Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2063(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0145/2009

Testi mressqa :

A6-0145/2009

Dibattiti :

PV 06/05/2009 - 15
CRE 06/05/2009 - 15

Votazzjonijiet :

PV 07/05/2009 - 9.2
CRE 07/05/2009 - 9.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2009)0373

Testi adottati
PDF 420kWORD 114k
Il-Ħamis, 7 ta' Mejju 2009 - Strasburgu
L-irwol u r-responsabilitajiet ġodda tal-Parlament fl-implimentazzjoni tat-Trattat ta" Liżbona
P6_TA(2009)0373A6-0145/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Mejju 2009 dwar l-irwol u r-responsabilitajiet ġodda tal-Parlament fl-implimentazzjoni tat-Trattat ta" Liżbona (2008/2063(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-Trattat ta" Liżbona li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea , iffirmat f'Liżbona fit-13 ta' Diċembru 2007,

–   wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea kif emendati mill-Att Uniku Ewropew u t-Trattati ta' Maastricht, Amsterdam u Nizza,

–   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tat-12 ta" Diċembru 2007,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Laeken tal-15 ta' Diċembru 2001 dwar il-Futur tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa ffirmat f'Ruma fid-29 ta' Ottubru 2004,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta" Ġunju 2007 dwar pjan direzzjonali tal-Proċess Kostituzzjonali ta' l-Unjoni(1),

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Lulju 2007 dwar it-tlaqqigħ ta' Konferenza Intergovernattiva (IGC): l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (Artikolu 48 tat-Trattat UE)(2),

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-20 ta' Frar 2008 dwar it-Trattat ta' Liżbona(3),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, il-Kumitat għall-Iżvilupp, il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Kumitat għall-Biedja u l-Iżvilupp Rurali, il-Kumitat għas-Sajd, il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali, il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A6-0145/2009),

Oqsma politiċi ġodda
Għanijiet ġodda u klawsoli orizzontali

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-karattru vinkolanti li t-Trattat ta' Liżbona jagħti lill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u jilqa' b'sodisfazzjon ir-rikonoxximent tad-drittijiet, il-libertajiet u l-prinpiċji stipulati għaċ-ċittadini u r-residenti kollha ta' l-UE; jenfasizza li l-Parlament se jkun impenjat biex tiġi żgurata l-osservanza sħiħa tal-Karta;

2.  Jilqa" b'sodisfazzjon it-tisħiħ tad-demokrazija rappreżentattiva u parteċipattiva li toħroġ mill-introduzzjoni ta", inter alia, l-hekk imsejħa "inizjattiva taċ-ċittadini" (Artikolu 11 tat-Trattat UE kif emendata bit-Trattat ta" Liżbona (TEU)), li permezz tagħha miljun ċittadin minn bosta Stati Membri jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni tissottometti proposta għal att legali;

3.  Jilqa" b'sodisfazzjon il-fatt li l-ħarsien ambjentali ngħata pożizzjoni prominenti fil-politiki kollha tal-UE u li referenza espliċita ssir fl-Artikolu 191 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), biex jikkumbatti l-bidla fil-klima fil-livell internazzjonali; jenfasizza li l-Parlament għandu jkompli jinsisti mal-Unjoni Ewropea biex tassumi rwol ta" mexxejja fil-politiki kollha rigward il-ġlieda kontra l-bidla fil-klima u t-tisħin globali;

4.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li t-TFUE jorbot il-bini ta' żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja mal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u l-ordni legali tal-Unjoni Ewropea u l-Istat Membri tagħha (l-Artikolu 67 tat-TFUE);

5.  Jinnota b'mod partikolari l-għan li "ekonomija tas-suq soċjali tassew kompetittiva li timmira għal okkupazzjoni sħiħa u livell għoli ta" ħarsien u titjib fil-kwalità ta" l-ambjent" (Artikolu 3(3) tat-Trattat UE), li jgħaqqad l-għan tat-tlestija tas-suq intern ma" objettivi oħrajn;

6.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel ġiet inkluża fost il-valuri tal-Unjoni (Artikolu 2 tat-Trattat UE) u l-għanijiet (Artikolu 3(3) tat-Trattat UE);

7.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li, skont l-Artikolu 208(1) tat-TFUE, "il-politika ta' koperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni u dik tal-Istati Membri għandhom jikkomplementaw u jsaħħu lil xulxin" filwaqt li skont l-Artikolu 177(1) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita' Ewropea "l-politika Komunitarja fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp [...] għandha tkun tikkumplimenta kull politika li jkollhom l-Istati Membri"; jenfasizza r-responsabilità miżjuda tal-Parlament, minħabba li l-Unjoni se jkollha rwol ikbar ta' inizjattiva fit-tfassil ta' politiki u dan għandu jwassal għall-koordinazzjoni aħjar tad-donaturi u tal-qsim tax-xogħol u għal effettività ikbar f'termini ta' għajnuna għat-"tnaqqis u, fuq perjodu fit-tul, għall-qerda tal-faqar" fil-kuntest tal-Għanijiet ta" Żvilupp tal-Millenju;

