Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2666(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0482/2013

Testi mressqa :

B7-0482/2013

Dibattiti :

PV 21/10/2013 - 11
CRE 21/10/2013 - 11

Votazzjonijiet :

PV 23/10/2013 - 11.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0443

Testi adottati
PDF 380kWORD 43k
L-Erbgħa, 23 ta' Ottubru 2013 - Strasburgu
Konferenza dwar it-Tibdil fil-Klima
P7_TA(2013)0443B7-0482/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-konferenza dwar it-tibdil fil-klima f'Varsavja, il-Polonja, (COP 19) (2013/2666(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Protokoll ta' Kjoto tagħha,

–  wara li kkunsidra r-riżultati tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima li saret f'Bali fl-2007 kif ukoll il-Pjan ta' Azzjoni ta' Bali (Deċiżjoni 1/COP 13),

–  wara li kkunsidra l-15-il Konferenza tal-Partijiet (COP 15) tal-UNFCCC u l-ħames Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP5) li saru f'Kopenħagen, id-Danimarka, mis-7 sat-18 ta' Diċembru 2009, u l-Qbil ta' Kopenħagen,

–  wara li kkunsidra s-16-il Konferenza tal-Partijiet (COP 16) tal-UNFCCC u s-sitt Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-laqgħa tal-Partijiet tal-Protokoll ta' Kjoto (CMP6) li saru f'Cancún, il-Messiku, mid-29 ta' Novembru sal-10 ta' Diċembru 2010, u l-Ftehimiet ta' Cancún,

–  wara li kkunsidra s-17-il Konferenza tal-Partijiet (COP 17) tal-UNFCCC kif ukoll is-seba' Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet tal-Protokoll ta' Kjoto (CMP7) li saru f'Durban, l-Afrika t'Isfel, mit-28 ta' Novembru sad-9 ta' Diċembru 2011 u, b'mod partikolari, id-deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-Pjattaforma ta' Durban għal Azzjoni Msaħħa,

–  wara li kkunsidra t-18-il Konferenza tal-Partijiet (COP 18) tal-UNFCCC u t-tmien Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet tal-Protokoll ta' Kjoto (CMP8) li saru f'Doha, il-Qatar, mis-26 ta' Novembru sat-8 ta' Diċembru 2012, u l-adozzjoni tad-Doha Climate Gateway,

–  wara li kkunsidra d-19-il Konferenza tal-Partijiet (COP 19) tal-UNFCCC u d-disa' Konferenza tal-Partijiet li se sservi bħala l-Laqgħa tal-Partijiet tal-Protokoll ta' Kjoto (CMP9) li se jsiru f'Varsavja, il-Polonja, mill-11 sat-23 ta' Novembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-pakkett tal-UE dwar il-klima u l-enerġija ta' Diċembru 2008,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex tinkludi l-attivitajiet tal-avjazzjoni fl-iskema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra fil-Komunità(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2009 bit-titolu "L-2050: Il-Ġejjieni jibda llum – Rakkomandazzjonijiet għal politika tal-UE integrata fil-ġejjieni dwar il-bidla fil-Klima"(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-25 ta' Novembru 2009 dwar l-istrateġija tal-UE għall-Konferenza ta' Kopenħagen dwar il-Bidla fil-Klima (COP 15)(3), tal-10 ta' Frar 2010 dwar l-eżitu tal-Konferenza ta' Kopenħagen dwar it-Tibdil fil-Klima (COP 15)(4), tal-25 ta' Novembru 2010 dwar il-Konferenza dwar it-Tibdil fil-Klima li saret f'Cancún (COP 16)(5) u tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-konferenza dwar it-tibdil fil-klima f'Durban (COP 17)(6), u tat-22 ta' Novembru 2012 dwar il-Konferenza dwar it-Tibdil fil-Klima f'Doha, il-Qatar (COP 18)(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Marzu 2012 dwar Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-2050(8),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konsultattiva mill-Kummissjoni tas-26 ta' Marzu 2013 bit-titolu "The 2015 International Climate Change Agreement: Shaping international climate policy beyond 2020" (Il-Ftehim Internazzjonali dwar it-Tibdil fil-Klima: il-formazzjoni tal-politika klimatika internazzjonali lil hinn mill-2020) (SWD(2013)0097),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2012 dwar is-segwitu għas-17-il Konferenza tal-Partijiet (COP 17) tal-UNFCCC u s-seba' sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet tal-Protokoll ta' Kjoto (CMP7) (Durban, l-Afrika t'Isfel, mit-28 ta' Novembru sad-9 ta' Diċembru 2011),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2012 dwar il-"finanzjament tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima – finanzjament rapidu",

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2011 u tal-24 ta' Ġunju 2013 dwar id-Diplomazija tal-UE dwar il-Klima,

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta' Sinteżi tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP) ta' Novembru 2012 bl-isem "The Emissions Gap Report 2012",

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Bank Dinji bit-titolu "Turn Down the Heat. Why a 4 °C Warmer World Must be Avoided",

–  wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar il-konferenza f'Varsavja dwar it-tibdil fil-klima (COP 19) (O-000095/2013 – B7‑0517/2013 u O‑000096/2013 – B7‑0518/2013),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi t-tibdil fil-klima jirrappreżenta theddida urġenti u potenzjalment irreversibbli għas-soċjetajiet umani, għall-bijodiversità u għall-pjaneta u għalhekk irid jiġi indirizzat fil-livell internazzjonali mill-Partijiet kollha;

B.  billi d-Doha Climate Gateway tinnota bi tħassib serju d-distakk sinifikanti bejn l-effett aggregat tal-wegħdiet ta' mitigazzjoni attwali tal-Partijiet f'termini ta' emissjonijiet annwali globali ta' gassijiet b'effett ta' serra sal-2020 u l-perkorsi aggregati għat-tnaqqis ta' emissjonijiet kompatibbli mal-probabilità li jżommu ż-żieda annwali fit-temperatura medja tas-superfiċje ta' 2 ºC (l-objettiv ta' 2 ºC),

C.  billi, skont l-provi xjentifiċi ppreżentati mill-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC), l-objettiv ta' 2 °C jirrikjedi li l-emissjonijiet globali jilħqu l-quċċata sal-2015, jitnaqqsu b'tal-anqas 50% sal-2050 meta mqabbel mal-1990, u wara jkomplu jonqsu; billi l-UE għandha, għaldaqstant, tesiġi li jittieħdu azzjonijiet konkreti u li dawn jiġu implimentati b'mod effikaċi f'livell globali qabel l-2020,

D.  billi, skont ir-rapport tal-Bank Dinji "Turn Down the Heat" il-perkorsi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet attwali se jwasslu għal tisħin ta' 2 °C ogħla miż-żminijiet preindustrijali fi żmien 20 sa 30 sena u tisħin sa 4 °C sal-2100, billi l-perkors għal żieda ta' 4 °C jista' jirriżulta b'żidiet sostanzjalment ogħla tat-temperatura f'reġjuni tropikali partikolarment sensittivi;

E.  billi r-riżultati xjentifiċi reċenti jissottolinjaw ukoll il-perikli ta' tisħin ta' 2 °C u jeżisti kunsens wiesa' fuq il-fatt li t-tisħin prodott s'issa (li jammonta, fuq livell globali, għal żieda ta' madwar 0,8 °C meta mqabbel mat-temperaturi preindustrijali), jikkostitwixxi wieħed mill-fatturi għala diġà ġraw ċerti kriżijiet umanitarji u alimentari, b'mod partikolari dawk l-aktar severi fl-Afrika u speċjalment fil-Qarn tal-Afrika u fis-Saħel;

F.  billi r-riskji u l-ispejjeż rikonoxxuti b'mod wiesa' li l-perkors attwali tal-emissjonijiet joħloq għad-dinja, għandu bżonn mhux biss impenji iżda wkoll ir-rieda politika tal-partijiet kollha biex jiġu sodisfatti;

G.  billi għal ħafna reġjuni tisħin ta' 2 °C huwa diġà perikoluż ħafna; billi 112-il pajjiż, inkluż l-aktar pajjiżi vulnerabbli, l-istati gżejjer iż-żgħar u l-pajjiżi l-anqas żviluppati appellaw għal tnaqqis tas-CO2 fl-atmosfera għal taħt it-350 parti għal kull miljun u għall-istabbilizzazzjoni fiż-żieda fit-temperatura dinjija għal taħt il-1.5 °C,

H.  billi l-Konferenza ta' Varsavja (COP 19) se tkun kruċjali biex tiżgura l-progress meħtieġ fir-rigward tal-Pjattaforma ta' Durban, sabiex titwitta t-triq għat-tħejjija tal-impenji u l-konklużjoni ta' ftehim globali ġuridikament vinkolanti sal-2015;

I.  billi tali ftehim globali ġuridikament vinkolanti jrid ikun konsistenti ma' baġit tal-karbonju koerenti ta' 2 °C, mal-ekwità u mal-prinċipju ta' "responsabbiltajiet komuni iżda differenzjati u kapaċitajiet rispettivi" (CBDRRC) u jrid jirrikonoxxi l-ħtieġa li l-emittenti ewlenin kollha jadottaw objettivi ambizzjużi u suffiċjenti u miżuri politiċi korrispondenti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra, li jirriflettu l-evoluzzjoni tar-responsabbiltajiet u tal-kapaċitajiet; itenni li 90 % tat-tkabbir globali tal-emissjonijiet isir fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw li skont il-Protokoll ta' Kjoto ma għandhom l-ebda obbligu ta' tnaqqis;

J.  billi fil-COP 16 ta' Cancún (2010) il-pajjiżi żviluppati impenjaw ruħhom li jfornu USD 30 biljun għall-perjodu 2010-2012 u, sal-2020, USD 100 biljun f'finanzjamenti "ġodda u addizzjonali" fis-sena bil-għan li jissodisfaw il-bżonnijiet tat-tibdil fil-klima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; billi tali finanzjament kellu jiggarantixxi allokazzjoni bbilanċjata bejn l-adattament u l-mitigazzjoni; billi sal-lum għad ma teżistix definizzjoni maqbula fuq livell internazzjonali ta' xi jfissru effettivament it-termini "ġodda u addizzjonali";

K.  billi, minkejja l-impenn appoġġat mill-Partijiet f'Kopenħagen li jiġu fornuti USD 30 biljun fuq tliet snin bħala finanzjamenti rapidi, għad m'hemm l-ebda ċertezza rigward l-entità tal-finanzjamenti għall-klima li se jsiru disponibbli bħala garanzija tal-affidabbiltà ta' tali impenn;

L.  billi hemm qiegħed jiġi dejjem aktar rikonoxxut il-bżonn li dak li jkun ikun viġilanti fil-konfront tal-isforzi tal-atturi ekonomiċi li jarmu ammonti sinifikanti ta' gassijiet b'effett ta' serra jew li jibbenefikaw mill-ħruq ta' karburanti fossili, sabiex jikkompromettu jew jinvalidaw l-isforzi għall-protezzjoni tal-klima,

M.  billi, skont studju tal-Potsdam Institute for Climate Impact Research u tal-Università ta' Madrid, il-frekwenza tal-mewġiet ta' sħana estremi se tirdoppja sal-2020 u tikkwadruplika sal-2040; billi l-istudju jikkonkludi wkoll li dan l-iżvilupp jista' jkun evitat fit-tieni nofs tas-seklu jekk l-emissjonijiet globali jitnaqqsu fundamentalment; billi jidher li l-ġrajjiet jikkorroboraw l-affermazzjonijiet tax-xjenzjati, u d-diżastri naturali bħall-għargħar jew it-tempesti estremi qegħdin jiġru b'mod aktar frekwenti fl-Ewropa,

N.  billi studju miċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali (CEDEFOP) jasal għall-konklużjoni li huwa possibbli li tintlaħaq ekonomija sostenibbli u effiċjenti fl-użu tal-enerġija waqt li fl-istess ħin ikun żgurat it-tkabbir fl-impjiegi,

O.  billi studju tal-Potsdam Institute for Climate Impact Research jikkonkludi li jekk azzjoni globali rigward politika komprensiva dwar it-tibdil fil-klima tittieħed wara l-2030, it-tkabbir ekonomiku globali jista' jonqos sa 7 % fl-ewwel deċennju wara l-implimentazzjoni tal-politika dwar it-tibdil fil-klima – meta mqabbel ma' 2 % biss f'każ li fl-2015 ikun diġà ġie konkluż ftehim,

P.  billi l-inizjattiva tal-Patt tas-Sindki tal-UE għadha qed tirnexxi, bi kważi 5 000 awtorità lokali impenjati llum li jiskorru l-objettivi tal-UE marbutin mal-klima u mal-enerġija sal-2020; billi tali entużjażmu u impenn murija mill-awtoritajiet lokali Ewropej għandhom jintużaw bħala eżempju anki għall-ħolqien ta' politiki klimatiċi u enerġetiċi ambizzjużi f'livell internazzjonali;

Q.  billi l-pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw qablu dwar il-prinċipju CBDRRC; billi madankollu l-isforzi biex jiġu limitati l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra mhumiex totalment biżżejjed u l-eżitu skars li ħareġ mill-COPs preċedenti ġej minn nuqqas ta' rieda politika min-naħa ta' ċerti pajjiżi; billi jeħtieġ li dan in-nuqqas jiġi ttrattat fid-dawl tad-diżastri naturali estremi reċenti;

R.  billi l-gvernijiet iġorru r-responsabbiltà kollettiva biex jiggarantixxu risposta adegwata għall-isfida klimatika li l-umanità u l-pjaneta qegħdin iħabbtu wiċċhom magħha; billi huma għandhom jirċievu appoġġ mill-atturi rilevanti kollha, inklużi ċ-ċittadini u l-impriżi fil-pajjiżi rispettivi tagħhom;

S.  billi l-komunità internazzjonali qiegħda tfittex qafas ġdid ta' żvilupp globali permezz ta' żewġ perkorsi paralleli: ir-rieżami tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju u l-proċess tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG) imniedi mill-konferenza ta' Rio+20; billi jeżistu sovrappożizzjonijiet importanti bejn dawn iż-żewġ perkorsi;

T.  billi l-isfida tal-klima bl-ebda mod ma tnaqqas l-isfida tal-iżvilupp, iżda taggravaha; billi l-fondi tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) ma għandhomx jiġu trasferiti għall-finanzjament għall-klima, iżda billi l-prinċipju li l-finanzjament għall-klima għandu jkun addizzjonali mal-livelli u l-impenji tal-ODA għandu jibqa' jiġi sostnut;

U.  billi t-tibdil fil-klima jirrappreżenta theddida enormi għal numru kbir ta' drittijiet tal-bniedem, inkluż id-dritt għall-ikel, id-dritt għall-ilma u s-sanità u, f'termini aktar ġenerali, id-dritt għall-iżvilupp;

V.  billi fuq livell globali madwar 20 % tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra joriġinaw mid-deforestazzjoni u mill-forom l-oħrajn ta' użu tal-art u ta' varjazzjoni ta' tali użu; u billi l-agroforestrija żżid l-effetti tal-mitigazzjoni tas-CO2 bis-saħħa ta' żieda fil-ħżin tal-karbonju u tnaqqas il-faqar permezz tad-diversifikazzjoni tal-introjti tal-komunitajiet lokali;

W.  billi, skont l-International Energy Outlook 2013, id-domanda enerġetika globali hija mistennija tiżdied b'56 % bejn l-2010 u l-2040(9), u biex tiġi sodisfatta din id-domanda se jkun hemm żieda notevoli fl-emissjonijiet tas-CO2; billi l-biċċa l-kbira taż-żieda fid-domanda u fl-emissjonijiet se tkun fl-ekonomiji emerġenti; billi, skont iċ-ċifri tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), f'livell dinji s-sussidji għall-karburanti fossili ammontaw għal USD 1 900 biljun, u l-Istati Uniti, iċ-Ċina u r-Russja jikkonċedu l-ogħla sussidji (li flimkien jirrappreżentaw kważi nofs dawn is-sussidji(10));

X.  billi bosta pajjiżi qegħdin jieħdu provvedimenti favur l-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija fis-setturi tal-industrija u tal-enerġija, billi jinkludu għal diversi raġunijiet il-protezzjoni tal-klima, l-iskarsità u l-effiċjenza tar-riżorsi, is-sigurtà enerġetika, l-innovazzjoni u l-kompetittività; billi, madankollu, skont l-International Energy Outlook, fl-2012 l-emissjonijiet globali ta' CO2 telgħu għal livell rekord;

Y.  billi fis-settur enerġetiku u tal-industrija l-applikazzjoni tal-innovazzjoni relatata mal-klima tkun tikkostitwixxi vantaġġ għall-UE, b'hekk tkun fuq quddiem nett fis-suq globali dejjem ikbar tal-beni u tas-servizzi relatati mal-enerġija;

Z.  billi l-innovazzjoni dinjija fis-settur tal-enerġija sostenibbli (kemm f'livell produttiv kif ukoll f'livell tal-utenti) toħloq impjiegi, tistimola t-tkabbir ekonomiku, iżżid l-indipendenza enerġetika u se tirriżulta f'dinja aktar nadifa kapaċi timmitiga t-tibdil fil-klima u tiggarantixxi provvisti enerġetiċi adegwati;

Progress fuq il-Pjattaforma ta' Durban

1.  Huwa tal-opinjoni li l-ftehim ta' wara l-2020 se jkollu jgħaqqad flimkien it-"taħlit" attwali ta' arranġamenti vinkolanti u mhux vinkolanti fl-ambitu tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Protokoll ta' Kjoto f'reġim uniku, komprensiv u koerenti li jorbot il-Partijiet kollha; jenfasizza li l-ftehim ta' wara l-2020 ma għandux ikompli jifred id-dinja f'kategoriji tal-pajjiżi "li qed jiżviluppaw" jew "industrijalizzati", iżda għandu jeħtieġ lil kull pajjiż jagħti kontribut skont il-prinċipju CBDRRC; jemmen, f'dan ir-rigward, li t-tnaqqis tal-emissjonijiet ikkalkulat fuq sett ta' indikaturi, inkluż il-PDG per capita, l-aċċess għat-teknoloġija, l-indiċi tal-kwalità tal-ħajja u oħrajn jistgħu jkunu strumenti validi;

2.  Jenfasizza l-ħidma sinifikanti li hemm bżonn titwettaq fil-Grupp ta' Ħidma Ad Hoc dwar il-Pjattaforma ta' Durban għal Azzjoni Msaħħa dwar il-prinċipji u l-qafas applikabbli għall-ftehim globali l-ġdid dwar il-klima u l-perkors lejn il-kisba ta' dan sa meta l-COP 21 isir f'Pariġi fl-2015; josserva wkoll li l-ħidma tiegħu trid tkun mgħarrfa mir-rapport tal-Ħames Valutazzjoni tal-IPCC li huwa mistenni sal-2014; jenfasizza li l-ftehim tal-2015 għandu bżonn jilħaq l-objettiv li jnaqqas l-emissjonijiet globali għal taħt il-livelli tal-1990 sal-2030 u għandu jimmira għall-eliminazzjoni gradwali tal-emissjonijiet tal-karbonju sal-2050;

3.  Josserva li n-nuqqas li jkun żviluppat approċċ ekwu biex l-isforz għall-mitigazzjoni u l-adattament jinqasam bejn il-pajjiżi kien ostaklu biex jintlaħaq ftehim adegwat; jenfasizza li l-ekwità, inkluż approċċ dinamiku lejn CBDRRC, trid tkun fil-qalba tal-ftehim il-ġdid biex dan ikun jista' joffri risposta adegwata għall-klima;

4.  Jikkunsidra li l-protokoll internazzjonali ġuridikament vinkolanti li issa qed ikun negozjat fil-Pjattaforma ta' Durban għandu jibni fuq, jiżviluppa u jtejjeb ir-regoli li diġà ġew miftiehma fil-UNFCCC u fil-Protokoll ta' Kjoto; jemmen, għalhekk, li għandu jkun inkluż proċess li janalizza numru ta' prinċipji u indikaturi ekwi bħall-adegwatezza, ir-responsabbiltà, il-kapaċità, l-iżvilupp u l-adattament;

5.  Jikkunsidra li l-UE qiegħda f'pożizzjoni li tiżvolġi rwol kostruttiv biex tiffaċilita ftehim ta' qsim ekwu tal-isforzi; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta tal-UE dwar il-qsim tal-isforzi globali;

6.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta ta' Ban-Ki Moon li jkun organizzat summit dwar il-klima għall-mexxejja dinjin f'Settembru 2014, kif ukoll laqgħa preparatorja popolari għall-COP, dejjem fl-2014, fil-Venezwela; jenfasizza l-importanza li l-avveniment jitħejja bir-reqqa u li jipproduċi riżultati sinifikanti u impenji fl-ogħla livell politiku u mas-soċjetà ċivili, bil-għan li tiġi garantita u miżmuma l-ispinta politika meħtieġa fid-dawl tal-Konferenzi tal-2014 u tal-2015; iqis li huwa neċessarju li, sabiex il-ftehim tal-2015 jirnexxi, il-pajjiżi jressqu l-impenji li jnaqqsu l-gassijiet b'effett ta' serra qabel is-summit tal-mexxejja dinjin;

7.  Jappella għal deċiżjoni tal-COP ta' Varsavja li tistabbilixxi l-kalendarju u l-proċess biex il-Partijiet kollha jintrabtu u jifformolaw impenji ta' mitigazzjoni fl-2014, u sussegwentement biex jivvalutawhom u jirreveduhom fl-2015; iqis li d-deċiżjonijiet tal-COP ta' Varsavja għandhom ukoll jistabbilixxu rekwiżiti għall-informazzjoni li takkumpanja l-impenji ta' mitigazzjoni proposti u jiżguraw kriterji għat-trasparenza, il-kwantifikazzjoni, il-komparabilità, il-verifikabilità u l-adegwatezza;

8.  Iqis li l-impenji ta' mitigazzjoni proposti mill-Partijiet iridu jkunu mirfuda mill-prinċipju CBDRRC, ikunu jistgħu jitkejlu, jiġu rapportati u verifikati u jridu jkunu biżżejjed biex jintlaħaq l-objettiv ta' 2 ºC (u għalhekk għandhom "jimlew id-distakk ta' mitigazzjoni" f'termini ta' konformità tal-limiti tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra ma' dak li huwa meħtieġ li jibqa' fi ħdan l-objettiv ta' 2 ºC); itenni li, għaldaqstant, l-impenji eżistenti għandhom jiġu riveduti b'mod kollettiv u jsiru aktar ambizzjużi sabiex jinkiseb l-objettiv ta' 2 ºC; jenfasizza li l-UE għandha teżerċita pressjoni fuq il-Partijiet li mhumiex fuq perkors konformi mal-objettiv ta' 2 ºC;

9.  Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tat-tfassil ta' politika bbażata fuq ix-xjenza u l-ħtieġa urġenti li l-objettiv ta' 2 °C jinżamm u jiġi segwit aktar bis-saħħa; iqis li l-miżuri intiżi li jsaħħu l-impenji ta' mitigazzjoni u l-implimentazzjoni tagħhom għandhom ikollhom diġà skadenzi preċiżi iżda marbutin ma' rieżamijiet dwar l-istat ta' implimentazzjoni definiti aħjar, regolari u rigorużi, b'data xjentifika, immirata li tiżgura li d-distakk ta' mitigazzjoni jimtela;

10.  Josserva r-rabtiet notevoli bejn l-objettiv tal-qerda tal-faqar fuq livell dinji li hemm wara l-Għanijet ta' Żvilupp tal-Millennju, bħalissa f'fażi ta' rieżami, u l-proċess tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli mniedi mill-konferenza ta' Rio+20; jappella biex dawn iż-żewġ proċessi jiġu integrati f'qafas uniku, komprensiv u ġenerali, u biex jinħoloq sett ta' objettivi biex jeqred il-faqar u jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli wara l-2015;

11.  Jenfasizza li qafas ta' politika stabbli u fuq perjodu twil inkluż objettivi ambizzjużi fuq perjodu twil hija l-aktar sfida importanti, kif ukoll tiffaċilita l-investimenti;

12.  Itenni li s-sistema "pledge and review" attwali mhix se ġġib it-tibdiliet fundamentali meħtieġa sabiex jiġi miġġieled it-tibdil tal-klima fuq żmien fit-tul u, għaldaqstant, iħeġġeġ lill-Partijiet kollha jqisu wkoll approċċi oħrajn;

13.  Ifakkar li, skont l-IEA, l-emissjonijiet tal-UE jirrappreżentaw madwar 11 % tal-emissjonijiet dinjija u se jirrappreżentaw sehem saħansitra iċken fid-deċennji li ġejjin; jissottolinja l-fatt li l-atturi industrijali jistgħu jaslu biex ikollhom aktar ambizzjoni u aċċettazzjoni ta' politiki ambizzjużi dwar it-tibdil fil-klima jekk, permezz ta' sforzi simili, ekonomiji globali oħra juru livell ogħla ta' ambizzjoni;

Il-Protokoll ta’ Kjoto

14.  Jilqa’ d-deċiżjoni tal-Unjoni Ewropea, l-Isvizzera, in-Norveġja, il-Liechtenstein, l-Islanda u l-Awstralja li jissieħbu fit-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto li beda fl-1 ta’ Jannar 2013, u bħala tranżizzjoni lejn reġim internazzjonali ġdid bl-involviment tal-Partijiet kollha sal-2020, u jitlob ir-ratifika rapida tiegħu kif maqbul f’Doha; jinnota li dawn il-Partijiet bħalissa jirrappreżentaw anqas minn 14 % tal-emissjonijiet dinjija;

15.  Jikkjarifika li, għalkemm it-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto se jkun limitat fil-kobor tiegħu, għandu jitqies bħala pass interim importanti ħafna, li jikkostitwixxi pont lejn ftehim internazzjonali aktar effikaċi u komprensiv għal wara l-2020 li jorbot lill-Partijiet kollha;

16.  Itenni li ħafna pajjiżi diġà jagħtu l-eżempju, b'tali mod li juru li huwa possibbli li pajjiż isegwi strateġiji ta’ żvilupp b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju u jipprovdu standard ta’ għajxien għoli għal sehem akbar tal-ġenerazzjoni preżenti mingħajr ma jipperikolaw l-abbiltà ta’ ġenerazzjonijiet futuri li jaqdu l-bżonnijiet tagħhom, filwaqt li joħolqu impjiegi ġodda u jiżguraw anqas dipendenza fuq l-importazzjoni tal-enerġija; jikkjarifika li m'hemm għalfejn ikun hemm l-ebda biża ta' riperkussjonijiet negattivi jekk il-protezzjoni tal-klima tkun inkluża fi strateġija ġenerali ta’ politika ta’ żvilupp sostenibbli u industrijali;

Id-distakk fir-rigward tal-mitigazzjoni

17.  Ifakkar li, skont il-konklużjonijiet tar-Raba’ Rapport ta’ Valutazzjoni tal-IPCC, il-pajjiżi industrijalizzati jeħtieġ li sal-2020 inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom b'25 % sa 40 % taħt il-livelli tal-1990, filwaqt li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bħala grupp, sal-2020 għandhom jilħqu tnaqqis sostanzjali tar-rata taż-żieda fl-emissjonijiet attwalment imbassra, fir-reġjun ta' 15 % sa 30 % sal-2020;

18.  Itenni, għalhekk, il-ħtieġa urġenti li l-livell ta’ ambizzjoni globali jikber bejn issa u l-2020, bil-għan li nibqgħu fi ħdan l-objettiv ta’ 2 °C; Jisħaq b’mod partikolari fuq il-ħtieġa urġenti ta’ progress biex jingħeleb il-“gigatonne gap” li hemm bejn is-sejbiet xjentifiċi u l-wegħdiet attwali tal-Partijiet; jenfasizza r-rwol importanti ta’ miżuri ta’ politika oħrajn, inklużi l-effiċjenza enerġetika, l-iffrankar sostanzjali tal-enerġij, l-enerġija rinnovabbli fil-komunità u t-tnaqqis gradwali tal-HFCs, biex jikkontribwixxu għall-għelib tal-“gigatonne gap”;

19.  Jinnota li l-UE qiegħda fit-triq it-tajba sabiex tilħaq tnaqqis tal-emissjonijiet 'il fuq sew mill-mira attwali ta’ 20 %, u jtenni li l-UE offriet li tgħolli l-objettiv tagħha għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għal 30 % sal-2020 jekk pajjiżi oħra li huma emittenti kbar jikkommettu ruħhom għal objettivi ta' tnaqqis komparabbli, u b'hekk tiġġenera tkabbir sostenibbli, impjiegi ġodda u tnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija;

20.  Jieħu nota li tnaqqis gradwali globali tal-HFCs jista' jipprevjeni r-rilaxx ta' 2.2 gigatunnellati ta' ekwivalenti tas-CO2 u kważi 100 gigatunnellata ta' ekwivalenti tas-CO2 sal-2050; jitlob li l-UE tintensifika l-isforzi tagħha biex tirregola tnaqqis gradwali globali tal-HFCs skont il-Protokoll ta’ Montreal;

21.  Jinnota li l-UE tista' twettaq ir-rwol vitali tagħha fit-tnaqqis tal-emissjonijiet permezz ta' politiki maħsuba biex iwaqqfu l-iżvilupp ta' fjuwils fossili mhux konvenzjonali li jiġġeneraw ħafna gassijiet serra, bħalma huma r-ramel bituminuż, huwa tal-fehma, kif ġa esprima ruħu fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar li jintemmu s-sussidji pubbliċi għall-fjuwils fossili, li s-sussidji pubbliċi li jsostnu l-iżvilupp ta' fjuwils fossili mhux konvenzjonali għandhom jitneħħew gradwalment;

22.  Huwa tal-fehma li l-Iskema tal-UE għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) għandha tkun marbuta ma’ mekkaniżmi tal-ETS li diġà jeżistu madwar id-dinja; jirrakkomanda li jerġa' jitqajjem l-ispirtu oriġinali ta' mekkaniżmi flessibbli, fis-sens li l-ETS għandha terġa' tmur lura għal li tkun mekkaniżmu tas-suq kif ukoll għodda ta’ żvilupp, bi proċedura drastikament semplifikata, iżda aktar trasparenti;

Il-finanzjament tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima

23.  Jenfasizza li impenji konkreti u ħidma biex il-finanzjament tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima jiżdied għal USD 100 biljun fis-sena sal-2020 huma ta' importanza kritika biex isir progress f’Varsavja u biex l-impenji meħtieġa ta’ mitigazzjoni jintlaħqu globalment; jieħu nota tal-aġenda għall-iżvilupp għal wara l-2015 u jitlob il-ħolqien ta’ sinerġiji reali bejn iż-żewġ proċessi, b’riżultati pożittivi kemm għall-iżvilupp kif ukoll għall-politika dwar il-klima; Jiddeplora l-fatt li l-maġġoranza tal-Istati Membri għadhom ma ħadu l-ebda impenn għall-finanzjament għall-klima wara l-2013 u jistieden lill-Istati Membri biex jimpenjaw ruħhom favur finanzjament ġdid u addizzjonali għall-klima għall-perjodu 2013-2015;

24.  Jiddeplora l-fatt li l-medja attwali tal-livell tal-ODA ta' 0,29 % tal-PDG hija 'l bogħod mill-impenn ta' 0,7 %; itenni li l-finanzjament għall-klima għandu jkun addizzjonali mal-ODA; jisħaq, madankollu, fuq il-ħtieġa li l-miri tal-iżvilupp jiġu rrikonċiljati ma' dawk tat-tibdil fil-klima; jenfasizza, konsegwentement, li l-iżgurar tal-koerenza tal-politiki u l-integrazzjoni tal-ambjent fil-proġetti ta' żvilupp iridu jkunu fil-qalba ta' strateġija tal-UE għal mitigazzjoni u adattament effikaċi għat-tibdil fil-klima;

25.  Jistieden lill-Partijiet kollha preżenti fil-COP biex jispjegaw kif biħsiebhom ikabbru l-finanzjamenti għall-klima, sena b'sena, bil-għan li jonoraw l-impenn li ħadu f'Kopenħagen fl-2009 li jimmobilizzaw USD 100 biljun fis-sena sal-2020, b'tali mod li dan ikun addizzjonali għall-impenn li jħallsu 0,7 % tal-ING bħala ODA;

26.  Jieħu nota, bi tħassib, li l-Fond Ekoloġiku għall-Klima mħabbar f'Kopenħagen fl-2009 u stabbilit f'Cancún fl-2010 għadu mhuwiex operattiv, u jistieden lill-Partijiet kollha biex jiffinalizzaw il-proċeduri mill-aktar fis possibbli; jitlob li l-UE u l-pajjiżi żviluppati l-oħra matul l-2014 jqiegħdu finanzi għad-dispożizzjoni tal-Fond Ekoloġiku għall-Klima, li għandu jitħabbar fil-COP ta' Varsavja, kif ukoll għall-Fond ta' Adattament u għal fondi oħra tan-NU fil-qasam tal-klima;

27.  Jilqa’ l-progress li jirrigwarda l-operazzjonalizzazzjoni tal-Mekkaniżmu tat-Teknoloġija u jenfasizza l-bżonn li jitttejbu l-iżvilupp, it-tħaddim u t-trasferiment tat-teknoloġija, billi jintlaħaq bilanċ ġust bejn l-adattament u l-mitigazzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-propjetà intellettwali;

28.  Jistieden lill-Istati Membri biex sal-2020 ineħħu gradwalment sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent, speċjalment sussidji fuq il-fjuwils fossili, u biex jindirizzaw dawn il-flejjes għall-produzzjoni ta’ enerġija sostenibbli; jitlob, barra minn hekk, li ssir implimentazzjoni rapida u kkoordinata internazzjonalment tal-objettiv tal-G-20 ta' Pittsburgh li jitneħħew gradwalment is-sussidji fuq il-fjuwils fossili ineffiċjenti fiż-żmien medju, billi dan ikun juri kontribut siewi għall-ħarsien tal-klima u jkun ukoll relevanti fil-kuntest attwali ta’ defiċit pubbliku f’bosta pajjiżi; jieħu nota li l-mexxejja fis-Summit tal-G-20 f'Los Cabos reġgħu ikkonfermaw din l-ambizzjoni u li l-UE talbet li jsir progress dwar din il-kwistjoni qabel is-Summit tal-G-20 f'San Pietruburgu(11); jiddeplora n-nuqqas ta' proposti dwar miżuri konkreti favur l-implimentazzjoni ta' dan l-objettiv;

29.  Jinnota li fil-ġejjieni l-Fond Ekoloġiku għall-Klima m’għandux ikun iffinanzjat biss mill-pajjiżi industrijalizzati, iżda wkoll minn ekonomiji emerġenti b’PDG per capita li jkun qed jiżdied; jikkjarifika, f'dan ir-rigward, li 32 pajjiż meqjusa bħala “pajjiżi li qed jiżviluppaw” skont il-Konvenzjoni diġà għandhom PDG per capita ogħla mill-Istati Membri tal-UE bl-aktar PDG per capita baxx;

L-adattament; it-telf u l-ħsara

30.  Jirrikonoxxi l-enfasi f’Doha fuq il-ħtieġa li t-telf u l-ħsara assoċjati mal-impatti tat-tibdil fil-klima f’pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma partikolarment vulnerabbli għall-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima jiġu indirizzati; jinnota d-deċiżjoni li jiġu stabbiliti, waqt il-Konferenza ta’ Varsavja, l-arranġamenti istituzzjonali meħtieġa għat-trattament ta' din il-kwistjoni;

31.  Ifakkar li, filwaqt li l-pajjiżi l-fqar ikkontribwixxew l-inqas għall-konċentrazzjoni dejjem ikbar ta' gassijiet serra fl-atmosfera, proprju huma li l-aktar li huma vulnerabbli għall-impatti tat-tibdil fil-klima u li għandhom l-inqas kapaċità ta' adattament; jitlob li l-UE tfittex ftehimiet dwar il-finanzjament għall-klima, it-trasferiment tat-teknoloġiji u l-bini tal-kapaċitajiet;

32.  Jappella lill-gvernijiet biex jilħqu qbil dwar prinċipji għall-qsim tal-isforzi u, jekk possibbli, it-tfassil ta’ formula jew formuli ta’ qsim tal-isforzi; jemmen li l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-imgħoddi, attwali u potenzjali, kif ukoll il-livelli ta’ kapaċità attwali u futuri fir-rigward tal-mitigazzjoni, l-adattament u l-assistenza, jeħtieġ li jkunu riflessi f’dawn il-prinċipji u formuli; iqis ukoll li d-dritt għall-iżvilupp jeħtieġ li jiġi kkunsidrat;

33.  Ifakkar li l-UE u pajjiżi oħra żvilupati għandhom ir-rieda li jappoġġjaw pajjiżi b’kapaċità ta’ rkupru baxxa, speċjalment permezz tal-bini ta’ kapaċitajiet u skambju tal-aqwa prattiki, iżda wkoll permezz ta’ għajnuna finanzjarja;

34.  Jitlob li jkun hemm aktar kuxjenza dwar l-impatt possibbli tat-tibdil fil-klima fuq it-tul tal-perjodi ta’ nixfa, fuq l-iskarsezzi gravi tal-ilma f'reġjuni partikolari u fuq it-tnaqqis tal-aċċess għar-riżorsi tal-ilma li jkunu meħtieġa fil-ħajja ta' kuljum;

35.  Jirrikonoxxi li l-adattament huwa tabilħaqq kwistjoni lokali, iżda jinsisti fuq il-kooperazzjoni fil-livell reġjonali, nazzjonali u internazzjonali biex ikun żgurat approċċ koerenti;

L-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF) u t-tnaqqis tal-emissjonijiet mid-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti (REDD+)

36.  Jinnota r-rwol fundamentali tal-LULUCF u r-REDD+ fit-tnaqqis tal-emissjonijiet u b’mod partikolari fl-għelib tad-distakk fir-rigward tal-mitigazzjoni sal-2020; jinnota li jeħtieġ isir aktar xogħol fuq kontabilità komprensiva biex l-integrità ambjentali tal-kontribuzzjonijiet tas-settur lejn it-tnaqqis fl-emissjonijiet tiġi żgurata;

37.  Jinnota li somom sinifikanti mill-finanzi pubbliċi se jiġu indirizzati għal proġetti REDD+; jenfasizza l-bżonn urġenti li jiġu żviluppati indikaturi bikrija tal-prestazzjoni għall-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifikazzjoni (MRV) effikaċi tal-attivitajiet REDD+; jilqa’, f'dan ir-rigward, l-isforzi kontinwi biex l-għażla ta' proġetti REDD+ f'żoni mingħajr toroq tingħata prijorità;

38.  Jieħu nota tal-kontribut pożittiv tal-Ftehimiet ta' Sħubija Volontarja bejn il-pajjiżi li jesportaw l-injam u l-UE skont il-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Infurzar tal-Liġi tal-Foresta, Governanza u Kummerċ (FLEGT) fil-ġlieda kontra d-deforestazzjoni madwar id-dinja; jenfasizza li hemm bżonn aktar azzjoni biex tindirizza l-kawżi ta’ deforestazzjoni fuq livell internazzjonali permezz ta’ ftehimiet ambjentali u kummerċjali vinkolanti;

39.  Ifakkar li t-tibdil fil-klima jhedded il-kapaċità ta' reġjuni sħaħ li jitimgħu lilhom infushom; iħeġġeġ lill-UE biex tittratta l-impatt tal-politika agrikola tagħha fuq it-tibdil fil-klima; jenfasizza għal darb'oħra li, kif osserva Olivier De Schutter, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-dritt għall-ikel, il-metodi agrikoli b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju u li jikkonservaw ir-riżorsi, magħrufa wkoll bħala approċċi agroekoloġiċi, joffru mudell alternattiv li jista' jimmitiga t-tibdil fil-klima billi jillimita l-emissjonijiet ta' gassijiet serra u jtejjeb l-għejxien tal-komunitajiet rurali l-fqar billi jnaqqas id-dipendenza tagħhom fuq fatturi tal-produzzjoni agrikola għaljin ibbażati fuq il-fjuwils fossili, u fl-istess ħin ikabbru l-livelli ta' produzzjoni; konsegwentement, iħeġġeġ lill-UE biex tippromwovi l-iżvilupp rurali, l-iżvilupp sostenibbli u l-produttività tas-sistemi agrikoli u s-sigurtà tal-ikel, partikolarment f'pajjiżi li qed jiżviluppaw;

L-enerġija komunitarja

40.  Jinnota li tnaqqis vitali fl-emissjonijiet jista' jintlaħaq permezz ta' bidla sinifikanti lejn sistemi tal-enerġija nadifa u sikura, b'aċċettazzjoni kbira tal-enerġija rinnovabbli permezz ta' investiment fil-produzzjoni tal-enerġija fuq skala żgħira, magħrufa wkoll bħala mikroġenerazzjoni; jemmen li l-finanzi pubbliċi għandhom jiġu inkanalati f'direzzjonijiet ġodda u mobilizzati biex jiżguraw bidla lejn l-enerġija pubblika u komunitarja/deċentralizzata u rinnovabbli;

41.  Iwissi li l-produzzjoni ta’ agrofjuwils minn, fost l-oħrajn, iż-żrieragħ taż-żejt, iż-żejt tal-palm, il-fażola tas-sojja, iż-żerriegħa tal-lift, il-ġirasol, il-kannamieli, il-pitravi u l-qamħ, potenzjalment tista' twassal għal domanda enormi għall-artijiet u tipperikola lin-nies f’pajjiżi fqar li l-għajxien tagħhom jiddependi fuq l-aċċess għall-art u għar-riżorsi naturali;

It-trasport bl-ajru u marittimu internazzjonali

42.  Jenfasizza li, għalkemm l-UE dan l-aħħar qablet li “twaqqaf l-arloġġ” fir-rigward tal-inklużjoni ta’ titjiriet tal-avjazzjoni internazzjonali fl-EU ETS tagħha, din id-deroga hija limitata għal sena waħda biss u hija bil-kundizzjoni li n-negozjati internazzjonali jipproduċu deċiżjonijiet tanġibbli dwar miżura dinjija bbażata fuq is-suq dwar l-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali;

43.  Jenfasizza li hemm bżonn ta’ prezz tal-emissjonijiet tal-karbonju mit-trasport tal-avjazzjoni internazzjonali u marittimu, li minbarra li jnaqqas l-emissjonijiet jista’ wkoll iservi sabiex jiġġenera l-introjtu;

44.  Itenni t-talba tiegħu għal strument internazzjonali b’miri globali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet biex irażżan l-impatt tat-trasport marittimu fuq il-klima;

L-industrija u l-kompetittivà

45.  Huwa mħasseb dwar iż-żieda fl-emissjonijiet globali ta' CO2 fl-2012, skont id-dejta tal-IEA, minkejja tnaqqis fl-emissjonijiet fl-Ewropa u l-Istati Uniti; jissuġġerixxi, għalhekk, li jiġu kkunsidrati responsabbiltajiet differenzjati sabiex kull pajjiż jikkontribwixxi għall-isforzi globali fil-qasam tal-politika industrijali u enerġetika;

46.  Jissottolinja l-fatt li l-Ewropa, fil-politika industrijali tagħha, għandha tippromwovi l-innovazzjoni u t-tixrid ta' teknoloġiji li jirrispettaw l-ambjent, inkluż fl-oqsma tal-ICT, tal-enerġija rinnovabbli, tat-teknoloġiji għall-użu innovattiv u effiċjenti tal-fjuwils fossili u, b'mod partikolari, tat-teknoloġiji tal-effiċjenza enrġetika; jenfasizza li jeħtieġ li jiġu żviluppati ftehimiet ta’ qafas li jgħinu biex jinkoraġġixxu u jinċentivaw it-tixrid aktar rapidu ta’ teknoloġiji ġodda internazzjonalment, minħabba li r-riċerka u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda huma fil-qalba ta’ futur sostenibbli;

47.  Itenni, barra minn hekk, li politiki ambizzjużi tal-UE għall-2030 fis-setturi tal-industrija, tal-innovazzjoni, tal-klima u tal-enerġija jħallu lill-UE żżomm il-pożizzjoni tagħha bħala motriċi ewlenija u jkollhom, għaldaqstant, impatt pożittiv fuq in-negozjati internazzjonali u jinkoraġġixxu lis-sħab internazzjonali biex jgħollu l-ambizzjonijiet tagħhom konsegwentement;

48.  Jilqa' kwalunkwe żvilupp pożittiv u jtenni li l-azzjoni koordinata fil-livell internazzjonali tgħin biex jiġi indirizzat it-tħassib dwar ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u dwar il-kompetittività tas-setturi rilevanti u, b'mod partikulari s-setturi b'użu intensiv tal-enerġija;

Ir-riċerka u l-innovazzjoni

49.  Jenfasizza li l-iżvilupp u l-użu mifrux ta’ teknoloġiji innovattivi sostenibbli huma fatturi kruċjali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u, fl-istess ħin, fil-persważjoni ta' sħab l-UE madwar id-dinja li t-tnaqqis fl-emissjonijiet huwa fattibbli mingħajr telf ta' kompetittività u impjiegi;

50.  Jitlob li jkun hemm impenn internazzjonali favur iż-żieda tal-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp (R&D) f'teknoloġiji innovattivi sostenibbli fis-setturi rilevanti; iqis li huwa essenzjali li l-UE tagħti l-eżempju billi tiddirieġi l-infiq tagħha ddedikat għar-riċerka lejn id-demostrazzjoni ta' teknoloġiji innovattivi li ma jagħmlux ħsara lill-klima u li jużaw l-enerġija b'mod effiċjenti, u li l-UE tiżviluppa kooperazzjoni xjentifika stretta f’dan il-qasam ma' sħab internazzjonali, bħalma huma l-pajjiżi BRIC u l-Istati Uniti tal-Amerika;

Il-politika dwar l-enerġija

51.  Jilqa' sinjali riċenti mill-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika rigward miżuri klimatiċi u dwar ir-rieda tiegħu li jkollu rwol aktar akbar fl-isforzi dinjija bil-għan li jindirizzaw it-tibdil fil-klima;

52.  Jinnota li l-prezzijiet ta' sorsi differenti tal-enerġija għandhom rwol ewlieni fid-determinazzjoni tal-imġiba tal-protagonisti fis-suq, inklużi l-industrija u l-konsumatur, u jinnota li l-fatt li l-qafas politiku internazzjonali attwali mhuwiex kapaċi jinternalizza kompletament l-ispejjeż esterni jipperpetwa t-tendenzi ta' konsum mhux sostenibbli; barra minn hekk itenni li suq globali tal-karbonju jkun bażi solida biex jinkisbu kemm tnaqqis sostanzjali fl-emissjonijiet u kemm ambjent fejn il-kundizzjonijiet għall-industrija jkunu ndaqs għal kulħadd; jistieden lill-UE u lil sħabha biex, fil-futur immedjat, isibu l-aktar mod effikaċi biex jippromwovu r-rabtiet bejn l-ETS tal-UE u skemi oħra ta' skambju bil-għan li jiġi stabbilit suq globali tal-karbonju, b'tali mod li jiżguraw aktar diversità ta' possibilitajiet ta' tnaqqis, titjib fid-daqs tas-suq u fil-likwidità, trasparenza, u fl-aħħar mill-aħħar, allokazzjoni aktar effiċjenti tar-riżorsi għas-settur u l-industrija tal-enerġija;

53.  Jitlob koordinament aktar strett bejn il-Kunsill, il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) b'tali mod li l-UE tkun tista' titkellem b'vuċi waħda u koerenti f'organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-IEA, l-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Rinnovabbli (IRENA), is-Sħubija Internazzjonali għall-Kooperazzjoni fl-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija(IPEEC) u l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA), u b'hekk ikollha rwol aktar attiv u influwenti, partikolarment biex tirsisti favur politiki dwar enerġija sostenibbli u ta' sikurezza enerġetika;

54.  Jiddispjaċih għall-fatt li l-potenzjal għall-iffrankar tal-enerġija mhux qed jiġi ttrattat b'mod adegwat internazzjonalment u ġewwa l-UE; jissotolinja l-fatt li l-iffrankar tal-enerġija jippermetti li jinħolqu l-impjiegi, jitwettqu ekonomiji u jiżguraw sigurtà enerġetika, kompetittività u tnaqqis tal-emissjonijiet, u jista' wkoll jagħti kontribut biex titreġġa' lura x-xejra fil-prezzijiet u l-kostijiet tal-enerġija; jtlob li l-UE fin-negozjati internazzjonali toqgħod aktar attenta għall-iffrankar tal-enerġija, sew jekk tiddiskuti dwar it-trasferiment tat-teknoloġiji, kif ukoll dwar pjanijiet ta’ żvilupp għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw jew dwar l-assistenza finanzjarja; jenfasizza l-fatt li, sabiex ikunu kredibbli, l-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtiġilhom jilħqu l-objettivi tagħhom stess;

55.  Jinnota li madwar id-dinja huwa stmat li 1,3 biljun ruħ m'għandhomx aċċess għall-elettriku u 2.6 biljun ruħ għadhom dipendenti fuq l-użu tradizzjonali tal-bijomassa għat-tisjir(12); jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-faqar enerġetiku bi qbil mal-objettivi tal-politika dwar il-klima; jinnota li huma disponibbli teknoloġiji fil-qasam tal-enerġija li jindirizzaw kemm il-protezzjoni ambjentali globali u kemm il-ħtiġijiet tal-iżvilupp lokali;

Id-diplomazija klimatika

56.  Jenfasizza, f’dan il-kuntest, l-importanza li l-UE, bħala attur ewlieni (b’mod partikolari din is-sena, meta n-nazzjon ospitanti u li għandu l-Presidenza tal-COP 19 huwa Stat Membru), titkellem “b’vuċi waħda” fil-Konferenza hija u tfittex li jsir progress lejn ftehim internazzjonali, u tibqa’ magħquda f’dan ir-rigward;

57.  Jenfasizza l-pożizzjoni essenzjali tal-Polonja bħala “n-nazzjon ospitanti”, u jittama li l-Polonja, bħala pajjiż li għadu jiddependi ħafna fuq sorsi ta’ enerġija fossili, iżda li għandu esperjenza fin-negozjati tal-UNFCCC, ikun kapaċi jaħja l-proċess, jagħti l-eżempju u jgħin biex jibni alleanzi ġodda; jilqa’ d-dikjarazzjoni tal-President nominat li, permezz tal-kreattività, huwa possibbli li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra waqt li jinħolqu impjiegi, jiġi promoss it-tkabbir ekonomiku u jiġu żgurati standards tal-għajxien aħjar; jittama li l-Polonja tressaq proposti konkreti f’dan ir-rigward;

58.  Jenfasizza li “Patt dwar il-Klima”, applikabbli għal kulħadd, li jinvolvi pajjiżi industrijalizzati kif ukoll pajjiżi li qed jiżviluppaw, għandu jkun l-objettiv prinċipali; jenfasizza wkoll li wieħed mill-aktar kompiti importanti tal-UE huwa li tiżgura approċċ koordinat u gradwali għall-ħarsien tal-klima, b'tali mod li tiżgura li l-azzjoni ssir fil-livelli kollha tal-gvern, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

59.  Jenfasizza li dan iż-żmien ta’ kriżi ekonomika ta’ bħalissa juri biċ-ċar li biss ekonomija sostenibbli tista’ tiggarantixxi l-prosperità fit-tul, u li l-ħarsien tal-klima huwa wieħed mill-pilastri ewlenin ta’ din l-ekonomija sostenibbli; jenfasizza l-fatt li qatt ma kien daqshekk importanti li tiġi kkjarifikata r-raġuni għall-azzjoni politika fil-qasam tal-ħarsien tal-klima, li hija li aktar nies jitħallew igawdu minn standard għoli ta’ għajxien filwaqt li jiġu żgurati r-riżorsi u l-ispazju għall-iżvilupp, anke għall-ġenerazzjonijiet futuri;

60.  Itenni li l-isfida tat-tibdil fil-klima ma tistax titqies b'mod iżolat, iżda jeħtieġ li dejjem tiġi indirizzata fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli, il-politika industrijali u l-politika tar-riżorsi; jenfasizza, f’dan ir-rigward, li huwa ta' importanza kruċjali li l-politiki dwar it-tibdil tal-klima jiġu spjegati liċ-ċittadini u li sseħħ bidla tal-kuxjenza; jissottolinja l-fatt li kwalunkwe ftehim futur għandu jakkomoda wkoll inizjattivi minn isfel għal fuq, pereżempju fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika, minħabba li huma għodda importanti fir-rigward tal-aċċettazzjoni miċ-ċittadini;

61.  Itenni li, fi kwalunkwe ftehim vinkolanti dwar it-tibdil fil-klima, sistema robusta ta’ ottemperanza u infurzar hija vitali biex tiżgura li l-pajjiżi kollha li jieħdu sehem fil-ftehim dwar it-tibdil fil-klima jirrispettaw l-impenji tagħhom, jirċievu l-appoġġ fejn ikun meħtieġ u jinżammu responsabbli jekk ma jottemerawx ruħhom;

62.  Huwa tal-fehma li l-proċess tal-UNFCCC jeħtieġlu jsir aktar effikaċi u effiċjenti, u jiżgura li jirrifletti b’mod aktar adegwat ir-realtajiet mibdula; f’dan il-kuntest jemmen li r-regola ta’ konsensus għandha tkun abolita sabiex ikunu evitati riżultati bbażati fuq l-iċken denominatur komuni;

63.  Jaqbel mal-fehma li aktar milli ddur kull sena, il-presidenza tal-Konferenza tista’ jew tinqasam bejn diversi pajjiżi fuq numru ta’ snin jew tinżamm minn pajjiż wieħed għal sentejn sabiex ikun żgurat approċċ aktar koerenti;

64.  Jiġbed l-attenzjoni fuq żviluppi ottimisti matul in-negozjati MOP 25 dwar il-Protokoll ta’ Montreal u jħeġġeġ lill-Partijiet kollha biex jistinkaw sabiex jitgħallmu minn dan il-ftehim internazzjonali ta’ suċċess; jistieden lill-Partijiet biex b’mod paritkolari jaraw il-mekkaniżmi ta’ votazzjoni u ta’ deċiżjoni tal-Protokoll ta’ Montreal, l-approċċ differenti tiegħu għar-responsabbiltajiet, kif ukoll il-mekkaniżmi ta’ infurzar u ta’ sanzjoni tiegħu, bħala eżempju li jista’ jintuża wkoll skont l-UNFCCC;

65.  Jisħaq fuq l-importanza li l-UE jkollha rwol proattiv għall-progress ġenerali ta’ negozjati internazzjonali dwar il-klima; jinnota li l-kapaċità tal-UE li jkollha rwol ta’ tmexxija u l-prospetti li jsir progress ġenerali huma influwenzati mill-azzjonijiet li tieħu l-UE nnifisha dwar il-klima; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li l-azzjonijiet tal-UE dwar il-klima jissaħħu, anki permezz tal-adozzjoni ta' qafas ambizzjuż fil-qasam klimatiku u enerġetiku għall-2030, u biex jitwarrbu d-dubji pprovokati mill-effikaċja fjakka tal-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta' Emissjonijiet (ETS) biex tagħti inċentivi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra, kif ukoll mill-posponiment tal-inklużjoni tas-settur tal-avjazzjoni fl-ETS;

66.  Jisħaq ukoll fuq ir-rwol li l-pajjiżi żviluppati għandu jkollhom biex lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jgħinuhom irażżnu l-emissjonijiet tagħhom; josserva l-potenzjal enormi għall-enerġija rinnovabbli u għall-effiċjenza enerġetika f'ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw; jinkoraġġixxi lill-ekonomiji żviluppati u emerġenti biex jippromwovu u jimplimentaw il-proġetti ta' enerġija rinnovabbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u jagħmlu disponibbli t-teknoloġija, il-kompetenzi u l-investiment f'dan il-qasam;

Id-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew

67.  Jemmen li d-delegazzjoni tal-UE għandha rwol importanti ħafna fin-negozjati dwar it-tibdil fil-klima, u għaldaqstant ma jistax jaċċetta li l-membri tal-Parlament Ewropew ma setgħux jattendu l-laqgħat ta’ koordinament tal-UE waqt il-Konferenzi tal-Partijiet preċedenti; jistenna li tal-anqas il-President tad-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew jitħalla jattendi l-laqgħat ta’ koordinament tal-UE f’Varsavja;

68.  Jinnota li, bi qbil mal-Ftehim Qafas konkluż bejn il-Kummissjoni u l-Parlament f'Novembru 2010, il-Kummissjoni jeħtiġilha tiffaċilita l-inklużjoni ta' Membri tal-Parlament bħala osservaturi f'delegazzjonijiet tal-Unjoni li jkunu qed jinnegozjaw ftehimiet multilaterali; ifakkar li, skont it-Trattat ta' Lisbona (l-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea), jeħtieġ li l-Parlament jagħti l-kunsens tiegħu għal ftehimiet bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali;

o
o   o

69.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri u lis-Segretarjat tal-UNFCCC, bit-talba li r-riżoluzzjoni tkun iċċirkolata lill-Partijiet Kontraenti kollha li mhumiex membri tal-UE.

(1) ĠU L 8, 13.1.2009, p.3.
(2) ĠU C 67 E, 18.3.2010, p. 44.
(3) ĠU C 285 E, 21.10.2010, p. 1.
(4) ĠU C 341 E, 16.12.2010, p. 25.
(5) ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 77.
(6) ĠU C 153 E, 31.5.2013, p. 83.
(7) Testi adottati, P7_TA(2012)0452.
(8) ĠU C 251 E, 31.8.2013, p. 75.
(9) http://www.eia.gov/forecasts/ieo/?src=Analysis-b2
(10) http://www.imf.org/external/pubs/ft/survey/so/2013/int032713a.htm
(11) http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-13-717_en.htm
(12) IEA World Energy Outlook Special Report, ‘Redrawing the Energy Climate Map’.

Avviż legali - Politika tal-privatezza