Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2112(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0458/2013

Testi mressqa :

A7-0458/2013

Dibattiti :

PV 13/01/2014 - 23
CRE 13/01/2014 - 23

Votazzjonijiet :

PV 14/01/2014 - 5.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2014)0012

Testi adottati
PDF 442kWORD 126k
It-Tlieta, 14 ta' Jannar 2014 - Strasburgu
Spezzjonijiet tax-xogħol effikaċi bħala strateġija biex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-Ewropa
P7_TA(2014)0012A7-0458/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Jannar 2014 dwar spezzjonijiet tax-xogħol effikaċi bħala strateġija biex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-Ewropa (2013/2112(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-preambolu u l-Artikoli 3 u 6 tiegħu,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikoli 6, 9, 145, 151, 152, 153, 154, 156, 159 u 168 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikoli 1, 3, 27, 31, 32 u 33 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea tat-3 ta’ Mejju 1996, b’mod partikolari l-Parti I u l-Parti II, l-Artikolu 3 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-istandards fundamentali tax-xogħol tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u l-konvenzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħha dwar l-amministrazzjoni tax-xogħol u l-ispezzjoni tax-xogħol (il-Konvenzjonijiet 81 u 129), li huma parametru referenzjarju internazzjonali biex jiġi żgurat li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet legali li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-protezzjoni tal-ħaddiema,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni 143 dwar il-ħaddiema migranti (1975) u d-dispożizzjonijiet supplementari tal-ILO dwar il-ħaddiema migranti, li jipprovdu għall-adozzjoni tal-miżuri kollha meħtieġa u adatti għas-soppressjoni taċ-ċaqliq klandestin tal-migranti għall-impjiegi u l-impjieg illegali tal-migranti; wara li kkunsidra wkoll id-dispożizzjonijiet rigward l-applikazzjoni tas-sanzjonijiet amministrattivi, ċivili u penali fir-rigward tal-impjieg illegali tal-ħaddiema migranti,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda tax-Xogħol Deċenti tal-ILO,

–  wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-ILO fil-qasam tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1338/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-istatistika Komunitarja dwar is-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (direttiva qafas)(2) u d-direttivi individwali tagħha,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Istati Membri, adottata fil-laqgħa tal-Kunsill tat-22 ta’ April 1999 dwar il-Kodiċi ta’ Kondotta għal kooperazzjoni mtejba bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-ġlieda kontra l-frodi fil-benefiċċji u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fuq livell transkonfinali u kontra x-xogħol mhux iddikjarat, u fir-rigward tal-kollokament transkonfinali tal-ħaddiema(4),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 1999/85/KE tat-22 ta’ Ottubru 1999 li temenda d-Direttiva 77/388/KEE rigward il-possibbiltà li tiġi applikata fuq bażi sperimentali rata mnaqqsa tal-VAT fuq servizzi li jinvolvu xogħol intensiv(5),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 li tipprevedi standards minimi għal sanzjonijiet u miżuri kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b’residenza illegali(6),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-24 ta’ Ottubru 2007 bl-isem L-intensifikazzjoni tal-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat (COM (2007)0628),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-24 ta’ Ottubru 2007 dwar ir-Riżultat tal-Konsultazzjoni Pubblika dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni ‘L-immodernizzar tal-liġi tax-xogħol biex jintlaqgħu l-isfidi tas-seklu 21’ (COM(2007)0627),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 bl-isem ‘EWROPA 2020 - Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv’ (COM (2010)2020), u l-għan ewlieni tagħha li huwa li jiżdiedu l-livelli tal-impjiegi għal 75 % sal-aħħar tad-deċennju fl-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2011 dwar ir-reviżjoni ta’ nofs it-term tal-istrateġija Ewropea 2007-2012 dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Ottubru 2008 dwar l-intensifikazzjoni tal-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Mejju 2007 dwar il-promozzjoni tax-xogħol deċenti għal kulħadd(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar l-immodernizzar tal-liġi tax-xogħol biex tiffaċċja l-isfidi tas-seklu 21(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Ottubru 2006 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonar ta’ ħaddiema(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Marzu 2009 dwar ir-responsabbilità soċjali ta’ impriżi li huma sottokuntratturi fil-katini ta’ produzzjoni(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Mejju 2013 dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-istandards tas-saħħa u tas-sikurezza wara n-nirien fil-fabbriki u t-tiġrif ta' bini reċenti fil-Bangladexx(13),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida Integrati għat-tkabbir u l-impjiegi (2008-2010) (COM(2007)0803),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar l-armonizzazzjoni tal-mezzi fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u l-impjieg illegali(14),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Settembru 1996 dwar il-ġlieda kontra l-impjieg illegali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi(15),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound) dwar l-indirizzar tax-xogħol mhux iddikjarat fl-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Ewrobarometru Speċjali dwar ix-xogħol mhux iddikjarat,

–  wara li kkunsidra l-istudju ‘ICENUW - Implimentazzjoni tal-Kooperazzjoni f’Netwerk Ewropew kontra x-xogħol mhux iddikjarat’ (2010),

–  wara li kkunsidra l-istudju ‘CIBELES: Konverġenza tal-Ispettorati għall-bini ta’ Sistema ta’ Infurzar fuq Livell Ewropew’,

–  wara li kkunsidra l-istudju dwar ‘Il-metodi ta’ kejl indirett tax-xogħol mhux iddikjarat fl-UE’ (2010),

–  wara li kkunsidra l-istudju dwar il-‘Fattibilità li tiġi stabbilita pjattaforma Ewropea għall-kooperazzjoni bejn is-superviżuri tax-xogħol u korpi oħra rilevanti ta’ monitoraġġ u infurzar bil-għan li jiġi evitat u miġġieled ix-xogħol mhux iddikjarat’ (2010, Regioplan),

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Diċembru 2012, C‑577/10, Il-Kummissjoni Ewropea v Ir-Renju tal-Belġju,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0458/2013),

A.  billi l-ispezzjoni tax-xogħol għandha rwol essenzjali fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema, billi tiżgura s-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, tipprevjeni ksur tar-regoli tal-ħarsien tax-xogħol u tippromwovi tkabbir ekonomiku ġust u soċjalment responsabbli billi tikkontribwixxi biex il-pagi u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jitħallsu verament, u b’hekk id-dħul mit-taxxi kif ukoll id-dħul tal-fondi tas-sigurtà soċjali jiżdiedu filwaqt li tiżgura li l-impjegati jkunu koperti għall-mard, għall-inċidenti fuq il-post tax-xogħol u għall-pensjonijiet;