8.  Jemmen li l-inklużjoni tal-koeżjoni territorjali bħala għan tal-Unjoni (Artikolu 3 tat-TEU) iżid mal-għanijiet tal-koeżjoni ekonomika u soċjali u li l-introduzzjoni ta" bażijiet legali f'dawn l-oqsma rispettivi se jżidu l-kompetenza tal-Parlament li jevalwa l-impatt territorjali ta" politiki ewlenin tal-UE; jinnota b'sodisfazzjon li l-istatus speċjali tar-reġjuni l-aktar imbiegħda huma kkonfermat fl-Artikoli 349 u 355 tat-TFEU;

9.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-introduzzjoni tad-dispożizzjonijiet orizzontali dwar livell għoli ta' impjieg, protezzjoni soċjali, il-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali, dwar il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u dwar il-ħarsien ambjentali, li se jkunu prinċipji ġenerali tal-bażi tat-tfassil ta' politiki tal-Unjoni Ewropea (l-Artikoli 9, 10 u 11 tat-TFUE);

10.  Jilqa" b'sodisfazzjon ukoll il-fatt li l-protezzjoni tal-konsumatur issaħħet sal-punt li se tiġi integrata sistematikament fil-politiki tal-Unjoni li se jiġu stabbiliti u implimentati, u, bħala ħidma globali, issa tokkupa post ħafna iktar prominenti skont l-Artikolu 12 tat-TFUE;

11.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-dispożizzjoni ta' solidarjetà espressament stipulata fl-Artikolu 122 tat-TFUE, li permezz tagħha l-Kunsill jista' jiddeċiedi dwar miżuri xierqa jekk jinħolqu diffikultajiet serji fil-provvista ta' ċerti prodotti, speċjalment fil-qasam tal-enerġija;

12.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Artikolu 214 tat-TFUE jirrikonoxxi l-għajnuna umanitarja bħala politika stabbilita tal-Unjoni; huwa tal-fehma li l-Parti Ħamsa, Titolu III, Kapitoli 1 (Koperazzjoni għall-Iżvilupp) u 3 (Għajnuna Umanitarja) tat-TFUE jipprovdu bażi legali ċara għal żvilupp u assistenza umanitarja li għalihom tapplika l-proċedura leġiżlattiva ordinarja;

13.  Barra minn hekk, jilqa' b'sodisfazzjon it-tisħiħ tas-setgħa tal-Unjoni Ewropea, fil-qasam tal-protezzjoni ċivili, għall-għoti ta' assistenza u għajnuna ad hoc f'każ ta'diżastri f'pajjiżi terzi (l-Artikolu 214 tat-TFUE);

Bażijiet legali ġodda

14.  Jenfasizza li t-twessigħ tal-azzjoni esterna tal-Unjoni taħt it-Trattat ta' Liżbona, inkluż il-provvediment ta' strumenti u bażijiet legali ġodda li jaffetwaw oqsma relatati mal-politika barranija (azzjoni esterna u l-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni (PESK)/il-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Ewropea) jeħtieġ bilanċ interistituzzjonali ġdid li jiggarantixxi skrutinju demokratiku adegwat mill-Parlament;

15.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-kwistjonijiet relatati mal-enerġija issa se jkunu koperti b'Titolu XXI separat fil-Parti Tlieta tat-TFUE u li azzjoni f'dan il-qasam għalhekk se jkollha bażi legali (l-Artikolu 194 tat-TFUE); madankollu, jinnota li filwaqt li bħala regola ġenerali se tiġi segwita l-proċedura leġiżlattiva ordinarja, id-deċiżjonijiet dwar it-taħlita tal-enerġija se jibqgħu fi ħdan il-kompetenza tal-Istati Membri, filwaqt li l-miżuri fiskali se jkomplu jeħtieġu biss konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew;

16.  Jinnota b'mod pożittiv il-valuri komuni tal-Unjoni fir-rigward tas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali u jilqa' b'sodisfazzjoni il-bażi legali li tippermetti d-definizzjoni tal-prinċipju u l-kundizzjonijiet li jirregolaw il-forniment tas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali taħt il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (l-Artikolu 14 tat-TFUE u l-Protokoll Nru 26 dwar is-servizzi ta' interess ġenerali);

17.  Jikkunsidra li t-tibdiliet introdotti permezz tat-Trattat ta' Liżbona fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni (CCP) (Artikoli 206 u 207 tat-TFUE) jikkontribwixxu b'mod ġenerali għat-tkabbir tal-leġittimità demokratika tiegħu u għall-effiċjenza tiegħu, b'mod partikulari permezz tal-introduzzjoni tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja u r-rekwiżit li jinkiseb kunsens minn qabel għall-ftehim kollu; jinnota li l-kwistjonijiet kollha li jaqgħu taħt is-CCP se jaqgħu fi ħdan il-kompetenza esklussiva tal-Unjoni, bir-riżultat li mhux se jkun hemm iżjed ftehim ta' kummerċ imħallta konklużi kemm mill-Unjoni u kif ukoll mill-Istati Membri;

18.  Jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu dwar l-inklużjoni ta' dispożizzjoni ta' politika spazjali Ewropea (Artikolu 189 tat-TFUE) u jilqa' b'sodisfazzjon l-opportunità mogħtija lill-Parlament u lill-Kunsill biex jadottaw, taħt il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, il-miżuri neċessarji għat-twaqqif ta' programm spazjali Ewropew; jikkunsidra, madankollu, li l-kliem "bl-esklużjoni ta' kwalunkwe armonizzazzjoni tal-liġijiet u regolamenti tal-Istati Membri f' dan il-qasam" li jinsabu f'dak l-artikolu jista" jimplika xi ostakli għall-implimentazzjoni ta' politika komuni Ewropea dwar l-ispazju;

