Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2097(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0023/2013

Testi mressqa :

A7-0023/2013

Dibattiti :

PV 05/02/2013 - 14
CRE 05/02/2013 - 14

Votazzjonijiet :

PV 06/02/2013 - 7.11

Testi adottati :

P7_TA(2013)0050

Testi adottati
PDF 224kWORD 57k
L-Erbgħa, 6 ta' Frar 2013 - Strasburgu Verżjoni finali
Ir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva: promozzjoni tal-interessi tas-soċjetà u triq lejn l-irkupru sostenibbli u inklużiv
P7_TA(2013)0050A7-0023/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Frar 2013 dwar ir-Responsabilità Soċjali Korporattiva: promozzjoni tal-interessi tas-soċjetà u triq lejn l-irkupru sostenibbli u inklużiv (2012/2097(INI))

Il-Parlament Ewropew ,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 5, 12, 14, 15, 16, 21, 23, 26, 27, 28, 29, 31, 32, 33, 34 u 36 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 5, 6 u 19 tagħha,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fix-Xogħol, adottata fl-1998, u l-konvenzjonijiet tal-ILO li jistabbilixxu standards universali fundamentali tax-xogħol fir-rigward ta': l-abolizzjoni tax-xogħol furzat (Nri 29 (1930) u 105 (1957)); il-libertà ta' assoċjazzjoni u d-dritt ta' negozjar kollettiv, (Nri 87 (1948) u 98 (1949); l-abolizzjoni tat-tħaddim tat-tfal (Nri 138 (1973) u 182 (1999)); u n-nondiskriminazzjoni fl-impjieg, (Nri 100 (1951) u 111 (1958)),

–  wara li kkunsidra wkoll il-konvenzjonijiet tal-ILO dwar il-klawsoli tax-xogħol (kuntratti pubbliċi) (Nru 94) u dwar in-negozjar kollettiv (Nru 154),

–  wara li kkunsidra l-Aġenda tax-Xogħol Deċenti u l-Patt Globali ghall-Impjiegi tal-ILO, adottati b'kunsens dinji fid-19 ta' Ġunju 2009 waqt il-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar il-Ġustizzja Soċjali għal Globalizzazzjoni Ġusta, adottata bil-kunsens tal-183 Stat Membru tal-ILO fl-10 ta' Ġunju 2008,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (1948) u strumenti oħra tan-Nazzjonijiet Uniti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (1966) u dak dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (1966), il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali (1965), il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (1979), il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal (1989), il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-familji taghhom (1990) u l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltajiet (2006),

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji tat-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa tan-NU mnedija f'Marzu 2010, li joffru gwida dwar kif in-nisa jistgħu jingħataw is-setgħa fuq il-post tax-xogħol, fis-suq u fil-komunità u huma riżultat ta' kollaborazzjoni bejn il-UN Women u l-Patt Dinji tan-Nazzjonijiet Uniti;

–  wara li kkunsidra l-“Consistency Project”, proġett kollaborattiv bejn il-“Climate Disclosure Standards Board” (CDSB), il-“Global Reporting Initiative” (GRI), l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) u l-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD) imfassal biex jappoġġa approċċ aktar konsistenza għad-domanda u l-forniment ta' informazzjoni korporattiva relatata mat-tibdil fil-klima;

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tat-8 ta' Diċembru 2009(1) ,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-OECD għall-Impriżi Multinazzjonali, aġġornati f'Mejju 2011,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Ġlieda Kontra t-Tixħim tal-OECD tal-1997,

–  wara li kkunsidra l-Global Reporting Initiative,

–  wara li kkunsidra t-twaqqif tal-Kunsill Internazzjonali dwar ir-Rapportar Integrat (International Integrated Reporting Council - IIRC),

–  wara li kkunsidra l-Att dwar id-Dikjarazzjonijiet Finanzjarji (2008) tad-Danimarka,

–  wara li kkunsidra l-Patt Dinji tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-istudju ta' Ottubru 2010 prodott għall-Kummissjoni dwar il-lakuni fil-governanza bejn l-istrumenti u l-istandards internazzjonali fil-qasam tar-Responsabilità Soċjali Korporattiva u l-leġiżlazzjoni Ewropea fis-seħħ (magħrufa bħala l-“Istudju ta' Edinburgh)(2) , li l-konklużjonijiet tiegħu ġew rapportati fir-Rapport Annwali tal-Parlament Ewropew dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-2011(3) , u li kienu approvati kompletament mill-Kunsill Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-paragrafi 46 u 47 tad-dokument finali tas-Summit Dinji tal-2012 Rio+20 dwar l-Izvilupp Sostenibbli,

–  wara li kkunsidra l-Principji tan-NU ghall-Investiment Responsabbli (UNPRI),

–  wara li kkunsidra l-Istandard Internazzjonali ISO 26000 li jipprovdi linji gwida għar-responsabilità socjali, u li nħareġ fl-1 ta' Novembru 2010,

–  wara li kkunsidra l-istudju “Green Winners” tal-2009 li sar fuq 99 kumpanija(4) ,

–  wara li kkunsidra t-twaqqif tal-Forum Multilaterali Ewropew dwar ir-Responsabilità Socjali Korporattiva, imniedi fis-16 ta' Ottubru 2002,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 fuq koordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi(5) ,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-akkwist pubbliku (COM(2011)0896);

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali(6) , li ħadet post il-Konvenzjoni ta' Brussel tal-1968 minbarra fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn id-Danimarka u Stati Membri Oħra,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-segwitu tal-Green Paper rigward ir-responsabilità soċjali korporattiva(7) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-6 ta' Frar 2003 dwar ir-responsabilità soċjali korporattiva(8) ,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu “Promozzjoni tax-xogħol deċenti għal kulħadd - Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni fl-implimentazzjoni tal-aġenda tax-xogħol deċenti għal kulħadd ” (COM(2006)0249) (komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ix-xogħol deċenti),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu “Il-Modernizzazzjoni tad-dritt soċjetarju u t-tisħiħ tal-governanza tal-impriżi fl-Unjoni Ewropea – Pjan għall-avvanz” (COM(2003)0284) (Pjan ta' Azzjoni dwar il-Governanza tal-Impriżi),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu “Kummerċ, Tkabbir u Affarijiet Dinjija – Il-Politika tal-Kummerċ bħala element prinċipali mill-Istrategija tal-UE 2020” (COM(2010)0612),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu “Pakkett ”Negozji responsabbli“” (COM(2011)0685),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu “Lejn irkupru li jwassal ghall-ħolqien abbundanti ta' impjiegi” (COM(2012)0173),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu “Inizjattiva għan-negozju soċjali – Il-ħolqien ta' klima favorevoli għall-intraprizi socjali, il-partijiet interessati ewlenin fl-ekonomija soċjali u l-innovazzjoni” (COM(2011)0682),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu “Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu “Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015” (COM(2010)0491),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' Mejju 2002 dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-promozzjoni ta' qafas Ewropew għar-responsabilità soċjali korporattiva(9) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Mejju 2003 dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ir-responsabilità soċjali korporattiva: kontribut tal-impriżi għall-Iżvilupp Sostenibbli”(10) ,

–  wara li kkunsidra r-rizoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2007 dwar “ir-responsabilità soċjali tal-intraprizi: sħubija ġdida”(11) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar ir-responsabilità soċjali tal-kumpaniji fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali(12) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Ġunju 2010 dwar l-UE 2020, li tafferma li teżisti rabta inestrikabbli bejn ir-reponsabilità korporattiva u l-governanza korporattiva(13) ,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Novembru 2012 bl-isem “Inizjattiva għan-Negozju Soċjali – Il-ħolqien ta’ klima favorevoli għall-intrapriżi soċjali, il-partijiet interessati ewlenin fl-ekonomija soċjali u l-innovazzjoni”(14) ,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-24 ta’ Mejju 2012 dwar il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu “Strateġija rinnovata tal-UE 2011-14 għar-Responsabilità Soċjali Korporattiva”(15) ,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu “Strateġija rinnovata tal-UE 2011-2014 għar-Responsabilità Soċjali Korporattiva” (COM(2011)0681),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Procedura tieghu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali, tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, tal-Kumitat għall-Iżvilupp, tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali kif ukoll tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A7-0023/2013),

A.  billi t-terminu “responsabilità soċjali korporattiva (RSK)” jeħtieġ ma jintużax b'mod ħażin għad-definizzjoni mill-ġdid tal-istandards minimi applikabbli maqbula f'livell internazzjonali, iżda jintuża biex titkejjel l-implimentazzjoni tagħhom u jinftiehem aħjar kif dawn jistgħu jiġu applikati malajr u direttament mill-impriżi ta' kull daqs;

B.  billi l-kunċett tal-RSK tipikament użat fl-istituzzjonijiet tal-UE għandu jitqies bħala prinċipalment mhux distingwibbli mill-kunċetti relatati ta' impriżi responsabbli u etiċi, “ambjent, soċjetà u governanza”, żvilupp sostenibbli u responsabilità korporattiva;

C.  billi approċċ multilaterali jeħtieġ li jibqa' l-ġebla tax-xewka tal-inizjattivi kollha appoġġati mill-UE dwar l-RSK, kif ukoll il-bażi tal-RSK l-aktar kredibbli mwettqa mill-impriżi stess, u li jibda mil-livell lokali;

D.  billi l-Global Reporting Initiative ipprovdiet il-metodoloġija l-aktar aċċettata fil-livell internazzjonali għat-trasparenza tal-impriżi u billi l-formazzjoni tal-International Integrated Reporting Council (IIRC), li tinvolvi l-entitajiet internazzjonali l-aktar importanti dwar it-twaqqif ta' standards tal-kontabbiltà, tindika li r-rappurtar ta' sostenibbiltà korporattiva integrat fil-kontijiet finanzjarji se jsir in-norma globali f'inqas minn għaxar snin;

E.  billi x-xogħol innovattiv tal-“Prince’s Accounting for Sustainability Project”, tat-TEEB (L-Ekonomija tal-Ekosistemi u l-Bijodiversità) għall-Impriżi u tal-Programm Ambjentali tan-Nazzjonijiet Uniti issa għamilha possibbli għall-impriżi li jifhmu sew u b'mod preċiż il-valutazzjoni monetarja tal-impatt soċjali u ambjentali estern tagħhom u b'hekk jinserixxu dan bħala parti mill-ġestjoni finanzjarja tal-kumpanija;

