Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2899(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0212/2019

Testi mressqa :

B8-0212/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 26/03/2019 - 7.19
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0239

Testi adottati
PDF 148kWORD 56k
It-Tlieta, 26 ta' Marzu 2019 - Strasburgu
Id-Drittijiet Fundamentali tal-Persuni ta' Dixxendenza Afrikana
P8_TA(2019)0239B8-0212/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Marzu 2019 dwar id-drittijiet fundamentali tal-persuni ta' dixxendenza Afrikana fl-Ewropa (2018/2899(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u b'mod partikolari t-tieni, ir-raba', il-ħames, is-sitt u s-seba' inċiżi tal-preambolu, l-Artikolu 2, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) u l-Artikolu 6 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 10 u 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol(2),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI tat-28 ta' Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali(3),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI(4),

–  wara li kkunsidra t-Tieni Stħarriġ tal-Unjoni Ewropea dwar il-Minoranzi u d-Diskriminazzjoni (EU-MIDIS II), ippubblikat f'Diċembru 2017 mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) u r-rapport tal-FRA dwar l-esperjenzi ta' diskriminazzjoni razzjali u vjolenza razzista fost il-persuni ta' dixxendenza Afrikana fl-UE(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Marzu 2018 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea fl-2016(6),

–  wara li kkunsidra l-istabbiliment f'Ġunju 2016 tal-Grupp ta' Livell Għoli tal-UE biex jiġu miġġielda r-razziżmu, il-ksenofobija u forom oħra ta' intolleranza,

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta għall-ġlieda kontra d-diskors ta' mibegħda online illegali li ġie miftiehem fil-31 ta' Mejju 2016 bejn il-Kummissjoni u kumpaniji ewlenin tal-IT, kif ukoll ma' pjattaformi u kumpaniji ta' midja soċjali oħra,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni Ġenerali Nru 34 tal-Kumitat tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali tat-3 ta' Ottubru 2011 dwar id-diskriminazzjoni razzjali kontra persuni ta' dixxendenza Afrikana,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 68/237 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, tat-23 ta' Diċembru 2013, li ddikjarat is-snin 2015-2024 bħala d-Deċennju Internazzjonali għall-Persuni ta' Dixxendenza Afrikana,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 69/16 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, tat-18 ta' Novembru 2014, li tinkludi l-programm ta' attivitajiet għall-implimentazzjoni tad-Deċennju Internazzjonali għall-Persuni ta' Dixxendenza Afrikana,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Programm ta' Azzjoni ta' Durban mill-Konferenza Dinjija dwar ir-Razziżmu fl-2001, li rrikonoxxew is-sekli ta' razziżmu, diskriminazzjoni u inġustizzja li ħabbtu wiċċhom magħhom il-persuni ta' dixxendenza Afrikana,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-politika ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza (ECRI),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa tad-19 ta' Settembru 2001 dwar il-Kodiċi Ewropew tal-Etika tal-Pulizija(7),

–  wara li kkunsidra l-kumment dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kummissarju Għoli tal-Kunsill tal-Ewropa għad-Drittijiet tal-Bniedem, tal-25 ta' Lulju 2017, bit-titlu "Afrophobia: Europe should confront this legacy of colonialism and the slave trade" (L-Afrofobija: l-Ewropa jeħtieġ li tikkonfronta dan il-legat tal-kolonjaliżmu u l-kummerċ tal-iskjavi),

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 12 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali dwar in-nondiskriminazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija tal-Kummissjoni dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-persuni ta' dixxendenza Afrikana fl-Ewropa (O-000022/2019 – B8‑0016/2019),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi t-terminu "persuni ta' dixxendenza Afrikana" jista' jintuża wkoll ma' "Afro-Ewropew", "Afrikan Ewropew", jew "Ewropew Iswed", "Afro-Karibew" jew "Karibew Iswed", u jirreferi għal persuni li jkollhom antenati jew dixxendenza Afrikana li twieldu fl-Ewropa, huma ċittadini tal-Ewropa, jew qed jgħixu fl-Ewropa;

