Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2669(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0295/2013

Dibattiti :

PV 13/06/2013 - 12.3
CRE 13/06/2013 - 12.3

Votazzjonijiet :

PV 13/06/2013 - 13.3

Testi adottati :

P7_TA(2013)0286

Testi adottati
PDF 232kWORD 29k
Il-Ħamis, 13 ta' Ġunju 2013 - Strasburgu
Is-sitwazzjoni tal-Musulmani Rohingya
P7_TA(2013)0286RC-B7-0295/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar is-sitwazzjoni tal-Musulmani Rohingya (2013/2669(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar Burma/il-Mjanmar, b'mod partikolari dawk tal-20 ta' April 2012(1), tat-13 ta' Settembru 2012(2) u tat-22 ta' Novembru 2012(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Mejju 2013 dwar l-introduzzjoni mill-ġdid tal-aċċess tal-Mjanmar/Burma għall-preferenzi fit-tariffi ġeneralizzati(4),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE tat-22 ta' April 2013 dwar il-Mjanmar/Burma ,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija tar-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton tas-27 ta’ Novembru 2012 dwar ir-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Mjanmar,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija tal-kelliem tar-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton fl-23 ta’ Marzu 2013 dwar il-ftehim konkluż bejn il-Gvern tal-Mjanmar/Burma u l-Organizzazzjoni għall-Indipendenza tal-Kachin,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija tal-Kummissarju tal-UE għall-Kooperazzjoni Internazzjonali, l-Għajnuna Umanitarja u r-Rispons f'każ ta' Kriżi, Kristalina Georgieva, tad-9 ta’ Awwissu 2012 dwar is-sitwazzjoni tal-Musulmani Rohingya,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tad-Delegazzjoni tas-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Parlament Ewropew f’Burma/il-Mjanmar, tat-3 sal-5 ta’ April 2013,

–  wara li kkunsidra l-ġabra ta' miżuri restrittivi tal-Unjoni Ewropea, kif stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/232/PESK tas-26 ta’ April 2010 u kif emendati l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1083/2011 tas-27 ta' Ottubru 2011,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija tal-kelliem tar-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton fl-1 ta’ Ġunju 2013 dwar il-kunflitti vjolenti fil-belt ta’ Meiktila f’Burma/il-Mjanmar,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija tal-kelliem tar-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton tat-2 ta' April 2013 dwar il-mewt rappurtata ta’ 13-il tifel u tifla minħabba nirien fi skola Musulmana f’Burma,

–  wara li kkunsidra l-Istqarrija Universali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta’ Diċembru 1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati u l-Protokoll tal-1967 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Nru 67/233 tal-24 ta’ Diċembru 2012 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Mjanmar,

–  wara li kkunsidra l-appell tal-UNHCR lill-gvernijiet tax-Xlokk tal-Asja, fit-13 ta’ Novembru 2012, biex iżommu l-fruntieri tagħhom miftuħa għal persuni li jkunu qed jaħarbu minn Burma bil-baħar,

–  wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-6 ta’ Marzu 2013 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f’Burma/il-Mjanmar, u l-istqarrija tiegħu tal-11 ta’ Ġunju 2013 li “l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem kontra r-Rohingya fl-istat ta’ Rakhine State hu mifrux u sistematiku’,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija ta’ Aun San Suu Kyi tas-27 ta’ Mejju 2013 dwar il-“politika ta’ żewġt itfal’ għall-Musulmani Rohingya,

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tas-Samit tal-ASEAN f’Novembru 2011 li jgħaddi l-Presidenza tal-ASEAN lil Burma/il-Mjanmar fl-2014,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-organizzazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem Human Rights Watch, bit-titlu “All You Can Do is Pray: Crimes Against Humanity and Ethnic Cleansing of Rohingya Muslims in Burma’s Rakhine State” tat-22 ta’ April 2013,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-persekuzzjoni tal-minoranza Rohingya, u l-vjolenza kontrihom, għadhom qed jintensifikaw, speċjalment il-qerda tal-proprjetà u l-postijiet ta’ qima, arresti tal-massa, detenzjoni arbitrarja, torturi, stupri, u restrizzjonijiet fuq il-moviment ħieles, id-drittijiet taż-żwieġ u l-aċċess għall-edukazzjoni;