F.  billi kien hemm bidla radikali fil-komunità ta' investituri b'1 123 investitur (li jirrappreżentaw USD 32 triljun ta' assi totali ġestiti) li japprovaw il-Prinċipji ta' Investiment Responsabbli tan-NU (UNPRI); billi l-Forum għall-Investiment Sostenibbli Ewropew jikkalkula li s-suq globali tal-investiment soċjalment responsabbli laħaq madwar EUR 7 triljun minn Settembru 2010, u billi 82 investitur immexxija minn Aviva Global Investors u li jirrappreżentaw USD 50 triljun ta' assi totali ġestiti talbu, fl-okkażjoni tas-Summit tan-NU għal Żvilupp Sostenibbli, sabiex ir-rappurtar tas-sostenibbiltà korporattiva jsir obbligatorju;

G.  billi t-twaqqif tal-Pjattaforma Multilaterali Ewropea dwar l-RSK, it-twettiq ta' għadd ta' proġetti pilota u ta' proġetti ta' riċerka, l-attivitajiet tal-Alleanza preċedenti għall-Impriżi stabbilixxew rekord passat ċar ta' azzjoni Ewropea fil-qasam tal-RSK, flimkien mal-kontribut kontinwu u ta' siwi li sar minn “familja” ta' organizzazzjonijiet tal-RSK Ewropej li tinkludi CSR Europe, l-Akkademja Ewropea tan-Negozju fis-Soċjetà (EABIS), il-Forum għall-Investiment Sostenibbli Ewropew (Eurosif), u l-Koalizzjoni Ewropea għall-Ġustizzja Korporattiva (ECCJ);

H.  billi ċerti standards komuni għall-RSK huma essenzjali, billi differenzi fil-materjalità jeħtieġu wkoll approċċi differenzjati mill-industrija u billi, f'soċjetà libera, l-RSK qatt ma tista' tagħmel azzjoni tal-karità obbligatorja, li tista' tnaqqas ir-rieda tan-nies li jagħtu;

I.  billi l-kodiċijiet ta' kondotta tal-kumpanija kellhom rwol importanti biex jinbeda u jitkabbar l-għarfien dwar l-RSK, iżda huma rispons insuffiċjenti minħabba n-nuqqas frekwenti ta' speċifiċità, ta' inkonsistenza mal-istandards internazzjonali eżistenti, ta' eżempji ta' evitar ta' kwistjonijiet materjali u ta' nuqqas ta' paragunabilità u trasparenza fl-applikazzjoni;

J.  billi l-Prinċipji ta' Linji Gwida dwar in-Negozji u d-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU ġew maqbula unanimament fin-NU bl-appoġġ sħiħ tal-Istati Membri tal-UE, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Impjegaturi u tal-Kamra Internazzjonali tal-Kummerċ, inkluż appoġġ għall-kunċett ta' “smart mix” (taħlita intelliġenti) bejn azzjonijiet regolatorji u dawk volontarji;

K.  billi r-Rappreżentant Speċjali preċedenti tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, John Ruggie, appella lill-Istati Membri tal-UE, bħala parti mill-Konferenza tal-RSK imsejħa mill-Presidenza Svediża ta' dak iż-żmien, biex jikkjarifikaw u jappoġġaw il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni extraterritorjali għal każijiet ta' ksur minn kumpaniji f'pajjiżi terzi fraġli; billi l-appell tiegħu kien sussegwentement approvat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, imma attwalment għadha ma ttieħdet l-ebda azzjoni bħala risposta;

L.  billi l-istudju tal-Kummissjoni dwar lakuni ta' governanza bejn l-istrumenti u l-istandards tal-RSK u leġiżlazzjoni eżistenti Ewropea, magħruf bħala l-Istudju ta' Edinburgh, ippubblikat f'Ottubru 2010 u li r-riżultati tiegħu ġew irrappurtati fir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-2011, ġie approvat b'mod sħiħ mill-Kunsill Ewropew u mill-Parlament Ewropew;

M.  billi l-Linji Gwida tal-OECD dwar l-Impriżi Multinazzjonali huma l-istandard RSK internazzjonali l-aktar kredibbli u li l-aġġornament maqbul f'Mejju 2011 jirrappreżenta opportunità sinifikanti biex l-implimentazzjoni tal-RSK timxi 'l quddiem;

N.  billi kien hemm għadd ta' inizjattivi internazzjonali biex jiżguraw rappurtar ta' sostenibbiltà mill-impriżi, inklużi r-rekwiżiti għall-impriżi mmexxija mill-Istat Ċiniż li jirrappurtaw, u għall-impriżi li jirrappurtaw dwar l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-RSK żviluppati mill-Gvern tal-Indja, flimkien mal-fatt li l-impriżi għandhom jiżvelaw ir-rendiment ta' sostenibbiltà tagħhom mitlub bħala rekwiżit fil-lista uffiċjali tal-Borża fil-Brażil, fl-Afrika tan-Nosfinhar u l-Malasja, u bħala rekwiżit tal-Kummissjoni għat-Titoli u l-Kambju tal-Istati Uniti;

O.  billi l-Att dwar id-Dikjarazzjonijiet Finanzjarji Daniż (2008) fir-rigward tar-rappurtar tas-sostenibilità korporattiva li għandu rekwiżiti addizzjonali speċifiċi ta' rappurtar dwar l-impatt tat-tibdil fil-klima u tad-drittijiet tal-bniedem, kien ferm popolari mal-impriżi Daniżi, li 97% minnhom jagħżlu li jirrappurtaw minkejja d-dispożizzjoni ta' “kkomforma jew spjega” li tkopri l-ewwel tliet snin tal-applikazzjoni tal-Att;

P.  billi Franza u d-Danimarka huma tnejn mill-erba' gvernijiet tal-Istati Membri tan-NU li qablu li jmexxu l-implimentazzjoni tal-impenn tan-NU Rio+20 għar-rappurtar dwar is-sostenibbiltà korporattiva;

Q.  billi l-aġġornament tal-Linji Gwida dwar l-Impriżi Multinazzjonali tal-OECD, immexxi mill-Pajjiżi l-Baxxi, offra l-opportunità li jtejjeb il-viżibilità u l-istatus ta' dawk il-linji gwida, permezz ta' sistema ta' punti ta' kuntatt nazzjonali, temm “in-nexus ta' investiment” li fixkel l-applikazzjoni sħiħa tagħhom mal-katina tal-provvista u integra bis-sħiħ il-Prinċipji dwar in-Negozji u d-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU;

R.  billi r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Ewropa 2020 tiddikjara li hemm rabta qawwija bejn ir-responsabilità korporattiva u l-governanza korporattiva;

S.  billi l-istudju “Green Winners” 2009 li jiġbor fih 99 kumpanija wera li f'16-il settur industrijali separat, kumpaniji bi strateġiji RSK kellhom rendiment aħjar mill-medja industrijali b'mill-inqas 15 %, b'hekk jirrappreżentaw kapitalizzazzjoni tas-suq addizzjonali ta' EUR 498 miljun (USD 650 miljun) għal kull kumpanija;

T.  billi l-Istħarrig “Global CEO 2012” juri li l-impriżi jirrikonoxxu li t-tkabbir jitlob ħidma mill-qrib mal-popolazzjoni lokali; billi, pereżempju, aktar minn 60% ta' dawk mistħarrġa kienu qed jippjanaw li jżidu l-investiment tagħhom fit-tliet snin ta' wara biex jgħinu ħalli titħares is-saħħa tal-ħaddiema;

1.  Jirrikonoxxi li l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni hija parti minn sensiela ta' dikjarazzjonijiet politiċi li bis-saħħa tagħhom l-RSK hija promossa b'mod aktar wiesa', hija integrata fil-politiki tal-UE u se ssir prinċipju stabbilit għall-azzjoni Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw l-istrateġija RSK 2014-2020 bħala l-bażi għal miżuri prattiċi li jinkoraġġixxu lill-kumpaniji jinvolvu ruħhom fl-RSK;

2.  Jenfasizza li għarfien attiv tar-responsabilità soċjali jwassal għal fiduċja u aċċettazzjoni soċjali akbar fl-impriżi;

3.  Jaqbel, madankollu, mal-analiżi stabbilita fil-komunikazzjoni, skont liema l-prattiki tal-RSK għadhom limitati, fil-biċċa l-kbira, għal minoranza tal-impriżi l-kbar, minkejja l-appelli diretti fil-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-2001 u 2006 biex aktar impriżi jħaddnu l-RSK; iqis, madankollu, li l-impriżi dejjem kienu involuti fis-soċjetà li fiha joperaw u li l-RSK tista' tiġi introdotta f'kumpaniji ta' kwalunkwe daqs; jinnota wkoll il-ħtieġa li l-SMEs ikunu involuti fid-dibattitu dwar l-RSK, li ħafna minnhom jadottawha abbażi ta' approċċ aktar informali u intuwittiv li jinvolvi l-ammont minimu ta' amministrazzjoni u l-ebda żieda fl-ispejjeż;

4.  Jiġbed l-attenzjoni fuq ir-rwol strateġiku tal-SMEs, li billi huma qrib it-territorju li jaħdmu fih, jistgħu jiffaċilitaw it-tixrid tal-RSK; jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa, flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali u mal-pjattaformi multilaterali, forom ta’ kooperazzjoni settorjali bejn l-SMEs li jippermettulhom jieħdu azzjoni konġunta dwar problemi soċjali u ambjentali;

5.  Jiddispjaċih li l-RSK tkompli tkun iffokata fuq standards ambjentali u tħalli barra standards soċjali, anke jekk dawn huma essenzjali sabiex tinkiseb klima soċjali li twassal għal tkabbir ekonomiku u għal konverġenza soċjali;

6.  Jemmen li fil-kriżi finanzjarja globali hemm ir-riskju reali li dawk li jfasslu l-politika, inkluż fl-UE, se jsofri konsegwenzi negattivi minħabba ppjanar fuq terminu qasir ta' żmien, b'konċentrazzjoni esklużiva fuq miżuri ta' trasparenza u kontabilità definiti b'mod ristrett fis-swieq finanzjarji, filwaqt li qed tiġi traskurata l-ħtieġa urġenti li s-setturi finanzjarji kif ukoll dawk industrijali jindirizzaw l-isfidi fundamentali tad-degradazzjoni ambjentali u tad-diżintegrazzjoni soċjali b'mod integrat;

7.  Iwissi li l-impriżi jistgħu biss ikunu sostenibbli fil-futur jekk ikunu jeżistu f'ekonomija sostenibbli, u li ma jistax ikun hemm alternattiva għall-bidla futura b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju li tinkludi wkoll il-preservazzjoni tal-kapital soċjali u naturali fid-dinja, proċess li fih l-RSK għandu jkollu rwol deċisiv;

