Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2022(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0320/2013

Testi mressqa :

A7-0320/2013

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 22/10/2013 - 8.8

Testi adottati :

P7_TA(2013)0435

Testi adottati
PDF 466kWORD 47k
It-Tlieta, 22 t'Ottubru 2013 - Strasburgu Verżjoni finali
Sikurezza tal-pazjent
P7_TA(2013)0435A7-0320/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Ottubru 2013 dwar ir-rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill fuq il-bażi tar-rapporti tal-Istati Membri fuq l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (2009/C 151/01) dwar is-sikurezza tal-pazjent, inklużi l-prevenzjoni u l-kontroll ta’ infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa (2013/2022(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta’ Lussemburgu dwar is-sikurezza tal-pazjent tal-5 ta’ April 2005,

–  wara li kkunsidra r-rapport tat-tieni laqgħa tan-Netwerk Informali għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Infezzjonijiet fil-Kura tas-Saħħa (Ġunju 2008),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2008 dwar is-sikurezza tal-pazjent, inkluż il-ħarsien minn u l-kontroll ta’ infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa (COM(2008)0837),

–  wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Kummissjoni ta’ Diċembru 2008,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ April 2009 dwar il-proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar is-sikurezza tal-pazjent, inkluż il-ħarsien minn u l-kontroll ta' infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa(1) ,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-9 ta' Ġunju 2009 dwar is-sikurezza tal-pazjent, inkluż il-prevenzjoni minn u l-kontroll ta' infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa,

–  wara li kkunsidra l-istħarriġ speċjali tal-Ewrobarometru (Nru 327) dwar “Is-Sikurezza tal-Pazjent u l-Kwalità tal-Kura tas-Saħħa” ippubblikat f’April 2010,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) bit-titolu “Il-komponenti ewlenin għall-programmi ta' prevenzjoni u kontroll tal-infezzjonijiet”,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura transkonfinali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2012 fuq il-bażi tar-rapporti tal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (2009/C 151/01) dwar is-sikurezza tal-pazjent, inkluż il-prevenzjoni minn u l-kontroll ta’ infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa,

–  wara li kkunsidra r-rapporti epidemjoloġiċi annwali tal-2008 u tal-2012 taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC),

–  wara li kkunsidra d-dokument tekniku tal-ECDC bit-titolu “Kompetenzi ewlenin għall-professjonisti tal-kontroll tal-infezzjonijiet u tal-iġjene fl-isptarijiet fl-Unjoni Ewropea”, ippubblikat fis-26 ta’ Marzu 2013,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-18 ta' Novembru 2009 dwar ir-reżistenza antimikrobika (SANCO/6876/2009r6),

–  wara li kkunsidra r-rapport tekniku konġunt taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) u tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA), ippubblikat fis-17 ta’ Settembru 2009, bit-titolu ‘L-isfida batterjali: wasal iż-żmien li nirreaġixxu – Appell biex jitqarreb id-distakk eżistenti bejn il-preżenza fl-UE ta' batterji reżistenti għal ħafna mediċini u l-iżvilupp ta' aġenti antibatteriċi ġodda',

–  wara li kkunsidra l-istħarriġ speċjali tal-Ewrobarometru (Nru 338) dwar ir-reżistenza antimikrobika, ippublikat f’April 2010,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2011 dwar ir-reżistenza għall-antibijotiċi(2) ,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Ottubru 2011 dwar Inizjattiva għall-Ipprogrammar Konġunt tar-Riċerka "L-Isfida Mikrobika – Theddida għas-Saħħa tal-Bniedem li qed Titfaċċa" (C(2011)7660),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Ottubru 2011 dwar it-theddida għas-saħħa pubblika tar-reżistenza antimikrobika(3) ,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Novembru 2011 dwar pjan ta' azzjoni kontra t-theddid li qed jiżdied ta' reżistenza antimikrobika (COM(2011)0748),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 2012 dwar “L-impatt tar-reżistenza antimikrobika fis-settur tas-saħħa umana u fis-settur veterinarju – perspettiva ta' ‘Saħħa Waħda’”,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar "L-Isfida Mikrobika – Theddid li qed jiżdied mir-Reżistenza Antimikrobika"(4) ,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7-0320/2013),

Kummenti ġenerali

A.  billi s-sikurezza u l-benesseri tal-pazjenti(5) huma fundamentali għall-kwalità globali tal-kura tas-saħħa, u l-isforzi biex tiżdied is-sikurezza tal-pazjenti tiddependi fuq l-implimentazzjoni ta’ politiki u programmi effettivi u fit-tul madwar l-Ewropa;

B.  billi kura tas-saħħa ta’ kwalità għolja hija l-pedament ta' kwalunkwe sistema tas-saħħa ta’ kwalità għolja u billi l-aċċess għal kura tas-saħħa ta’ kwalità għolja huwa rikonoxxut bħala dritt fundamentali mill-UE, l-istituzzjonijiet Ewropej u ċ-ċittadini Ewropej;

C.  billi l-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistipula li l-azzjoni tal-Unjoni Ewropea, li għandha tikkumplimenta l-politiki nazzjonali, għandha tkun diretta lejn it-titjib tas-saħħa pubblika, il-prevenzjoni tal-mard tal-bniedem, u għandha tevita sorsi ta’ periklu għas-saħħa fiżika u mentali;

D.  billi, għaldaqstant, l-azzjoni tal-UE fil-qasam tas-sikurezza tal-pazjenti, tikkonsisti f’għajnuna lill-pajjiżi membri sabiex dawn jikkoordinaw l-isforzi tagħhom f'dan il-qasam, u appoġġ għall-azzjonijiet tagħhom fl-oqsma fejn l-intervent tagħha jista' jwassal għal valur miżjud;

E.  billi huwa essenzjali li tinżamm il-fiduċja taċ-ċittadini fis-sistemi tas-saħħa tal-Unjoni Ewropea;

F.  billi l-ammont, li s’issa huwa limitat iżda li qed dejjem jiżdied, ta’ dejta dwar il-prevalenza u l-inċidenza ta’ avvenimenti avversi(6) fis-sistemi tas-saħħa fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;

G.  billi l-kwistjoni ta’ sikurezza tal-pazjenti dejjem qed tikkawża aktar u aktar tħassib fis-sistemi tas-saħħa tad-dinja kollha, inkluż fl-Ewropa;

H.  billi r-riżultati tal-istħarriġ tal-Ewrobarometru dwar “Is-Sikurezza tal-Pazjenti u l-Kwalità tal-Kura tas-Saħħa” jindikaw kemm li hemm livell għoli ta’ għarfien fl-opinjoni pubblika Ewropea dwar dan is-suġġett kif ukoll nuqqas qawwi ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ sikurezza tal-pazjenti;

I.  billi avvenimenti avversi marbuta mal-kura tas-saħħa għall-pazjent jew għad-dixxendenti mhux imwielda jew futuri tiegħu huma: infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa (HAIs)(7) , avvenimenti marbuta ma' mediċini jew apparat mediku, fosthom dawk li jirriżultaw minn użu mhux skont it-tikketta, żballi djanjostiċi, u kumplikazzjonijiet li jinqalgħu waqt jew wara operazzjonijiet kirurġiċi;

J.  billi, jekk ċerti effetti avversi huma marbuta mar-riskji intrinsiċi tal-operazzjonjiet jew tal-mediċina li hija meqjusa meħtieġa mill-persunal li jagħti l-kura, oħrajn, min-naħa l-oħra huma kkawżati minn żbalji mediċi, fallimenti jew nuqqasijiet fil-proċess tal-kura li jistgħu jiġu evitati;

