiki pluriennali tal-UE definiti mill-awtorità leġiżlattiva;

7.  Għalhekk, jinsab konvint li kull deċiżjoni dwar il-qafas finanzjarju għandha tkun preċeduta minn - u bbażata fuq - dibattitu politiku ġenwin dwar ir-rwol, il-funzjoni u l-valur miżjud tal-baġit tal-UE u dwar il-kompatibbiltà tiegħu mal-istrateġija politika adottata mill-Unjoni u mal-prijoritajiet u l-għanijiet operattivi assenjati lill-Unjoni; iqis li, sabiex jitnaqqas id-distakk bejn il-viżjonijiet diverġenti dwar x’jirrappreżenta l-baġit tal-UE u x’kapaċi jagħmel, dan id-dibattitu għandu jiġi organizzat f’waqtu u jinvolvi t-tliet istituzzjonijiet tal-UE u l-parlamenti nazzjonali kollha, iżda jinvolvi wkoll l-ogħla livell politiku fl-Istati Membri;

8.  Barra minn hekk, jinsab konvint li progress tanġibbli jista’ jintlaħaq biss wara riforma fil-fond tal-finanzjament tal-baġit tal-UE li għandu jirrispetta l-kelma u l-ispirtu tat-Trattat u jerġa’ lura għal sistema ta’ riżorsi proprji ġenwini, ċari, sempliċi u ġusti; jenfasizza li l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda jew ta’ diversi riżorsi proprji ġodda se tnaqqas għal minimu s-sehem tal-kontribuzzjonijiet ibbażati fuq l-ING għall-baġit tal-UE u, għaldaqstant, jonqos il-piż fuq it-teżori nazzjonali; itenni l-impenn qawwi tal-Parlament għal kwalunkwe proċess li jwassal għar-riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji, li attwalment hija kkaratterizzata mill-kumplessità, l-opaċità u l-ineffiċjenza tagħha; jiddispjaċih li l-ftehim finali tal-Kunsill dwar is-sistema tar-riżorsi proprji huwa iżjed kumpless minn dak ta' qablu, ladarba introduċa rifużjonijiet u eċċezzjonijiet ġodda.

Kunsiderazzjonijiet istituzzjonali

9.  Ifakkar li l-Parlament kien l-ewwel istituzzjoni tal-UE li ppreżenta l-viżjoni tiegħu dwar il-QFP 2014-2020 u l-ħtieġa li jiġi rriformat il-finanzjament tal-baġit tal-UE, permezz tar-rapport tal-Kumitat speċjalizzat tiegħu SURE, f’Ġunju 2011; jemmen li din il-preparazzjoni bikrija għenet lill-Parlament jistabbilixxi konsensus kbir dwar prijoritajiet politiċi u jibqa' magħqud matul il-proċess ta' negozjar ta' wara; iqis ukoll li dan ir-rapport ipprovda gwida għall-Kummissjoni fl-abbozzar tal-proposti tagħha stess dwar il-QFP u r-riżorsi proprji u japprezza d-djalogu politiku regolari li ġie stabbilit bejn iż-żewġ istituzzjonijiet fl-istadji kollha tal-preparazzjoni ta’ dan ir-rapport; iqis li din il-prattika għandha tiġi żviluppata ulterjorment fi djalogu aktar strutturat bejn iż-żewġ istituzzjonijiet qabel il-preparazzjoni ta' kwalunkwe proposta tal-QFP;

10.  Ifakkar li, skont l-Artikolu 312 tat-TFUE, il-Kunsill unanimament jadotta r-Regolament QFP wara l-approvazzjoni tal-Parlament, filwaqt li t-tliet istituzzjonijiet tal-UE “għandhom jieħdu kull miżura meħtieġa sabiex tiġi ffaċilitata l-adozzjoni tiegħu”; jinnota, għalhekk, li t-Trattat ma jistabbilixxix xi proċedura konkreta għall-involviment tal-Parlament fin-negozjati tal-QFP u li dawn il-modalitajiet kienu sussegwentement iddeterminati fil-prattika permezz ta’ għadd ta’ arranġamenti ad hoc miftiehma fil-livell politiku fuq l-inizjattiva tal-Parlament;