8.  Jemmen li “t-tisħiħ”tal-RSK jeħtieġ jitjieb permezz ta': enfasi fuq l-istrumenti globali tal-RSK; impetu ġdid minn impriżi li huma l-mexxejja fost il-pari tagħhom; żvelar mill-impriżi ta' informazzjoni soċjali u ambjentali; l-użu ta' linji gwida xierqa; appoġġ milll-amministrazzjoni pubblika għall-ħolqien ta' kundizzjonijiet li jwasslu għal kooperazzjoni tal-RSK u l-provvediment ta' għodda u strumenti xierqa, bħal pereżempju sistema ta' inċentiva; analiżi tal-impatt robusta ta' inizjattivi eżistenti tal-RSK; appoġġ għal inizjattivi ġodda fl-isfera soċjali; adattament tal-RSK sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-SMEs; u żieda fir-rikonoxximent fi ħdan kemm il-komunità tan-negozju kif ukoll is-soċjetà ġenerali tal-iskala kbira ħafna tal-isfidi globali soċjali u ambjentali li qed jiffaċċjaw l-Ewropa u d-dinja;

9.  Jappoġġa l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ssaħħaħ l-RSK fl-Ewropa billi tipproduci linji gwida u tappoġġa inizjattivi multilaterali għal setturi industrijali individwali, u jappella lill-kumpaniji u l-assoċjazzjonijiet ewlenin biex iħaddnu din l-inizjattiva;

10.  Itenni li l-RSK għandha tgħaddi mill-proċess għar-riżultat;

11.  Jilqa' favorevolment il-fatt li d-definizzjoni tal-RSK stabbilita fil-komunikazzjoni mill-Kummissjoni, li tirrifletti l-approċċ ġdid adottat għall-ewwel darba mill-Kummissjoni fil-Forum Multilaterali tal-2009, toffri opportunità indispensabbli f'termini ta' inklużjoni u ta' ħolqien ta' kunsens, u tirrifletti korrettament il-kunsens il-ġdid li ntlaħaq bejn l-impriżi u l-partijiet interessati l-oħrajn f'dan l-ambitu bis-saħħa tal-qbil unanimu tal-Prinċipji Gwida tan-NU u strumenti oħra bħall-Gwida Standard dwar ir-Responsabilità Soċjali ISO 26000; jilqa' l-integrazzjoni tat-tħassib soċjali, ambjentali, etiku u rigward id-drittijiet tal-bniedem fl-operazzjonijiet tan-negozju; jinsisti li l-Kummissjoni jeħtiġilha tiddifferenzja aktar bejn: (1) atti ta' karità minn impriżi; (2) atti socjali minn imprizi bbażati fuq il-ligijiet, ir-regoli u l-istandards internazzjonali; u (3) atti antisoċjali minn impriżi li jiksru l-liġijiet, ir-regoli u l-istandards internazzjonali u li huma atti kriminali u abużivi, bħal pereżempju x-xogħol tat-tfal jew ix-xogħol furzat, u li għandhom jiġu kkundanati bil-kbir;

12.  Itenni li l-RSK teħtieġ testendi wkoll għall-aġir tal-impriżi fil-konfront ta' pajjiżi terzi u fihom stess;

13.  Jinnota b'interess li l-Kummissjoni bdiet tinkludi referenzi għall-RSK fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE; huwa tal-fehma li, meta jitqies ir-rwol ewlieni tal-korporazzjonijiet, is-sussidjarji tagħhom u l-ktajjen ta' provvista tagħhom fil-kummerċ internazzjonali, ir-responsabilità soċjali u ambjentali korporattiva għandha ssir parti integrali tal-kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli tal-ftehimiet kummerċjali tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa proposti konkreti għall-implimentazzjoni ta' dawn il-prinċipji tal-RSK fil-politika kummerċjali;

14.  Iqis li “r-responsabilità soċjali” għandha wkoll tirrispetta l-prinċipji u d-drittijiet fundamentali bħal dawk speċifikati mill-ILO, inkluż b'mod partikolari l-libertà ta' assoċjazzjoni, id-dritt għall-ftehim kollettiv, il-projbizzjoni ta' xogħol furzat, l-abolizzjoni tax-xogħol tat-tfal u l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol;

15.  Jirrakkomanda bil-qawwa l-kontribut magħmul mill-Kummissarji għall-Impjiegi, l-Intrapriża u s-Suq Intern u s-servizzi tagħhom għall-approċċ progressiv u kostruttiv adottat fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni; jagħraf il-kontribut ta' partijiet oħra tal-Kummissjoni permezz tal-Grupp Inter-Servizz dwar l-RSK; madankollu jitlob lill-President tal-Kummissjoni jipprovdi tmexxija personali fil-qasam tal-RSK u jiżgura li tittieħed “responsabilità” sħiħa tal-impenn tal-Kummissjoni għall-RSK b'mod partikolari fid-Direttorati Ġenerali għall-Ambjent u f'dawk li jikkonċernaw ir-relazzjonijiet esterni;

16.  Itenni l-konvinzjoni tiegħu li l-RSK għandha tinkludi miżuri soċjali li jiġbru fihom taħriġ vokazzjonali, bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja, u kundizzjonijiet tax-xogħol xierqa; jiddikjara mill-ġdid il-konvinzjoni tiegħu fil-“każ kummerċjali” għall-RSK, iżda jtenni li, meta tali każ ma japplikax fit-terminu qasir f'sitwazzjoni jew f'kumpanija partikolari, dan qatt ma jista' jintuża bħala skuża għall-aġir irresponsabbli u antisoċjali; jemmen li teżisti riċerka suffiċjenti li turi li l-“każ kummerċjali” u li d-disseminazzjoni ta' dik ir-riċerka għandha tkun il-prijorità; jitlob li r-riċerka ġdida dwar l-RSK tkun idedikata għall-valutazzjoni tal-impatt kumulattiv ta' bidliet relatati mal-RSK fl-imġiba tal-impriżi meta jiffaċċjaw sfidi globali Ewropej u dinjija bħall-emissjonijiet tal-karbonju, l-aċidifikazzjoni tal-ilma, il-faqar estrem, ix-xogħol tat-tfal jew l-inugwaljanza, u li l-esperjenza pożittiva ssir parti mill-input futur Ewropew li jgħin biex jiġu żviluppati inizjattivi globali tal-RSK;

17.  Jirrikonoxxi li jirriżulta difett kbir fl-inizjattivi tal-RSK jekk il-kumpaniji li jiddikjaraw li jipprattikaw l-RSK jirnexxilhom jevitaw gruppi ta' interess kruċjali jew kwistjonijiet sensittivi rilevanti għall-attività tagħhom u l-katina tal-provvista globali tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni, f'kollaborazzjoni mal-awtoritajiet finanzjarji u s-sħab soċjali, tibni fuq ix-xogħol preċedenti tal-“laboratorji” tal-RSK biex tidentifika aħjar il-mod kif il-kumpaniji u l-partijiet interessati tagħhom jistgħu jidentifikaw oġġettivament il-kwistjonijiet soċjali u ambjentali essenzjali għall-impriża kkonċernata, u jitlob li ssir għażla ġusta u bilanċjata ta' partijiet interessati li jkunu involuti f'inizjattivi tal-RSK ta' kumpanija;

18.  Jemmen li l-konsumaturi qegħdin dejjem aktar jiffukaw l-attenzjoni fuq kumpaniji b'attivitajiet tal-RSK, u għalhekk iħeġġeġ lill-kumpaniji jieħdu approċċ trasparenti, speċjalment fl-operazzjonijiet korporattivi relatati ma' thassib etiku, socjali u ambjentali;

19.  Jenfasizza l-fatt li l-RSK tkun vijabbli biss jekk ikunu rrispettati d-dispożizzjonijiet legali fis-seħħ u r-regolamentazzjoni dwar tariffi lokali tas-sħab soċjali;

20.  Jinnota li waqt li qed tiġi vvalutata r-responsabilità soċjali ta' impriża, għandha titqies l-imġiba tal-impriżi involuti fil-katina tal-provvista tagħha u kwalunkwe subkuntrattur eventwali;

Irkupru sostenibbli

21.  Isostni r-rikonoxximent, fil-komunikazzjoni mill-Kummissjoni, li “l-kontribuzzjoni għall-mitigazzjoni tal-effetti soċjali tal-kriżi attwali” u s-sejba ta' mudelli ta' negozju sostenibbli huma parti mir-responsabilità soċjali tal-impriżi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jgħinu lin-negozji, f'kooperazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema, isiru involuti fl-RSK; jistieden lill-impriżi jqisu inizjattivi maħsuba biex jippreservaw u joħolqu l-impjiegi, speċjalment għaż-żgħażagħ u n-nisa, fl-oqsma kollha ta' attività (bħal pereżempju l-ġestjoni u t-taħriġ, is-swieq, il-persunal, l-ambjent u s-soċjetà), b'attenzjoni partikolari għal dawk affettwati minn żvantaġġi multipli, bħal pereżempju r-Roma u l-persuna b'diżabilità, u biex mis-suq tax-xogħol lokali jirreklutaw mhux biss ħaddiema komuni imma wkoll uffiċjali għolja tal-maniġment u biex jistabbilixxu, pereżempju, sistema li tippermetti li gradwati universitarji jwettqu apprendistati ta' kwalità sabiex jiksbu l-esperjenza ta' xogħol meħtieġa minn impjegaturi tas-settur privat;

22.  Iqis li l-impriżi għandhom ikunu involuti fir-riżoluzzjoni ta' problemi soċjali aggravati mill-kriżi ekonomika, bħan-nuqqas ta' abitazzjoni u l-faqar, kif ukoll fl-iżvilupp tal-komunitajiet li fihom jaħdmu;

23.  Jirrikonoxxi li l-kriżi ekonomika ġiet akkumpanjata minn żieda fil-każwalizzazzjoni tal-impjiegi, speċjalment għan-nisa, minn differenzi fil-kundizzjonijiet ta' ħidma, li jirriżultaw parzjalment minħabba subkuntrattar, xogħol part time furzat għal ħafna li jixtiequ jaħdmu full time u minn żieda ta' xogħol u prattiki ta' xogħol li xi drabi jkunu abużivi u minn spinta tas-settur informali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Forum Multilaterali Ewropew speċifikament jeżaminaw iż-żieda tas-subkuntrattar. iħeġġeġ li dan ix-xogħol ikun infurmat mill-Prinċipji Gwida tan-NU applikabbli għall-katina tal-provvista u b'mod partikolari għall-kunċett tal-valutazzjoni tal-impatt irrispettivament mil-livelli differenti ta' fornituri;

24.  Jinnota li l-konformità mal-leġiżlazzjoni dwar il-kundizzjonijiet fiżiċi tax-xogħol, l-iżvilupp ta' proċeduri u politika dwar ir-reklutaġġ u s-sensji, il-protezzjoni tad-data u tal-privatezza tal-ħaddiema u l-ħlas fil-ħin tar-remunerazzjoni u ta' benefiċċji oħra huma wkoll parti mill-RSK, u jitlob li dawn l-aspetti jkunu rispettati;