B.  billi l-Istati Membri jużaw firxa ta’ mudelli fit-twettiq ta’ spezzjonijiet speċifiċi differenti tal-post tax-xogħol;

C.  billi qed tiżdied il-ħtieġa ta’ spezzjonijiet tax-xogħol fil-kuntest tal-istazzjonar ta’ ħaddiema madwar l-Ewropa;

D.  billi l-ispezzjoni tax-xogħol tiżvolġi rwol ewlieni biex jiġi żgurat li d-drittijiet isiru realtà billi tiżgura li l-liġijiet jiġu rispettati, li l-partijiet jafu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom, u li l-inċidenti kif ukoll l-abbuż ikunu jistgħu jiġu evitati;

E.  billi hemm il-ħtieġa li jissaħħu l-ispezzjonijiet tax-xogħol fl-SMEs u f’siti ta’ kostruzzjoni żgħar;

F.  billi r-responsabbiltà tal-kumpaniji multinazzjonali għall-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-ħajja u s-saħħa tal-impjegati li jipproduċu l-oġġetti u jipprovdu s-servizzi, ma tispiċċax mal-bieb tal-ħanut jew mal-kanċell tal-fabbrika, u lanqas ma tista’ tiġi ggarantita sempliċement permezz ta’ ftehimiet dwar ir-responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR);

G.  billi l-esternalizzazzjoni tax-xogħol permezz ta’ sottokuntrattar u x-xogħol temporanju timplika ħafna drabi ħaddiema inqas kwalifikati u relazzjonijiet ta’ impjieg inqas stretti, u dan jagħmilha iktar diffiċli li jiġi identifikat min hu responsabbli għas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali (OHS);

H.  billi x-xogħol mhux iddikjarat għandu konsegwenzi negattivi għall-ekonomiji tal-Istati Membri u għas-sostenibbiltà finanzjarja tal-mudell soċjali Ewropew, ixejjen il-finanzjament u d-distribuzzjoni tal-benefiċċji soċjali u tas-servizzi pubbliċi, u jġiegħel lil dawk milquta biex kemm issa li qed jaħdmu kif ukoll meta jikbru jgħixu fl-inċertezza, fil-vulnerabbiltà u fil-faqar;

I.  billi l-ispetturi tax-xogħol jiżvolġu rwol essenzjali fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema, fil-prevenzjoni tal-abbużi u fil-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali;

J.  billi waħda mill-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika kienet iż-żieda fl-ammont ta’ xogħol, li tqiegħed aktar pressjoni fuq l-impjegati, speċjalment permezz ta’ bidliet fis-sigħat ta’ xogħol, u billi għalhekk iridu jiżdiedu l-isforzi ta’ monitoraġġ tal-kundizzjonijiet tax-xogħol;

K.  billi kulma jmur qed ifeġġu relazzjonijiet ta’ impjieg ġodda, li qed jagħmluha dejjem aktar diffiċli biex jiġu koperti bir-regolamenti eżistenti;

L.  billi l-ħaddiema impjegati b’mod irregolari jbatu minn konsegwenzi negattivi sekondarji bħal nuqqas ta’ aċċess għall-informazzjoni, għal servizzi tas-saħħa u taħriġ okkupazzjonali, u r-restrizzjonijiet psikoloġiċi imposti mill-biża’ li jkollhom inċident jew li jinqabdu, li mbagħad jaffettwaw il-produttività tal-kumpaniji u l-ekonomija inġenerali, kif ukoll minn konsegwenzi fit-tul bħan-nuqqas tad-dritt għal pensjoni tal-anzjanità jew benefiċċji tal-pensjoni baxxi ħafna, li jwasslu għal riskju ogħla ta’ faqar;

M.  billi x-xogħol mhux iddikjarat jgħawweġ il-kompetizzjoni fis-suq uniku peress li jippermetti lil ċerti kumpaniji jikkompetu b’mod inġust mal-oħrajn;

N.  billi l-konsolidazzjoni ta’ suq komuni ġenwin hija marbuta intrinsikament mal-qerda ta’ kull forma ta’ dumping soċjali;

O.  billi fil-preżent ix-xogħol mhux iddikjarat jammonta għal 18,8 % tal-PDG fl-UE 27 u għal aktar minn 30 % f’xi pajjiżi;

P.  billi, f’ħafna Stati Membri, l-impjieg mhux iddikjarat għadu qiegħed jiżdied, anke bħala riżultat tal-kriżi;

Q.  billi miżuri ta’ għoti ta’ informazzjoni dwar prattiki ħżiena (“whistleblowing”) huma meħtieġa biex tiġi ffaċilitata l-iskoperta ta’ abbużi u jiġi żgurat il-ħarsien tal-informatur, u billi l-UE u l-Istati Membri għandhom id-dmir li jipprovdu protezzjoni sħiħa għall-informaturi;

R.  billi 168 000 ċittadin Ewropew imutu kull sena minħabba inċidenti jew mard marbuta max-xogħol, u 7 miljuni jindarbu f’inċidenti(16);

S.  billi l-prevenzjoni tar-riskji hija indispensabbli sabiex titbaxxa r-rata ta’ inċidenti u ta’ mard marbuta max-xogħol; billi ġestjoni tajba tas-saħħa u tas-sikurezza okkupazzjonali għandha effett pożittiv kemm fil-livell nazzjonali u Ewropew kif ukoll għall-kumpaniji;

T.  billi s-sistemi ta’ spezzjoni huma ftit jew wisq neqsin mill-persunal u l-finanzjament meħtieġa biex iwettqu spezzjonijiet tax-xogħol b’mod effettiv; billi, minħabba f’hekk, hemm ftit wisq ippjanar strateġiku tar-riżorsi umani għall-awtoritajiet tal-ispezzjoni tax-xogħol fl-UE, l-ammont ta’ persunal tagħhom qed jonqos b’mod kostanti f’ħafna pajjiżi u, fl-istess ħin, il-ħidma tal-ispetturi qiegħda ssir dejjem aktar kumplessa;