B.  billi t-termini "Afrofobija", "Afrifobija" u "razziżmu kontra s-suwed" jirreferu għal forma speċifika ta' razziżmu, li tinkludi kwalunkwe att ta' vjolenza jew diskriminazzjoni, imkebbes minn abbużi storiċi u stereotipizzazzjoni negattiva, u jwassal għall-esklużjoni u d-diżumanizzazzjoni ta' persuni ta' dixxendenza Afrikana. billi dan jikkorelata mal-istrutturi storikament ripressivi tal-kolonjaliżmu u l-kummerċ transatlantiku tal-iskjavi, kif rikonoxxut mill-Kummissarju tal-Kunsill tal-Ewropa għad-Drittijiet tal-Bniedem;

C.  billi hawn madwar 15-il miljun persuna ta' dixxendenza Afrikana jgħixu fl-Ewropa(8), għalkemm il-ġbir tad-data dwar l-ugwaljanza fl-Istati Membri tal-UE mhuwiex sistematiku, mhuwiex ibbażat fuq l-awtoidentifikazzjoni u sikwit ma jinkludix id-dixxendenti tal-migranti jew il-"migranti tat-tielet ġenerazzjoni" u lil hinn;

D.  billi l-FRA ddokumentat il-fatt li l-minoranzi fl-Ewropa bi sfondi Afrikani sub-Saħarjani huma partikolarment suxxettibbli li jesperjenzaw razziżmu u diskriminazzjoni fl-oqsma kollha tal-ħajja(9);

E.  billi skont it-Tieni Stħarriġ tal-Unjoni Ewropea dwar il-Minoranzi u d-Diskriminazzjoni li sar riċentement mill-FRA(10), parteċipanti żgħażagħ ta' dixxendenza Afrikana, li għandhom bejn 16 u 24 sena, esperjenzaw rati ogħla minn dawk ta' parteċipanti aktar anzjani ta' fastidju instigat mill-mibegħda matul it-12-il xahar ta' qabel l-istħarriġ (32 %), u li r-rata ta' fastidju ċibernetiku indirizzat lejn parteċipanti żgħażagħ hija ogħla, u tonqos mal-età;

F.  billi l-ġrajjiet tal-inġustizzji kontra l-Afrikani u l-persuni ta' dixxendenza Afrikana - inkluż l-iskjavitù, ix-xogħol furzat, l-apartheid razzjali, il-massakri u l-ġenoċidji fil-kuntest tal-kolonjaliżmu Ewropew u l-kummerċ transatlantiku tal-iskjavi - fil-parti l-kbira għadhom ma ġewx rikonoxxuti u meqjusa fuq livell istituzzjonali fl-Istati Membri ;

G.  billi l-persistenza ta' stereotipi diskriminatorji f'xi tradizzjonijiet madwar l-Ewropa, inkluż l-użu ta' blackfacing, tkompli tħeġġeġ l-istereotipi b'għeruq profondi dwar il-persuni ta' dixxendenza Afrikana, u dan jista' jżid id-diskriminazzjoni;

H.  billi l-ħidma importanti tal-korpi nazzjonali tal-ugwaljanza u tan-Netwerk Ewropew ta' Korpi tal-Ugwaljanza jeħtieġ li tintlaqa' tajjeb u tiġi appoġġjata;

I.  billi r-Rapport Annwali dwar ir-Reati ta' Mibegħda(11) tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) sab li l-persuni ta' dixxendenza Afrikana spiss ikunu fil-mira ta' vjolenza razzista, iżda f'ħafna pajjiżi hemm nuqqas ta' assistenza legali u appoġġ finanzjarju għall-vittmi li jkunu qed jirkupraw minn attakki vjolenti;

J.  billi r-responsabbiltà ewlenija għall-istat tad-dritt u għad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini hi tal-gvernijiet, u billi r-responsabbiltà ewlenija għall-monitoraġġ u l-prevenzjoni tal-vjolenza, inkluża l-vjolenza Afrofobika, u l-prosekuzzjoni tal-awturi, hija għaldaqstant tal-gvernijiet;