25.  Jirrikonoxxi li l-kriżi qed ikollha effett fuq l-istruttura soċjali; jilqa' l-firxa ta' passi li ttieħdu minn ċerti impriżi biex jinkorporaw gruppi vulnerabbli u żvantaġġati fis-suq tax-xogħol; jitlob lill-kumpaniji jżommu l-pass ma' din it-tip ta' inizjattiva; Jenfasizza, madankollu, li l-għeluq tal-impriżi u l-awsterità qegħdin jikkompromettu wħud mit-titjib li ntlaħaq bis-saħħa tal-RSK, bħal pereżempju l-impjieg għall-gruppi vulnerabbli fis-soċjetà, partikolarment il-persuni b'diżabilitajiet, filwaqt li jtejbu t-taħriġ u l-istatus għal dawn il-ħaddiema, jippromwovu forom ġodda inovattivi ta' produzzjoni u servizzi ta’ siwi soċjali, pereżempju permezz ta' unjins ta' kreditu, u jippromovu mudelli ġodda ta' impjiegi permezz tal-impriżi soċjali, tal-kooperattivi u tal-kummerċ ġust; iqis li huwa għalhekk essenzjali li jiġu determinati limiti għall-miżuri soċjali; jistieden lill-Kummissjoni twettaq analiżi importanti tal-impatt soċjali tal-kriżi fuq dawn l-inizjattivi, billi tinkorpora approċċ ibbażat fuq il-ġeneru b'attenzjoni fuq il-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Ewropa, u tikkonsulta b'mod sħiħ mas-sħab soċjali u mal-partijiet interessati tal-RSK dwar l-eżitu tagħha;

26.  Jemmen li l-azzjonijiet tal-RSK ma jibbenefikawx biss lis-soċjetà b'mod ġenerali, imma jgħinu wkoll kumpanija ttejjeb l-immaġni tagħha u l-pożizzjoni tagħha f'għajnejn il-konsumaturi potenzjali, b'hekk tista' tkun ekonomikament vijabbli fuq perjodu twil ta' żmien;

27.  Jinnota li t-twaqqif ta' programmi ta' żvilupp ta' ħiliet u ta' tagħlim tul il-ħajja għall-ħaddiema, valutazzjonijiet individwali regolati għall-ħaddiema u programm ta' ġestjoni tat-talent kif ukoll it-twaqqif ta' impriżi individwali u l-iżvilupp ta' objettivi għall-ħaddiema jżidu l-motivazzjoni tagħhom u l-impenn tagħhom u huma parti essenzjali mill-RSK;

28.  Jinnota li, partikolarment fi żminijiet ta' kriżi, kumpaniji li joperaw bi qbil mal-RSK għandhom jgħinu biex jiġu żviluppati kapaċitajiet innovattivi fir-reġjun tagħhom billi jintroduċu soluzzjonijiet teknoloġiċi innovattivi u li jkunu favur l-ambjent u permezz ta' investimenti ġodda u l-modernizzazzjoni; jenfasizza li l-integrazzjoni tat-tħassib ambjentali bħad-bijodiversità, it-tibdil fil-klima, l-effiċjenza tar-riżorsi u s-saħħa ambjentali fl-operazzjonijiet tal-impriżi toffri potenzjal li jippromovi rkupru sostenibbli;

29.  Iqis li l-kriżi finanzjarja f'xi każijiet setgħet mermret il-fiduċja tal-impjegati fil-konfront tal-obbligi tal-kumpaniji li jikkonformaw mad-drittijiet għall-pensjoni privata fit-tul, b'kunsiderazzjoni tad-differenzi bejn sistemi ta' pensjoni fl-UE, wara l-kriżi; jistieden lil kumpaniji responsabbli biex jindirizzaw din il-problema flimkien mal-Kummissjoni u s-sħab soċjali, inkluż bit-twaqqif ta' arranġamenti miftuħa, inklużivi u bbażati fuq ir-regoli biex jiġu ġestiti l-investimenti tal-pensjoni, u bħala parti mill-isfida usa' fi ħdan l-RSK biex jindirizzaw it-tixjiħ attiv fi żmien ta' tibdil demografiku; sabiex ikun hemm irkupru ekonomiku sostenibbli hu essenzjali li terġa' tinbena l-fiduċja bejn l-impjegati u l-kumpaniji;

Organizzazzjoni internazzjonali u approcci multilaterali

30.  Jirrakkomanda bil-qawwa l-enfasi mogħtija fil-komunikazzjoni mill-Kummissjoni għat-tisħiħ u l-implimentazzjoni tal-istandards internazzjonali, u – fid-dawl tal-aġġornament tal-2011 tal-Linji Gwida tal-OECD u l-qbil mal-Prinċipji Gwida tan-NU – jemmen li llum trid tingħata attenzjoni partikolari mill-azzjoni tal-UE għall-implimentazzjoni sħiħa ta' tali linji gwida u prinċipji fost l-impriżi Ewropej; jenfasizza li dawn il-linji gwida tal-OECD ġew definiti u rikonoxxuti fil-livell internazzjonali biex jiġu stabbiliti u jinżammu kundizzjonijiet ugwali ta' kompetizzjoni, filwaqt li jitrawmu prattiki kummerċjali miftuħa, ġusti u responsabbli fid-dinja kollha; jissuġġerixxi lill-Kummissjoni li tirrapporta kull sena kemm lill-Parlament kif ukoll lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' dawn il-linji gwida tal-OECD fl-UE;

31.  Jissottolinja l-importanza li jkunu żviluppati politiki tal-Unjoni dwar l-RSK f'konformità mal-istandards internazzjonali, għall-fini li jiġu evitati interpretazzjonijiet diverġenti u riskji ta’ vantaġġi jew żvantaġġi kompetittivi f’livell nazzjonali jew internazzjonali;

32.  Jinsisti li kull wieħed mis-27 Stat Membru jeħtieġ jaċċellera r-reviżjoni tal-pjanijiet tiegħu ta’ azzjoni dwar l-RSK, u l-iżvilupp tal-pjanijiet nazzjonali li jimplementaw il-Linji Gwida tal-OECD u l-Prinċipji Gwida tan-NU, li għandhom ikunu ffinalizzati sa mhux aktar tard minn tmiem Diċembru 2013; iqis li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn il-pjanijiet jitfasslu bil-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati relevanti kollha, inkluzi l-NGOs, is-socjetà civili, it-trejdjunjins, l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u l-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem (NHRI); jitlob lill-UE tiffaċilita t-tagħlim mill-esperjenza ta’ dawk l-Istati tal-UE li għaddejjin bħalissa mill-proċess; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jitnebbħu mil-linji gwida li jinsabu fl-istandard ISO 26000, mill-aħħar verżjoni tal-linji gwida tal-Global Reporting Initiative u mill-gwida żviluppata mill-Grupp Ewropew tal-Istituzzjonijiet Nazzjonali tad-Drittijiet tal-bniedem (NHRIs);

33.  Jitlob li jkun hemm koerenza akbar fil-politiki f’livell ta’ UE billi l-politiki u l-ftehimiet dwar l-akkwist pubbliku, il-kreditu tal-esportazzjoni, il-governanza t-tajba, il-konkorrenza, l-iżvilupp, il-kummerċ, l-investiment u oħrajn jinġiebu f’konformità mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, soċjali u ambjentali, stabbiliti fil-linji gwida u l-principji tal-OECD u tan-NU; jitlob, f’dan is-sens, għal kooperazzjoni mal-korpi li jirrappreżentaw l-impjegati, l-impjegaturi u l-konsumaturi filwaqt li jittieħed il-parir tal-NHRIs, bħalma huma s-sottomissjoni tal-Grupp Ewropew tal-NHRIs lill-Kummissjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-akkwist; jitlob li jkun hemm valutazzjonijiet sinifikanti u adegwati tal-impatt tal-proposti legizlattivi għal inkoerenza potenzjali mal-Principji Gwida tan-NU, u jinsisti fuq il-koordinazzjoni mal-Grupp ta' Hidma dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, ħalli tkun evitata interpretazzjoni ma ssegwix u inkonsistenti ta’ dawk il-Principji Gwida;

34.  Jilqa' b'mod partikolari l-inklużjoni tas-settur tal-ICT għal linji gwida speċifiċi Ewropej dwar l-impriżi u d-drittijiet tal-bniedem; jirrikonoxxi d-dilemmi ġenwini maħluqa mill-ħtieġa li tkun protetta l-privatezza u l-ġlieda kontra kontenut kriminali fuq naħa, bl-objettiv li tkun difiża l-libertà tal-espressjoni fuq l-oħra, kif evidenzjat mill-kontroversja reċenti maħluqa mill-vidjow antiiżlamiku mtella’ fuq YouTube; jistieden ħafna aktar kumpaniji Ewropej jkunu involuti fl-inizjattiva li tinkludi diversi partijiet interessati f'dan ir-rigwrd, l-Inizjattiva Global Network (GNI), li s-sħubija fiha hi attwalment dominata mill-kumpaniji bbazati fl-Istati Uniti;

35.  Jinsisti li t-totalità tal-“finanzi favur il-kummerċ u l-iżvilupp” konċessi lill-atturi tas-settur privat mill-faċilitajiet ta' investiment tal-UE, il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp għandha tinkludi l-klawsoli kuntrattwali li jeħtieġu l-konformità mal-Linji Gwida tal-OECD dwar Impriżi Multinazzjonali u mal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozji u d-Drittijiet tal-Bniedem, b'dispożizzjonijiet dwar ir-responsabilità ta’ rendikont u mekkaniżmu ċar ta' lmenti; itenni s-sejħa tiegħu lill-Istati Membri biex jagħmlu l-istess fir-rigward tal-ħruġ ta' krediti tal-esportazzjoni lill-impriżi;

36.  Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar il-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali għall-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozji u d-Drittijiet tal-Bniedem; jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jiżvolġi rwol ferm akbar biex jikkontribwixxi fit-tmexxija tal-implimentazzjoni f'livell għoli u biex jinkoraġġixxi monitoraġġ u rappurtar effetttiv; jappella għal “proċess ta' riezami inter pares” li jseħħ bejn l-Istati Membri ħalli jsir progress fl-implimentazzjoni; jitlob lill-Kummissjoni u lis-SEAE jwettqu evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' azzjoni u valutazzjoni tal-azzjoni meħuda fil-livell tal-UE, u jirrapportaw lura lill-Kunsill Ewropew u lill-Parlament sa tmiem l-2014;