K.  billi huwa stmat li minn 8 sa 12 % tal-pazjenti fl-isptarijiet fl-Unjoni Ewropea huma vittmi ta’ avvenimenti avversi marbuta mal-kura pprovduta lilhom, kemm jekk huma HAIs, żbalji marbuta mat-trattament, żbalji waqt operazzjonijiet, problemi b’apparat mediku difettuż jew mhux diżinfettat tajjeb, żbalji dijanjostiċi jew in-nuqqas ta’ intervent wara eżamijiet mediċi;

L.  billi l-bidla demografika twassal għal żieda fil-proporzjon ta’ pazjenti ikbar fl-età, li ħafna drabi jiġu ordnati jieħdu varjetà ta’ mediċini differenti, iżda spiss ma jkunux kapaċi jimmaniġġjaw l-amministrazzjoni korretta tagħhom;

M.  billi, barra minn hekk, il-pazjenti ikbar fl-età, b’immunità dgħajfa u dawk affettwati minn mard kroniku, u b’mod partikolari minn mard kroniku deġenerattiv, huma wkoll grupp partikolarment vulnerabbli għall-avvenimenti avversi marbuta mal-kura tas-saħħa, bħal: żbalji djanjostiċi, nuqqas ta’ azzjoni wara eżaminazzjonijiet mediċi, il-preskrizzjoni, it-tqassim jew l-għoti ta’ mediċini mhux adattati (eż. preskritti mhux skont it-tikketta), jew doża inkoretta jew inkella żewġ mediċini li ma jistgħux jittieħdu flimkien, jew minħabba n-nuqqas ta’ dekontaminazzjoni jew dekontaminazzjoni ħażina ta’ apparat mediku, kif ukoll infezzjonijiet ta' feriti wara operazzjoni;

N.  billi studji internazzjonali jqisu li bejn 13 % u 16 % tal-ispejjeż tal-isptarijiet (jiġifieri euro minn kull sebgħa) huma dovuti għal problemi ta’ inċidenti marbuta mal-kura;

O.  billi, madankollu, skont l-estimi, bejn 30 % u 40 % tal-avvenimenti avversi, kemm fis-settur tal-isptarijiet u kemm fis-settur ta’ barra mill-isptar (kura tas-saħħa fil-komunità) jidhru li huma kkawżati minn fatturi sistemiċi u, għaldaqstant, jistgħu jiġu evitati;

P.  billi b’mod partikolari, in-nuqqas ta’ mezzi finanzjarji, teknoloġiċi u riżorsi umani huwa assoċjat ma’ riskju akbar li jinqalgħu avvenimenti avversi marbuta mal-kura tas-saħħa;

Q.  billi l-kriżi ekonomika naqqset ir-ritmu tal-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet deċiżi mill-Istati Membri fl-2009 minħabba tibdil fil-prijoritajiet fil-qasam tas-saħħa pubblika;

R.  billi kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika għandha d-dritt li tippubblika jew ixxerred bona fide u b’sikurezza sħiħa informazzjoni dwar fatt, element ta’ dejta jew azzjoni, malli nuqqas ta’ għarfien dwar dan il-fatt, dan l-element ta’ dejta jew din l-azzjoni jidher li jippreżenta periklu għas-saħħa pubblika;

S.  billi s-sikurezza tal-pazjent hija ta’ prijorità għolja fuq l-aġenda politika; billi l-Istati Membri stabbilixxew mekkaniżmu għal dibattitu relatat ma' kwistjonijiet ta' sikurezza tal-pazjent u ħidma oħra f'dan il-qasam fl-2005; billi ġie stabbilit grupp ta' ħidma, li permezz tiegħu l-Kummissjoni biħsiebha tippromwovi l-ħidma u l-attivitajiet tal-Istati Membri, u li l-membri tiegħu huma d-WHO (speċjalment perezz tal-Alleanza Dinjija għas-Sikurezza tal-Pazjenti), il-Kunsill tal-Ewropa, l-OECD, u l-assoċjazzjonijiet Ewropej tal-pazjenti, it-tobba, l-infermiera, l-ispiżjara, id-dentisti u l-isptarijiet;

T.  billi l-HAIs huma fost il-kawżi ta’ ħsara involontarja lill-pazjenti l-aktar komuni u l-aktar perikolużi;

U.  billi l-HAIs, li jolqtu lil medja ta’ 5 % tal-pazjenti fl-isptarijiet, huma problema kbira għas-saħħa pubblika fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, li jirrappreżentaw kemm problema serja għas-saħħa pubblika kif ukoll piż ekonomiku kbir fuq ir-riżorsi limitati tas-saħħa;

V.  billi għall-perjodu 2011-2012 in-numru annwali ta' pazjenti li jieħdu tal-anqas HAI waħda waqt li jkunu fi sptar ta' kura akuta fl-UE kollha kien stmat li kien ta' 3.2 miljuni(8) ;

W.  billi l-HAIs, li għandhom impatt kbir f'termini ta' morbożità, mortalità (b'37 000 ruħ imutu direttament minħabba tali infezzjonijiet fl-UE) u spiża (li huwa stmat li hija ta' aktar minn EUR 5.5 biljun fis-sena fl-Unjoni kollha), jikkostitwixxu problema kbira ta' saħħa pubblika fl-Istati Membri;

X.  billi l-HAIs jistgħu jseħħu bħala riżultat ta’ soġġorn f'kull tip ta’ ambjent li fih tingħata kura tas-saħħa, inklużi l-kura primarja, komunitarja, soċjali, privata, akuta u kronika, matul il-provvediment ta' kwalunkwe servizz ta' kura tas-saħħa, jew fid-dar (b'mod partikolari minħabba żbalji fid-dożaġġ, żbalji fl-ippakkjar tal-mediċina, kontaminazzjoni permezz ta' strumenti mediċi jew apparat mediku, jew kuntatt ma' pazjenti u professjonisti tal-kura tas-saħħa);

Y.  billi HAI li tittieħed matul soġġorn fl-isptar tista’ tkun iddikjarata biss wara li l-pazjent joħroġ mill-isptar;

Z.  billi it-tul ta’ żmien medju ta’ soġġorn fl-isptar fl-Istati Membri qed jonqos;

AA.  billi l-ECDC għandu l-kompitu, bl-involviment ta' esperti internazzjonali, li jiżviluppa rakkomandazzjonijiet xjentifiċi għal miżuri msejsa fuq l-evidenza għall-prevenzjoni effettiva tal-HAIs;

AB.  billi l-kura fid-dar ta’ spiss tingħata lil pazjenti li għandhom mard kroniku u mard deġenerattiv u ma jiġux rikoverati fi sptar;

AC.  billi l-istat ta’ ċerti morda li għandhom mard kroniku u mard deġenerattiv ta’ spiss jirrikjedi assistenza medika permanenti u kontinwa, li ħafna drabi tirrikjedi, b’mod partikolari, l-użu ta’ apparat mediku (pacemakers, apparat għan-nifs, kateters, kateters urinarji, eċċ.);

AD.  billi l-użu ta’ apparat mediku bħal dan iġib miegħu riskju ta’ infezzjoni;

AE.  billi nuqqas ta’ rispett tal-prekawzjonijiet bażiċi ta’ iġjene għall-bnedmin, pereżempju fil-faċilitajiet tal-kura, u anke fid-dar, ta’ spiss iwassal għal tixrid akbar ta’ patoġeni, b'mod partikolari dawk li huma reżistenti għall-antimikrobiċi;