B.  billi l-vjolenza reliġjuża li bdiet fl-Istat ta’ Rakhine issa kompliet tinfirex mal-pajjiż; billi fil-perjodu bejn Marzu u Mejju 2013 ġew rapportati diversi attakki kontra persuni Musulmani f’Rangoon, Mandalay u Pegu, kif ukoll fl-Istati ta’ Kachin u ta’ Shan, li wasslu għal 46 mewt u l-ispustar ta’ 14 000 ruħ;

C.  billi l-vjolenza settarja issa nfirxet għal żona ġdida f’Burma: xi ħwienet fil-belt ta’ Lashio (fl-Istat ta’ Shan) inħarqu minn folla nies fit-28 ta’ Mejju 2013, filwaqt li tliet nisa Rohingya inqatlu mill-pulizija fir-raħal ta’ Parein waqt ġlied li nqala’ dwar akkomodazzjoni għall-minoranza spustata fl-4 ta’ Ġunju 2013;

D.  billi aktar minn 130 000 Rohingya spustati għadhom f’kampijiet u nħawi oħra, u l-gvern ta’ Burma/il-Mjanmar ippermetta biss aċċess umanitarju limitat u inadegwat għall-popolazzjonijiet Rohingya f’sitwazzjoni ta’ riskju; billi ħafna Rohingya jinsabu f’żoni li jistgħu jintlaqtu minn għargħar, esposti għax-xita tal-monsun u għaċ-ċikluni; billi huma ma jistgħux imorru lura fi djarhom minħabba l-vjolenza li għadha għaddejja, minħabba li djarhom ġew meqruda jew minħabba li l-forzi tas-sigurtà qed iwaqqfuhom milli jħallu l-kampijiet fejn qed jiġu miżmuma;

E.  billi għexieren ta’ eluf ta’ Rohingya ħarbu bil-baħar biex jeħilsu mill-persekuzzjoni, u billi mijiet tilfu ħajjithom f’dgħajjes li għerqu jew minħabba li ġew mitfugħa lura fil-baħar; billi hu rappurtat li madwar 17 000 Rohingya li ħarbu minn Burma qed jinżammu f’kundizzjonijiet imwiegħra f’ċentri ta’ detenzjoni tal-immigranti fit-Tajlandja;

F.  billi fit-23 ta’ April 2013 il-Kummissjoni ta’ Inkjesta Indipendenti, stabbilita f’Awwissu 2012 biex tinvestiga l-vjolenza settarja fl-istat ta’ Rakhine, ħarġet rapport b’rakkomandazzjonijiet maħsuba biex itaffu t-tensjonijiet, iżda madankollu r-rapport ma rrikonoxxiex l-identità Rohingya, ma żamm lil ħadd responsabbli għall-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa waqt il-ġlied, iffavorixxa ma’ “separazzjoni temporanja’ tal-komunitajiet Musulmani u Buddisti, u rrakkomanda l-implimentazzjoni ta’ programmi inaċċettabbli ta’ kontroll tat-twelid għall-Musulmani;

G.  billi minkejja li l-President Burmiż U Thein Sein wiegħed f’diskors fis-6 ta’ Mejju 2013 li l-gvern tiegħu se jiżgura d-drittijiet bażiċi tal-Musulmani fl-istat ta’ Rakhine, u minkejja li ħa xi passi biex jespandi l-libertajiet ċivili fil-pajjiż, is-sitwazzjoni drammatika tar-Rohingya, u r-relazzjonijiet interetniċi b’mod ġenerali, għandhom il-potenzjal li jdgħajfu l-proċess kollu ta’ riforma f’Burma/il-Mjanmar; billi rapporti indipendenti kredibbli jindikaw kompliċità tal-awtoritajiet Burmiżi fid-delitti kontra l-umanità mwettqa kontra l-popolazzjoni Rohingya, li wasslu biex l-istat ta’ Rakhine fil-parti l-kbira huwa segregat skont ir-reliġjon;