37.  Jirrikonoxxi li l-kumpaniji qed joperaw dejjem iżjed fi stati fraġli u li huma għandhom dmir li jipproteġu l-persunal tagħhom mill-kunflitt, it-terroriżmu u l-kriminalità organizzata; madankollu jinsisti li l-kumpaniji għandhom dmir ugwali li jassiguraw li l-arranġamenti ta' sigurtà ma jippreġudikawx il-paċi jew is-sigurtà ta' oħrajn f'postijiet fejn joperaw, u li bihom jistgħu jkunu akkużati b'kompliċità fi ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw adozzjoni ferm akbar tal-Prinċipji tas-Sigurtà Volontarja internazzjonali u li jfittxu ftehim dwar qafas regolatorju internazzjonali fuq ir-regolazzjoni, il-monitoraġġ u s-superviżjoni tal-attivitajiet tal-kumpaniji militari u ta' sigurtà privati (PMSCs);

38.  Jistieden lill-impriżi u partijiet interessati oħra jkunu involuti b'mod kostruttiv fil-proċess tal-Kummissjoni biex jiżviluppaw gwida tad-drittijiet tal-bniedem speċifika għas-settur, u biex jużaw il-gwida li tirriżulta meta din tkun kompluta;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni, partikolarment id-DĠ Ġustizzja tagħha, tressaq proposti biex tiffaċilita aħjar l-aċċess għall-ġustizzja fil-qrati tal-UE għall-każijiet l-aktar impressjonanti u estremi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem jew tax-xogħol min-naħa ta' impriżi bbażati fl-Ewropa, jew mis-sussidjarji, mis-sottokuntratturi jew mis-sħab kummerċjali tagħhom, kif rakkomandat mis-Segretarju Ġenerali u Rappreżentat Għoli tan-NU dwar in-Negozji u d-Drittijiet tal-Bniedem;

40.  Jinnota, ukoll, il-ħtieġa li jiġu żviluppati u mwaqqfa mekkaniżmi għar-rappurtar ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem f'impriżi individwali;

41.  Jemmen li l-istudju “Green Matters” juri definittivament ir-rabta pożittiva bejn kumpaniji li qed isegwu l-RSK u l-ilħuq ta' rendiment finanzjarju aħjar hekk kif qed joħorġu mill-kriżi; japprova l-kunċett ta' “kompetittività responsabbli” u jenfasizza li s-suq potenzjali għal prodotti u servizzi soċjalment u ambjentalment utli jibqa' opportunità kruċjali tas-suq għal kumpaniji kif ukoll jissodisfa l-ħtiġijiet tas-soċjetà;

42.  Huwa tal-istess fehma tal-impriżi, identifikata fl-Istħarriġ Global CEO 2012, li tkabbir sostenibbli tan-negozju jesiġi ħidma mill-qrib mal-popolazzjonijiet lokali, mal-gvernijiet u mas-sħab tan-negozju, u investiment fil-komunitajiet lokali; jappoġġa u jitlob intensifikazzjoni tal-inizjattivi tan-negozju marbutin mal-ħolqien tal-impjiegi, it-taħriġ, l-għajnuna biex ikunu ġestiti l-limiti tar-riżorsi u l-kontribuzzjoni għas-soluzzjonijiet tas-saħħa;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni, partikolarment id-DĠ Kummerċ, titlaq minn approċċ “passiv” u tadotta approċċ “attiv” fil-konfront tal-Linji Gwida tal-OECD, inkluż billi taderixxi mad-Dikjarazzjoni tal-OECD dwar l-Investiment Internazzjonali u l-Impriżi Multinazzjonali, li tinkludi l-Linji Gwida tal-OECD, filwaqt li tiżgura l-promozzjoni u s-sostenn kontinwu tal-Linji Gwida tal-OECD permezz tad-Delegazzjonijiet tal-UE f'pajjiżi terzi, tiżgura l-finanzjament ta' inizjattivi għall-bini tal-kapaċità flimkien mal-impriżi, it-trejdunjins u s-soċjetà ċivili f'pajjiżi terzi fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Linji Gwida, u tiżgura li l-Linji Gwida jkunu speċifikament imsemmija fil-ftehimiet il-ġodda kollha bejn l-UE u pajjiżi terzi, inklużi t-trattati kollha ta' kummerċ u ta' investiment; jitlob lill-UE tagħmel sforz diplomatiku kbir biex tikkonvinċi aktar pajjiżi fil-livell internazzjonali ħalli jsiru firmatarji u biex tipprovdi lil gruppi tas-soċjetà ċivili b'appoġġ konkret għal “każijiet speċifiċi” ta' ksur allegat, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri;

44.  Jemmen li l-RSK tista' tkun għodda importanti biex tgħin lill-UE tappoġġa l-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet internazzjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO); jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa lill-organizzazzjonijiet u s-sħab soċjali Ewropej li jkunu qed ifittxu li jwettqu proġetti pilota bi qbil mal-Linji Gwida tal-OECD u standards internazzjonali oħra tal-RSK bil-għan li tinbena l-kapaċità fil-pajjiżi terzi; jitlob lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi mira speċifika għan-negozjar u l-konklużjoni ta' ftehimiet qafas ġodda dwar kwistjonijiet relatati mal-RSK u biex tistieden lis-sħab soċjali jikkonkludu dawn il-ftehimiet fil-kuntest tal-approċċ settorjali l-ġdid tagħhom għall-RSK; jistieden lill-Kummissjoni, b'mod partikolari d-DĠ Impjiegi, biex tintegra l-istandards tax-xogħol fl-RSK billi twettaq proġetti pilota dwar xogħol deċenti flimkien ma' gvernijiet ta' pajjiżi terzi;

45.  Jaqbel mal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Strateġija rinnovata tal-UE 2011-2014 għar-Responsabilità Soċjali Korporattiva” li “r-rispett għal-leġiżlazzjoni applikabbli, u għall-ftehimiet kollettivi bejn is-sħab soċjali, huwa prerekwiżit biex titwettaq responsabilità [soċjali korporattiva]”; jemmen li RSK għandha tikkumplimenta, imma bl-ebda mod tieħu post, il-leġiżlazzjoni eżistenti, in-negozjar kollettiv u d-djalogu mal-ħaddiema organizzati fi trejdunjins; jemmen li l-kumpaniji għandhom jikkommettu lilhom infushom li jiddiskutu l-politika tagħhom tal-RSK − u elementi bħal rapport annwali tal-kumpanija dwar l-impatt soċjali u ambjentali tal-attivitajiet tagħhom − mal-impjegati u r-rappreżentanti tagħhom; jemmen li għandu jkun adottat sett ta' regoli fakultattiv għall-EFAs fuq il-bażi tal-kontenut possibbli ta' tali qafas, kif deskritt fid-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar dan is-suġġett;

46.  Jitlob lil-UE, u b'mod partikolari l-Kummissjoni:

   tiżgura li t-tema tal-RSK u d-drittijiet tal-bniedem tkun tidher fost il-prijoritajiet tal-istrumenti finanzjarji individwali fil-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) l-ġdid għall-perijodu 2014-2020; kif ukoll
   tiżviluppa appoġġ speċifiku skont l-EIDHR għat-taħriġ u l-bini globali tal-kapaċità fil-qasam tal-RSK u d-drittijiet tal-bniedem għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-NHRIs, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, it-trejdunjins, u organizzazzjonijiet oħrajn tad-drittijiet tal-bniedem;

47.  Jilqa' l-fatt li wħud fis-settur tan-negozju użaw is-samit tan-NU Rio+20 biex jappoġġaw konvenzjoni globali ġdida dwar ir-responsabilità korporattiva fis-sistema tan-NU; jemmen li għalkemm tali konvenzjoni probabilment għad fadlilha ftit snin, l-UE għandha, b'mod kostruttiv, tinvolvi lilha nnifisha fid-dibattitu; madankollu jemmen li tali diskussjonijiet ma għandhomx jaljenaw lil dawk responsabbli mill-politika tal-impriżi u lill-gvern milli jipproċedu b'urġenza bl-implimentazzjoni tal-istrumenti eżistenti tal-RSK; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li hemm mudelli differenti dwar kif jistgħu joħorġu forom ġodda ta' governanza globali tal-RSK flimkien mas-sistema tan-NU, pereżempju billi jiġi promoss it-tkabbir tal-Linji Gwida tal-OECD fost dawk li mhumiex membri jew permezz ta' inizjattiva indipendenti minn gvernijiet tal-istess opinjoni; jistieden lill-UE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw u jappoġġaw proposti speċifiċi għal kontribut konkret u verifikabbli għall-impriżi li jrid ikun hemm qbil dwarhom bħala parti mill-għanijiet proposti tan-NU dwar l-iżvilupp sostenibbli għal wara l-2015;

Politiki pubbliċi għall-RSK

48.  Japprova l-fehma, li ġejja mill-ewwel rapport ta' Ġunju 2004 tal-Forum Multilaterali, li l-awtoritajiet pubbliċi jista' jkollhom rwol sinifikanti billi jagħmlu użu mill-funzjonijiet tagħhom ta' konvokazzjoni u ta' inċentivazzjoni biex isir progress fl-RSK, mhux l-inqas fl-akkwist pubbliku, u jistieden lill-Istati Membri, permezz tal-Grupp ta' Livell Għoli u alternattivi oħra, biex jagħtu spinta kbira ġdida lil tali sforzi;

49.  Jitlob li fejn l-UE jew l-Istati Membri tagħha jkunu sħab fin-negozju (eż. fil-kuntest tal-akkwist pubbliku, l-impriżi tal-istat, l-impriżi konġunti, il-garanziji tal-kreditu għall-esportazzjoni u l-proġetti fuq skala kbira f’pajjiżi terzi), il-konsistenza mal-OECD u l-Linji Gwida u l-prinċipji tan-NU għandha tkun prijorità, riflessa fi klawsoli speċifiċi b'konsegwenzi għall-kumpaniji li jiksru b'mod ċar l-istandards soċjali, ambjentali u tad-drittijiet tal-bniedem;

50.  Jisħaq fuq l-importanza tal-qafas tan-NU “Protezzjoni, Rispett u Rimedju” u jqis li dawn it-tliet pilastri – ir-responsabilità tal-Istat li jipproteġi mill-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, ir-responsabilità tal-kumpaniji li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-bżonn ta' aċċess aktar effettiv għar-rimedju – għandhom ikunu appoġġati permezz ta' miżuri xierqa li jippermettu l-implimentazzjoni tagħhom;