U.  billi l-frammentazzjoni tas-suq tax-xogħol, flimkien mal-espansjoni mhux ikkontrollata u mhux regolata ta’ ċerti arranġamenti ta’ impjieg f’xi Stati Membri, qed tnaqqas il-livell tal-pagi b’mod sostanzjali u b’hekk toħloq sitwazzjoni li aktarx tkompli taggrava l-problema tax-xogħol mhux iddikjarat;

V.  billi s-setturi li fihom huwa l-aktar komuni x-xogħol mhux iddikjarat huma dawk b’intensità għolja ta’ xogħol, bħas-settur tal-kostruzzjoni, tas-sigurtà, tas-servizzi tat-tindif u domestiċi, tal-akkomodazzjoni u l-kura, li huma kkaratterizzati minn kundizzjonijiet prekarji tax-xogħol u tal-pagi;

W.  billi hemm rabta mill-qrib bejn l-immigrazzjoni irregolari u x-xogħol mhux iddikjarat, peress li persuni li jgħixu fl-Ewropa illegalment ma jistgħux jidħlu għal relazzjonijiet ta’ impjieg normali u għalhekk mhumiex koperti minn kwalunkwe sistema ta’ protezzjoni;

X.  billi ħaddiema li jagħmlu xogħol mhux iddikjarat ma għandhom l-ebda assigurazzjoni soċjali, tas-saħħa jew kontra l-inċidenti, u b’hekk qegħdin f’riskju akbar ta’ telf finanzjarju personali;

Y.  billi l-ispezzjoni tax-xogħol fir-rigward ta’ servizzi u relazzjonijiet ta’ impjieg transkonfinali hija kwistjoni ta’ natura transkonfinali, u billi l-aċċess transkonfinali għad-dejta mhuwiex adegwat;

Z.  billi ħafna impjegati li jagħmlu xogħol mhux iddikjarat isibu ruħhom f’dik is-sitwazzjoni mhux għax iridu huma iżda għax ikunu ġew sfurzati;

I.Miżuri ta’ spezzjoni fil-livell nazzjonali

Prinċipji għal spezzjonijiet effikaċi tax-xogħol

1.  Jenfasizza l-fatt li filwaqt li l-ispezzjoni tax-xogħol hija kompitu ta’ servizz pubbliku li għandu jitwettaq biss minn korpi pubbliċi indipendenti, dan ma jfissirx li l-ispezzjonijiet tax-xogħol ma jistgħux ikunu assistiti mir-rappreżentanti tas-sħab soċjali; jemmen li għandha tiġi żgurata l-indipendenza tas-servizzi OHS vis-à-vis l-impjegatur; iqis, f’dak li għandu x’jaqsam mas-saħħa okkupazzjonali, li l-monitoraġġ, it-twissija, l-għarfien espert dwar is-saħħa, u l-għoti ta’ pariri tajbin relatati mas-saħħa jistgħu jsiru biss minn professjonisti indipendenti tas-saħħa u s-sikurezza; iqis bħala ta’ dispjaċir li, f’ċerti Stati Membri, il-ġestjoni tal-OHS għadha qed issir mill-assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem; jenfasizza li l-ispezzjoni u l-monitoraġġ tas-saħħa okkupazzjonali jeħtieġ isiru minn spetturi indipendenti mħarrġa fis-saħħa u s-sikurezza;

2.  Jenfasizza l-importanza li jitfasslu pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali għat-tisħiħ tal-mekkaniżmi tal-ispezzjoni tax-xogħol, u għall-finanzjament tagħhom permezz tal-Fondi Strutturali Ewropej, fid-dawl tal-valur miżjud ta’ spezzjonijiet tax-xogħol effettivi fiż-żamma tal-koeżjoni soċjali u, b’mod ġenerali, fil-konsolidazzjoni tal-ġustizzja fuq il-post tax-xogħol;

3.  Jirrimarka li l-ispettorati tax-xogħol għandhom rwol fundamentali x’jiżvolġu fil-prevenzjoni u l-monitoraġġ, u jgħinu wkoll fit-tijib tal-għarfien espert u l-għoti ta’ informazzjoni fil-livell tal-kumpaniji; iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-livelli tal-persunal u r-riżorsi disponibbli għall-ispettorati tax-xogħol tagħhom u jissodisfaw il-mira ta’ spettur wieħed għal kull 10 000 ħaddiem, skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-ILO, kif ukoll jimponu penali aktar severi fuq l-impriżi li jonqsu milli jirrispettaw l-obbligi tagħhom fil-qasam tad-drittijiet fundamentali (is-salarji, is-sigħat ta’ xogħol u l-OHS); iqis li l-penali f’dawn il-każijiet iridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi;

4.   Ifakkar li l-kategoriji kollha ta’ ħaddiema, sew impjegati u sew ħaddiema li jaħdmu għal rashom, irrispettivament mill-istatus, ir-relazzjoni tal-impjieg jew l-oriġini tagħhom, jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali tal-ispezzjoni u għandhom igawdu l-istess livell ta’ protezzjoni; jenfasizza li tentattivi biex jiġi limitat l-ambitu tal-ispezzjonijiet tax-xogħol jista’ jkollhom impatt negattiv fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-impjegati, kif ukoll fuq id-drittijiet tagħhom;

5.  Jenfasizza l-ħtieġa li jittejjeb ir-rwol tal-ispettorati nazzjonali tax-xogħol, li jingħata taħriġ lill-persunal ta’ livell għoli u li jiġu kkoordinati r-responsabbiltajiet tagħhom sabiex jintlaqgħu b’suċċess l-isfidi ġodda għall-ispezzjonijiet;

6.  Iqis li l-ispezzjonijiet tax-xogħol jistgħu ikunu effettivi biss jekk l-awtoritajiet rilevanti jkunu ffinanzjati b’mod adegwat u jkollhom persunal biżżejjed; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta’ persunal li għandhom l-awtoritajiet tal-ispezzjoni fl-Istati Membri u n-nuqqas ta’ taħriġ kontinwu, b’mod partikolari fuq kwistjonijiet li jaffettwaw l-Ewropa kollha; jistieden lill-Istati Membri jsaħħu s-sistemi ta’ spezzjoni tagħhom, billi din għandha tkun parti essenzjali mill-pjanijiet nazzjonali b’reazzjoni għall-kriżi ekonomika; jirrimarka li l-ispezzjonijiet tax-xogħol jiżvolġu rwol fundamentali billi jivverifikaw li l-leġiżlazzjoni fis-seħħ hija implimentata bis-sħiħ kif ukoll billi jiżguraw li ħaddiema partikolarment vulnerabbli huma koperti u mħarsa;