K.  billi teżisti biss data limitata disponibbli dwar id-diskriminazzjoni razzjali fis-sistema edukattiva; billi, madankollu, l-evidenza tissuġġerixxi li tfal ta' dixxendenza Afrikana fl-Istati Membri tal-UE jingħataw marki aktar baxxi mill-pari bojod tagħhom fl-iskejjel, u t-tluq bikri mill-iskola huwa sostanzjalment ogħla fost it-tfal ta' dixxendenza Afrikana(12);

L.  billi l-adulti u t-tfal ta' dixxendenza Afrikana huma kulma jmur dejjem aktar vulnerabbli meta jiġu miżmuma fil-kustodja tal-pulizija, u ġew reġistrati diversi inċidenti ta' vjolenza u ta' mwiet; wara li kkunsidra l-użu ta' rutina ta' tfassil ta' profili razzjali, prattiki ta' waqfien u tiftix ("stop-and-search") u sorveljanza diskriminatorji fil-kuntest ta' abbuż ta' poter fl-infurzar tal-liġi, il-prevenzjoni tal-kriminalità, miżuri kontra t-terroriżmu, jew il-kontroll tal-immigrazzjoni;

M.  billi jeżistu rimedji legali għad-diskriminazzjoni, u huma meħtieġa politiki sodi u speċifiċi sabiex jiġi indirizzat ir-razziżmu strutturali li jesperjenzaw il-persuni ta' dixxendenza Afrikana fl-Ewropa, inkluż fl-impjiegi, l-edukazzjoni, is-saħħa, il-ġustizzja kriminali, il-parteċipazzjoni politika u l-impatt tal-politiki u l-prattiki tal-migrazzjoni u l-asil;

N.  billi l-persuni ta' dixxendenza Afrikana fl-Ewropa jesperjenzaw diskriminazzjoni fis-suq tad-djar u jesperjenzaw segregazzjoni spazjali f'żoni b'introjtu baxx, b'abitazzjonijiet iffullati u b'livell baxx ta' kwalità;

O.  billi l-persuni ta' dixxendenza Afrikana kkontribwew b'mod sinifikanti fil-bini tas-soċjetà Ewropea matul iż-żmien, u billi għadd kbir minnhom iħabbtu wiċċhom diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol;

P.  billi l-persuni ta' dixxendenza Afrikana jiġu rrappreżentati b'mod sproporzjonat fis-saffi ta' introjtu aktar baxx tal-popolazzjoni Ewropea;

Q.  billi l-persuni ta' dixxendenza Afrikana huma sottorappreżentati ferm fl-istituzzjonijiet politiċi u tat-tfassil tal-liġijiet, fil-livell Ewropew, nazzjonali u lokali fl-Unjoni Ewropea;

R.  billi l-persunaġġi politiċi ta' dixxendenza Afrikana għadhom qed jiffaċċjaw attakki tal-mistħija fl-isfera pubblika, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell Ewropew;

S.  billi r-razziżmu u d-diskriminazzjoni esperjenzati mill-persuni ta' dixxendenza Afrikana huma strutturali u spiss jinteraġixxu ma' fuq forom oħra ta' diskriminazzjoni u oppressjoni abbażi ta' sess, razza, kulur, oriġini etnika jew soċjali, karatteristiċi ġenetiċi, lingwa, reliġjon jew twemmin, opinjoni politika jew oħra, sħubija f'minoranza nazzjonali, proprjetà, twelid, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali;

T.  billi żieda fl-attakki Afrofobiċi fl-Ewropa riċentement kienet immirata lejn ċittadini ta' pajjiżi terzi, b'mod partikolari rifuġjati u migranti;

1.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jirrikonoxxu li l-persuni ta' dixxendenza Afrikana huma soġġetti għal razziżmu, diskriminazzjoni u ksenofobija b'mod partikolari, u għat-tgawdija mhux ugwali tad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali b'mod ġenerali, u dan jammonta għal razziżmu strutturali, u li huma intitolati għal protezzjoni minn dawn l-inugwaljanzi, kemm bħala individwi kif ukoll bħala grupp, inklużi miżuri pożittivi għall-promozzjoni u t-tgawdija sħiħa u ugwali tad-drittijiet tagħhom;