19.  Jinnota li t-Trattat ta' Liżbona jinkludi bażi legali ġdida li tipprovdi għal kodeċiżjoni fir-rigward tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (Art. 118 tat-TFUE);

20.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tal-azzjoni tal-UE fil-qasam tal-politika għaż-żgħażagħ, filwaqt li titħeġġeġ il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika fl-Ewropa (Artikolu 165 tat-TFUE);

21.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-bażi legali l-ġdida stipulata fl-Artikolu 298 tat-TFUE, li tipprovdi li "Fit-twettiq tal-missjonijiet tagħhom, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji ta" l-Unjoni għandu jkollhom l-appoġġ ta" amministrazzjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti", billi din tipprovdi l-bażi għal regolament dwar il-proċedura amministrattiva tal-Unjoni;

22.  Jilqa' b'sodisfazzjon it-tisħiħ tal-bażi legali għall-adozzjoni ta' miżuri tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-frodi li teffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni (Artikolu 325 tat-TFUE); jenfasizza l-fatt li t-Trattat ta" Liżbona jneħħi l-kwalifika, li tinsab fl-Artikolu 280 attwali tat-Trattat KE, li miżuri ta" dan it-tip "m'għandhomx jikkonċernaw l-applikazzjoni tal-liġi kriminali nazzjonali jew tal-amministrazzjoni nazzjonali tal-ġustizzja";

23.  Jinnota li d-dispożizzjonijiet il-ġodda tat-Trattat li jikkonċernaw il-koperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili u kriminali jinkludu bażi legali għall-adozzjoni ta' miżuri ta' appoġġ għat-taħriġ tal-ġudikatura u tal-istaff ġudizzjarju (Artikoli 81 u 82 tat-TFUE);

24.  Jenfasizza li t-Trattat ta' Liżbona jipprovdi wkoll għall-possibilità li jiġi stabbilit l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għall-ġlieda kontra l-krimini li jeffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni (Artikolu 86 tat-TFUE);

25.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li t-Trattat ta' Liżbona jintroduċi dispożizzjonijiet li jorbtu għall-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal fl-objettivi interni u esterni tal-Unjoni Ewropea (Artikolu 3(3) u (5) tat-TUE);

26.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-inklużjoni tat-turiżmu bħala Titolu ġdid fit-Trattat ta' Liżbona (Artikolu 195 tat-TFUE) li jistipula li l-Unjoni huwa li tikkomplementa l-azzjoni tal-Istati Membri; barra minn hekk, jilqa" b'sodisfazzjon id-dispożizzjoni li l-proċedura leġiżlattiva ordinarja se tirregola l-adozzjoni tal-proposti leġiżlattivi li jaqgħu taħt dan it-Titolu;

27.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li t-Trattat ta' Liżbona inkluda l-isport fost l-oqsma li fir-rigward tagħhom hemm stipulata bażi legali (Artikolu 165 tat-TFUE); b'mod partikulari jenfasizza li l-Unjoni fl-aħħar tista' tieħu azzjoni għall-iżvilupp tal-isport u tad-dimensjoni Ewropea tiegħu u tista" tqis in-natura speċifika tal-isport fl-applikazzjoni ta" politiki Ewropej oħra;

Setgħat ġodda għall-Parlament
Setgħat ta' kodeċiżjoni ġodda

28.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li t-Trattat ta' Liżbona se jsaħħaħ il-leġittimità demokratika ta' l-Unjoni Ewropea billi jestendi s-setgħat ta' kodeċiżjoni tal-Parlament;

29.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja huwa integrat b'mod sħiħ fit-TFUE (Artikoli 67 sa 89), biex jintemm b'mod formali t-tielet pilastru; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-parti l-kbir tad-deċiżjonijiet fil-qasam tal-politiki dwar il-ġustizzja ċivili, l-immigrazzjoni u l-visa, u kif ukoll il-koperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija fi kwistjonijiet kriminali, se jiġu koperti mill-proċedura leġiżlattiva ordinarja;

30.  Jemmen li l-introduzzjoni tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja fil-qasam tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) ittejjeb ir-responsabilità demokratika tal-Unjoni Ewropea, minħabba li l-Parlament Ewropew se jkun qiegħed jilleġiżla flimkien u fuq l-istess livell mal-Kunsill; jenfasizza li l-kodeċiżjoni se tapplika għal-leġiżlazzjoni kollha fil-qasam tal-agrikoltura taħt l-Artikolu 43(2) tat-TFUE, u li b'mod speċjali dan se jkun il-każ fir-rigward tal-erba' testi orizzontali fil-qasam tal-agrikoltura (l-organizzazzjoni unika ta' suq komuni, ir-regolament dwar il-pagamenti diretti, ir-regolament dwar l-iżvilupp rurali u l-finanzjament tal-PAK); barra minn hekk, jinnota li l-leġiżlazzjoni dwar il-kwalità, il-biedja organika u l-promozzjoni se jaqgħu wkoll fl-ambitu tal-Artikolu 43(2) tat-TFUE;