AF.  billi azzjonijiet ta’ prevenzjoni tal-HAIs, sempliċi u kosteffikaċi, bħat-twaqqif ta' azzjonijiet ta' edukazzjoni fis-saħħa (u b'mod partikolari l-promozzjoni tal-iġjene fl-isptar), diġà jeżistu jew qed jiġu ttestjati bħalissa b’mod sperimentali u b’riżultati promettenti, u billi mezzi alternattivi u kosteffikaċi jistgħu jiġu esplorati wkoll għall-ġlieda kontra l-HAIs;

AG.  billi l-mikroorganiżmi responsabbli għall-HAIs huma kapaċi li jikkonolizzaw il-bniedem għal perjodi twal, il-pazjenti jistgħu jxerrduhom waqt li jkunu qegħdin l-isptar kif ukoll wara, u billi l-HAIs jistgħu jolqtu l-ambjenti kollha tal-kura tas-saħħa, l-istabbilimenti ta’ soġġorn twil jew medju, kif ukoll id-dar tal-pazjent;

AH.  billi huma biss 13-il Stat Membru li implimentaw is-sorveljanza nazzjonali tal-infezzjonijiet ta' Clostridium difficile (9) u huwa biss fi tlieta minn dawn is-sistemi ta’ sorveljanza li huma involuti wkoll it-tobba fil-ġbir tad-dejta – sitwazzjoni li għandha tittejjeb;

AI.  billi, barra minn hekk, il-mobilità li qed tikber taċ-ċittadini fis-sistemi tas-saħħa Ewropej u n-natura dejjem aktar transkonfinali tal-kura tas-saħħa fl-Ewropa u bejniethom u l-opportunità li dawn għandhom li jirċievu trattament mediku barra mill-pajjiż ta’ residenza tagħhom jiffavorixxu l-firxa rapida ta’ mikroorganiżmi reżistenti minn Stat Membru għal ieħor;

AJ.  billi l-kwistjoni tar-reżistenza antimikrobika hija theddida serja, li f'ċertu pajjiżi qed tiżdied, għas-sikurezza tal-pazjenti, li tista’ tikkomplika l-irkupru minn u l-kura ta' infezzjonijiet u li żżid l-ispejjeż nazzjonali għas-saħħa;

AK.  billi spiss huwa diffiċli li jiġu trattati l-HAIs, minħabba li l-mikroorganiżmi li huma responsabbli għalihom ħafna drabi reżistenti għall-antimikrobiċi;

AL.  billi fl-UE, l-Islanda u n-Norveġja biss, il-batterji reżistenti għall-antimikrobiċi jikkawżaw madwar 400 000 infezzjoni u 25 000 mewt fis-sena, filwaqt li l-ispejjeż addizzjonali għall-kura tas-saħħa u telf ta’ produttività jilħqu tal-anqas EUR 1.5 biljun;

AM.  billi r-reżistenza għall-antibijotiċi qed tkompli tikber fl-Ewropa, u għal ċerti batterji tista’ tilħaq 25 %, jekk mhux aktar, f'diversi Stati Membri;

AN.  billi l-aħħar dejta disponibbli tindika li l-elementi li juru r-reżistenza għall-antibijotiċi għall-batterji involuti fl-okkorrenza ta’ HAIs tevidenzja tendenza globali ta’ żieda fil-fenomenu ta’ multireżistenza u, b’mod partikolari, żieda fil-persentaġġ ta' Enterobacteriaceae reżistenti għaċ-ċefalosporini tat-tielet ġenerazzjoni u ta' S. aureus li huma reżistenti għall-metiċillina;

AO.  billi hemm tnaqqis fl-iżvilupp ta’ antimikrobiċi ġodda;

AP.  billi l-iżvilupp tar-reżistenza għall-aġenti antimikrobiċi huwa konsegwenza naturali u inevitabbli tal-użu tagħhom, imma billi li tista’ tkun limitata jekk jintużaw b'mod prudenti u razzjonali;

AQ.  billi l-iżvilupp tar-reżistenza għall-aġenti antimikrobiċi jista’ jitħaffef b’mod partikolari permezz ta’ rikors sistematiku u sproporzjonat għal dawn il-prodotti fil-mediċina umana, li, flimkien ma’ iġjene u kontroll tal-infezzjonijiet insuffiċjenti, jista' jxekkel l-effikaċja ta' numru diġà limitat ta' aġenti antimikrobiċi disponibbli;

AR.  billi, minħabba n-nuqqas ta’ żvilupp ta' antibijotiċi/aġenti antimikrobiċi ġodda, huwa kruċjali li l-aġenti antimikrobiċi attwali jintużaw b'mod effikaċi kemm jista' jkun fit-tul;

AS.  billi, minħabba n-nuqqas ta’ żvilupp ta’ mediċini antibatteriċi ġodda, l-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri ser ikollhom jikkollaboraw biex isostnu l-iżvilupp u d-disponibilità ta’ tali prodotti, filwaqt li jistrieħu fuq l-ECDC u l-għarfien espert tal-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini (EMA);

AT.  billi l-politiki agrikoli ta’ tkabbir intensiv jiffavorixxu l-okkorrenza ta’ reżistenza għall-antibijotiċi, kemm mill-katina tal-ikel u kemm mill-ħmieġ tal-annimali li jidħol fiċ-ċiklu tal-ilma;

AU.  billi wieħed jista’ josserva konsum tassew aktar qawwi ta’ antibijotiċi fost il-persuni li huma l-anqas infurmati b’mod oġġettiv, u li għarfien aħjar, aktar oġġettiv tal-antibijotiċi huwa assoċjat ma’ aġir aktar responsabbli f’termini ta’ użu tal-antibijotiċi;

AV.  billi ċerti Stati Mambri għad ma għandhomx qafas regolamentari u ġuridiku solidu biex jagħmlu obbligatorju u jsostnu l-użu razzjonali tal-mediċini, u l-inugwaljanzi konsiderevoli li jeżistu fl-Ewropa f’termini ta’ konsum ta’ antibijotiċi, fil-qafas ta’ kura fil-komunità iżda wkoll fil-kura fl-isptarijiet;

AW.  billi hemm ħtieġa ta’ edukazzjoni u ta’ qawmien ta’ kuxjenza fost dawk involuti fl-użu tal-aġenti antimikrobiċi, inklużi dawk li jfasslu l-politika, il-professjonisti tas-saħħa u l-pubbliku ġenerali, sabiex tingħata spinta lill-bidliet neċessarji fl-imġiba ta’ min jippreskrivi l-mediċini, ta’ min ibigħhom/jagħtihom, u taċ-ċittadini;

AX.  billi, skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (2009/C 151/01) tal-2009, saru sforzi importanti sabiex titjieb is-sikurezza tal-pazjenti fl-Istati Membri, u b’mod partikolari billi tkun stabbilita fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni bħala prijorità fil-politika tas-saħħa pubblika tagħhom, fejn inħatret (fi 19-il Stat Membru) awtorità kompetenti fil-qasam tas-sikurezza tal-pazjenti, u fejn ġie promoss (fi 23 Stat Membru) it-taħriġ fir-rigward tas-sikurezza tal-pazjenti fl-istabbilimenti tal-kura;

AY.  billi, skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (2009/C 151/01) tal-2009, saru sforzi importanti fl-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji (nazzjonali u reġjonali) ta’ prevenzjoni u ta’ ġlieda kontra l-HAIs fl-Istati Membri, u b’mod partikolari permezz tal-adozzjoni tal-linji gwida dwar il-prevenzjoni u kontroll tagħhom, bit-twaqqif ta’ sistemi ta’ sorveljanza attiva tal-HAIs (jew bit-tisħiħ tagħhom jekk dawn diġà jeżistu);