11.  Iqis li huwa ta’ dispjaċir li, qabel il-ftehim tal-Kunsill Ewropew dwar il-QFP tat-8 ta’ Frar 2013, ma saru l-ebda negozjati sinifikanti bejn il-Parlament u l-Kunsill; iqis li l-bosta laqgħat li saru bejn it-tim tan-negozjati tiegħu u l-presidenzi suċċessivi tal-Kunsill fuq il-marġini tal-laqgħat rilevanti tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali, u l-parteċipazzjoni tiegħu fil-laqgħat informali tal-Kunsill dwar il-QFP, iffaċilitaw biss il-kondiviżjoni ta’ ftit informazzjoni bejn il-Kunsill u l-Parlament; għaldaqstant, iħoss il-ħtieġa li l-Parlament jibni ulterjorment fuq l-esperjenza miksuba u juża l-mezzi kollha disponibbli biex isaħħaħ l-influwenza tiegħu fuq l-ispirtu, il-kalendarju u l-kontenut tan-negozjati mal-Kunsill, billi jagħmel mezz li l-Kunsill jirrikonoxxi aktar l-argumenti u l-pożizzjonjiet tal-Parlament;

12.  Jiddeplora l-fatt li, minkejja l-oġġezzjonijiet qawwija tal-Parlament, il-‘kaxxi tan-negozjar’ suċċessivi kollha ppreżentati mill-presidenzi differenti tal-Kunsill u, finalment, il-ftehim tal-Kunsill Ewropew dwar il-QFP tat-8 ta’ Frar 2013 kien fihom għadd sinifikanti ta’ elementi leġiżlattivi li suppost kienu ġew deċiżi skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja; jenfasizza li l-unanimità meħtieġa legalment fil-Kunsill dwar ir-Regolament QFP setgħet tintlaħaq biss billi jiġu antiċipati ċerti bidliet politiċi ewlenin fil-politiki settorjali tal-UE, biex b’hekk ġew imfixkla, f’kontradizzjoni ċara mat-Trattat, il-prerogattivi tal-Parlament taħt il-kodeċiżjoni u b'mod partikolari d-dritt tiegħu li jemenda fuq l-istess livell tal-Kunsill;

13.  Jinnota li negozjati ġenwini dwar ir-Regolament QFP u l-FII tnedew biss f’Mejju 2013, fejn in-negozjaturi tal-Kunsill ma kellhomx mandat formali għan-negozjati imma minflok ikkunsidraw il-ftehim QFP mill-Kunsill Ewropew bħala l-uniku punt ta’ referenza, bl-ebda marġini għal kwalunkwe diskussjoni; jenfasizza li din l-attitudni mhux biss wasslet għal telf ta’ żmien bla bżonn iżda wkoll għall-attentat inaċċettabbli mill-Kunsill li jiġu esklużi ċerti suġġetti min-negozjati, li ġiegħlet lill-Parlament jitħabat, anke fl-ogħla livell politiku, sabiex jidħol f’negozjati fuq kull Artikolu tar-Regolament QFP/FII;

14.  Ifakkar li, skont it-Trattat, il-Kunsill Ewropew ma għandux funzjonijiet leġiżlattivi; jinsisti, għalhekk, li l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew għandhom jiġu meqjusa bħala struzzjonijiet ta’ negozjar għall-Kunsill u li fl-ebda każ ma jikkostitwixxu linji ħomor li ma jistgħux jiġu nnegozjati mal-Parlament; jitlob għal formula standard li tfakkar fid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(1) tat-TFUE li għandhom jiġu inklużi fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew;

15.  Jiddispjaċih bil-qawwi għall-fatt li l-istess problema ħalliet marka fuq in-negozjati dwar il-programmi pluriennali tal-UE, l-aktar fil-politika tal-agrikoltura u l-koeżjoni; jinnota li diversi drabi l-Kunsill irrifjuta anke li jirreferi għall-‘aspetti relatati mal-QFP’ ta’ dawk il-bażijiet legali; jenfasizza l-isforz konsiderevoli u l-ħin li kien meħtieġ mill-Parlament biex jiġi żgurat li l-punti kollha tal-bażijiet legali deċiżi b’kodeċiżjoni bejn il-Kunsill u l-Parlament jibqgħu fuq il-mejda tan-negozjati; jinnota b’sodisfazzjon li n-negozjaturi tal-Parlament eventwalment irnexxielhom jikkontestaw xi partijiet mill-ftehim tal-Kunsill Ewropew;