7.  Jinnota l-ħtieġa ta’ taħriġ uniformi għall-ispetturi tax-xogħol u ta’ uffiċjali oħrajn f’dan il-qasam, bil-għan li jissaħħaħ l-infurzar tal-liġi tal-UE dwar ix-xogħol;

8.  Jenfasizza li r-riformi finanzjarji li qed isiru f’ċerti Stati Membri m’għandhom, taħt l-ebda ċirkustanza, jirriżultaw fi tnaqqis fil-manodopera, fil-finanzjament, u fir-riżorsi infrastrutturali materjali u tekniċi tal-ispettorati tax-xogħol;

9.  Jirrimarka li l-obbligi legali u t-talbiet tal-ħaddiema jidhru li huma ż-żewġ fatturi prinċipali li jimmotivaw lill-impjegaturi biex jintroduċu politiki ta’ prevenzjoni(17);

10.  Jemmen li, mingħajr valutazzjoni adegwata tar-riskji, huwa impossibbli li l-ħaddiema jkunu protetti tajjeb; jemmen li l-SMEs jeħtieġ jiġu megħjuna jistabbilixxu politiki ta’ prevenzjoni tar-riskji; jenfasizza r-rwol pożittiv li għandhom l-inizjattivi sempliċi, mmirati u mingħajr ħlas, bħall-Valutazzjoni tar-Riskji interattiva Online (Online interactive Risk Assessment – OiRA) żviluppata mill-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA);

11.  Ifakkar lill-Istati Membri li kollha kemm huma ffirmaw u rratifikaw il-Konvenzjoni Nru 81 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar l-ispezzjonijiet tax-xogħol; jistedinhom, għaldaqstant, jinfurzaw il-prinċipji tal-Konvenzjoni;

12.  Jenfasizza li l-ispezzjonijiet tax-xogħol ikunu effettivi wkoll jekk isiru mingħajr preavviż, b’mod ripetut u għall-għarrieda; jirrimarka li biex il-penali jkunu effettivi għandhom ikunu mfassla b’tali mod li l-impjegaturi ma jkunux jistgħu jagħmlu gwadann billi jevadu l-ftehimiet dwar il-pagi jew il-liġijiet u r-regoli eżistenti;

13.  Jirrimarka li r-riżultati tal-ispezzjonijiet tax-xogħol għandhom ikunu akkumpanjati minn skadenzi ċari għall-azzjoni sabiex l-abbużi jiġu evitati fil-ħin u l-vittma tingħata l-protezzjoni mill-bidu;

14.  Jirrimarka li l-ispetturi tax-xogħol fl-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati jwettqu spezzjonijiet fuq il-post stess, jużaw strumenti ta’ spezzjoni intelliġenti u jaħdmu f’koordinazzjoni mal-awtoritajiet kollha rilevanti, għandu jkollhom mandat xieraq u jaħdmu b’mod independenti;

15.  Jistieden lill-Istati Membri biex, fil-każ ta’ abbużi skoperti mill-ispetturi tax-xogħol, jew meta l-informaturi jressqu każijiet ta’ abbuż għall-attenzjoni tal-ispetturi tax-xogħol, jipproteġu lill-ħaddiema kkonċernati u lill-informaturi involuti, u jippermettulhom li jitolbu bla ħlas id-drittijiet tagħhom; jirrimarka li l-miżuri pertinenti kollha, bħad-dritt dirett jew kollettiv ta’ lment, huma mezz effettiv għall-ħarsien tal-persuni affettwati u l-informaturi; jistieden lill-Istati Membri jadottaw miżuri għall-ħarsien tal-informaturi u l-familji tagħhom sabiex tiġi ffaċilitata l-iskoperta tal-abbużi; jenfasizza li huwa importanti li l-ħaddiema migranti f’sitwazzjoni irregolari jiġu mħarsa u li dan għandu jkun wieħed mill-oqsma ta’ tħassib; ifakkar lill-Istati Membri, f’dan il-kuntest, fil-Konvenzjoni dwar il-Ħaddiema Migranti (Dispożizzjonijiet Supplimentari) tal-ILO (Nru 143) tal-1975;

16.  Jistieden lill-Istati Membri jinfurzaw id-dispożizzjonijiet legali b’sanzjonijiet li jirriflettu s-serjetà tar-reat u jissanzjonaw b’mod dissważiv in-nuqqas ta’ rispett tal-kundizzjonijiet tax-xogħol; jenfasizza li r-riċerka indikat b’mod ċar li, f’termini ta’ titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-ogħla impatt jinkiseb b’miżuri ta’ prevenzjoni b’saħħithom u kkoordinati tajjeb flimkien ma’ spezzjonijiet minn kmieni, fost l-oħrajn billi l-impjegaturi jingħataw informazzjoni u parir jew billi l-ħaddiema mhux iddikjarati jiġu reġistrati b’mod retroattiv;

17.  Jirrimarka li sistema ta’ netwerking elettroniku tal-awtoritajiet tas-sigurtà soċjali kollha rilevanti, bħall-“Crossroads Bank for Social Security” tal-Belġju(18), li jagħmilha aktar faċli għalihom li jiskambjaw id-dejta, hija strument utli biex l-ispettorati nazzjonali tax-xogħol jingħataw aċċess għad-dejta li jeħtieġu biex jagħmlu l-ispezzjonijiet;

18.  Jenfasizza li l-ispezzjonijiet tax-xogħol jiffaċċjaw ċerti sfidi fir-rigward tal-ispezzjonijiet li jikkonċernaw ħaddiema migranti u ħaddiema stazzjonati mill-UE u minn pajjiżi terzi; jenfasizza li, sabiex l-ispezzjonijiet tax-xogħol ikunu effettivi, huwa importanti li l-ispezzjonijiet tax-xogħol ikunu konxji biżżejjed mis-sitwazzjonijiet b’riskju għoli ta’ nuqqas ta’ konformità; jirrimarka li s-sistemi elettroniċi nazzjonali għall-prereġistrazzjoni obbligatorja ta’ ħaddiema barranin mill-impjegaturi, jistgħu jiffaċilitaw l-ispezzjonijiet tax-xogħol b’mod sostanzjali;