AZ.  billi, min-naħa l-oħra, ċerti azzjonijiet rakkomandati mill-Kunsill sabiex titjieb is-sikurezza tal-pazjenti fl-Istati Membri fir-Rakkomandazzjoni tiegħu (2009/C 151/01) tal-2009 s’issa ġew implimentati biss minn numru limitat ta’ Stati Membri, u li għadu possibbli li jsir titjib – kemm fil-qasam tal-kura fl-isptar u dik mhux fl-isptar – b’mod partikolari fl-oqsma tal-għoti tas-setgħa lill-pazjenti, l-edukazzjoni tal-professjonisti tas-saħħa u ta' dawk li jieħdu ħsieb lill-pazjenti fis-sens wiesa’, kif ukoll għall-implimentazzjoni ta’ klassifikazzjonijiet Ewropej ibbażati fuq is-sikurezza tal-pazjenti jew l-istabbiliment ta’ linji gwida Ewropej dwar l-istandards ta’ sikurezza tal-pazjenti;

BA.  billi ċerti azzjonijiet rakkomandati mill-Kunsill għall-prevenzjoni tal-HAIs u l-ġlieda kontrihom fl-Istati Membri, s’issa ġew implimentati biss minn numru limitat ta’ Stati Membri, u li għadu possibbli li jsir titjib, speċjalment fil-qasam tal-informazzjoni għall-pazjenti permezz tal-istabbilimenti ta’ kura u wkoll l-appoġġ għax-xogħlijiet ta’ riċerka ddedikati għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-HAIs;

Implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill: titjib sinifikanti u progress li għad irid isir

1.   Jilqa' l-miżuri mdaħħla fis-seħħ mill-Istati Membri bl-għan ewlieni li tittejjeb is-sikurezza ġenerali tal-pazjenti u li tiġi evitata l-okkorrenza ta' HAIs, b'mod partikolari:

   bit-tfassil mill-Istati Membri kollha ta' politiki fil-qasam tas-sikurezza tal-pazjenti u billi diversi Stati Membri għamlu dawn il-politiki prijorità tal-politika tagħhom tal-kura tas-saħħa;
   bl-istabbiliment ta' awtorità kompetenti responsabbli għas-sikurezza tal-pazjenti (fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri);
   bl-istabbiliment gradwali ta' mekkaniżmi għar-rappurtar ta’ avvenimenti avversi filwaqt li jinsiltu tagħlimiet minn tali nuqqasijiet;
   bl-introduzzjoni wiesgħa ta' kampanji ta' taħriġ dwar is-sikurezza tal-pazjenti fl-istabbilimenti tal-kura tas-saħħa;
   bl-implimentazzjoni, fi Franza, fis-Slovakkja u fil-Pajjiżi l-Baxxi, ta’ strateġiji transkonfinali fil-qasam tas-sikurezza tal-pazjenti (minbarra l-istrateġija nazzjonali);
   bil-kollaborazzjoni bejn il-pajjiżi u bejn ir-reġjuni bl-għan li jitwettqu l-azzjonijiet rakkomandati mill-Kunsill u implimentati minn 21 Stat Membru (u n-Norveġja), f'ħafna każijiet fil-kuntest ta' proġetti kofinanzjati mill-UE,

iżda jitlob li dawn l-isforzi jiżdiedu b'urġenza;

2.   Jilqa' l-passi meħuda mill-Kummissjoni biex tittejjeb is-sikurezza ġenerali tal-pazjenti billi jitħeġġeġ l-iskambju tal-aħjar prassi bejn l-Istati Membri u billi jitfasslu definizzjonijiet u terminoloġija għas-sikurezza tal-pazjenti, u b'mod partikolari:

   it-tħeġġiġ mill-Kummissjoni tal-iskambju ta' informazzjoni dwar inizjattivi rigward is-sikurezza tal-pazjenti u l-kwalità tal-kura, fil-kuntest tal-Grupp ta' Ħidma dwar is-Sikurezza tal-Pazjenti u l-Kwalità tal-Kura;
   il-kofinanzjament mill-Kummissjoni tal-proġett ta’ indikaturi ta’ kwalità tal-kura tas-saħħa mmexxi mill-OECD u li b’mod partikolari ppermetta l-ġbir ta’ indikaturi komparabbli dwar is-sikurezza tal-pazjenti fi 11-il pajjiż;
   il-kofinanzjament tal-UE, skotn is-Seba' Programm Qafas għar-Riċerka, ta' sitt proġetti ta' riċerka dwar is-sikurezza ġenerali tal-pazjenti;
   l-adozzjoni tad-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali, li għandha l-għan li tiċċara d-drittijiet tal-pazjenti li jirċievu kura fi Stat Membru ieħor, iżda anke li tiggarantixxi li l-kura mogħtija tkun sikura u ta’ kwalità;

3.  Jilqa' l-ħidma mwettqa mill-Kummissjoni u l-ECDC, flimkien mal-awtoritajiet tas-saħħa fl-Istati Membri, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tal-HAIs;

4.  Jilqa' l-azzjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-prevenzjoni ta' u l-ġlieda kontra l-HAIs, li hija marbuta mill-qrib mal-azzjoni tagħha fil-qasam tar-reżistenza għall-aġenti antimikrobiċi; jilqa', b'mod partikolari, il-finanzjament ipprovdut mill-Kummissjoni għal proġetti ta' riċerka dwar l-HAIs u r-reżistenza antimikrobika, speċjalment dawk li għandhom dimensjoni Ewropea, bħal IPSE (Titjib tas-Sikurezza tal-Pazjenti fl-Ewropa), IMPLEMENT (Implimentazzjoni ta' Bundles Strateġiċi għall-Prevenzjoni u l-Ġestjoni tal-Infezzjonijiet), u PROHIBIT (Prevenzjoni ta' Infezzjonijiet li Jittieħdu mill-Isptar bl-Intervent u t-Taħriġ), li għandha l-għan li tanalizza l-linji gwida prattiċi eżistenti dwar il-prevenzjoni tal-HAIs fl-isptarijiet Ewropej u li tiġi ttestjata strateġija għall-prevenzjonijiet ta' infezzjonijiet tad-demm marbuta mal-kateteri vaskulari ċentrali (infezzjonijiet li huma partikolarment preokkupanti minħabba li huma assoċjati ma' morbożità sinifikanti u livell għoli ta' mortalità relatata direttament);

5.  Jilqa' l-ħidma ta' koordinazzjoni u monitoraġġ tal-ECDC, u b'mod partikolari:

   l-attivitajiet tiegħu ta’ koordinazzjoni tan-netwerk Ewropew ta’ sorveljanza tal-HAIs u b’mod partikolari l-infezzjonijiet fis-siti kirurġiċi, tal-HAIs li jittieħdu fi swali ta’ rianimazzjoni, u l-użu ta’ antimikrobiċi fl-istabbilimenti tal-kura fit-tul (HALT-2) kif ukoll l-appoġġ tiegħu għall-proġett Ewropew sabiex jappoġġja l-iżvilupp tal-kapaċità għas-sorveljanza tal-infezzjonijiet ta' Clostridium difficile (ECDIS-Net);
   il-koordinazzjoni tiegħu ta' studju Ewropew dwar il-prevalenza tal-HAIs u l-użu tal-antimikrobiċi fl-isptarijiet ta' kura akuta;
   l-iżvilupp tiegħu ta' gwida għall-prevenzjoni u l-kontroll ta' infezzjonijiet ta' Clostridium difficile ;
   il-pubblikazzjoni tiegħu ta' rakkomandazzjonijiet biex jitwaqqaf it-tixrid ta' Enterobacteriaceae li jipproduċu l-carbapenemase;
   l-appoġġ tiegħu għall-iżvilupp ta' linji gwida u indikaturi (dwar l-istruttura u l-metodu) għall-prevenzjoni tal-HAIs;