16.  Jinnota li ċ-ċifri tal-QFP (il-livell globali u d-distribuzzjoni għal kull intestatura), kif deċiż mill-Kunsill Ewropew, fl-aħħar ma kinux ikkontestati mill-Parlament, li rrikonoxxa l-kuntest ekonomiku u finanzjarju partikolarment diffiċli fil-mument ta’ din id-deċiżjoni; jenfasizza, madankollu, li dan m’għandu bl-ebda mod jiġi perċepit bħala preċedent u jtenni l-pożizzjoni tiegħu li ċ-ċifri tal-QFP, u kull parti oħra tal-ftehim politiku rilevanti tal-Kunsill Ewropew, huma suġġetti għal negozjati mal-Parlament;

17.  Jenfasizza l-ħtieġa li b’mod sinifikanti jitjiebu l-modalitajiet ta’ kwalunkwe negozjati tal-QFP futuri, sabiex jiġu evitati mblokki u jiġi ffrankat il-ħin prezzjuż u r-riżorsi matul in-negozjati; iqis li dawn il-modalitajiet għandhom jiġu formalizzati fi ftehim fl-ogħla livell politiku, li għandu jikkunsidra n-nuqqasijiet tan-negozjati riċenti u jissalvagwardja bis-sħiħ ir-rwol u l-prerogattivi tal-Parlament, kif stipulat fit-Trattat tal-UE; iqis li din il-proċedura għandha eventwalment titniżżel fl-FII nnifsu, kif huwa l-każ għall-proċedura baġitarja;

18.  Jindika l-ammont tremend ta’ skambju ta’ informazzjoni u koordinazzjoni meħtieġa fil-Parlament biex tiġi żgurata l-konsistenza fin-negozjati paralleli tal-QFP u l-bażijiet leġiżlattivi ta’ iżjed minn 60 programm pluriennali; jenfasizza li huwa ta' importanza kbira li ssir distinzjoni bejn il-kwistjonijiet li għandhom jiġu adottati b'kodeċiżjoni u jinżammu fil-mandat tal-kumitati rispettivi safejn ikun possibbli; jissuġġerixxi li fin-negozjati tal-QFP li jmiss, il-Parlament Ewropew għandu jittratta l-proposti leġiżlattivi b'mod parallel u finalment jadottahom bħala pakett u japplika l-prinċipju li “xejn mhu maqbul sakemm kollox ikun maqbul” safejn ikun possibbli;

19.  Huwa konvint li r-regola tal-unanimità fil-Kunsill tfisser li l-ftehim jirrappreżenta l-iżgħar denominatur komuni, abbażi tal-ħtieġa li jiġi evitat il-veto ta’ Stat Membru wieħed; jenfasizza li bidla lejn votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata għar-Regolament QFP tkun konformi mhux biss mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, użata għall-adozzjoni ta’ kważi l-programmi pluriennali kollha tal-UE, iżda wkoll mal-proċedura annwali ta’ adozzjoni tal-baġit tal-UE;

20.  Jinnota li l-kawsola passerelle ġenerali (Artikolu 48(7) TUE) tista' tintuża mill-Kunsill Ewropew biex tagħmel bidla lejn votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata u l-proċedura leġiżlattiva ordinarja għar-riżorsi proprji u d-deċiżjonijiet tal-QFP; ifakkar, barra minn hekk, li l-Artikolu 312(2) TFUE xorta jippermetti l-adozzjoni tal-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata għall-QFP; iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew juża dawn iż-żewġ passerelles għall-finijiet intiżi sabiex it-teħid tad-deċiżjonijiet fil-Kunsill jiġu simplifikati u jiġi limitat sa fejn il-politika ta' 'juste retour' nazzjonali tirbaħ fuq l-artikulazzjoni tal-interess komuni tal-Unjoni bħala ħaġa waħda;