31.  Jisħaq li kwalunkwe poter tal-Kunsill li jadotta miżuri skont l-Artikolu 43(3) tat-TFUE għandu jkun suġġett għal adozzjoni minn qabel, bi qbil mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, ta" att leġiżlattiv skont l-Artikolu 43(2) tat-TFUE, li jippreskrivi l-kundizzjonijiet u l-limiti marbuta mal-poteri mogħtija lill-Kunsill; hu tal-fehma li l-Artikolu 43(3) tat-TFUE ma jipprovdix għal bażi legali jew għal poter awtonomu li jippermetti l-adozzjoni jew l-emenda ta" kwalunkwe wieħed mill-atti tal-Kunsill li huma fis-seħħ bħalissa fil-qasam tal-Politika Agrikola Komuni; jitlob lill-Kunsill biex ma jadotta l-ebda miżura msemmija fl-Artikolu 43(3) tat-TFUE mingħajr il-kunsens minn qabel tal-Parlament;

32.  Jinnota li t-Trattat ta' Liżbona jintroduċi bidliet radikali fis-sistema ta' teħid ta' deċiżjoni għal Politika Komuni tas-Sajd (PKS)u se jżid ukoll ir-responsabilizzazzjoni demokratika tagħha; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Parlament u l-Kunsill se jistabbilixxu, taħt il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, ir-regoli neċessarji għall-kisba tal-objettivi tas-PKS (Art. 43(2) tat-TFUE); f'dan ir-rigward, jikkunsidra li kwalunkwe suġġett formalment inkluż fir-regolament annwali minbarra l-iffissar tal-possibilitajiet ta' qbid u d-distribuzzjoni ta' kwoti, bħal miżuri tekniċi jew il-kapaċità ta' sajd, jew l-inkorporazzjoni ta' ftehimiet adottati fi ħdan l-organizzazzjonijiet tal-industrija tas-sajd reġjonali, li għandhom il-bażi legali tagħhom stess, għandu jkun suġġett għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja;

33.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-introduzzjoni tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja għall-adozzjoni ta' regoli dettaljati dwar il-proċedura ta' sorveljanza multilaterali (Art. 121(6) tat-TFUE), li għandha ssaħħaħ il-koordinazzjoni ekonomika;

34.  Jemmen li r-responsabilità tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) bħala entità tal-Unjoni Ewropea li jagħti rapport dwar il-politika monetarja issa hija ikbar, minħabba li l-BĊE huwa rikonoxxut bħala istituzzjoni; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li diversi dispożizzjonijiet tal-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ ) u tal-BĊE jistgħu jiġu mmodifikati wara li jiġi kkonsultat il-Parlament skond l-Artikolu 40.2 ta' dak l-Istatut; jafferma li dan ma jikkostitwixxix limitazzjoni fl-indipendenza tal-BĊE fil-qasam tal-politika monetarja jew il-prijoritajiet stipulati fit-Trattat;

35.  Jikkunsidra l-Artikolu 182 tat-TFUE bħala titjib minħabba li l-programm qafas multiannwali u l-implimentazzjoni ta' żona Ewropea ta' riċerka, imsemmija fih, se jkunu koperti mill-proċedura leġiżlattiva ordinarja; madankollu, jinnota li l-programmi speċifiċi msemmija f'dan l-artikolu se jiġu adottati permezz ta" proċedura leġiżlattiva speċjali, u dan ifisser sempliċement konsultazzjoni tal-Parlament Ewropew (Artikolu 182(4) tat-TFUE);

36.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li, fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Fondi Strutturali, it-Trattat ta' Liżbona jpoġġi lill-Parlament fuq l-istess livell mal-Kunsill billi jissostitwixxi l-proċedura ta' kunsens attwali bil-proċedura leġiżlattiva ordinarja; jikkunsidra li dan huwa sinifikanti speċjalment fir-rigward tal-Fondi Strutturali fil-perjodu ta' wara l-2013, minħabba li jkabbar it-trasparenza u jżid ir-responsabilità fir-rigward ta' dawk il-fondi vis-a-vis iċ-ċittadini;

37.  Jinnota li l-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq sess, oriġini razzjali jew etnika, reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali se ssir suġġetta għal proċedura leġiżlattiva speċjali u se tirrikjedi l-kunsens tal-Parlament (Artikolu 19 tat-TFUE);

38.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-proċedura leġiżlattiva ordinarja se tkopri miżuri kontra t-traffikar tal-bnedmin, b'mod partikulari n-nisa u t-tfal, u l-isfruttament sesswali (Artikoli 79(2) u 83(1) tat-TFUE);

39.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-estensjoni tat-teħid ta' deċiżjoni permezz ta' maġġoranza kkwalifikata għall-qasam tal-kultura, inkluż l-isport (Artikolu 165(4) tat-TFUE);

40.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li, minn issa 'l quddiem, il-proċedura ta' kodeċiżjoni se tapplika għar-Regolamenti tal-Istatut tal-Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea (Artikolu 336 tat-TFUE), billi dan se jippermetti li l-Parlament jieħu sehem, fuq l-istess livell tal-Kunsill, fl-aġġustamenti ta' dawn ir-regolamenti;

Setgħat baġitarji ġodda

41.  Jinnota li t-Trattat ta' Liżbona jagħmel bidliet radikali fil-qasam tal-finanzi tal-Unjoni, b'mod partikulari fir-rigward tar-relazzjonijiet interistituzzjonali u l-proċeduri ta' teħid ta' deċiżjoni;