6.  Jirrikonoxxi l-fatt li ma teżisti ebda sistema ta' klassifikazzjoni jew rapportar għas-sikurezza tal-pazjenti fil-livell tal-UE għall-fini tal-identifikazzjoni, il-fehim u l-analiżi tal-fatturi involuti fis-sikurezza tal-pazjenti, bl-għan tat-tagħlim u ta-titjib tas-sistemi rilevanti;

7.  Jirrikonoxxi li, sal-lum, ftit wisq Stati Membri:

   integraw is-sikurezza tal-pazjenti fl-edukazzjoni u t-taħriġ tal-professjonisti tas-saħħa;
   għandhom pjanijiet ta’ azzjoni fis-seħħ biex jiġġieldu l-HAIs;
   wettqu ħidma biex itejbu l-informazzjoni tal-pazjenti dwar il-HAIs, mill-faċilitajiet ta’ kura tas-saħħa;
   jipprovdu appoġġ għar-riċerka dwar il-HAIs;

8.  Jistieden lill-Istati Membri biex ikomplu bl-isforzi tagħhom biex iżidu l-indikaturi komparabbli dwar is-sikurezza tal-pazjenti fl-Istati Membri kollha, b'appoġġ mill-Kummissjoni;

9.  Jistieden lill-Istati Membri biex ikomplu u jsaħħu l-kooperazzjonijiet bilaterali u multilaterali fil-qasam tas-sikurezza tal-pazjenti, fil-livell nazzjonali u/jew reġjonali;

It-titjib tas-sikurezza tal-pazjenti fl-Ewropa, fosthom bil-prevenzjoni u l-kontroll tal-HAIs: rakkomandazzjonijiet ġenerali

10.  Jirrakkomanda li s-sikurezza tal-pazjenti, u b’mod partikolari l-prevenzjoni u l-kontroll tal-HAIs, tingħata post prominenti fl-aġenda politika tal-UE, kemm fil-livell nazzjonali fl-Istati Membri kif ukoll fil-livell reġjonali u lokali;

Miżuri biex tittejjeb is-sikurezza ġenerali tal-pazjenti

11.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex ikomplu bl-isforzi tagħhom biex itejbu s-sikurezza tal-pazjenti u jistabbilixxu, meta dan għadu mhux il-każ, miżuri addizzjonali, fosthom l-istabbiliment ta' pjanijiet ta’ azzjoni għall-ġlieda kontra l-HAIs, sabiex jikkonformaw mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill b’mod sħiħ;

12.  Jinkoraġġixxi b’mod partikolari lill-Istati Membri biex jiżviluppaw jew isaħħu f’każ li jkun hemm:

   azzjonijiet li jtejbu l-għarfien taċ-ċittadini dwar l-inizjattivi dwar is-sikurezza tal-pazjenti u li jiffavorixxu l-awtonomizzazzjoni taċ-ċittadini fil-kwistjoni;
   miżuri għal taħriġ bir-reqqa u kontinqu, ibbażat fuq standards definiti sew, tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa fil-qasam tas-sikurezza tal-pazjenti u tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa, u b'mod partikolari l-introduzzjoni ta' moduli ta' taħriġ dwar is-sikurezza tal-pazjenti (li jkopru diversi oqsma fosthom l-apparat mediku u l-użu razzjonali u diliġenti tal-mediċini) f'korsijiet ta' studju jew taħriġ għall-professjonisti u ħaddiema oħra tal-kura tas-saħħa, kif ukoll miżuri għall-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni għall-pazjenti u għal min jieħu ħsiebhom fil-qasam tas-sikurezza tal-pazjenti;
   azzjonijiet ta’ natura transkonfinali fil-qasam tas-sikurezza tal-pazjenti;
   miżuri li jippromwovu r-riċerka dwar is-sikurezza tal-pazjenti bl-użu ta' approċċ ibbażat fuq l-evidenza b'enfasi fuq l-implimentazzjoni u b’mod partikolari fuq forom ta' terapija li joffru alternattiva għall-użu ta’ antibijotiċi u reazzjoni għar-reżistenza għall-antibijotiċi, inkluża t-terapija bil-batterjofagi;
   miżuri ta' appoġġ għall-kura tal-feriti multidixxiplinari bħala parti mill-programmi dwar is-sikurezza tal-pazjenti fil-livell tal-Istati Membri;
   miżuri għall-prevenzjoni tal-okkorrenza ta' u għall-ġlieda kontra l-firxa tar-reżistenza antimikrobika, inkluż l-iżvilupp ta’ antimikrobiċi ġodda;

13.  Jitlob lill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) biex toħloq lista tal-mediċini li jiġu preskritti mhux skont it-tikketta, li jintużaw xorta waħda minkejja li hemm alternattiva approvata; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-persunal mediku professjonali u l-pazjenti jiġu infurmati meta mediċina tintuża mhux skont it-tikketta;

14.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-aġenziji relevanti tal-UE biex jintroduċu, jew isaħħu jekk duġà jeżistu, arranġamenti għar-rapportar ta’ avvenimenti avversi – b'mod partikolari dwak marbuta mal-mediċini u mal-apparat mediku – li jippermettu l-identifikazzjoni tar-responsabbiltajiet f’każ ta’ nuqqas fil-katina tal-kura u li jinsiltu tagħlimiet minn dawn in-nuqqasijiet, biex tgħarraf lill-pubbliku dwar dawn l-arranġamenti u jkunu faċli biex jintużaw, u biex tiżgura li l-proċeduri kollha jkunu trasparenti;

15.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jevalwaw mill-ġdid l-istrutturi tagħhom ta’ rappurtar dwar l-avvenimenti avversi, jevalwaw jekk tali rappurtar huwiex qed iseħħ f’kuntest mhux punittiv, u jjiżguraw li l-professjonisti tal-kura tas-saħħa jistgħu jagħtu informazzjoni b’mod frank, mingħajr konsegwenzi negattivi għalihom infushom;

16.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw azzjonijiet li jtejbu l-kwalità – u mhux biss il-kwantità – tas-sistemi li jirrappurtaw avvenimenti mhux mixtieqa, sabiex dawn is-sistemi jkun fihom informazzjoni li eventwalment ittejjeb verament is-sikurezza u jiffaċilitawit-teħid ta’ dejta għal evalwazzjoni sistematika u komprensiva;

17.  Jistieden lill-Istati Membri jintegraw ħafna iktar mil-lum l-informazzjoni tal-pazjenti fis-sistemi elettroniċi li jittrattaw is-sikurezza tal-pazjenti u l-avvenimenti avversi, u jevalwaw b’mod sistematiku dik l-informazzjoni biex preċiżament jevitaw l-iżbalji;

18.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-aġenziji relevanti tal-UE biex jużaw l-għodda teknoloġika u ta’ statistika kollha rilevanti biex jiddeskrivu u janalizzaw l-avvenimenti avversi;

19.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex itejbu l-għarfien taċ-ċittadini dwar l-inizjattivi dwar is-sikurezza tal-pazjenti u li jiffavorixxu l-awtonomizzazzjoni taċ-ċittadini fil-kwistjoni;

20.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex terġa’ tqis it-talbiet għall-introduzzjoni ta’ bażi tad-dejta tal-aħjar prattiki li jippromwovi l-iskambju ta’ dawn bejn l-Istati Membri; jemmen li bażi tad-dejta tal-avvenimenti avversi tista' tipprevjeni l-okkorrenza ta' tali avvenimenti fil-futur u tista' sservi bħala eżempju ta' prattika tajba għall-fornituri;