51.  Jenfasizza li, minħabba l-piż tagħhom fil-kummerċ internazzjonali, il-kumpaniji Ewropej u s-sussidjarji u s-sottokuntratturi tagħhom għandhom rwol fundamentali fil-promozzjoni u t-tixrid tal-istandards soċjali u tax-xogħol mad-dinja kollha; jirrikonoxxi li l-ilmenti kontra l-kumpaniji tal-UE li joperaw barra huma ta' spiss solvuti b'mod aktar utli in situ ; ifaħħar lill-punti nazzjonali ta' kuntatt tal-OECD bħala mekkaniżmi mhux legali bbażati fl-istati li jistgħu jimmedjaw fuq firxa wiesgħa ta' tilwim tan-negozju u tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob, madankollu, li jkun hemm sforzi akbar mill-kumpaniji biex jiżviluppaw mekkaniżmi ta’ lmentar allinjati mal-kriterji ta’ effikaċja msemmija fil-Prinċipji Gwida tan-NU u biex ifittxu aktar gwida awtorevoli pprovduta minn prinċipji u linji gwida rikonoxxuti internazzjonalment, b'mod partikolari l-Linji Gwida tal-OECD aġġornati reċentement għal Impriżi Multinazzjonali, l-għaxar prinċipji tal-Patt Globali tan-NU, l-istandard ta' gwida dwar ir-responsabilità soċjali ISO 26000 u d-Dikjarazzjoni Tripartitika ta’ Prinċipji fir-rigward tal-Impriżi Nazzjonali u l-Politika Soċjali tal-ILO;

52.  Jitlob għall-iżvilupp ta' standards ta' trasparenza u responsabilità aktar effettivi għall-kumpaniji teknoloġiċi tal-UE fir-rigward tal-esportazzjoni ta' teknoloġiji li jistgħu jintużaw sabiex jiksru id-drittijiet tal-bniedem jew jaġixxu kontra l-interessi tas-sigurtà tal-UE;

53.  Jitlob li jiġi implimentat il-prinċipju “kun af l-utent aħħari tiegħek” biex jiġi żgurat aktar skrutinju u biex jiġi evitat milli jseħħ ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-istadji tal-bidu jew dawk sussegwenti fil-ktajjen tal-provvista u fil-flussi tal-produzzjoni jew tas-swieq;

54.  Iqis li l-Istati Membri għandhom iżommu lill-kumpaniji responsabbli għall-adozzjoni ta' prinċipji u politiki proattivi biex jikkumbattu d-diskriminazzjoni u l-esklużjoni soċjali, jippromovu l-ugwaljanza bejn is-sessi u jirrispettaw id-drittijiet fundamentali ta' kulħadd;

55.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, meta jitqies l-approċċ multilaterali għall-RSK, biex jikkunsidraw li jwessgħu l-attendenza ta' osservaturi fil-laqgħat biennali tal-Grupp ta' Livell Għoli biex jinkludu rappreżentanti bħala osservaturi li jinkludu żewġ rapporteurs mill-kumitati relevanti tal-Parlament, rappreżentanti mill-Programm tal-Ambjent tan-NU, il-Kunsill dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, u persuna maħtura mis-settur tan-negozji Ewropej, mit-trejdunjins u mis-soċjetà ċivili, li jrid ikun hemm qbil dwarhom mill-kumitat ta' koordinazzjoni tal-Forum Multilaterali;

56.  Jirrikonoxxi li l-ħtieġa, imsemmija fid-Dikjarazzjoni ta' Laeken tal-2001, li l-istituzzjonijiet tal-UE jitressqu aktar qrib taċ-ċittadini tal-Unjoni għadha għaddejja; jappoġġa għalhekk eżami formali tal-“proposta Solidarité” għal programm interistituzzjonali fil-qasam tar-riżorsi umani fl-istituzzjonijiet tal-UE bil-għan li jiffaċilita l-involviment tal-persunal u tal-apprendisti tagħhom fil-volontarjat, permezz tal-attivitajiet umanitarji benevolenti u soċjali pożittivi, kemm bħala parti mit-taħriġ tal-persunal kif ukoll fil-forma ta' volontarjat; jenfasizza l-fatt li l-programm propost jiffranka l-ispejjeż u għandu valur miżjud għoli kif ukoll jista' jgħin fil-promozzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-programmi tal-UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex jinkludu l-volontarjat tal-impjegati fil-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali tagħhom; jitlob għal 'patt' li jkun iffirmat permezz taċ-Ċentru Ewropew għall-Volontarjat (CEV) bil-għan li jinvolvi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mill-Ewropa kollha li jipprovaw jilħqu dan l-objettiv;

57.  Jistieden lill-impriżi biex iħeġġu l-impjegati tagħhom biex jagħmlu xogħol volontarju internazzjonali, bil-għan li jiġu promossi s-sinerġiji bejn is-settur pubbliku u s-settur privat fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp; jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovdi appoġġ, permezz tal-Korp Volontarju Ewropew ta' Għajnuna Umanitarja, għal azzjoni meħuda min-negozji f'dan il-qasam;

58.  Iqis li l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu kumpaniji jiżviluppaw politiki u jwettqu miżuri li jindirizzaw il-ħtieġa li jkunu rispettati l-ħajja privata u tal-familja tal-impjegati kollha tagħhom; jemmen li dawn il-politiki u l-miżuri għandhom jikkonformaw mal-prinċipju tal-ugwaljanza, u għandhom jestendu għal negozjati dwar it-tul u l-organizzazzjoni tas-sigħat tax-xogħol, il-livelli tas-salarji, id-disponibilità ta' ċerti faċilitajiet prattiċi għall-ħaddiema, u kundizzjonijiet flessibbli ta' xogħol, inkluża n-natura tal-kuntratti tal-impjieg u d-disponibilità ta' waqfien waqt il-karriera;

59.  Jirrikonoxxi li l-indikaturi soċjali għadhom lura fir-rigward tal-indiċi ambjentali f'termini ta' valutazzjoni ekonomika u l-ispeċifiċità ġenerali f'ħafna inizjattivi tal-RSK; jemmen, minkejja l-manwal dwar l-akkwist soċjali, li l-UE stess kienet wisq limitata f'dan il-qasam; jitlob għal studju dwar “valutazzjoni tal-kapital soċjali” li jwassal għal dibattitu Ewropew wiesa' dwar integrazzjoni aħjar tal-impatt soċjali fuq it-tmexxija ta' negozju sostenibbli; jappoġġa fondi għall-proġetti pilota li jiżviluppaw l-indiċi soċjali, l-aġenziji ta' klassifikazzjoni soċjali u l-prattika ta' awditjar soċjali f'uħud mill-Istati Membri u s-setturi tan-negozju;

60.  Jilqa' r-rikonoxximent tar-rwol li jrid ikollu s-settur tal-akkwist pubbliku biex iħeġġeġ fil-prattika l-RSK, inkluż l-aċċess għat-taħriġ, l-ugwaljanza, il-kummerċ ġust u l-integrazzjoni soċjali ta' ħaddiema żvantaġġati u ta' persuni b'diżabilitajiet, sabiex jipprovdu lill-impriżi b'inċentiv li jżidu r-responsabilità soċjali tagħhom; madankollu jqis li mhuwiex ċar sa liema punt ġew verament segwiti mill-awtoritajiet pubbliċi l-emendi suċċessivi għar-regoli tal-akkwist tal-UE u x'impatt globali kien hemm f'termini ta' titjib tar-rendiment ambjentali u soċjali tan-negozju kif ukoll ta' inċentivi għall-RSK; jitlob għal aktar riċerka u valutazzjonijiet tal-impatt li jwasslu għal rakkomandazzjonijiet ċari bil-għan li jipprovdu inċentivi li jinftiehmu faċilment mill-impriżi; jitlob biex dan jinkludi analiżi tal-prattika li qed tikber ta' bini ta' negozji fuq klawsoli RSK fl-akkwist privat tagħhom i.e. fil-kuntratti impriża ma' impriża, u jitlob biex ikunu identifikati prattiki tajba f'dan il-qasam;

61.  Jinkoraġġixxi l-użu ta' teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u l-midja soċjali biex iħeġġeġ lil dawk globalment interessati li jieħdu sehem aktar attiv fil-konsultazzjonijiet multilaterali;

62.  Ifaħħar lill-Istati Membri għall-isforzi konsiderevoli tagħhom biex jiżviluppaw u jimplimentaw il-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali dwar l-RSK f'konsultazzjoni ma' pjattaformi multilaterali nazzjonali f'bosta pajjiżi tal-UE; madankollu, jesprimi tħassib li varjetà kbira ta' miżuri tal-politika pubblika għad irid ikollhom impatt viżibbli sinifikanti fuq il-progress tal-RSK; jitlob biex ikun hemm aktar riċerka u evalwazzjoni tal-miżuri tal-politika pubblika relatati mal-RSK fil-livell Ewropew; jitlob lill-Kummissjoni stess biex turi “tmexxija bl-eżempju” bħala impjegatur responsabbli billi tippubblika r-rapport dwar l-RSK tagħha bi qbil mas-Suppliment tas-Settur Pubbliku tal-GRI, filwaqt li toffri lill-persunal tal-Kummissjoni “time-off” biex jieħu inizjattivi ta' volontarjat tal-impjegati u billi tirrevedi l-użu tal-investimenti tal-fondi tal-pensjoni skont kriterji etiċi;

63.  Jitlob biex is-Sena Ewropea taċ-Ċittadinanza 2013 tinkludi parti speċifika dwar iċ-ċittadinanza tan-negozju, filwaqt li jistieden l-intraprendituri u n-negozjanti biex jinvolvu lilhom infushom fl-inizjattivi eżistenti tal-RSK fl-Istati Membri u fil-livell tal-UE bil-għan li jiġi promoss u żviluppat il-kunċett ta' “ċittadin korporattiv tajjeb”;

64.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tibbaża l-iskema ġdida tal-premjijiet tagħha fuq prattiki eżistenti f'dan il-qasam; jemmen li l-premjijiet jistgħu jinċentivaw l-RSK ladarba r-rebbieħa jirrappreżentaw ġenwinament l-aħjar prattika fil-livell nazzjonali, Ewropew u globali; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi panel indipendenti ta' esperti li jevalwaw dan u li “jawditjaw” l-iskema f'din is-sena u fi snin futuri fuq bażi kontinwa; jitlob biex il-pubbliċità dwar il-premjijiet tirrifletti l-kumplessità reali tal-isfidi li qed jiġu affaċċjati u jenfasizza li għandhom jittieħdu lezzjonijiet mhux biss għar-rebbieħa imma wkoll għall-kumpaniji kollha;

65.  Iqis bħala essenzjali għall-Kummissjoni li tiżviluppa malajr kemm jista' jkun il-metodoloġija komuni mħabbra għall-kejl tar-rendiment ambjentali bbażat fuq l-ispiża taċ-ċiklu tal-ħajja; jemmen li tali metodoloġija tista' tkun utli f'termini kemm ta' trasparenza tal-informazzjoni tal-kumpaniji kif ukoll tal-valutazzjoni mill-awtoritajiet tar-rendiment ambjentali tal-kumpaniji;