19.  Jirrimarka li s-sħab soċjali għandhom rwol importanti x’jiżvolġu, skont il-liġijiet u l-prattiki nazzjonali, fir-rigward tat-tfittxija għall-iżgurar tal-konformità mar-regolamenti eżistenti; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-involviment tas-sħab soċjali fit-tfassil u l-formulazzjoni ta’ pjanijiet nazzjonali tal-ispezzjoni tax-xogħol u fl-ispezzjonijiet tax-xogħol infushom;

20.  Iħeġġeġ il-ħolqien ta’ spettorati settorjali tripartitiċi addizzjonali li jirrappreżentaw lill-gvern, lill-ħaddiema u lill-impjegaturi u, bħala inizjattiva pilota, jitlob li dawn jidħlu fis-seħħ f’dawk l-Istati Membri bl-ogħla livelli ta’ xogħol mhux iddikjarat;

21.  Jinnota li jsiru inqas spezzjonijiet tax-xogħol f’lokalitajiet rurali; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li r-reġjuni rurali jkunu koperti b’mod xieraq;

22.  Jirrimarka li huwa komuni li l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ impjegati b’kuntratti ta’ terminu fiss ikunu inqas adegwati minn dawk ta’ impjegati permanenti; jinnota li, għall-ispezzjoni effikaċi tal-impjieg bil-kuntratt, għandhom jiġu estiżi d-drittijiet tal-ispetturi biex jispezzjonaw il-kumpaniji li jkunu qed jipprovdu x-xogħol, u l-ispezzjonijiet għandhom ikopru l-konformità mar-regoli dwar il-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, kif ukoll l-applikazzjoni tal-paga minima meta mitlub mil-liġi tal-Istat Membru jew mill-ftehimiet kollettivi nazzjonali; jinsisti li l-prevenzjoni ta’ problemi tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol għandha tingħata l-istess grad ta’ attenzjoni fis-settur privat u f’dak pubbliku; jirrimarka li l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni huwa obbligatorju; jiddikjara li għandu jkun possibbli li l-ħaddiema fuq kuntratti temporanji jsiru jafu dwar id-drittijiet tagħhom, inklużi d-drittijiet dwar ir-rati tal-paga, permezz ta’ servizz online jew sit elettroniku;

23.  Jesprimi tħassib dwar is-sitwazzjoni ta’ ħaddiema agrikoli staġjonali, ħafna drabi minn pajjiżi terzi; jemmen li l-ispezzjonijiet tax-xogħol f’dan is-settur qed jiżdiedu; jirrimarka li l-impjieg fis-settur huwa fil-parti l-kbira kkaratterizzat minn taħlita ta’ xogħol iddikjarat u mhuwiex;

24.  Jirrimarka li filwaqt li l-ħaddiema li jipprovdu servizzi fid-dar, ħafna drabi jaħdmu mingħajr ma jkunu rreġistrati, jew igawdu inqas drittijiet minn ħaddiema oħrajn, ħafna drabi din is-sitwazzjoni ma taqax taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali tal-ispezzjonijiet; jistieden lill-Istati Membri jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-ILO Nru 189 u, b’konformità ma’ din il-konvenzjoni, jiżviluppaw u jimplimentaw miżuri għall-ispezzjonijiet tax-xogħol, l-infurzar u l-penali, bir-rispett dovut għall-karatteristiċi speċjali tax-xogħol domestiku, skont il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali; jenfasizza li, b’kompatibilità mal-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali, dawn il-miżuri għandhom jispeċifikaw il-kundizzjonijiet li skonthom jista’ jingħata aċċess għad-djar, bir-rispett dovut għall-privatezza;

25.  Jiġbed l-attenzjoni għas-sitwazzjoni speċifika ta’ dawk li jaħdmu mid-dar u tat-teleħaddiema li, waqt ix-xogħol fid-dar jew barra mill-post tax-xogħol regolari, jistgħu wkoll ikunu soġġetti għal abbużi tal-liġi tax-xogħol meta l-impjegaturi jonqsu milli jwettqu l-obbligi legali tagħhom lejn dawn il-ħaddiema;

26.  Jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni partikolari lis-settur tat-trasport li, minħabba l-karattru mobbli tiegħu, jista’ joħloq sfidi addizzjonali għall-ispettorati tax-xogħol; jitlob li l-ispettorati tax-xogħol ikunu mgħammra b’mezzi adegwati biex iwettqu spezzjonijiet effettivi f’dan is-settur;

27.  Jiddeplora l-inċidenza kbira u problematika ta’ impjieg indipendenti fittizju, speċjalment fis-settur tal-kostruzzjoni u tal-ipproċessar tal-laħam, inkluż taħt arranġamenti għall-istazzjonar tal-ħaddiema; iħeġġeġ lill-Istati Membri jintroduċu miżuri ta’ spezzjoni xierqa biex jiġi miġġieled l-impjieg indipendenti fittizju, pereżempju billi jiġu stabbiliti kriterji biex jiġi ddeterminat x’jikkostitwixxi impjieg, sabiex l-ispetturi tax-xogħol ikunu jistgħu jiddistingwu bejn impjieg indipendenti fittizju u leġittimu; jiddikjara li, bil-għan li jiġi evitat l-impjieg indipendenti fittizju, għandhom jittieħdu miżuri li jippermettu lill-Istati Membri jintroduċu rekwiżiti jew miżuri ta’ kontroll aktar wiesgħa;

Xogħol mhux iddikjarat

28.  Jistieden lill-ispettorati nazzjonali tax-xogħol u lil awtoritajiet rilevanti oħra jfasslu pjanijiet ta’ azzjoni għall-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat, li jkopru l-forom kollha ta’ abbuż fil-kuntest ta’ ħaddiema impjegati u ħaddiema li jaħdmu għal rashom; jenfasizza li x-xogħol mhux iddikjarat, jekk ma jkunx ittrattat kif għandu jkun, jista’ jkun ta’ theddida għall-kapaċità tal-UE li tilħaq il-miri tax-xogħol tagħha għal aktar impjiegi u impjiegi aħjar, u għal tkabbir aktar b’saħħtu;