42.  Jinnota li l-Kunsill u l-Parlament iridu jaqblu, fi ħdan il-limiti tar-riżorsi proprji, dwar l-ipprogrammar tal-infiq li jsir legalment jorbot (Artikolu 312 tat-TFUE); jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-baġit irid jiġi adottat bħala ħaġa waħda b'mod konġunt mill-Parlament u mill-Kunsill, b'konformità mal-qafas finanzjarju multiannwali; jilqa' b'sodisfazzjoni it-tneħħija tad-distinzjoni bejn in-nefqa obbligatorja u dik mhux obbligatorja (Artikolu 314 tat-TFUE); jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-adozzjoni tar-regolament finanzjarju se tkun suġġetta għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja (Artikolu 322 tat-TFUE);

43.  Jirreferi għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Mejju 2009 dwar l-aspetti finanzjarji tat-Trattat ta' Liżbona(4);

Proċedura ta' kunsens ġdida

44.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-proċedura ta' reviżjoni ssimplifikata fir-rigward tal-introduzzjoni tal-votazzjoni b'maġġoranza kkwalifikata u l-introduzzjoni tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja f'qasam partikulari taħt it-Titolu V tat-TUE jew tat-TFUE tirrikjedi l-kunsens tal-Parlament;

45.  Jinnota l-introduzzjoni ta' "klawsola ta' ħruġ" għall-Istati Membri (Artikolu 50 tat-TUE); jenfasizza li l-ftehim li jistipula l-arranġamenti għall-irtirar ta' Stat Membru mill-Unjoni ma jistax jiġi konkluż qabel ma l-Parlament jagħti l-kunsens tiegħu;

46.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-kunsens tal-Parlament se jkun meħtieġ għal firxa wiesgħa ta' ftehim internazzjonali ffirmat mill-Unjoni; jenfasizza l-intenzjoni tiegħu li jitlob lill-Kunsill, fejn ikun xieraq, biex ma jiftaħx negozjati dwar ftehim internazzjonali sakemm il-Parlament ma jkunx iddikjara l-pożizzjoni tiegħu, u biex jippermetti lill-Parlament, fuq bażi ta' rapport mill-kumitat responsabbli, biex jadotta fi kwalunkwe stadju tan-negozjati, rakkomandazzjonijiet li għandhom jiġu kkunsidrati qabel il-konklużjoni tan-negozjati;

47.  Iħeġġeġ sabiex kwalunkwe ftehim futur 'mħallta' li jgħaqqad elementi mhux PESK ma" elementi PESK normalment għandu jiġi ttrattat skond bażi legali waħda, li għandha tkun dik relatata direttament mas-suġġett ewlieni tal-ftehim; jinnota li l-Parlament se jkollu d-dritt li jiġi kkonsultat, ħlief meta l-ftehim ikun jirrelata b'mod esklussiv mal-PESK;

Setgħat ġodda ta' skrutinju

48.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-President tal-Kummissjoni se jiġi elett mill-Parlament Ewropew, fuq proposta tal-Kunsill Ewropew, filwaqt li jitqiesu l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew; jirreferi għar-riżoluzzjoni tas-7 ta' Mejju 2009 dwar l-impatt tat-Trattat ta' Liżbona dwar l-iżvilupp tal-bilanċ istitużżjonali tal-Unjoni Ewropea(5);

49.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u Politika tas-Sigurtà se jkun suġġett għal vot ta' kunsens mill-Parlament Ewropew, flimkien mal-membri l-oħra tal-Kummissjoni, bħala korp, kif ukoll għal vot ta' ċensura, u għalhekk se jkun responsabbli lejn il-Parlament;

50.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-proċedura l-ġdida għall-ħatra tal-Imħallfin u l-Avukati-Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali kif ipprovdut fl-Artikolu 255 tat-TFUE, li jistipula li d-deċiżjoni tal-gvernijiet nazzjonali għandha tiġi ppreċeduta minn opinjoni dwar kemm il-kandidati jkunu adatti sabiex iwettqu d-doveri tagħhom, mogħtija minn panil ta' seba' esperti, li wieħed minnhom irid ikun propost mill-Parlament Ewropew;

51.  Jenfasizza l-bżonn ta' trasparenza u skrutinju demokratiku fir-rigward tat-twaqqif ta' Servizz Ewropew għal Azzjoni Esterna (EEAS) b'konformità mal-Artikolu 27(3) tat-TUE, u jfakkar id-dritt tiegħu li jiġi kkonsultat dwar it-twaqqif tiegħu; huwa tal-fehma li l-EEAS għandu jkun marbut b'mod amministrattiv mal-Kummissjoni;

52.  Jistenna kjarifiki fir-rigward tal-kriterji għar-Rappreżentattivi Speċjali tal-UE u għall-ħatra u l-evalwazzjoni tagħhom, inklużi d-definizzjoni u l-iskop tal-ħidmiet tagħhom, it-tul tal-mandat tagħhom, u l-kordinazzjoni u l-komplementarjetà mad-delegazzjonijiet futuri tal-Unjoni;