66.  Jistieden lill-Kummissjoni taċċelera l-isforzi tagħha intiżi li jressqu proposti ġodda fil-programm ta' ħidma tagħha biex jimtlew il-lakuni f'termini ta' governanza fir-rigward tal-istandards internazzjonali fil-qasam tal-RSK, kif jirrakkomanda l-“Istudju ta' Edinburgh” li hi kkummissjonat;

67.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni li ssaħħaħ l-effikaċja ta' politiki li jippromovu l-RSK billi, pereżempju, jintroduċu premjijiet għal imġiba korporattiva responsabbli fil-forma ta' inċentivi ta' politika ta' investiment u ta' aċċess għall-investiment pubbliku;

68.  Jirrakkomanda lill-Kummissjoni tippjana biex tressaq inizjattivi fl-oqsma tal-produzzjoni u tal-konsum responsabbli; jemmen li l-UE tista' tibni fuq l-esperjenza ta' inizjattivi tal-RSK li jkun fihom taħriġ speċifiku u bini tal-kapaċità għax-xerrejja fil-kumpaniji; jemmen li l-inizjattiva ppjanata dwar trasparenza tista' tkun mutur ewlieni għall-moviment tal-konsumatur etiku; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex iqisu l-fattibilità u x-xewqa li tiġi żviluppata tikketta soċjali Ewropea għall-kumpaniji kollha involuti fl-RSK, sabiex l-isforzi tagħhom ikunu aktar viżibbli għall-konsumaturi u l-investituri, u billi jibnu fuq l-inizjattivi ta' tikketti eżistenti, biex tiġi kontinwament promossa l-kollaborazzjoni minn “isfel għal fuq” taħt il-patroċinju tal-Alleanza tal-Akkreditazzjoni Internazzjonali Soċjali u Ambjentali u ta' Tikkettar (ISEAL); jissuġġerixxi li l-kumpaniji li jkollhom tali tikketta Ewropea jkunu sorveljati regolarment dwar il-konformità tagħhom mad-dispożizzjonijiet soċjali tal-RSK stabbiliti fit-tikketta;

Rabta bejn l-investiment soċjalment responsabbli u l-informazzjoni

69.  Josserva li mutur fundamentali tas-suq tal-investiment responsabbli b'mod soċjali u sostenibbli jibqa' d-domanda tal-investituri istituzzjonali, għalkemm l-attenzjoni primarja m'għandhiex tibqa' marbuta biss mal-aspetti ambjentali; josserva, f'dan ir-rigward, li l-informazzjoni hija mutur fundamentali tal-RSK u trid tkun ibbażata fuq prinċipji soċjali u ambjentali faċilment applikabbli u li jistgħu jitkejlu; jilqa' l-azzjoni tal-Kummissjoni li tinvolvi lilha nnifisha mal-komunità tal-investituri dwar kwistjonijiet tal-RSK; jitlob biex dan l-involviment ikun ibbażat sew fuq appoġġ għall-Prinċipji tan-NU għal Investiment Responsabbli u l-prinċipju dwar rappurtar integrat (IR);

70.  Jinnota li l-benefiċjarji ta' investituri fit-tul bħal pereżempju fondi tal-pensjonijiet għandhom interess fir-rendiment sostenibbli u fl-imġiba korporattiva responsabbli; jemmen li huwa importanti li l-inċentivi tal-aġenti tal-investiment ikunu allinjati b'mod effikaċi mal-interessi tal-benefiċjarji, u ma jillimitawhomx għal interpretazzjoni ristretta ta' dawk l-interessi li tiffoka biss fuq il-massimizzazzjoni tar-rendiment għal terminu qasir; japprova qafas legali li jappoġġa dan l-għan; jilqa' l-iżvilupp tal-proposti tal-Kummissjoni dwar l-investiment fit-tul u dwar il-governanza korporattiva li se jikkontribwixxu għall-indirizzar ta' dawn il-kwistjonijiet.

71.  Jappoġġa l-Kummissjoni biex tressaq proposta dwar żvelar mhux finanzjarju min-negozji; jinsab kuntent li din il-proposta hija bbażata fuq konsultazzjoni pubblika wiesgħa kif ukoll fuq sensiela ta' workshops ma' partijiet interessati rilevanti; javża li l-użu tat-terminu “mhux finanzjarju’ m’għandux jaħbi l-konsegwenzi finanzjarji verament reali għan-negozju fir-rigward tal-kwistjonijiet soċjali, ambjentali u tad-drittijiet tal-bniedem; jemmen li l-proposta tagħti lill-UE l-opportunità li tirrakkomanda li n-negozji Ewropej japplikaw il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem u l-Patt Globali tan-NU u li għandhom jiġu armonizzati b'rapportar integrat kif attwalment qed jiġi żviluppat mill-Kunsill Internazzjonali dwar ir-Rapportar Integrat (IIRC); jenfasizza li kwalunkwe soluzzjoni trid tkun flessibbli u ma toħloqx piżijiet u spejjeż amministrattivi eċċessivi;

72.  Jinnota li sabiex tissaħħaħ il-kredibilità tal-azzjonijiet tan-negozju, ir-rapport soċjali għandu jiġi vverifikat minn korp estern;

Promozzjoni tal-RSK

73.  Huwa favur rwol ta' tmexxija kontinwa tal-Forum Multilaterali Ewropew għas-sostenn tal-implimentazzjoni tal-proposti stabbiliti fil-komunikazzjoni mill-Kummissjoni; jirrimarka li kieku l-RSK tkun adattata aktar mill-qrib għall-SMEs, hi tkun tista' tinfirex aktar fil-partijiet kollha tal-Ewropa; jistieden lill-parteċipanti kollha jimpenjaw ruħhom fil-ħidma tal-forum b'approċċ li jkun flessibbli, b'moħħ miftuħ u orjentat lejn il-kunsens fl-ispirtu reali tal-RSK;

74.  Jinsisti li d-drittijiet u l-libertajiet tat-trejdunjins u r-rappreżentazzjoni ta' korpi li jirrappreżentaw il-ħaddiema u li jkunu eletti b'mod demokratiku jinsabu fiċ-ċentru ta' kwalunkwe strateġija tal-RSK; ifaħħar il-qafas estensiv tal-UE tal-istrutturi tad-djalogu soċjali settorjali u transsettorjali u jitlob li jkun hemm konsultazzjoni u involviment sħaħ u attivi tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi u t-trejdunjins, b'mod partikolari fl-iżvilupp, l-operat u l-monitoraġġ tal-proċessi u l-istrutturi tal-RSK tal-kumpaniji, f'kollaborazzjoni mal-impjegaturi b'approċċ ġenwin ta' sħubija; jistieden lill-Kummissjoni tittratta r-rappreżentanti tal-unjins u tal-persunal, li huma atturi essenzjali, bħala sħab fi djalogu f'konnessjoni ma' temi relatati mal-RSK, flimkien ma' impriżi u partijiet interessati oħra; huwa tal-fehma li s-sħab soċjali jista' jkollhom rwol ewlieni fil-promozzjoni tar-responsabilità soċjali korporattiva li, għandu jkun innutat, tikkontribwixxi għad-djalogu soċjali u tiffaċilitah;

75.  Jitlob li l-politiki tal-RSK jinkludu miżuri speċifiċi li jindirizzaw il-prattika illegali li permezz tagħha ħaddiema jitqiegħdu fuq “lista sewda”u jinċaħdu l-aċċess għall-impjieg, ħafna drabi minħabba s-sħubija jew l-attivitajiet tagħhom f’xi trejdjunjin jew ir-rwol bħala rappreżentanti fil-qasam tas-saħħa u s-sikurezza;

76.  Jinsisti li kwalunkwe impriża li tinsab li qed tqiegħed il-ħaddiema fuq “lista sewda” jew tikser id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards tax-xogħol għandha tiġi eskluża milli tirċievi għotjiet u finanzjament tal-UE u milli tieħu parti f’sejħiet għal offerti għal kuntratti ta’ akkwist pubbliku oħrajn fil-livell tal-UE, nazzjonali jew fil-livell tal-awtorità pubblika;

77.  Jinnota li l-politiki tal-RSK jeħtieġu jiġu rispettati mhux biss mill-kumpanija ewlenija jew mill-kuntrattur iżda wkoll minn kull sottokuntrattur jew katina tal-provvista li tista' tintuża, kemm fil-provvista tal-oġġetti, ħaddiema jew servizzi u kemm jekk ikunu bbażati fl-UE jew f'pajjiż terz, biex b'hekk jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi bbażati fuq paga ġusta u kundizzjonijiet ta' xogħol diċenti, u jiġu ggarantiti d-drittijiet u l-libertajiet tat-trejdunjins;

78.  Japprova d-Direttiva tal-Kummissjoni dwar standards minimi għall-vittmi u jitlob li l-politiki tal-RSK tal-kumpaniji fis-setturi rilevanti (bħall-ivvjaġġar, l-assigurazzjoni, l-akkomodazzjoni u t-telekomunikazzjonijiet) jinkludu strateġiji u strutturi pożittivi u prattiċi biex jappoġġaw il-vittmi ta’ reati u l-familji tagħhom waqt kriżi, u biex jistabbilixxu politiki speċifiċi għal kwalunkwe impjegat li jisfa vittma ta’ reat, kemm jekk fil-post tax-xogħol u kemm barra minnu;

79.  Jaqbel li ma jistax ikun hemm approċċ “universali” fil-konfront tal-RSK iżda jirrikonoxxi li l-abbundanza ta' inizjattivi varji tal-RSK, għalkemm turi kuxjenza lejn l-importanza tal-politiki tal-RSK, tista' tiġġenera spejjeż addizzjonali, tkun ta' ostakolu għall-implimentazzjoni u ddgħajjef il-fiduċja u s-sens ta' ġustizzja; jemmen li jeħtieġ li jkun hemm biżżejjed flessibilità fl-implimentazzjoni tal-linji gwida tal-RSK sabiex jipprovdu għar-rekwiżiti speċifiċi ta' kull Stat Membru u reġjun, u b'mod partikolari fir-rigward tal-kapaċitajiet tal-SMEs; jilqa', madankollu, il-kooperazzjoni attiva tal-Kummissjoni bil-parteċipazzjoni tal-Parlament u l-Kunsill, flimkien ma' korpi internazzjonali oħra biex tintlaħaq konverġenza fundamentali tal-inizjattivi tal-RSK fuq tul ta' żmien twil u l-iskambju u l-promozzjoni ta' prattika korporattiva tajba rigward l-RSK, kif ukoll biex jitmexxew 'il quddiem il-linji gwida li jinsabu fl-Istandard Internazzjonali ISO 26000 sabiex tiżgura definizzjoni unika globali, koerenti u trasparenti tal-RSK; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkontribwixxi b'mod effettiv fil-gwida u l-koordinament tal-politiki tal-Istati Membri tal-UE, b'hekk timminimizza r-riskju ta' spejjeż addizzjonali fuq l-impriżi li joperaw f'aktar minn Stat Membru wieħed bħala riżultat ta' dispożizzjonijiet diverġenti;