29.  Jesprimi tħassib serju dwar il-vulnerabbiltà estrema tal-ħaddiema migranti bi status irregolari jew mhux awtorizzat, peress li hemm ir-riskju li jiġu sfruttati f’xogħol mhux iddikjarat ta’ standards baxxi, b’pagi baxxi u sigħat twal tax-xogħol f’ambjenti tax-xogħol mhux sikuri; jenfasizza li kwalunkwe kooperazzjoni bejn l-ispetturi tax-xogħol u l-awtoritajiet tal-immigrazzjoni għandha tkun limitata għall-identifikazzjoni ta’ impjegaturi abbużivi, u m’għandhiex twassal għal sanzjonijiet kontra l-ħaddiema migranti kkonċernati jew għat-tkeċċija tagħhom, peress li dan effettivament ixejjen l-isforzi biex jiġi indirizzat ix-xogħol mhux iddikjarat;

30.  Iqis li fejn l-ispettorati nazzjonali tax-xogħol ikunu responsabbli biex jittrattaw ħaddiema migranti u stazzjonati, il-programmi ta’ taħriġ għall-ispetturi tax-xogħol għandhom jinkludu moduli speċifiċi dwar dawn il-kwistjonijiet kif ukoll dwar ix-xogħol mhux iddikjarat u t-traffikar tal-bnedmin, peress li dawn il-kwistjonijiet huma marbutin mill-qrib ma’ xulxin, u għandhom jinkludu wkoll moduli lingwistiċi, meta jkun rilevanti;

31.  Iqis li l-penali jkunu effettivi biss jekk l-impjegaturi ma jkunux jistgħu jagħmlu gwadann meta jimpjegaw ħaddiema b’mod illegali għaliex, jekk jagħmlu hekk, it-telf tagħhom ikun ferm akbar mill-ispejjeż li jidħlu għalihom meta jimpjegaw ħaddiema reġistrati;

32.  Jagħraf li teżisti tendenza ta’ aktar impjieg indipendenti fittizju, ta’ servizzi ta’ esternalizzazzjoni u ta’ sottokuntratti, li tista’ twassal għal żieda fl-impjiegi prekarji u għal aktar deterjorament tal-livelli ta’ ħarsien li diġà huma baxxi għall-ħaddiema mhux iddikjarati; jemmen li sistemi ta’ responsabbiltà ġenerali tal-kuntrattur jistgħu jservu bħala għodod utli biex tiżdied il-konformità mal-istandards tax-xogħol matul il-proċess kollu tal-produzzjoni, u li għandha tiġi kkunsidrata l-introduzzjoni ta’ sistemi bħal dawn fl-Istati Membri kollha, filwaqt li jirrikonoxxi li l-kontrolli mill-ispetturi tax-xogħol jibqgħu essenzjali;

Ħarsien tax-xogħol – saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol

33.  Jiġbed l-attenzjoni għall-problema biex jiġu implimentati r-regoli dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol meta l-impjegati jagħmlu xogħol mhux iddikjarat; jenfasizza li d-dritt għall-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol japplika għal kull impjegat u għal kull persuna li taħdem għal rasha, u li t-titjib fl-implimentazzjoni tar-regoli eżistenti se jagħti sustanza lil dak id-dritt; jissuġġerixxi li l-Istati Membri jistudjaw il-possibbiltà li joffru eżami mediku kunfidenzjali għall-ħaddiema kollha, bla ħlas, darba fis-sena jew darba għal kull kuntratt, sabiex tingħatalhom protezzjoni bażika;

34.  Jirrakkomanda penali aktar stretti għall-kumpaniji li jonqsu milli jissodisfaw l-obbligi tagħhom fir-rigward tad-drittijiet bażiċi tal-impjegati, u jqis li dawn il-penali għandu jkollhom effett ta’ deterrent u dissważiv biżżejjed biex jiżgura li l-impjegaturi ma jagħmlu ebda gwadann billi jevadu r-regoli eżistenti dwar il-protezzjoni tal-impjieg u tas-saħħa; jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw li fis-sistemi ta’ stabbiliment ta’ sanzjonijiet tagħhom jagħmlu l-livell tal-multi proporzjonali għall-ħsara kif ukoll jiżguraw li dan ikun ogħla mill-gwadann magħmul mit-tidwir mar-regoli;

35.  Jirrimarka li l-istrateġija Ewropa 2020 tiġbed l-attenzjoni fuq il-ħtieġa ta’ aktar nisa fis-suq tax-xogħol, u jqis li l-ispetturi tal-post tax-xogħol għandu jkollhom għarfien tal-kundizzjonijiet tax-xogħol kemm tan-nisa kif ukoll tal-irġiel;

36.  Jitlob li dawn il-penali japplikaw ukoll għall-kumpaniji li jinstab li jkunu qed ipoġġu fuq lista sewda ħaddiema minħabba l-attivitajiet tagħhom bħala rappreżentanti tat-trade unions jew tas-saħħa u s-sikurezza;

37.  Jitlob li l-awtoritajiet nazzjonali superviżorji fil-qasam tan-negozju jkunu appoġġjati fl-implimentazzjoni ta’ sistema effiċjenti tal-protezzjoni tax-xogħol fil-livell tal-kumpaniji, speċjalment f’intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju; Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-ispezzjonijiet ikunu mmirati aktar mill-qrib biex jiġu identifikati soluzzjonijiet prattiċi u fattibbli għan-nuqqasijiet fil-qasam tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol;

38.  Japprova l-ħidma utli li l-Kumitat ta’ Livell Għoli ta’ Spetturi tax-Xogħol (Senior Labour Inspectors’ Committee – SLIC) qiegħed jagħmel biex iqarreb il-kulturi nazzjonali lejn xulxin; jitlob it-tisħiħ tar-riżorsi u tal-kompetenzi tiegħu; jitlob kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn is-SLIC u l-Kumitat Konsultattiv tal-Lussemburgu; huwa tal-fehma li l-Kumitat Konsultattiv tal-Kummissjoni dwar is-Sikurezza u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol għandu jiġi aġġornat b’mod regolari dwar żviluppi fl-Istati Membri fil-qasam tal-ispettorati tax-xogħol u s-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol;