53.  Jenfasizza l-bżonn ta' trasparenza u skrutinju demokratiku fir-rigward ta' Aġenzija Ewropea għad-Difiża u l-attivitajiet li twettaq, jiġifieri permezz ta' skambju regolari ta' informazzjoni bejn il-Kap Eżekuttiv tal-EDA u l-kumitat responsabbli fil-Parlament Ewropew;

54.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-irwol ġdid ta' konsultazzjoni li se jkollu taħt l-Artikolu 40.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE fir-rigward tal-bidliet tal-kompożizzjoni tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE;

55.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-aġenziji, speċjalment il-Europol u l-Eurojust, se jkunu suġġetti għal skrutinju parlamentari ikbar (Artikoli 85 u 88 tat TFUE): jemmen, għalhekk, li ż-żamma tal-proċedura ta" konsultazzjoni għat-twaqqif ta" operazzjonijiet konġunti fil-qasam tar-riċerka u tal-iżvilupp teknoloġiku (l-Artikoli 187 u 188 tat-TFUE) taf ma tikkonformax mal-ispirtu tal-atti legali tal-Unjoni fit-twaqqif ta" aġenziji;

Drittijiet ġodda li jkun infurmat

56.  Jistieden lill-President tal-Kunsill biex iżomm lill-Parlament infurmat b'mod sħiħ dwar il-preparazzjonijiet għal-laqgħat tal-Kunsill Ewropew u biex jgħaddi rapport dwar ir-riżultati tal-laqgħat, meta jkun possibbli fi żmien jumejn ta" ħidma (jekk ikun meħtieġ lil seduta speċjali tal-Parlament);

57.  Jistieden lill-President tal-Presidenza fuq bażi ta" rotazzjoni tal-Kunsill biex jinforma lill-Parlament dwar il-programmi tal-Presidenza u dwar ir-riżultati miksuba;

58.  Iħeġġeġ lill-Viċi President futur tal-Kummissjoni/lir-Rappreżentant Għoli futur tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika dwar is-Sigurtà biex jiftiehem mal-Parlament dwar metodi xierqa biex il-Parlament jinżamm infurmat u kkonsultat bis-sħiħ dwar l-azzjoni esterna tal-Unjoni, filwaqt li jkunu involuti kif xieraq il-kumitati kollha tal-Parlament responsabbli għall-oqsma li jaqgħu taħt il-mandat tar-Rappreżentant Għoli;

59.  Jenfasizza li, fir-rigward tan-negozjati u l-konklużjoni ta' ftehim internazzjonali, il-Kummissjoni se tkun taħt obbligu legali li tinforma lill-Parlament dwar il-progress tan-negozjati fuq l-istess livell tal-kumitat speċjali nnominat mill-Kunsill kif imsemmi fl-Artikolu 218 tat-TFUE; jitlob li din l-informazzjoni tingħata sa l-istess punt, u fl-istess ħin, li tingħata lill-Kumitat rilevanti tal-Kunsill skond dak l-Artikolu;

Drittijiet ġodda ta' inizjattiva

60.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-irwol il-ġdid tal-Parlament fit-tnedija ta' emendi għat-Trattati; se jagħmel użu minn dan id-dritt u se jippreżenta ideat ġodda għall-futur tal-Ewropa, meta sfidi ġodda jagħmlu dan neċessarju;

61.  Jilqa b'sodisfazzjon il-fatt li l-Parlament se jkollu d-dritt ta' inizjattiva fir-rigward ta' proposti li jikkonċernaw il-kompożizzjoni tiegħu stess, filwaqt li jirrispetta l-prinċipji stipulati fit-Trattati (Artikolu 14 tat-TUE);

62.  Jinnota li t-Trattat ta' Liżbona jintroduċi proċedura leġiżlattiva speċjali għall-adozzjoni ta' dispożizzjonijiet li jistipulaw il-modalitajiet u s-setgħat tal-kumitati ta' inkjesta mhux permanenti (Artikolu 226 tat-TFUE);

Proċeduri ġodda
Skrutinju mill-parlamenti nazzjonali

63.  Jilqa' b'sodisfażżjon id-drittijiet ġodda mogħtija lill-parlamenti nazzjonali fir-rigward ta' skrutinju minn qabel tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta' sussidjarjetà fil-leġiżlazzjonijiet kollha tal-Ewropa; huwa tal-fehma li t-tisħiħ tal-iskrutinju tal-politiki Ewropej mill-parlamenti nazzjonali se jqajjem ukoll kuxjenza pubblika dwar l-attivitajiet tal-Unjoni;

64.  Jenfasizza li l-prerogattivi l-ġodda tal-parlamenti nazzjonali għandhom jiġu rrispettati bis-sħiħ mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona;

65.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-awtoritajiet lokali u reġjonali lejn ir-rispett tal-prinċipju ta' sussidjarjetà; jinnota d-dritt tal-Kumitat għar-Reġjuni li jressaq azzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja meta jikkunsidra li l-prinċipju ta' sussidjarjetà jkun inkiser (it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 2);

Atti ddelegati

66.  Japprezza t-titjib li qed joriġina mid-dispożizzjonijiet il-ġodda dwar atti legali u l-ġerarkija tan-normi, b'mod partikulari l-ħolqien tal-att iddelegat (Artikolu 290 tat-TFUE), li jagħmilha possibbli li tiġi ddelegata setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti mhux leġiżlattivi ta' applikazzjoni ġenerali jew biex temenda elementi mhux essenzjali ta' att leġiżlattiv; jinnota li l-objettivi, il-kontenut, l-iskop u t-tul ta' kwalunkwe delega bħal din għandhom ikunu definiti b'mod ċar mill-Parlament u mill-Kunsill fl-att leġiżlattiv;