QFP 2014-2020: it-triq ’il quddiem

21.  Jiddikjara l-intenzjoni tiegħu li jiżgura li d-dispożizzjonijiet ġodda kollha li ġew inkorporati b’suċċess fir-Regolament QFP u l-FII huma utilizzati b’mod sħiħ fil-proċedura baġitarja annwali; jistenna li l-Kunsill ma jippruvax jimponi interpretazzjonijiet ristretti ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, speċjalment fuq in-natura u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-istrumenti speċjali kollha, iżda li minflok jaġixxi b’mod responsabbli u japprova l-approprjazzjonijiet neċessarji biex jissodisfa kemm l-impenji ta’ qabel tiegħu kif ukoll in-nefqa mhux prevista anke jekk, minħabba dan, ikun meħtieġ li jinqabżu l-limiti massimi tal-QFP annwali; ifakkar, f'dan il-kuntest, li l-limiti massimi tal-QFP 2014-2020 ġew stabbiliti ħafna inqas mil-limiti massimi tar-riżorsi proprji;

22.  Jagħmel enfasi partikolari fuq ir-regoli ġodda dwar il-flessibbiltà li għandhom jippermettu l-użu massimu tal-limiti massimi rispettivi tal-QFP għall-impenji u l-pagamenti; jenfasizza li l-prattika ta’ oqfsa finanzjarji preċedenti li biha l-baġit annwali tal-UE kien jibqa’ ferm taħt il-limiti massimi tal-QFP, partikolarment fl-approprjazzjonijiet ta’ pagamenti, ma tistax tiġi sostnuta aktar;

23.  Jenfasizza, f'dan il-kuntest, li r-RALs akkumulati laħqu livell kritiku li eventwalment jista' jwassal lill-baġit tal-UE f'defiċit strutturali u kontra d-dispożizzjonijiet tat-Trattat (Artikoli 310 u 323 tat-TFUE); jinsab imħasseb sew li l-ammont ta' kontijiet mhux imħallsa fi tmiem is-sena ilu jikber gradwalment mill-2011 (EUR 23,4 biljun fi tmiem l-2013 mill-politika ta' koeżjoni biss), li se tqiegħed pressjoni sinifikanti fuq il-limiti massimi tal-pagamenti tal-QFP 2014-2020; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu stabbiliti limiti massimi tal-pagamenti annwali tal-QFP b'mod preċiż billi jitqiesu, fost l-oħrajn, id-dinamiċi tal-politika ta' koeżjoni, inkluż iż-żmien ta' programmazzjoni, implimentazzjoni, għeluq finali tal-programmi u diżimpenji;

24.  Jenfasizza li l-għan tal-marġini globali għall-impenji huwa li jappoġġja l-investimenti għat-tkabbir u l-impjiegi fl-Ewropa, u b’mod partikolari l-impjieg taż-żgħażagħ; ifakkar li dan l-istrument kien inizjattiva tal-Parlament Ewropew;

25.  Ifakkar li l-Kummissjoni li jmiss, li se tidħol fil-kariga wara l-elezzjonijiet Ewropej 2014, għandha tniedi evalwazzjoni u reviżjoni obbligatorja tal-QFP 2014-2020 sa tmiem l-2016; jenfasizza l-fatt li din il-klawsola postelettorali ta’ rieżami/reviżjoni tal-QFP kienet waħda mit-talbiet fundamentali tal-Parlament fin-negozjati tal-QFP, ibbażata fuq il-ħtieġa li l-Kummissjoni u l-Parlament li jmiss ikunu jistgħu jerġgħu jivvalutaw il-prijoritajiet politiċi tal-UE, b’hekk il-QFP jingħata leġittimità demokratika mġedda; jenfasizza li, wara l-kriżi ekonomika, il-livelli ta' investiment fl-Ewropa naqsu b'mod sinifikanti bejn l-2008 u l-2012 u jfakkar li skont xi estimi(8), sal-2020 se jiswa lill-kontinent EUR 540 biljun f’redditi mitlufa;

26.  Jenfasizza l-ħtieġa, fid-dawl tar-rieżami/reviżjoni postelettorali tal-QFP, li l-Parlament li jmiss jirrifletti f’waqtu fuq il-prijoritajiet politiċi, jiġifieri, biex jidentifika oqsma li għalihom aktar investimenti se jkunu meħtieġa fit-tieni nofs tal-QFP 2014-2020; jistieden, għal dan il-għan, lill-Kummissjoni u lill-Parlament li jmiss biex jevalwaw b’attenzjoni l-kisbiet tal-miri tal-istrateġija Ewropa 2020, partikolarment f’termini ta’ impjiegi u tal-ġlieda kontra l-kriżi ekonomika, kif ukoll il-prestazzjoni ta’ programmi ewlenin tal-UE, bħall-Orizzont 2020, sabiex isir iffukar fuq oqsma ta’ valur miżjud pruvat tan-nefqa tal-UE u li għalihom se jkunu meħtieġa riżorsi finanzjarji addizzjonali;