39.  Huwa tal-fehma li dawn l-aspetti tas-saħħa u s-sikurezza għandhom jitqiesu wkoll fl-istrateġija tal-UE li jmiss dwar is-sikurezza u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol; jitlob li l-ispezzjonijiet tax-xogħol jintensifikaw il-miżuri mmirati tajjeb ta’ prevenzjoni u edukazzjoni maħsuba biex jiżdied l-għarfien tar-regoli u l-proċeduri dwar is-saħħa u s-sikurezza fost iċ-ċittadini; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jgħaġġlu l-implimentazzjoni tar-REACH, u b’mod partikolari s-sostituzzjoni tas-sustanzi kimiċi li huma l-aktar ta’ tħassib; iqis li l-mard relatat max-xogħol għandu jitqies fil-prijoritizzazzjoni ta’ dawn is-sustanzi;

II.Rakkomandazzjonijiet għal politika fil-livell Ewropew

Skambju transkonfinali ta’ informazzjoni aktar mgħaġġel u effiċjenti

40.  Iqis li kooperazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet nazzjonali u s-sħab soċjali hija importanti fl-isforz biex jintemm id-dumping soċjali u tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta fis-suq uniku; jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tinħoloq Pjattaforma Ewropea għall-ispetturi tax-xogħol; jitlob, f’dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tistabbilixxi Pjattaforma Ewropea għall-ispetturi tax-xogħol dwar xogħol mhux iddikjarat fi ħdan il-Eurofound, b’mandat – bħala kompitu addizzjonali għall-aġenzija – li torganizza x-xogħol tal-Pjattaforma u tiffaċilita l-iskambju ta’ esperjenzi u prattiki tajba, tipprovdi informazzjoni aġġornata, oġġettiva, affidabbli u komparattiva, ittejjeb il-kooperazzjoni transkonfinali u tidentifika u żżomm rekord ta’ kumpaniji tal-isem (letter-box companies) u operati simili;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, f’kooperazzjoni mas-sħab soċjali u l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti, mingħajr ħsara għall-prinċipju ta’ sussidjarjetà, tiddedika riżorsi umani adegwati għal każijiet fuq livell transkonfinali ta’ abbuż tar-regoli tal-ħarsien tax-xogħol u ta’ xogħol mhux iddikjarat – b’kompitu li jinkludi, fost l-oħrajn, l-identifikazzjoni ta’ kumpaniji tal-isem u l-kontroll ta’ fornituri ta’ servizzi transnazzjonali – u tiżviluppa programmi ta’ taħriġ kontinwu għall-ispettorati fl-UE kollha li jindirizzaw sfidi bħalma hu l-impjieg indipendenti fittizju u l-istazzjonar, l-identifikazzjoni ta’ modi ġodda ta’ evażjoni tar-regoli u l-organizzazzjoni ta’ kontrolli transkonfinali; jirrakkomanda, barra minn hekk, li l-ispettorati nazzjonali jwettqu spezzjonijiet transkonfinali okkażjonali u konġunti, b’mod partikolari fil-inħawi qrib iż-żoni tal-fruntieri;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni tistudja l-benefiċċji li tiġi introdotta, u – jekk ikun xieraq – titqiegħed għad-dispożizzjoni, kard Ewropea tas-sigurtà soċjali li ma tistax tiġi ffalsifikata, jew dokument elettroniku ieħor validu fl-UE kollha, fejn tiġi maħżuna d-dejta kollha meħtieġa biex tiġi vverifikata r-relazzjoni tal-impjieg tad-detentur, bħal dettalji dwar l-istatus tas-sigurtà soċjali u s-sigħat tax-xogħol, u li tkun soġġetta għal regoli stretti tal-protezzjoni tad-dejta, b’mod partikolari fejn tiġi pproċessata dejta personali sensittiva fir-rigward tal-privatezza; jenfasizza, għalhekk, l-importanza li qabel u matul l-iżvilupp ta’ kard bħal din, jiġi eżaminat bir-reqqa l-impatt tagħha fuq il-privatezza;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq proġett pilota għal mekkaniżmu Ewropew immirat għat-twissija bikrija għall-ksur ta’ regoli tal-ħarsien tax-xogħol u każijiet ta’ xogħol mhux iddikjarat, li jippromwovi l-iskambju rapidu bejn l-Istati Membri u li jkun akkumpanjat minn lista sewda sabiex b’mod aktar effettiv jiġi evitat fi stadju bikri l-ksur tar-regoli tal-protezzjoni tax-xogħol; ifakkar li dan il-mekkaniżmu ta’ twissija bikrija jista’ jiġi orjentat fuq is-sistema eżistenti Ewropea ta’ twissija rapida għall-protezzjoni tal-konsumatur (RAPEX); jenfasizza li l-ksur tar-regoli jeħtieġ jiġi dokumentat bir-reqqa, permezz ta’ reġistrazzjoni sistematika tar-riżultati tal-ispezzjonijiet, sabiex tkun tista’ tittieħed azzjoni mmirata kontra l-abbużi;

44.  Iqis li kooperazzjoni akbar kif ukoll skambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri fil-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat jista’ joffri valur miżjud Ewropew sinifikanti; jenfasizza li dan jirfed b’mod utli l-inizjattivi leġiżlattivi tal-UE dwar ix-xogħol mhux iddikjarat, jippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattiki u jtejjeb il-koordinazzjoni bejn l-ispettorati tax-xogħol minn pajjiżi differenti;

45.  Jirrimarka li, f’ċerti sitwazzjonijiet transkonfinali, ġie ristrett ħafna d-dritt tal-awtoritajiet nazzjonali tal-ispezzjoni li jwettqu spezzjonijiet f’kumpaniji barranin, u li dan ipperikola kemm il-ħarsien tal-ħaddiem kif ukoll l-assigurazzjoni ta’ kundizzjonijiet ekwi; jitlob li l-informazzjoni dwar l-istazzjonar ta’ ħaddiema, pereżempju ċ-ċertifikati tal-istazzjonar A1, ma tkunx retroattiva, u li dawn jiddaħħlu f’reġistru fil-livell tal-UE li għandu jikkumplimenta reġistri nazzjonali eżistenti u jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet fl-UE kollha sabiex jiġi ffaċilitat il-kontroll, fil-livell nazzjonali, tar-relazzjonijiet tal-impjieg fost il-ħaddiema stazzjonati fuq bażi multilingwi; jafferma li, f’dan ir-rigward, skambju transkonfinali aktar effiċjenti tal-informazzjoni bejn il-bosta awtoritajiet kompetenti huwa ta’ importanza kbira; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-ispezzjonijiet tax-xogħol jistgħu jagħmlu użu mid-dritt tagħhom ta’ spezzjonijiet indipendenti nondiskriminatorji f’sitwazzjonijiet transkonfinali, irrispettivament mill-post fejn tkun stabbilita l-kumpanija;