80.  Jemmen li l-kunċett li l-RSK huwa “oġġett ta' lussu” appoġġat biss min-negozji fi żminijiet ta' prosperità ġie rrifjutat b'mod deċiżiv mil-livelli kontinwament għoljin ta' impenn tan-negozji għall-RSK; jemmen li din kienet suppożizzjoni qadima li tinjora l-importanza tar-reputazzjoni u wkoll il-livell ta' riskju estern għall-profitabilità tan-negozji moderni; jitlob lil-leġiżlaturi Ewropej kollha biex huma stess jintegraw lill-RSK fil-livelli kollha tal-politika ekonomika inkluż it-tisħiħ tal-RSK fi ħdan l-Istateġija Ewropa 2020;

81.  Jenfasizza li l-RSK għandha tapplika għall-katina kollha tal-provvista globali, inklużi l-livelli kollha ta' sottokuntrattar, li fil-provvista kemm ta' prodotti, kemm ta' ħaddiema kif ukoll ta' servizzi, għandha tinkludi dispożizzjonijiet biex testendi l-protezzjoni għall-ħaddiema migranti, il-ħaddiema tal-aġenziji u l-ħaddiema stazzjonati, u li għandha tkun imsejsa fuq pagi ġusti u kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u tiggarantixxi d-drittijiet u l-libertajiet fir-rigward tat-trejdunjins; huwa tal-fehma li l-kunċett tal-Ġestjoni Responsabbli tal-Katina tal-Provvista jeħtieġ li jiġi elaborat aktar bħala mekkaniżmu għat-twettiq tal-RSK;

82.  Ifaħħar il-ħidma li saret minn ċerti skejjel ta' ġestjoni tal-kumpaniji għall-promozzjoni tal-RSK, iżda jirrikonoxxi li dawn huma biss f'minoranza; jistieden lill-Grupp ta' Livell Għoli u l-Istati Membri, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni u, kif xieraq, mal-universitajiet, biex jindirizzaw mezzi li bihom jiġu integrati l-RSK, il-ġestjoni responsabbli u ċ-ċittadinanza responsabbli fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali dwar il-ġestjoni għall-mexxejja futuri kollha tan-negozji sabiex din issir ċentrali għall-governanza korporattiva strateġika u sabiex titrawwem kuxjenza tal-konsum sostenibbli; jemmen li dan jista' jinkludi tfal involuti fi skemi ta' intraprenditorija għaż-żgħażagħ; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ finanzjarju ulterjuri għall-proġetti ta' edukazzjoni u taħriġ dwar l-RSK taħt il-programmi tal-UE għat-Tagħlim tul il-Ħajja u Żgħażagħ Attivi;

83.  Itenni li l-RSK għandha tkun applikabbli għall-impriżi kollha biex ikun hemm kundizzjonijiet ġusti u ekwi għal kulħadd; madanakollu, jirrimarka li l-mod kif l-industriji estrattivi joperaw fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jirrikjedi li wieħed imur lil hinn minn approċċ volontarju; jenfasizza li l-investiment fin-Niġerja min-naħa tal-industrija tal-pitrolju huwa eżempju tajjeb tal-limitazzjonijiet tal-RSK kif implimentata bħalissa, fejn kumpaniji naqsu milli jieħdu inizjattivi tal-RSK biex joħolqu prattiki ta' negozju sostenibbli jew jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-istati ospitanti tagħhom; isostni bil-qawwi l-proposta leġiżlattiva għal rappurtar għal kull pajjiż abbażi tal-istandards tal-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi (EITI) u rappurtar tal-bejgħ u l-profitti, kif ukoll it-taxxi u d-dħul, sabiex tiġi skoraġġita l-korruzzjoni u jiġi evitat l-evitar tat-taxxa; jistieden ukoll lill-industriji estrattivi Ewropej li joperaw f'pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jagħtu eżempju ta' responsabilità soċjali u jippromwovu x-xogħol deċenti;

84.  Jitlob li jkun hemm standards ta' diliġenza dovuta għad-drittijiet tal-bniedem u għall-katina tal-provvista fil-livell tal-UE li, fost ħwejjeġ oħra, jissodisfaw ir-rekwiżiti mniżżlin fil-Gwida tal-OKŻE dwar id-Diliġenza Dovuta għal Ktajjen ta’ Provvista Responsabbli tal-Minerali minn Żoni Affettwati mill-Kunflitti u Żoni ta’Riskju Għoli u jindirizzaw, fost kwistjonijiet oħrajn, oqsma b'potenzjal sinifikattiv ta' impatt negattiv jew pożittiv fuq id-drittijiet tal-bniedem bħalma huma l-ktajjen tal-provvista globali u lokali, il-minerali tal-kunflitti, l-outsourcing, il-ħtif tal-art, u reġjuni fejn id-dritt tax-xogħol u l-ħarsien tal-ħaddiema huma insuffiċjenti jew fejn jiġu mmanifatturati l-prodotti li huma perikolużi għall-ambjent u għas-saħħa; jilqa' l-programmi diġà stabbiliti mill-UE, partikolarment il-programm tal-Infurzar tal-Liġi tal-Foresta, Governanza u Kummerċ (FLEGT) fil-qasam tal-forestrija, u jappoġġa l-inizjattivi privati bħal ma hija l-Inizjattiva tat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi (EITI);

85.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu inizjattivi ulterjuri mmirati lejn l-iżblukkar u t-tisħiħ tal-potenzjal tal-RSK li tindirizza t-tibdil fil-klima (billi torbotha mal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u tal-enerġija), pereżempju fil-proċess tax-xiri ta' materji primi mill-kumpaniji;

86.  Jenfasizza li l-għajnuna li l-UE tagħti lill-gvernijiet ta' pajjiżi terzi biex jimplimentaw regolazzjoni soċjali u ambjentali kif ukoll reġimi ta' spezzjoni effikaċi tikkostitwixxi komplement meħtieġ sabiex l-RSK tan-negozji Ewropej tikseb progress fid-dinja kollha;

87.  Jissuġġerixxi li l-gvernijiet tal-Istati Membri jistiednu lill-BEI jinkludi klawsola dwar l-RSK fl-operazzjonijiet tiegħu;

88.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-RSK f’forums multilaterali billi tappoġġa kooperazzjoni msaħħa bejn id-WTO u forums multilaterali oħra li jittrattaw l-RSK, bħall-ILO u l-OECD;

89.  Jitlob li tiġi stabbilita sistema ta’ kooperazzjoni legali transnazzjonali bejn l-UE u l-pajjiżi terzi firmatarji ta’ ftehimiet kummerċjali bilaterali sabiex jiġi żgurat aċċess effikaċi għall-ġustizzja fil-pajjiż fejn ikun twettaq il-ksur għall-vittmi ta’ ksur ta’ liġijiet soċjali jew ambjentali, jew ta' nuqqas ta' osservanza ta' impriżi fil-qasam tal-RSK min-naħa ta' multinazzjonali jew is-sussidjarji immedjati tagħhom, kif ukoll bħala appoġġ għall-istabbiliment ta' proċeduri ġudizzjarji internazzjonali sabiex ikun żgurat, fejn xieraq, għoti ta' kastig fil-każ ta' ksur tal-liġi mill-kumpaniji;

90.  Jitlob li l-valutazzjonijiet tal-impatt tat-teknoloġiji l-ġodda fuq id-drittjiet tal-bniedem isiru kmieni kemm jista' jkun possibbli fil-fażi tar-riċerka u l-iżvilupp, u jitlob sabiex tali valutazzjonijiet jinkludu studji ta' xenarji u kunsiderazzjonijiet għall-identifikazzjoni ta' standards sabiex jiġu inkorporati d-drittijiet tal-bniedem fit-tfassil (“id-Drittijiet tal-Bniedem fit-Tfassil”);

91.  Jinnota li l-RSK hija mekkaniżmu li tippermetti lil min iħaddem jappoġġa l-ħaddiema tiegħu u l-komunitajiet lokali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li r-rispett għall-RSK u għall-istandards tax-xogħol jippermettu lil dawn il-pajjiżi jibbenefikaw minn aktar kummerċ internazzjonali, u li l-RSK tista' tiżgura li l-gwadann jinqasam b'mod ekwu sabiex tiġi żviluppata l-prosperità ekonomika u soċjali sostenibbli u sabiex aktar persuni jinqalgħu mill-faqar, speċjalment fi żmien ta' kriżi finanzjarja;

92.  Jinkoraġġixxi lill-UE twettaq rwol attiv fis-sensibilizzazzjoni tal-kontribut li jistgħu jagħtu l-impriżi lis-soċjeta permezz tal-RSK fil-qasam tal-kultura, l-edukazzjoni, l-isport u ż-żgħażagħ;

93.  Iħeġġeġ lill-kumpaniji tal-midja jinkludu standards ta’ ġurnaliżmu trasparenti fil-politiki tagħhom tal-RSK, inklużi garanziji ta’ protezzjoni tal-fonti u d-drittijiet tal-whistle blowers;

94.  Jistieden lill-Kummissjoni tissalvagwardja l-inizjattivi tal-RSK stabbiliti u li jiffunzjonaw sew billi tintroduċi Test tal-RSK, li għandu jivvaluta l-impatt tal-inizjattivi leġiżlattivi u amministrattivi li jmiss dwar il-miżuri tal-RSK, u tqis ir-riżultati rilevanti meta tfassal il-proposti;

95.  Jilqa', għal raġunijiet ta' sostenibilità, l-obbligi imposti fuq l-operaturi tas-suq u jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja u tevalwa l-inizjattivi tal-RSK;

o
o   o

96.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) http://www.business-humanrights.org/SpecialRepPortal/Home/Protect Respect-Remedy-Framework u http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/EN/foraff/111819.pdf
(2) http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sustainable-business/files/business-human-rights/101025_ec_study_final_report_en.pdf
(3) Testi adottati, P7_TA(2012)0126.
(4) http://www.atkearney.com/documents/10192/6972076a-9cdc-4b20-bc3a-d2a4c43c9c21
(5) ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114.
(6) ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1.
(7) ĠU C 86, 10.4.2002, p. 3.
(8) ĠU C 39, 18.2.2003, p.3.
(9) ĠU C 187 E, 7.8.2003, p. 180.
(10) ĠU C 67 E, 17.3.2004, p. 73.
(11) ĠU C 301 E, 13.12.2007, p. 45.
(12) ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 101.
(13) ĠU C 236 E, 12.8.2011, p. 57.
(14) Testi adottati, P7_TA(2012)0429.
(15) ĠU C 229, 31.7.2012, p.77.

Aġġornata l-aħħar: 21 ta' Novembru 2014Avviż legali