2.  Jikkunsidra li parteċipazzjoni soċjali, ekonomika, politika u kulturali attiva u sinifikanti tal-persuni ta' dixxendenza Afrikani hija kruċjali biex jiġi indirizzat il-fenomenu tal-Afrofobija u tiġi żgurata l-inklużjoni tagħhom fl-Ewropa;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa qafas tal-UE għall-istrateġiji nazzjonali għall-inklużjoni u l-integrazzjoni soċjali tal-persuni ta' dixxendenza Afrikana;

4.  Jikkundanna b'qawwa kwalunkwe attakk fiżiku jew verbali mmirat lejn persuni ta' dixxendenza Afrikana kemm fl-isfera pubblika kif ukoll fl-isfera privata;

5.  Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istat Membri jirrikonoxxu u jimmarkaw b'mod uffiċjali l-istorja tal-persuni ta' dixxendenza Afrikana fl-Ewropa - inklużi l-inġustizzji u r-reati tal-passat u tal-preżent kontra l-umanità, bħall-iskjavitù u l-kummerċ transatlantiku tal-iskjavi, u dawk imwettqa fl-ambitu tal-kolonjaliżmu Ewropew, kif ukoll id-diversi kisbiet u kontributi pożittivi tal-persuni ta' dixxendenza Afrikana, permezz tar-rikonoxximent uffiċjali fil-livell tal-UE u nazzjonali tal-Jum Internazzjonali ta' Tifkira tal-Vittmi tal-Iskjavitù u tal-Kummerċ Transatlantiku tal-Iskjavi, fosthom billi jiġu stabbiliti Black History Months (Xhur dwar l-Istorja tas-Suwed);

6.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet Ewropej jimmarkaw b'mod formali d-Deċennju Internazzjonali tan-NU dwar il-Persuni ta' Dixxendenza Afrikana u jieħdu miżuri effettivi għall-implimentazzjoni tal-programm ta' attivitajiet fi spirtu ta' rikonoxximent, ġustizzja u żvilupp;

7.  Ifakkar li xi Stati Membri ħadu xi passi għal rimedji importanti u effettivi għal inġustizzji u reati li saru fil-passat kontra l-umanità - filwaqt li jitqiesu l-impatti dejjiema tagħhom fil-preżent - kontra persuni ta' dixxendenza Afrikana;

8.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-bqija tal-Istati Membri jsegwu dan l-eżempju, li jista' jinkludi xi forma ta' reparazzjoni, bħal apoloġiji pubbliċi u r-radd lura ta' artefatti misruqa lill-pajjiżi ta' oriġini tagħhom;

9.  Jistieden lill-Istati Membri jiddeklassifikaw l-arkivji kolonjali tagħhom;

10.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jagħmlu sforzi biex jiġġieldu b'mod sistematiku kontra d-diskriminazzjoni etnika u r-reati ta' mibegħda u, flimkien ma' partijiet ikkonċernati ewlenin oħra, jiżviluppaw risponsi legali u tal-politika effettivi u msejsa fuq l-evidenza għal dawn il-fenomeni; jikkunsidra li kieku kellha tinġabar data dwar id-diskriminazzjoni etnika u r-reati ta' mibegħda, dan għandu jsir bl-iskop uniku li jiġu identifikati l-għeruq u ta' diskorsi u atti ksenofobiċi u diskriminatorji u biex dawn jiġu miġġielda, b'mod konformi mal-oqfsa legali nazzjonali rilevanti u l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data;