21.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jaqsmu l-aħjar prattiki permezz ta’ approċċ ibbażat fuq dejta fattwali u b’mod partikolari biex jistabbilixxu, fuq il-bażi ta’ studji ta’ każijiet u ta’ feedback, linji gwida komuni għall-Istati Membri kollha;

22.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jittrasponu, meta dan ikun possibbli, l-istrateġiji u l-programmi ta’ sikurezza tal-pazjenti mill-ambjent tal-isptar għall-ambjent barra mill-isptar (b’mod partikolari fl-istabbilimenti ta’ soġġorn twil jew medju, iżda wkoll fid-djar);

Miżuri mfassla għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-għadd ta' HAIs

23.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jifformulaw miri nazzjonali ċari biex jitnaqqsu l-HAIs, u biex jimplimentaw, meta dan ma jkunx il-każ, miżuri addizzjonali għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-HAIs, bl-għan li jikkonformaw bis-sħiħ mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill, u b’mod partikolari miżuri biex:

   jiġu evitati l-HAIs, kemm fl-isptar kif ukoll barra mill-isptarijiet bl-implimentazzjoni sistematika tal-inizjattiva "One-Health", li permezz tagħha kemm il-professjonisti mediċi kif ukoll dawk veterinarji jimpenjaw ruħhom biex jipprevjenu l-infezzjonijiet reżistenti u biex inaqqsu l-użu tal-antibijotiċi;
   titjieb l-informazzjoni pprovduta lill-pazjenti mill-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa, inkluża l-informazzjoni dwar il-prevalenza tal-HAIs f'dawk il-faċilitajiet;
   tiġi appoġġata r-riċerka dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tal-HAIs, partikolarment dawk ikkawżati minn Staphylococcus aureus reżistenti għall-metiċillina (MRSA), Clostridium difficile u infezzjonijiet oħra ġodda li huwa diffiċli li tittrattahom, u b'enfasi partikolari fuq forom ta' terapija li joffru alternattiva għat-trattament bl-antibijotiċi u reazzjoni għar-reżistenza għall-antibijotiċi, inkluża t-terapija bil-batterjofagi;

24.  Oħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tesplora l-possibbiltà li tistabbilixxi ftehimiet ta’ sħubija bejnha u l-Istati Membri individwali jew direttament bejn l-Istati Membri għall-prevenzjoni u s-soluzzjoni tal-problemi ta’ HAIs fl-isptarijiet iżda wkoll fil-kuntest tal-kura tas-saħħa fid-dar; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja ħidma ulterjuri dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tal-HAIs permezz tal-Programm dwar is-Saħħa tal-UE li jmiss;

It-titjib tas-sikurezza tal-pazjenti fl-Ewropa, fosthom bil-prevenzjoni u l-kontroll tal-HAIs: approċċi u rakkomandazzjonijiet speċifiċi

Prevenzjoni

25.  Filwaqt li jirrikonoxxi li l-UE ma tistax tinterferixxi fil-kompetenzi tal-Istati Membri fil-qasam tas-saħħa, u filwaqt li jirrikonoxxi d-differenzi li jeżistu f'termini ta' politiki u sistemi tal-kura tas-saħħa bejn l-Istati Membri, iħeġġeġ lill-Istati Membru u lis-sħab iddelegati tagħhom biex:

   iqiegħdu għad-dispożizzjoni biżżejjed riżorsi umani, finanzjarji u teknoloġiċi biex ikun żgurat lil-kura mogħtija d-dar jew l-isptar tkun tal-ogħla kwalità possibbli, filwaqt li jistedinhom, b'mod partikolari, biex jallokaw baġits adegwati għas-sikurezza tal-pazjenti u biex jiżguraw li l-kura mogħtija d-dar jew l-isptar tkun tal-ogħla kwalità possibbli;
   jagħtu wkoll prijorità lill-ippjanar effettiv tal-forza tax-xogħol sabiex jiżguraw li l-livelli tal-persunal ikunu xierqa biex jittrattaw il-volumi dejjem jiżdiedu ta’ pazjenti u l-impatt negattiv konsegwenti fuq il-prattiki tal-kontroll tal-infezzjonijiet;

26.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jħeġġu, permezz ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni, il-prattiki tajba fl-oqsma kollha, b'mod aprtikolari dawk kollha marbuta mal-iġjene (iġjene tal-idejn; sterilizzazzjoni u dekontaminazzjoni ottimali ta' strumenti mediċi u apparat mediku), kemm fl-isptarijiet kif ukoll barra (b'mod partikolari vis-à-vis l-pazjenti u l-familji tagħhom);

27.  Jistieden lill-Istati Membri jelaboraw linji gwida nazzjonali dwar l-iġjene tal-idejn u t-tindif ġenerali tal-isptarijiet u tad-djar tal-kura;

28.  Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu azzjoni mmirata biex jiġu evitati l-iżbalji fl-isptarijiet, inkluża l-implimentazzjoni tal-Lista ta' kontroll tad-WHO għas-Sikurezza Kirurġika;

29.  Jitlob li ssir aktar riċerka li tkun koordinata aħjar sabiex tiġi evitata l-firxa tal-HAIs;

30.  Jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu l-isforzi biex jiġu studjati t-tifqigħat fl-isptarijiet u jsibu mod kif jipprevjenu t-tixrid ta' infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa;

31.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jiżviluppaw il-prattiki nazzjonali tagħhom dwar l-użu xieraq tal-antibijotiċi, sabiex jillimitaw il-firxa tar-reżistenza antimikrobika u jiżguraw li l-kura bl-antibijotiċi tibqa’ effettiva;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw pjattaformi u protokolli li jippermetu portabbiltà tad-dejta tas-saħħa, filwaqt li jiżguraw li tali attivitajiet jirrispettaw il-leġiżlazzjoni rilevanti Ewropea dwar il-protezzjoni tad-dejta;

33.  Jistieden lill-Istati Membri biex ifasslu protokolli ta’ sikurezza speċifiċi għall-mard kroniku deġenerattiv u diżabilitanti fejn il-pazjenti jeħtieġu appoġġ kontinwu barra mill-isptar (fl-istabbilimenti ta’ akkomodazzjoni għal żmien medju jew fit-tul, iżda wkoll fid-dar);

34.  Jenfasizza, rigward il-kura fid-dar, li:

   il-kundizzjoni tal-pazjenti (b’mod partikolari persuna aktar avvanzati fl-età b’mobilità mnaqqsa) li jmorru lura d-dar wara perjodu fl-isptar għandha tiġi evalwata bir-reqqa qabel joħorġu mill-isptar b’mod partikolari biex issir valutazzjoni u jiġi evitat ir-riskju li dawn jaqgħu;
   l-użu ta’ materjal mediku li jkun għadda minn dekontaminazzjoni massima, jew li jintrema wara l-użu meta l-livell ta’ dekontaminazzjoni suffiċjenti ma jistax jintlaħaq, għandu jiġu promoss kemm jista’ jkun;
   it-tagħmir użat għandu jkun jista' jintrema jew ikun soġġett għal proċeduri ta' dekontaminazzjoni bir-reqqa jew jerġa' jintuża;
   għandu jkun imħeġġeġ l-użu ta’ prekawzjonijiet bażiċi, b’mod partikolari f’termini ta’ ħżin u użu tal-mediċini, u li l-pazjenti, b’mod partikolari, għandhom isiru konxji tar-riskju ta’ użu ta’ mediċini li mhumiex indikati għat-tqegħid fis-suq;

35.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu l-Kummissjoni b’informazzjoni dwar il-programmi ta’ tilqim għall-professjonisti tal-kura tas-saħħa, inklużi il-livelli ta’ kopertura miksuba fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-kura tas-saħħa;