67.  Jilqa" b'sodisfazzjon b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 290(2) tat-TFUE, li jipprevedi li l-Parlament (u l-Kunsill) ikollu/ikollhom id-dritt kemm li jirrevoka(w) (i)d-delegazzjoni tal-poteri kif ukoll li joġġezzjona(w) għal atti delegati individwali;

68.  Jinnota li t-TFUE ma jipprovdix bażi legali għal miżura qafas għal atti ddelegati, iżda jipproponi li l-istituzzjonijiet jaqblu dwar formula standard għal dawn id-delegazzjonijiet li jiddaħħlu regolarment mill-Kummissjoni fl-abbozz tal-att leġiżlattiv innifsu; jenfasizza li dan iżomm il-libertà tal-leġiżlatur;

69.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tikkjarifika kif bi ħsiebha tinterpreta d-Dikjarazzjoni 39 annessa mal-Att Finali tal-Konferenza Intergovernattiva li adottat it-Trattat ta' Liżbona, rigward il-konsultazzjoni ta' esperti fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, u kif bi ħsiebha tapplika din l-interpretazzjoni, lilhinn mid-dispozizzjonijiet dwar l-atti ddelegati li hemm fit-TFUE;

Atti ta' implimentazzjoni

70.  Jinnota li t-Trattat ta' Liżbona jirrevoka l-Artikolu 202 attwali tat-Trattat KE dwar is-setgħat ta" implimentazzjoni u jintroduċi proċedura ġdida fl-Artikolu 291 tat-TFUE - "atti ta' implimentazzjoni" - li tipprovdi għall-possibilità ta' trasferiment ta' setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni f'każijiet fejn ikun hemm bżonn ta' "kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' atti legali li jorbtu tal-Unjoni";

71.  Jinnota li l-Artikolu 291(3) tat-TFUE jirrikjedi li l-Parlament u l-Kunsill jadottaw, minn qabel, regolamenti dwar mekkaniżmi għall-"kontroll mill-Istati Membri" ta' eżerċizzju tas-setgħat implimentattivi;

72.  Jinnota li t-Trattat ta' Liżbona m'għadux jipprovdi bażi għall-proċedura komitoloġika attwali, u li l-proposti leġiżlattivi pendenti li ma jiġux adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat għandhom jiġu mmodifikati sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE;

73.  Huwa tal-fehma li tista' tiġi nnegozjata soluzzjoni interna mal-Kunsill għall-perjodu inizjali, sabiex ma jinqalgħux ostakli minħabba l-possibilità ta' lakuni legali u r-regolament il-ġdid ikun jista' jiġi adottat mil-leġiżlatur wara l-konsiderazzjoni dovuta tal-proposti tal-Kummissjoni;

Prijoritajiet għall-perjodu ta' tranżizzjoni

74.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tittrażmetti lil-leġiżlaturi komuni l-proposti pendenti kollha li fir-rigward tagħhom japplikaw il-bażijiet legali ġodda u l-proċeduri leġiżlattivi;

75.  Jinnota li l-Parlament se jiddeċiedi liema pożizzjoni se jieħu rigward opinjonijiet li diġà ġew adottati fi proċeduri ta' konsultazzjoni dwar kwistjonijiet li jinqelbu għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja, indipendentement minn jekk dan jinvolvix konferma tal-pożizzjoni preċedenti tiegħu jew l-adozzjoni ta' waħda ġdida; jenfasizza li kwalunkwe konferma ta' opinjonijiet bħala l-pożizzjoni tal-Parlament fl-ewwel qari tista' tiġi vvutata mill-Parlament wara li t-Trattat ta' Liżbona jidħol fis-seħħ biss;

76.  Jinsisti dwar il-konklużjoni ta' ftehim interistituzzjonali li jipprekludi l-adozzjoni ta' proposti leġiżlattivi tat-"tielet pilastru" li għandhom dimensjoni ta' drittijiet fundamentali sa ma jidħol fis-seħħ it-Trattat ta' Liżbona, sabiex ikun possibbli skrutinju politiku sħiħ fir-rigward ta' dawn il-kwistjonijiet, filwaqt li l-miżuri li m'għandhom l-ebda impatt, jew li għandhom biss impatt limitat, fuq id-drittijiet fundamentali jistgħu jiġu adottati wkoll qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat;

Proposti

77.  Jistieden lill-istituzzjonijiet l-oħra biex jidħlu f'negozjati għal ftehim interistituzzjonali li jkopri:

   (a) l-objettivi li għandhom jinkisbu mill-Unjoni Ewropea wara l-2009, pereżempju fil-forma ta' ftehim qafas bejn it-tliet istituzzjonijiet politiċi għat-terminu Parlamentari u tal-Kummissjoni li jibda fl-2009;
   (b) il-miżuri ta' implimentazzjoni li jridu jiġu adottati sabiex it-Trattat il-ġdid ikun suċċess għall-istituzzjonijiet u għaċ-ċittadini Ewropej;