11.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji nazzjonali kontra r-razziżmu li jindirizzaw is-sitwazzjoni komparattiva tal-persuni ta' dixxendenza Afrikana f'oqsma bħall-edukazzjoni, l-abitazzjoni, is-saħħa, l-impjieg, il-pulizija, is-servizzi soċjali, is-sistema tal-ġustizzja kif ukoll il-parteċipazzjoni u r-rappreżentanza politika, u jħeġġu l-parteċipazzjoni ta' persuni ta' dixxendenza Afrikana fil-programmi tat-televiżjoni u f'mezzi oħra tax-xandir, sabiex jindirizzaw b'mod adegwat in-nuqqas ta' rappreżentanza tagħhom, kif ukoll in-nuqqas ta' mudelli tar-rwol għat-tfal ta' dixxendenza Afrikana;

12.  Jenfasizza r-rwol importanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-ġlieda kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni, u jitlob li jiżdied l-appoġġ finanzjarju fil-livell Ewropew, nazzjonali u lokali għall-organizzazzjonijiet grassroots;

13.  Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tinkludi fokus fuq il-Persuni ta' Dixxendenza Afrikana fil-programmi ta' finanzjament tagħha, kemm dawk attwali kif ukoll dawk tal-perjodu pluriennali li jmiss;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi tim speċifiku fi ħdan is-servizzi rilevanti, b'fokus speċifiku fuq kwistjonijiet ta' Afrofobija;

15.  Jinsisti biex l-Istati Membri jimplimentaw u jinfurzaw b'mod xieraq id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali, b'mod partikolari l-inklużjoni ta' motivazzjonijiet ta' preġudizzju għal reati bbażati fuq ir-razza, l-oriġini nazzjonali jew etnika bħala fattur aggravanti sabiex jiġi żgurat li r-reati ta' mibegħda kontra l-persuni ta' dixxendenza Afrikana jiġu rreġistrati, investigati, imħarrka u sanzjonati;

16.  Jistieden lill-Istati Membri jirrispondu b'mod effettiv għal reati ta' mibegħda, inkluża l-investigazzjoni ta' motivazzjoni ta' preġudizzju għal reati bbażati fuq ir-razza, l-oriġini nazzjonali jew etnika, u jiżguraw li r-reati ta' mibegħda kontra l-persuni ta' dixxendenza Afrikana jiġu reġistrati, investigati, ipprċessati fil-qrati u kkastigati;

17.  Jistieden lill-Istati Membri jtemmu t-tfassil ta' profili razzjali jew etniċi fil-forom kollha tal-infurzar tal-liġi kriminali, il-miżuri ta' kontra t-terroriżmu u l-kontroll tal-immigrazzjoni, u jiġġieldu u jirrikonoxxu b'mod uffiċjali kwalunkwe prattika ta' diskriminazzjoni u vjolenza illegali permezz ta' taħriġ kontra r-razziżmu u kontra l-preġudizzju għall-awtoritajiet;

18.  Jistieden lill-Istati Membri jiddenunzjaw u jiskoraġġixxu tradizzjonijiet razzisti u Afrofobiċi;

19.  Jistieden lill-Istati Membri jimmonitorjaw il-preġudizzju razzjali fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali tagħhom, is-sistemi edukattivi tagħhom u s-servizzi soċjali tagħhom, u jieħdu passi proattivi sabiex jiżguraw l-istess ġustizzja u jtejbu r-relazzjonijiet bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-komunitajiet tal-minoranzi, jiżguraw l-istess edukazzjoni u jtebju r-relazzjonijiet bejn l-awtoritajiet tal-edukazzjoni u l-komunitajiet tal-minoranzi, u jiżguraw l-istess servizzi soċjali u jtejbu r-relazzjonijiet bejn l-awtoritajiet tas-servizzi soċjali u l-komunitajiet tal-minoranzi, b'mod partikolari mal-komunitajiet Suwed u l-persuni ta' dixxendenza Afrikana;

20.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-adulti u t-tfal ta' dixxendenza Afrikana jkollhom aċċess ugwali għal edukazzjoni u kura ta' kwalità u ħielsa mid-diskriminazzjoni u s-segregazzjoni, u jipprovdu miżuri adegwati ta' appoġġ għat-tagħlim fejn ikun meħtieġ; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu l-ġrajja tal-persuni ta' dixxendenza Afrikana parti mill-kurrikuli tagħhom u jippreżentaw perspettiva komprensiva dwar il-kolonjaliżmu u l-iskjavitù li tirrikonoxxi wkoll l-effetti negattivi storiċi u kontemporanji tal-persuni ta' dixxendenza Afrikana, u jiżguraw li l-għalliema jkunu mħarrġa b'mod adegwat għal dan il-kompitu u mgħammra kif jixraq sabiex jindirizzaw id-diversità fil-klassi;