46.  Jirrimarka, b’rabta mal-applikazzjoni tad-direttiva dwar l-istazzjonar ta’ ħaddiema, li d-dokumenti għandhom jiġu tradotti, irrispettivament mit-tul tagħhom, meta dan ikun mitlub fil-qafas ta’ spezzjoni;

Inizjattivi leġiżlattivi ġodda fil-livell tal-UE

47.  Jenfasizza n-nuqqas ta’ enfasi, fid-direttivi eżistenti dwar is-sigurtà soċjali u tal-impjieg, dwar titjib fl-implimentazzjoni u dwar ir-rwol tal-ispettorati tax-xogħol; iqis li d-direttivi eżistenti jeħtieġ jiġu rieżaminati u riveduti fil-fond, jekk ikun hemm bżonn, u li l-kwistjoni tal-infurzar għandha tiġi indirizzata aħjar fil-liġi Ewropea dwar ix-xogħol; jilqa’, f’dan il-kuntest, l-istandards minimi ta’ spezzjoni fid-direttivi marbuta ma’ ċerti gruppi ta’ ħaddiema proposti mill-Kummissjoni; jenfasizza li r-rwol tal-ispettorati tax-xogħol, u tas-sħab soċjali, jeħtieġ jiġi kkunsidrat fi kwistjonijiet relatati mas-sigurtà soċjali u mal-impjieg, b’mod li jippermetti protezzjoni effettiva;

48.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jippromwovu l-introduzzjoni volontarja ta’ standards ogħla tax-xogħol mill-kumpaniji permezz tat-twaqqif ta’ sistema ta’ ‘tikketti soċjali’ bla ħlas li jkunu rikonoxxuti fil-livell nazzjonali jew tal-UE;

49.  Jirrimarka li f’ċerti Stati Membri hemm tfal taħt l-14-il sena li diġà qegħdin jaħdmu; iqis li jeħtieġ jissaħħaħ ir-rwol tal-ispetturi tax-xogħol u jiżdiedu l-kampanji kontra t-tħaddim tat-tfal; jistieden lill-Kummissjoni sabiex, fil-livell tal-UE, tintroduċi kampanji għall-kontroll u l-monitoraġġ tal-kundizzjonijiet tax-xogħol taż-żgħażagħ, b’mod partikolari l-ħaddiema migranti żgħażagħ;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li d-drittijiet proċedurali u d-drittijiet tal-infurzar, bħal dawk indikati fil-proposta għal direttiva dwar miżuri li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet konferiti fuq ħaddiema fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema, ikunu disponibbli għall-ħaddiema kollha;

51.  Iqis bħala importanti, fir-rigward ta’ ħaddiema mobbli, li l-ispettorati nazzjonali tax-xogħol – u, fejn applikabbli, l-organizzazzjonijiet tal-impjegati – għandhom ikunu jistgħu jwettqu spezzjonijiet f’kull sitwazzjoni li huma jqisu li jkun hemm bżonn; josserva li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu introdotti kontrolli effikaċi u mekkaniżmi ta’ monitoraġġ fit-territorju tagħhom sabiex jikkontrollow u jimmonitorjaw il-konformità mad-dispożizzjonijiet u r-regoli stabbiliti fid-direttivi rilevanti;

52.  Jistieden lill-Kummissjoni tfassal u tipprovdi lill-Istati Membri b’linji gwida dwar l-aħjar prattiki, u tiffaċilita l-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejniethom, sabiex huma jkunu kapaċi jagħmlu skrutinju u kontroll tal-attivitajiet tal-aġenziji tax-xogħol temporanju b’mod aktar effikaċi; jenfasizza li l-Istati Membri għandhom iżidu l-ispezzjonijiet komprensivi tagħhom fuq l-aġenziji tax-xogħol temporanju, u għandhom jikkunsidraw li jintroduċu miżuri li bihom dawn il-kumpaniji jkunu soġġetti għal obbligi ta’ ċertifikazzjoni u rappurtar;

53.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, mingħajr ħsara għall-prinċipju ta’ sussidjarjetà, tipproponi green book li fuqu jissejjes ir-rwol tal-ispetturi tax-xogħol u li jistabbilixxi standards Ewropej għall-ispezzjonijiet tax-xogħol u rekwiżiti ta’ taħriġ uniformi f’dan il-qasam, filwaqt li jqis id-differenzi bejn is-swieq tax-xogħol nazzjonali;

54.  Jistieden lill-Kummissjoni tidentifika modi aħjar kif tindirizza sitwazzjonijiet ta’ dumping soċjali fl-UE u tipproponi strumenti xierqa f’dan ir-rigward; jirrimarka li l-politika tal-kompetizzjoni hija implimentata fuq livell Ewropew;

o
o   o

55.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 354, 31.12.2008, p. 70.
(2) ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1.
(3) ĠU L 299, 18.11.2003, p. 9.
(4) ĠU C 125, 6.5.1999, p. 1.
(5) ĠU L 277, 28.10.1999, p. 34.
(6) ĠU L 168, 30.6.2009, p. 24.
(7) ĠU C 168 E, 14.6.2013, p. 102.
(8) ĠU C 9 E, 15.1.2010, p. 1.
(9) ĠU C 102 E, 24.4.2008, p. 321.
(10) ĠU C 175 E, 10.7.2008, p. 401.
(11) ĠU C 313 E, 20.12.2006, p. 452.
(12) ĠU C 117 E, 6.5.2010, p. 176.
(13) Testi adottati, P7_TA(2013)0230.
(14) ĠU C 5, 10.1.1996, p. 1.
(15) ĠU C 304, 14.10.1996, p. 1.
(16) EU-OSHA.
(17) EU-OSHA, stħarriġ Esener, 2009.
(18) http://www.ksz.fgov.be/en/international/page/content/websites/international/aboutcbss.html.

Avviż legali - Politika tal-privatezza