36.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jappoġġjaw il-kampanji tal-professjonisti tas-saħħa biex jinfurmaw lill-pazjenti dwar kif jevitaw l-infezzjonijiet nożokomjali;

37.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri li jippermettu involviment akbar tal-qraba tal-pazjenti biex jipprevjenu l-iżbalji tal-mediċina u tal-awtotrattament;

Komunikazzjoni, edukazzjoni u taħriġ

38.  Jirrakkomanda lill-Istati Membri biex iwettqu miżuri li jżidu l-għarfien u taħriġ speċifiku dwar l-HAIs mhux biss għall-professjonisti tas-saħħa (tobba, infermiera, paramediċi, eċċ.) iżda wkoll, pereżempju, il-persuni formali u informali li jieħdu ħsieb lill-pazjenti u dawk li jgħinuhom f’ħajjithom u l-voluntiera tal-isptarijiet li għandhom kuntatt mal-pazjenti;

39.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu linji gwidi li jħejju l-azzjonijiet ta’ professjonisti tas-saħħa maħsubin biex jgħallmu lill-pazjenti kif jużaw l-antibijotiċi;

40.  Jistieden lill-Istati Membri biex jistabbilixxu azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ taħriġ speċifiku maħsub biex jagħmlu lill-pazjenti u lill-professjonisti tas-saħħa aktar konxji dwar il-problema tar-reżistenza għall-aġenti antimikrobiċi;

41.  Jistieden lill-Istati Membri jqisu u japprezzaw ir-rwol tal-għarfien li jirriżulta direttament mill-esperjenza tal-pazjenti fl-iżvilupp ta’ prattiki tajba;

Drittijiet tal-pazjenti

42.  Jistieden lill-Istati Membri jaħdmu sabiex jiżguraw il-fiduċja tal-pazjenti fis-sistemi tas-saħħa u, b’mod partikolari, biex jinvolvu b’mod attiv lill-pazjenti fir-rigward tas-sikurezza tagħhom;

43.  Jistieden lill-Istati Membri jinkorporaw lill-organizzazzjonijiet tal-pazjenti fl-iżvilupp ta’ atti ġodda u programmi fil-qasam tas-saħħa;

44.  Jistieden lill-Istati Membri jidentifikaw awtorità fil-livell lokali jew persuna ta’ kuntatt responsabbli biex tipprovdi lill-pazjenti b’tagħrif u dejta dwar is-sikurezza tal-pazjenti sabiex isaħħu l-fiduċja tal-pubbliku fis-sikurezza tas-sistemi tas-saħħa permezz ta’ żieda fil-provvista ta' tagħrif xieraq u li jinftiehem;

45.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jipprovdu informazzjoni lill-pazjenti dwar ir-riskji, fil-livell tas-sikurezza u l-miżuri fis-seħħ biex jipprevjenu li jseħħu avvenimenti avversi assoċjati mal-kura tas-saħħa, sabiex jiżguraw l-approvazzjoni informata tal-pazjent għat-trattament li huwa offrut lilu u li jippermettulu b’mod aktar ġenerali li jikseb għarfien fil-qasam tas-sikurezza tal-pazjent; jitlob lill-Istati Membri jinfurmaw lill-pazjenti, permezz tal-istrutturi organizzattivi xierqa, dwar il-proċeduri tal-ilmenti u l-għażliet legali disponibbli lilhom f'każ li jseħħu avvenimenti avversi assoċjati mal-kura tas-saħħa (eż. permezz ta' rappreżentant tad-drittijiet tal-pazjenti);

46.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jiffokaw, sa fejn hu possibbli, fuq l-approċċi bbażati fuq il-medjazzjoni f’każ ta’ avvenimenti avversi assoċjati mal-kura tas-saħħa;

47.  Jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu lit-tobba biex jinfurmaw lill-pazjenti bid-drittijiet tagħhom u l-possibilitajiet disponibbli f'termini ta' tressiq ta' lmenti u ta’ rappurtar ta’ żbalji u ta’ avvenimenti avversi;

48.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-UE ma tistax tinterferixxi mal-kompetenzi tal-Istati Membri fil-qasam tas-saħħa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, madankollu, tistabbilixxi mekkaniżmi ta' rimedju kollettiv f'każijiet transkonfinali li fihom għadd ta' pazjenti huma affettwati minn avvenimenti avversi marbuta mal-kura tas-saħħa li jirriżultaw mill-istess kawża;

Kontroll, djanjożi u monitoraġġ

49.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-aġenziji relevanti tal-UE u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw azzjoni biex jiġi żgurat l-għoti ta' feedback dwar is-sikurezza tal-pazjenti, mhux biss mill-istaff mediku, iżda anke mill-pazjenti; jenfasizza li r-rapportar tagħhom għandu jkun trasparenti fil-livelli kollha;

50.  Jistieden lil dawk l-Istati Membri li jwettqu stħarriġ nazzjonali speċifiku dwar il-prevalenza tal-HAIs bl-użu ta’ metodoloġija armonizzata tal-ECDC biex jagħmlu dan fuq bażi regolari, u jħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex jintroduċu tali stħarriġ; iħeġġeġ b’qawwa lill-Kummissjoni biex tieħu interess aktar mill-qrib fl-inizjattiva "Global Microbial Identifier"(10) , li hija appoġġjata minn numru kbir ta’ riċerkaturi madwar id-dinja u tippermetti li tissorvelja u tiskopri b’mod sistematiku l-organiżmi li jinsabu f’riskju assoċjat mal-kura, filwaqt li jiżviluppaw il-ħila li jwieġbu għal tixrid – anke transkonfinali – tal-infezzjonijiet;

51.  Jirrakkomanda l-ħolqien, fil-livell reġjonali jew lokali, ta’ gruppi ta’ ħidma li jaħdmu fuq kwistjonijiet speċifiċi fil-qasam ta’ sikurezza tal-pazjent; jissuġġerixxi, pereżempju, li gruppi ta’ ħidma bħal dawn jistgħu jiffokaw fuq il-prevenzjoni tal-aċċidenti fost l-anzjani, it-tnaqqis tar-riskji matul l-operazzjonijiet, jew fuq it-tnaqqis tar-riskju ta’ żbalji fil-mediċina, li jistgħu jkunu stabbiliti;

52.  Jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu l-isptarijiet u d-djar tal-kura jiffokaw fuq kompiti ta' kura bażika bħall-osservazzjoni tal-pazjenti u l-evalwazzjoni ta' ulċeri ta’ pressjoni, li huma problema kbira iżda ta’ spiss ma tiġix irrimarkata għall-pazjenti u r-residenti li ma jistgħux iqumu mis-sodda;

53.  Jistieden lill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini biex, abbażi tal-ħtiġijiet mediċinali u f’kunsiderazzjoni tas-sikurezza tal-pazjenti, tiżviluppa direttivi dwar il-preskrizzjoni ta’ mediċini mhux skont it-tikketta;

54.  Jistieden lill-ECDC biex ifassal, b'kooperazzjoni mal-EMA, lista ta' patoġeni li jistgħu jikkaġunaw infezzjonijiet reżistenti għall-antibijotiċi serji jew potenzjalment fatali u li huma theddida serja għas-saħħa; jitlob li dik il-lista tiġi aġġornata fuq bażi regolari b'informazzjoni provduta min-Netwerk ta' Sorveljanza Ewropea tal-Konsum tal-Antimikrobiċi (ESAC-Net) u min-Netwerk Ewropew ta' Sorveljanza tar-Reżistenza għall-Antimikrobiċi (EARS-Net);

55.  Jirrakkomanda li għandha tiġi stabbilita lista ta’ HAIs f’kollaborazzjoni mal-EMA u mal-ECDC, li għandha titqassam b’mod sistematiku fl-istrutturi ta’ sptarijiet u l-istabbilimenti l-oħra ta’ kura tal-UE;