78.  Jitlob għal aġġornament tal-ftehim interistituzzjonali bejn il-Parlament u l-Kunsill li jiddefinixxi r-relazzjonijiet ta" ħidma tagħhom dwar il-politika barranija, inkluż il-qsim ta" informazzjoni kunfidenzjali fuq il-bażi tal-Artikoli 14 u 36 tat-TUE u l-Artikolu 295 tat-TFUE;

79.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jikkunsidraw in-negozjati mal-Parlament għal ftehim interistituzzjonal ġdid mal-Parlament li tagħti lill-Parlament definizzjoni sostanzjali tal-involviment tiegħu f'kull stadju li jwassal għall-konklużjoni ta" ftehim internazzjonali;

80.  Konsegwentement għad-dispożizzjonijiet il-ġodda dwar il-qafas finanzjarju multiannwali (Artikolu 312 tat-TFUE) u dwar ir-regolament finanzjarju (Artikolu 322 tat-TFUE), jitlob ir-reviżjoni tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar id-dixxiplina baġitarja u l-immaniġġjar finanzjarju sod;

81.  Jikkunsidra li għandhom jittieħdu l-passi neċessarji kollha għall-ħolqien ta' politika Ewropea dwar l-informazzjoni u l-komunikazzjoni, u fir-rigward tad-dikjarazzjoni konġunta politika li saret mit-tliet istituzzjonijiet dwar il-komunikazzjoni bħala l-ewwel pass utli lejn il-kisba ta" dan l-objettiv;

82.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta malajr inizjattiva għall-implimentazzjoni tal-"inizjattiva taċ-ċittadini", li tistipula kondizzjonijiet ċari, sempliċi u faċli għall-użu għall-eżerċiżżju ta' dan id-dritt taċ-ċittadini; jirreferi għar-riżoluzzjoni tiegħu tas- 7 ta' Mejju 2009 li titlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta għal-regolament tal-Parlament Ewrope u tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini(6);

83.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tadotta regolamenti li jimplimentaw l-Artikolu 298 tat-TFUE dwar amministrazzjoni tajba, li tkun risposta għal talba li ilha pendenti min-naħa tal-Parlament u tal-Ombudsman Ewropew għal sistema komuni ta' liġi amministrattiva li tirregola l-amministrazzjoni Ewropea;

84.  Jinnota li t-Trattat ta' Liżbona jipprevedi l-inklużjoni ta' Fond Ewropew għall-Iżvilupp fil-baġit tal-Unjoni, ħaġa li se ssaħħaħ il-leġittimità demokratika ta" parti importanti mill-politika tal-UE dwar l-iżvilupp; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jieħdu l-passi neċessarji għall-baġit tal-Unjoni Ewropea waqt ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu 2008/2009;

85.  Jirrakkomanda li b'mod urġenti jkun eżaminat u msaħħaħ mill-ġdid l-istatus tal-Unjoni f'organizzazzjonijiet internazzjonali ladarba jidħol fis-seħħ it-Trattat ta" Liżbona u l-Unjoni tieħu l-post tal-Komunitajiet Ewropej;

86.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jaqblu mal-Parlament dwar strateġija mmirata biex tiġi żgurata koerenza bejn il-leġiżlazzjoni adottata u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u kif ukoll ir-regoli li hemm fit-Trattati dwar politiki bħal pereżempju dwar il-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni, il-protezzjoni ta' dawk li jkunu qegħdin ifittxu l-kenn, it-titjib tat-trasparenza, il-protezzjoni tad-dejta, id-drittijiet tal-minoritajiet u d-drittijiet tal-vittmi u ta' dawk li jkunu taħt suspett;

87.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jikkontribwixxu għat-titjib tar-relazzjonijiet bejn l-awtoritajiet Ewropej u dawk nazzjonali, speċjalment fl-oqsma leġiżlattivi u ġudizzjarji;

88.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jipprevedu t-twaqqif ta' politika komuni tal-enerġija effettiva bl-objettiv li s-swieq tal-enerġija tal-Istati Membri tal-UE jiġu kkoordinati b'mod effiċjenti u kif ukoll jiġu żviluppati waqt li jiġu integrati l-aspetti esterni li jiffukaw fuq is-sorsi u r-rotot tal-provvista ta' enerġija;

89.  Jistieden lill-Kunsill biex jikkunsidra, flimkien mal-Parlament, x'użu għandu jsir mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 127(6) tat-TFUE, li jippermettulu lil-Kunsill jikkonferixxi ħidmiet speċifiċi fuq il-Bank Ċentrali Ewropew "li jirrigwardaw politika relatata mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta" kreditu u ta' istituzzjonijiet finanzjarji oħra, bl-eċċezzjoni ta" impriżi ta" assigurazzjoni";

90.  Iwiegħed li jadatta l-organizzazzjoni interna tiegħu bil-għan li jottimizza u jirrazzjonalizza l-eżerċitar tal-poteri l-ġodda mogħtija lilu mit-Trattat;

o
o   o

91.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)ĠU C 125 E, 22.5.2008, p. 215.
(2)ĠU C 175 E, 10.7.2008, p.347.
(3)Testi adottati, P6_TA(2008)0055.
(4) Testi Adottati, P6_TA(2009)0374.
(5) Testi Adottati, P6_TA(2009)0387.
(6) Testi Adottati, P6_TA(2009)0389.

Avviż legali - Politika tal-privatezza