21.  Jistieden lill-istituzzjonijiet u lill-Istati Membri tal-UE jippromwovu u jappoġġaw l-impjieg, l-intraprenditorija u l-inizjattivi ta' tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika għall-persuni ta' dixxendenza Afrikana sabiex jindirizzaw ir-rati ta' qgħad ogħla mill-medja u diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol li jħabbtu wiċċhom magħhom;

22.  Jistieden lill-Istati Membri jindirizzaw id-diskriminazzjoni kontra l-persuni ta' dixxendenza Afrikana fis-suq tad-djar, u jieħdu passi konkreti biex jindirizzaw l-inugwaljanzi fl-aċċess għad-djar, filwaqt li jiżguraw abitazzjoni adegwata;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE jiżguraw - filwaqt li jqisu l-leġiżlazzjoni u l-prattiki eżistenti - rotot sikuri u legali ta' dħul fl-UE għall-migranti, ir-rifuġjati u l-persuni li jfittxu l-asil;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jiżguraw b'mod effettiv li l-ebda fondi tal-UE ma jkunu disponibbli, u li ma jingħata ebda appoġġ u li ma jkun hemm ebda kollaborazzjoni ma' organizzazzjonijiet jew gruppi involuti jew marbuta mal-iskjavitù, it-traffikar, it-tortura jew l-estorsjoni ta' migranti Suwed jew Afrikani;

25.  Jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej jadottaw strateġija għad-diversità u l-inklużjoni fil-forza tax-xogħol li tistabbilixxi pjan strateġiku għall-parteċipazzjoni ta' minoranzi etniċi u razzjali fil-forza tax-xogħol tagħhom li tikkomplementa l-isforzi eżistenti għal dan l-għan;

26.  Jistieden lill-partiti u lill-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, kif ukoll il-parlamenti fil-livelli kollha tal-UE, jappoġġaw u jiżviluppaw inizjattivi li jħeġġu l-parteċipazzjoni politika tal-persuni ta' dixxendenza Afrikana;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkoopera mill-qrib ma' atturi internazzjonali bħall-OSCE, in-NU, l-Unjoni Afrikana u l-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll ma' sħab internazzjonali oħra, sabiex jiġġieldu l-Afrofobija fil-livell internazzjonali;

28.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.

(1) ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.
(2) ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.
(3) ĠU L 328, 6.12.2008, p. 55.
(4) ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.
(5) 'Being Black in Europe', (Li Tkun Iswed fl-Ewropa), Novembru 2018, rapport li jiddeskrivi riżultati magħżula mill-EU-MIDIS II.
(6) Testi adottati, P8_TA(2018)0056.
(7) https://search.coe.int/cm/Pages/result_details.aspx?ObjectID=09000016805e297e
(8) Ara, Afrophobia in Europe – ENAR Shadow Report 2014-15, (L-Afrofobija fl-Ewropew - Shadow Report tal-ENAR) 2015, tan-Netwerk Ewropew kontra r-Razziżmu, disponibbli fuq: http://www.enar-eu.org/IMG/pdf/shadowreport_afrophobia_final_with_corrections.pdf
(9) Ara t-tieni Stħarriġ tal-Unjoni Ewropea dwar il-Minoranzi u d-Diskriminazzjoni (EU-MIDIS II) (2017) fuq: http://fra.europa.eu/en/publication/2017/eumidis-ii-main-results
(10) Ibid.
(11) Ara l-aktar rapport riċenti, ippubblikat fl-2016: http://hatecrime.osce.org/2016-data
(12) opinjoni 11 tal-FRA.

Aġġornata l-aħħar: 20 ta' April 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza