Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Testi adottati
PDF 309kWORD 29k
It-Tlieta, 19 ta' Novembru 2013 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020 ***
P7_TA(2013)0455A7-0389/2013
Riżoluzzjoni
 Anness
 Anness

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Novembru 2013 dwar l-abbozz ta' regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (11791/2013 – C7-0238/2013 – 2011/0177(APP)) (Proċedura leġiżlattiva speċjali – approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Kunsill (COM(2011)0398), li ġiet emendata mill-proposta COM(2012)0388),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' Regolament tal-Kunsill (11791/2013) u r-rettifika tal-Kunsill tal-14 ta' Novembru 2013 dwar dan (11791/2013 COR 1),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 312 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (C7–0238/2013),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Ottubru 2012 għall-fini li jinkiseb eżitu pożittiv għall-proċedura ta' approvazzjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali(1) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2013 dwar il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-7 u t-8 ta' Frar 2013 dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali(2) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2013 dwar il-ftehim politiku rigward il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020(3) ,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 75 u 81(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Baġits, l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-ittra tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A7-0389/2013),

1.  Jaqbel mal-abbozz ta' regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Qafas Finanzjarju Pluriennali għas-snin 2014-2020 kif stabbilit fl-anness għal din ir-riżoluzzjoni;

2.  Japprova d-dikjarazzjonijiet konġunti magħmula mill-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni annessi ma' din ir-riżoluzzjoni;

3.  Jieħu nota tad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni annessi ma’ din ir-riżoluzzjoni;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1) Testi adottati, P7_TA(2012)0360.
(2) Testi adottati, P7_TA(2013)0078.
(3) Testi adottati, P7_TA(2013)0304.


ANNESS 1

abbozz ta' regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013.)


ANNESS 2

DIKJARAZZJONIJIET

Dikjarazzjoni Konġunta dwar Riżorsi Proprji

1.  Skont l-Artikolu 311 tat-TFUE l-Unjoni għandha tipprovdi lilha nfisha bil-mezzi meħtieġa biex tilħaq l-objettivi tagħha u twettaq il-politiki tagħha; jistipula wkoll li, mingħajr preġudizzju għal dħul ieħor, il-baġit għandu jkun iffinanzjat kollu kemm hu mir-riżorsi proprji. L-Artikolu 311 al. 3 jindika li l-Kunsill, filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġislattiva speċjali, għandu unanimament u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew jadotta deċiżjoni dwar is-sistema ta' riżorsi proprji u li, f'dak il-kuntest, il-Kunsill jista' jistabbilixxi kategoriji ġodda ta' riżorsi proprji jew jabolixxi kategorija eżistenti.

2.  Abbażi ta' dan, f'Ġunju 2011 il-Kummissjoni ppreżentat sett ta' proposti biex tirriforma s-sistema tar-Riżorsi Proprji tal-Unjoni. Fil-laqgħa tiegħu tas-7/8 ta' Frar, il-Kunsill Ewropew qabel li l-arranġamenti tar-Riżorsi Proprji għandhom ikunu ggwidati mill-objettivi ġenerali tas-sempliċità, it-trasparenza u l-ekwità. Barra minn hekk, il-Kunsill Ewropew talab lill-Kunsill biex ikompli jaħdem fuq il-proposta tal-Kummissjoni għal riżorsa proprja ġdida bbażata fuq it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT). Huwa stieden ukoll lill-Istati Membri jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tat-taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji (TTF) biex jeżaminaw jekk tistax issir il-bażi għal riżorsa proprja ġdida għall-baġit tal-UE.

3.  Il-kwistjoni tar-riżorsi proprji teħtieġ aktar xogħol. Għal dan il-għan,ser jitlaqqa' Grupp ta' livell għoli, kompost minn membri maħtura mit-tliet istituzzjonijiet. Dan ser jieħu kont tal-kontribut kollu eżistenti jew li ġej li jista' jiġi pprovdut mit-tliet istituzzjonijiet Ewropew u mill-Parlamenti Nazzjonali. Dan għandu jisfrutta l-esperjenza xierqa, inkluż mill-awtoritajiet baġitarji u fiskali nazzjonali kif ukoll mill-esperti indipendenti.

4.  Il-Grupp ser iwettaq rieżami ġenerali tas-sistema tar-Riżorsi Proprji ggwidat mill-objettivi ġenerali tas-sempliċità, it-trasparenza, l-ekwità u r-responsabbiltà demokratika. L-ewwel valutazzjoni ser tkun disponibbli sa tmiem l-2014. Il-progress tal-ħidma ser jiġi vvalutat fil-livell politiku b'laqgħat regolari, tal-inqas darba kull sitt xhur.

5.  Il-Parlamenti Nazzjonali ser jiġu mistiedna għal konferenza interistituzzjonali matul l-2016 biex jivvalutaw l-eżitu ta' dan ix-xogħol.

6.  Fuq il-bażi tar-riżultati ta' din il-ħidma, il-Kummissjoni ser tivvaluta jekk humiex adatti inizjattivi ġodda ta' Riżorsi Proprji. Din il-valutazzjoni ser issir b'mod parallel mar-rieżami msemmi fl-Artikolu 1a tar-Regolament QFP bil-ħsieb ta' riformi possibbli li jiġu kkunsidrati għall-perijodu kopert mill-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss.

Dikjarazzjoni Konġunta dwar it-titjib tal-effettività tal-infiq pubbliku fi kwistjonijiet soġġetti għal azzjoni tal-UE

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu li jaħdmu flimkien bl-objettiv tal-iffrankar fl-ispejjeż u titjib fis-sinerġiji fil-livelli nazzjonali u Ewropej sabiex titjieb l-effettività tan-nefqa pubblika fi kwistjonijiet suġġetti għal azzjoni tal-UE. Għal dan il-għan l-istituzzjonijiet, skont kif jikkunsidraw l-aktar xieraq, ser jisfruttaw, fost l-oħrajn , l-għarfien tal-aħjar prattiki, il-kondiviżjoni ta' informazzjoni kif ukoll il-valutazzjoni indipendenti disponibbli. Ir-riżultati għandhom ikunu disponibbli u jservu bħala bażi waħda għall-proposta tal-Kummissjoni għall-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss.

Dikjarazzjoni Konġunta

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu li l-proċeduri baġitarji annwali applikati għall-QFP 2014-2020 ser jintegraw, kif adatt, elementi sensittivi għall-kwistjoni tal-ġeneru, b'kont meħud tal-modi li l-qafas finanzjarju ġenerali tal-Unjoni jikkontribwixxi għal iktar ugwaljanza bejn is-sessi (u jiżgura l-integrazzjoni tas-sessi).

Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020

L-Istituzzjonijiet jaqblu li jużaw l-ammont imsemmi fl-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 kif ġej: EUR 2143 miljun għall-Impjiegi taż-Żgħażagħ, EUR 200 miljun għall-Orizzont 2020, EUR 150 miljun għall- Erasmus u EUR 50 miljun għall-COSME.

Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea dwar dikjarazzjonijiet nazzjonali ta' ġestjoni

Fir-riżoluzzjoni ta' kwittanza tiegħu tas-17 ta' April 2013, il-Parlament Ewropew talab li jistabbilixxi mudell għad-dikjarazzjonijiet nazzjonali ta' ġestjoni li għandhom jinħargu mill-Istati Membri fil-livell politiku xieraq. Il-Kummissjoni lesta teżamina din it-talba u lesta tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jipparteċipaw fi grupp ta' ħidma bil-għan li jagħtu rakkomandazzjonijiet sa tmiem din is-sena.

Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea dwar ir-rieżami/reviżjoni

Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1A tar-Regolament QFP, filwaqt li jittieħed kont tar-riżultat tar-rieżami, il-Kummissjoni tikkonferma l-intenzjoni tagħha li tippreżenta proposti leġislattivi għal reviżjoni tar-Regolament QFP. F'dan il-kuntest, ser tagħti attenzjoni partikolari għall-funzjonament tal-marġini globali għall-pagamenti sabiex tiżgura li l-limiti tal-pagamenti ġenerali jibqa' disponibbli matul il-perijodu. Hija ser teżamina wkoll l-evoluzzjoni tal-marġini globali għall-impenji. Il-Kummissjoni ser tieħu wkoll kont tar-rekwiżiti partikolari tal-programm Orizzont 2020. Il-Kummissjoni ser teżamina wkoll l-allinjament tal-proposti tagħha għall-QFP li jmiss maċ-ċikli politiċi tal-Istituzzjonijiet.

Aġġornata l-aħħar: 28 ta' Jannar 2016Avviż legali