H.  billi l-Gvern ta’ Burma/il-Mjanmar riċentement ħabbar li se jerġa’ jintroduċi l-politika ta’ żewġt itfal; billi din ġiet ikkundannata mir-Rapporteur Speċjali tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem f’Burma/il-Mjanmar, Tomás Ojea Quintana, bħala miżura diskriminatorja u koerċittiva kontra r-Rohingya fl-istat ta’ Rakhine, li tikser id-drittijiet tal-bniedem bażiċi tar-Rohingya, kif ukoll l-obbligi u l-impenji internazzjonali ta’ Burma favur id-drittijiet tal-bniedem;

I.  billi l-komunità internazzjonali ħeġġet lill-Gvern ta' Burma jagħmel rieżami tal-Liġi taċ-Ċittadinanza tal-1982 biex ikun żgurat li r-Rohingya ma jibqgħux apolidi u li jiġu trattati l-għeruq tad-diskriminazzjoni kontra r-Rohingya, li ilha għaddejja żmien twil;

J.  billi d-Dott. Tun Aung, tabib mediku ta’ 65 sena u mexxej tal-komunità rispettat fl-istat ta’ Rakhine, ġie arrestat f’Ġunju 2012 u kkundannat għal 17-il sena ħabs fuq akkużi li gruppi tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom l-organizzazzjoni Amnesty International, iddenunzjaw b’mod wiesgħa bħala akkużi b’mottivi politiċi;

K.  billi skont ir-rapport tal-Human Rights Watch, bit-titlu “All You Can Do is Pray”: Crimes against Humanity and Ethnic cleansing of Rohingya Muslims in Burma’s Rakhine State’, li ħareġ fid-22 ta’ April 2013, l-abbużi mwettqa kontra r-Rohingya is-sena l-oħra, li allegatament jinvolvu aġenziji tal-istat, kienu jammontaw għal delitti kontra l-umanità u tindif etniku; billi dan ir-rapport jippreżenta wkoll evidenza ta’ erba’ siti ta’ oqbra tal-massa li jmorru lura għall-2012 fl-istat ta’ Rakhine;

L.  billi l-libertà tal-istampa u tal-mezzi tax-xandir, fl-internet u barra minnu, tiżvolġi rwol kruċjali fl-iżvelar u d-dokumentazzjoni tal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u biex iżżomm lill-gvernijiet responsabbli;

M.  billi skont id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, kull persuna għandha dritt tfittex asil mill-persekuzzjoni;

1.  Jikkundanna l-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem u l-vjolenza mwettqa kontra Musulmani Rohingya f’Burma/il-Mjanmar, u jħeġġeġ lin-naħat kollha biex ma jużawx il-vjolenza;

2.  Jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-vittmi tal-vjolenza u l-persekuzzjoni illeċita f’Burma/il-Mjanmar;

3.  Jirrikonoxxi l-passi meħuda mill-President U Thein Sein u riformaturi oħra f’Burma/il-Mjanmar biex jintroduċu riformi demokratiċi tul din l-aħħar sena; jiddeplora, madankollu, in-nuqqas min-naħa tal-gvern li jipproteġi lir-Rohingya mill-vjolenza organizzata, u jistieden lill-gvern u lis-soċjetà kollha ta’ Burma/il-Mjanmar jaġixxu immedjatament biex itemm l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u jressqu l-qorti lil minn wettaq dawn l-attakki vjolenti u abbużi oħra relatati;

4.  Iħeġġeġ lill-Gvern ta’ Burma/il-Mjanmar jiżgura li l-forzi tas-sigurtà jagħmlu kulma jistgħu biex jipprteġu lill-Musulmani Rohingya minn azzjonijiet vjolenti; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar allegazzjonijiet li l-membri tal-forzi tas-sigurtà ħadu sehem fil-vjolenza, u jtenni t-talbiet urġenti tiegħu għal investigazzjoni sħiħa u indipendenti ta’ dawn l-allegazzjonijiet, bl-għajnuna tan-NU;