27.  Jitlob li r-rieżami ta' nofs it-terminu tal-QFP jiġi ppreparat għal tnaqqis eventwali fil-perjodu għal liema jiġi miftiehem il-QFP li jmiss, sabiex ikun żgurat in-negozjar mill-ġdid waqt il-mandat ta' kull Parlament u Kummissjoni, biex b'hekk tiġi żgurata l-leġittimità demokratika sħiħa għal deċiżjonijiet regolari dwar il-perspettivi finanzjarji tal-Unjoni, filwaqt li jittieħdu passi biex tiġi sodisfatta l-ħtieġa għal stabbiltà ta' ċikli ta' programmazzjoni u għall-prevedibbiltà tal-investiment; jemmen bil-qawwa li ċiklu ta’ ħames snin għall-QFP isaħħaħ il-leġittimità demokratika, itejjeb il-prijoritizzazzjoni tal-mezzi baġitarji u jista’ jitqies bħala prekundizzjoni għal iżjed dibattitu politiku;

28.  Jenfasizza li l-proposti tal-Kummissjoni għar-reviżjoni tal-QFP għandhom jikkunsidraw bis-sħiħ l-aħħar projezzjonijiet makroekonomiċi u jinkludu valutazzjoni bir-reqqa tal-operat tal-istrumenti speċjali kollha, b’mod partikolari l-marġini globali fl-impenji u l-pagamenti; ifakkar li dan il-proċess mhux se jkollu impatt ’l isfel fuq xi pakketti nazzjonali allokati minn qabel, inkluż is-sehem tal-FSE ta' dawn il-pakketti nazzjonali; f’dan il-kuntest, jistenna li l-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament u lill-Kunsill b’data identika u konsistenti dwar ċifri u stimi sabiex jiġi evitat kwalunkwe nuqqas ta’ ftehim fin-negozjati fir-rigward tal-bażi għad-diskussjoni;

29.  Jenfasizza l-ħtieġa li tkun stimolata diskussjoni wiesgħa u miftuħa dwar ir-riżultati miksuba bil-programmi ta’ finanzjament tal-UE, u b’mod partikolari valutazzjoni safejn dawn il-programmi jikkontribwixxu għall-kisba tal-għanijiet tal-Ewropa 2020;

30.  Jenfasizza li l-istrumenti finanzjarji innovattivi bħall-bonds tal-proġetti Ewropej, jista’ jkollhom rwol importanti ħafna fl-istimolu tal-investimenti ferm meħtieġa jekk jiġu mfassla tajjeb; iħeġġeġ lill-Kummissjoni f’dan ir-rigward tagħmel l-aħjar użu mill-evalwazzjoni li jmiss tagħhom anke fil-kuntest tar-rieżami/reviżjoni tal-QFP 2014-2020;

31.  Jilqa’ d-Dikjarazzjoni Konġunta tat-tliet istituzzjonijiet miftiehma fil-kuntest tan-negozjati QFP li skontha l-proċeduri baġitarji annwali ser jintegraw, kif xieraq, elementi sensittivi għall-kwistjoni tal-ġeneru, b’kont meħud tal-modi li l-qafas finanzjarju ġenerali tal-Unjoni jikkontribwixxi għal iktar ugwaljanza bejn is-sessi (u jiżgura l-integrazzjoni tas-sessi); jenfasizza li dawn il-prinċipji għandhom ikunu integrati fil-proposti tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-QFP;

32.  Itenni l-intenzjoni tiegħu li jagħmel ir-reviżjoni obbligatorja tal-QFP bħala rekwiżit ewlieni fl-investitura tal-Kummissjoni li jmiss; jistieden, għalhekk, lill-Parlament Ewropew li jmiss biex l-elezzjoni tal-kandidat propost għall-President tal-Kummissjoni tiddependi fuq impenn qawwi u mhux ambigwu biex tiġi implimentata l-klawsola postelettorali ta’ rieżami/reviżjoni u l-involviment fi djalogu politiku ġenwin u profond dwar il-kontenut tagħha;