Kooperazzjoni Ewropea u internazzjonali

56.  Jistieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni, flimkien mad-WHO u l-OECD, biex itejbu l-kooperazzjoni bl-għan li jiġu żviluppati definizzjonijiet, terminoloġija u indikaturi standardizzati fil-qasam tas-sikurezza tal-pazjenti, b’mod partikolari biex jippermettu l-iżolament ta’ pazjenti f’riskju f’każ ta’ theddida pandemika jew transkonfinali;

57.  Jenfasizza l-importanza tal-istabbiliment ta' netwerk Ewropew effikaċi ta' sistemi nazzjonali ta' sorveljanza li jaħdmu, abbażi ta' kriterji standardizzati li għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri, biex jidentifikaw u jimmoniterjaw postijiet fejn isseħħ kontaminazzjoni bl-HAIs (inklużi stabbilimenti barra l-isptarijiet), kif ukoll il-mod li bih l-HAIs jinfirxu; iħeġġeġ lill-Istati Membri jissoktaw bl-isforzi tagħhom biex jiġbru data ta' referenza paragunabbli u aġġornata dwar is-sikurezza ġenerali tal-pazjenti u l-HAIs; jistieden lill-Istat Membri jippubblikaw id-dejta konċernata fuq bażi annwali;

58.  Jistieden lill-Istati Membri jaqsmu, fejn dawn jeżistu, benchmarks ta’ prattiki tajba fil-qasam tas-sikurezza ġenerali tal-pazjenti u, b'mod partikolari, fil-qasam tal-prevenzjoni u l-kontroll tal-HAIs u t-trażmissjoni ta' batterji multireżistenti (eż. miżuri għall-prevenzjoni tat-tixrid tal-legionella fis-sistemi tal-ilma sħun fl-isptarijiet);

59.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-Programm dwar ir-Reżistenza Antimikrobika u l-Infezzjonijiet Assoċjati mal-Kura tas-Saħħa (ARHAI) tal-ECDC, b’mod partikolari fl-isforzi tiegħu biex jappoġġja u jistandardizza l-monitoraġġ tal-HAIs, joffri pariri xjentifiċi, u jipprovdi taħriġ u komunikazzjoni;

60.  Jistieden lill-Istati Membri biex jikkollaboraw fil-ħolqien ta’ pjattaformi li jippermettu l-kondiviżjoni ta' informazzjoni dwar avvenimenti avversi assoċjati mal-kura tas-saħħa, jinkoraġġixxu l-użu tas-sistemi tal-ġbir kollha f’dan il-qasam, filwaqt li jiżguraw li tali attivitajiet jirrispettaw il-leġiżlazzjoni Ewropea applikabbli dwar il-protezzjoni tad-dejta; jenfasizza li l-pazjenti għandhom jiġu ttrattati skont il-prinċipji etiċi u li d-dejta personali tagħhom għandha tiġi protetta;

61.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jikkollaboraw fl-implimentazzjoni ta’ inċentivi sabiex jiġu żviluppati mediċini antibatteriċi ġodda; iqis li tali inċentivi għandhom jiddaħħlu bħala parti minn qafas leġiżlattiv xieraq tal-UE, bl-għan li titħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat sabiex jiġu rivitalizzati r-riċerka u l-iżvilupp marbuta mal-antimikrobiċi;

62.  Jemmen li, fil-qafas tat-Tmien Programm Qafas għar-Riċerka, li għandu jibda fl-2014, l-UE għandha tikkofinanzja r-riċerka dwar is-sikurezza ġenerali tal-pazjenti, l-HAIs u r-reżistenza għall-aġenti antimikrobiċi;

Monitoraġġ u rapportar

63.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jestendu b’tal-anqas sentejn il-monitoraġġ tal-azzjonijiet meħuda biex tiġi implimentata r-rakkomandazzjoni dwar is-sikurezza tal-pazjenti, inkluż il-prevenzjoni u l-kontroll tal-HAIs;

64.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom mal-ECDC fil-qasam tal-prevenzjoni u l-kontroll tal-HAIs; jinkoraġġixxi b’mod partikolari lill-awtoritajiet nazzjonali biex regolarment isaqsu lil ECDC biex iwettaq verifiki in situ u biex jippubblikaw r-rapporti mogħtija lilhom mill-ECDC, u jenfasizza, f’dak ir-rigward, il-ħtieġa li jiġi żgurat, fl-ambitu tal-oqfsa finanzjarji multiannwali futuri, li l-ECDC jingħata l-finanzjament adegwat li jeħtieġ biex ikun jista’ jwettaq il-kompitu tiegħu ta’ koordinazzjoni u monitoraġġ;

o
o   o

65.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Istati Membri.

(1) ĠU C 184 E, 8.7.2010, p. 395.
(2) ĠU C 377 E, 7.12.2012, p. 131.
(3) ĠU C 131 E, 8.5.2013, p. 116.
(4) Testi adottati, P7_TA(2012)0483.
(5) Is-sikurezza tal-pazjenti hija definita mid-WHO bħala n-nuqqas f’pazjent ta’ kwalunkwe ħsara bla bżonn jew potenzjali marbuta mal-kura tas-saħħa.
(6) Avveniment avvers huwa definit bħala inċident li jikkawża ħsara lill-pazjent.
(7) Għall-finijiet ta’ dan ir-rapport, HAI hija definita bħala kull infezzjoni li sseħħ waqt jew wara l-provvediment ta' servizzi mediċi (għal skopijiet djanjostiċi, terapewtiċi jew preventivi) u li la kienet preżenti u lanqas f'fażi ta' inkubazzjoni qabel tali kura. Il-mikroorganiżmi infettivi (batterji, fungi, parassiti u aġenti oħra trażmissibbli) involuti f’każijiet ta’ HAI jstgħu jiġu derivati jew mill-pazjent stess (intestini, ġilda, eċċ.), f'liema każ jissejħu kollha infezzjonijiet endoġeni, jew mill-ambjent ta’ madwaru, f'liema każ huma magħrufa bħala infezzjonijiet eżoġeni jew infezzjonijiet inkroċjati. It-terminu "infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa" jkopri l-infezzjonijiet kollha assoċjati mas-sistemi tal-kura tas-saħħa inġenerali u ma' perkorsi ta' trattament individwali. Dawn jinkludu infezzjonijiet nożokomjali (meħuda minn faċilitajiet tas-saħħa, waqt li l-pazjent ikun l-isptar jew taħt kura ambulatorja) u infezzjonijiet meħuda matul kura mogħtija barra mill-faċilitajiet tas-saħħa, kemm fi strutturi komunitarji (bħall-istituzzjonijiet ta’ soġġorn twil u medju, b’mod partikolari il-faċilitajiet ta’ akkomodazzjoni għall-anzjani, eċċ.), kif ukoll fid-dar.
(8) Skont it-tweġiba tal-Kummissjoni għall-mistoqsija bil-miktub E-004648/2013, mogħtija fl-14 ta' Ġunju 2013.
(9) Skont it-tweġiba tal-Kummissjoni għall-mistoqsija bil-miktub E-004649/2013 dawn it-13-il pajjiż huma: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, id-Danimarka, il-Ġermanja, il-Finlandja, Franza, l-Ungerija, l-Irlanda, il-Pajjiżi l-Baxxi, Spanja, l-Isvezja u r-Renju Unit: http://www.europarl.europa.eu/sides/getAllAnswers.do?reference=E-2013-004649&language=EN
(10) http://www.globalmicrobialidentifier.org/

Aġġornata l-aħħar: 1 t'April 2016Avviż legali