5.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' azzjoni urġenti biex jiġu indirizzati r-riskji umanitarji li qed iħabbtu wiċċhom magħhom il-persuni spostati, u b’mod partikolari il-poplu Rohingya, f’Burma/il-Mjanmar; itenni t-talba tiegħu lill-Gvern ta’ Burma/il-Mjanmar biex jagħti aċċess bla xkiel għaż-żoni kollha tal-pajjiż, inkluż l-istat ta’ Rakhine, lill-aġenziji tan-NU u l-NGOs umanitarji, kif ukoll lill-ġurnalisti u l-membri tal-korp diplomatiku, u biex jagħti aċċess sħiħ u bla restrizzjonijiet għall-għajnuna umanitarja lill-komunitajiet kollha milquta mill-kunflitt u minn vjolenza settarja; jistieden lill-awtoritajiet Burmiżi jtejbu l-kundizzjonijiet tal-kampijiet tar-Rohingya bħala kwistjoni ta’ urġenza;

6.  Iħeġġeġ lill-pajjiżi kollha tar-reġjun biex iwettqu l-obbligi internazzjonali tagħhom rigward id-drittijiet tar-refuġjati, biex jiftħu l-fruntieri għall-persuni Rohingya li qed ifittxu asil u biex tal-inqas jipprovdilhom protezzjoni temporanja, filwaqt li jappoġġaw lill-gvern Burmiż fit-tiftix ta’ soluzzjonijiet ekwitabbli u fit-tul għall-kawżi sottostanti;

7.  Jistieden lill-Gvern tat-Tajlandja jtemm immedjatament id-detenzjoni inumana ta’ mill-inqas 1700 persuna Rohingya li qed ifittxu asil, u li jipprovdilhom aċċess għall-aġenziji tar-refuġjati tan-NU; jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Gvern tat-Tajlandja s’issa ma ħalliex lill-UNHCR twettaq it-testijiet li jiddeterminaw l-istatus ta’ refuġjat għal persuni Rohingya li qed ifittxu asil;

8.  Iħeġġeġ lill-Gvern Burmiż jawtorizza l-ħolqien ta’ uffiċċju tal-OHCHR fil-pajjiż, bi friegħi fil-provinċji, biex jingħata lok għal monitoraġġ adegwat tal-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż;

9.  Jilqa’ l-wegħda tal-President U Thein Sein li kull min iwettaq vjolenza se jitressaq quddiem qorti, kif ukoll l-impenn tiegħu għal soċjetà multikulturali, multietnika u multireliġjuża; jistieden lill-President jieħu azzjoni ulterjuri biex jinforza l-istat tad-dritt u jindirizza l-kawżi sottostanti tal-vjolenza;

10.  Jilqa’ l-fatt li l-President U Thein Sein fl-4 ta’ Ġunju 2013 ħabbar li se jinħelsu l-priġunieri politiċi kollha f’Burma/il-Mjanmar; itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-priġunieri politiċi kollha, fosthom id-Dott. Tun Aung, għandhom jinħelsu bla dewmien u bla kundizzjonijiet, filwaqt li għandhom jingħatawlhom lura d-drittijiet u l-libertajiet kollha tagħhom;

11.  Iħeġġeġ lill-gvern biex ikompli jfittex u jimplimenta soluzzjonijiet dejjiema għall-kawżi sottostanti tat-tensjonijiet, fosthom miżuri li jindirizzaw l-istatus tar-Rohingya; itenni t-talba tiegħu li tiġi emendata jew revokata il-Liġi taċ-Ċittadinanza tal-1982 biex ir-Rohingya jkollhom aċċess indaqs għaċ-ċittadinanza Burmiża, li timplika kemm drittijiet kif ukoll dmirijiet, u li l-liġi emendata jew revokata tiġi magħmula konformi mal-istandards internazzjojali tad-drittijiet tal-bniedem u mal-obbligi tal-pajjiż fl-ambitu tal-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal tan-NU;

12.  Jikkritika l-istqarrija tal-Ministru tal-Immigrazzjoni Burmiż Khin Yi tal-11 ta’ Ġunju 2013, li fiha stqarr l-appoġġ tiegħu għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-politika ta' żewġt itfal;