33.  Jinnota li l-Artikoli 70 u 70a l-ġodda (negozjati interistituzzjonali fi proċeduri leġiżlattivi) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament se japplikaw għaċ-ċiklu ta' negozjati li jmiss; jirrakkomanda li, fil-bidu tal-mandat li jmiss tal-Parlament, il-kumitat responsabbli mir-Regoli ta' Proċedura jintalab jipprova jirrazzjonalizza dawk ir-regoli mal-Artikolu 75 (QFP), l-Artikolu 75c (trilogu finanzjarju) u l-Artikolu 81(3) (proċedura ta' approvazzjoni) bil-ħsieb li jitfassal Artikolu koerenti uniku speċifiku għall-proċeduri leġiżlattivi speċjali stabbiliti fl-Artikoli 311 u 312 TFUE rigward id-determinazzjoni tal-mandat, it-twettiq tat-trilogi (inkluż ir-rwol tal-President), u l-iskrutinju mill-plenarja;

34.  Jikkunsidra li, meta ssir ir-reviżjoni li jmiss tat-Trattati, il-Konvenzjoni għandha tagħmel proposti għal sistema ta' kodeċiżjoni ġenwina bejn il-Kunsill u l-Parlament dwar l-adozzjoni tal-QFP u d-deċiżjonijiet tar-riżorsi proprji;

35.  Jemmen bis-sħiħ li l-Grupp ta’ Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji jirrappreżenta opportunità unika biex jingħeleb l-imblokk li rriżulta minħabba r-riforma tas-sistema attwali tar-riżorsi proprji; jistenna li dan jikkontribwixxi b’mod sinifikanti biex ikun hemm għarfien tan-nuqqasijiet tas-sistema attwali u l-benefiċċji li jistgħu joħorġu minn riforma komprensiva u bir-reqqa u l-introduzzjoni tar-riżorsi proprji ġodda u ġenwini li jistgħu jnaqqsu b’mod sinifikanti s-sehem tal-kontribuzzjonijiet tal-ING għall-baġit tal-UE;

36.  Ifakkar li l-Grupp ta’ Livell Għoli għandu mandat li jeżamina l-aspetti kollha tar-riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji; huwa impenjat bis-sħiħ li jaħdem b’mod intensiv, permezz tat-tliet rappreżentanti tiegħu, fl-istadji kollha ta’ dan il-proċess u li jwasslu għall-konklużjoni tiegħu b’suċċess; jistrieħ fuq ir-‘responsabbiltà’ u l-impenn ugwali tal-Kunsill lejn dan il-proċess; jenfasizza l-ħtieġa li jitqajjem l-għarfien anke fost il-parlamenti nazzjonali dwar il-kwistjonijiet involuti; jenfasizza li s-sejbiet u l-konklużjonijiet ta’ dan il-Grupp ta’ Livell Għoli għandhom ikunu lesti fil-ħin biex ikunu kkunsidrati matul ir-rieżami/reviżjoni tal-QFP 2016, sabiex titwitta t-triq għal riformi possibbli biex isiru operattivi sal-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss;

37.  Jesprimi l-konvinzjoni soda tiegħu li kwalunkwe kapaċità fiskali ġdida jew baġit żviluppati speċifikament għall-Istati Membri taż-żona tal-euro li l-funzjonijiet fiskali tagħhom mhumiex koperti mill-QFP għandhom jiġu żviluppati fil-qafas tal-Unjoni u għandhom ikunu suġġetti għal skrutinju demokratiku xieraq u kontabilità permezz tal-istituzzjonijiet eżistenti;

o
o   o

38.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

(1) Testi adottati, P7_TA(2013)0455.
(2) Testi adottati, P7_TA(2013)0456.
(3) ĠU C 380 E, 11.12.2012, p. 89.
(4) ĠU C 68 E, 7.3.2014, p. 1.
(5) Testi adottati, P7_TA(2013)0078.
(6) Testi adottati, P7_TA(2013)0304.
(7) Testi adottati, P7_TA(2013)0599.
(8) Preżentazzjoni mill-President tal-Bord ta’ Gvernaturi tal-BEI matul il-Ġimgħa Interparlamentari Ewropea 2014, tal-21 ta’ Jannar 2014.

Avviż legali - Politika tal-privatezza