13.  Jilqa’ d-dikjarazzjoni riċenti tal-mexxejja tal-oppożizzjoni Aung San Suu Kyi bi protesta kontra l-introduzzjoni mill-ġdid tal-politika ta’ żewġt itfal għar-Rohingya, u jħeġġeġ lill-Gvern Burmiż jirrevoka immedjatament dan ir-regolament kif ukoll kwalunkwe politika, regola, regolament jew liġi oħra koerċittivi jew diskriminatorji;

14.  Jenfasizza l-importanza li jsiru l-bidliet leġiżlattivi u amministrattivi meħtieġa biex tkun żgurata l-ikbar parteċipazzjoni possibbli tal-popolazzjoni Burmiża, inklużi l-minoranzi, fl-elezzjonijiet tal-2014;

15.  Iħeġġeġ lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli tindirizza din il-kwistjoni fl-ogħla livell politiku possibbli fil-kuntatti tagħha ma’ Burma/il-Mjanmar u ma’ pajjiżi oħra membri tal-ASEAN;

16.  Ifakkar li l-UE riċentement reġgħet introduċiet is-Sistema ta’ Preferenzi Ġeneralizzati (SĠP) tagħha vis-à-vis Burma/il-Mjanmar; itenni l-kundizzjonalità ta’ dawn il-preferenzi fir-rigward tal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssegwi mill-qrib il-progress tal-awtoritajiet Burmiżi fir-rispett ta’ dawn il-kundizzjonijiet;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni biex fit-tressiq ta’ att delegat lill-Parlament u lill-Kunsill dwar it-tkomplija tal-arranġamenti tal-SĠP għall-Burma/il-Mjanmar wara l-31 ta' Diċembru 2013, tinkludi rapport akkompanjanti li juri n-nuqqas ta' ksur serju u sistematiku tal-prinċipji stipulat fil-konvenzjonijiet elenkati fir-Regolament dwar l-SĠP, b’fokus partikolari fuq ir-Rohingya;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa b'mod effikaċi u komprensiv l-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-ftehim dwar l-investiment bilaterali previst qabel ma tifformula l-proposta tagħha għal direttivi ta' negozjar, u biex f’dan il-proċess tikkonsulta mill-qrib mal-Parlament u mas-soċjetà ċivili;

19.  Jistenna li s-SEAE jikkonsulta u jinforma l-Parlament b’mod regolari dwar il-proċess tal-ħolqien ta' djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-Burma/Mjanmar; jistieden lill-SEAE u l-Istati Membri jħejju lista ta’ parametri ta’ referenza preċiżi tad-drittijiet tal-bniedem, biex tkun tista’ ssir valutazzjoni tal-progress fir-riforma mill-awtoritajiet Burmiżi; jenfasizza l-fatt li l-iżvilupp ulterjuri tar-relazzjonijiet tal-UE mat-tmexxija Burmiża għandu jsir bil-kundizzjoni ta’ progress tanġibbli, partikolarment fir-rigward tal-qagħda tar-Rohingya;

20.  Jitlob li jkun hemm komponent qawwi u viżibbli tas-soċjetà ċivili, li fih ikunu rappreżentati r-Rohingya, biex jipparteċipa fit-Task Force UE-Burma li għandha tinħoloq aktar tard din is-sena, u li dan l-isforz jibni fuq l-esperjenza tat-Task Force UE-Eġittu;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u l-Parlament ta’ Burma/il-Mjanmar, lis-Segretarju Ġenerali tal-ASEAN, lill-Kummissjoni Intergovernattiva dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-ASEAN, ir-Rappreżentant Speċjali tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Mjanmar, il-Kummissarju Għoli għar-Refuġjati tan-NU, il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u l-gvernijiet u l-parlamenti ta’ stati oħra fir-reġjun.

(1) Testi adottati, P7_TA(2012)0142.
(2) Testi adottati, P7_TA(2012)0355.
(3) Testi adottati, P7_TA(2012)0464.
(4) Testi adottati, P7_TA(2013)0218.

Avviż legali - Politika tal-privatezza