Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2113(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0453/2013

Testi mressqa :

A7-0453/2013

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 14/01/2014 - 5.16
CRE 14/01/2014 - 5.16
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2014)0016

Testi adottati
PDF 248kWORD 111k
It-Tlieta, 14 ta' Jannar 2014 - Strasburgu
L-Iskart tal-Plastik fl-Ambjent
P7_TA(2014)0016A7-0453/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Jannar 2014 dwar strateġija Ewropea għall-iskart tal-plastik fl-ambjent (2013/2113(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi u li tħassar id-Direttiva 91/157/KEE,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 96/59/KE tas-16 ta’ Settembru 1996 dwar ir-rimi ta’ polychlorinated biphenyls u polychlorinated terphenyls (PCB/PCT),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Settembru 2000 dwar vetturi li m’għadhomx jintużaw,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 86/278/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1986 dwar il-protezzjoni tal-ambjent, u b’mod partikolari tal-ħamrija, meta l-ħama tad-drenaġġ jintuża fl-agrikoltura,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 94/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 1994 dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (id-Direttiva dwar l-Imballaġġ),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (RoHS),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas-26 ta’ April 1999 dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/76/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Diċembru 2000 dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Settembru 2011 dwar strateġija effettiva tal-materja prima għall-Ewropa(1),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Frar 2012 intitolata “Ninnovaw għal Tkabbir Sostenibbli: Bijoekonomija għall-Ewropa” (COM(2012)0060),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Jannar 2011 intitolata “Ewropa li tuża r-riżorsi b’effiċjenza – Inizjattiva ewlenija taħt l-Istrateġija Ewropa 2020” (COM(2011) 0021), u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Mejju 2012 dwar Ewropa li tuża r-riżorsi b’effiċjenza(2),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “L-assigurazzjoni ta' ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020” (COM(2011)0244) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' April 2012 dwar “L-assigurazzjoni ta' ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020”(3),

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar Strateġija Ewropea għall-Iskart tal-Plastik fl-Ambjent (COM(2013)0123),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Programm ta' Azzjoni Ġenerali tal-Unjoni għall-Ambjent sal-2020,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0453/2013),

A.  billi l-iskart tal-plastik mhuwiex indirizzat speċifikament mil-leġiżlazzjoni tal-UE u mhux meqjus bħala parti mill-fluss ġenerali ta’ skart minkejja l-karatteristiċi partikolari tiegħu; billi dan it-tip ta' skart ma għandux jibqa’ jitqies biss bħala żibel iżda minflok għandu jitqies bħala riżorsa;

B.  billi l-materjali tal-plastik qed isiru dejjem aktar diversi u l-użu tagħhom qed jiżdied, u dan iwassal għal volumi akbar ta' skart u għal kombinazzjoni li qed tiżdied ma' materjali u komposti oħra; billi l-plastik jakkumula fi kwantitajiet kbar (huwa stmat li hemm total ta' 80 MT f'wiċċ l-ilma fl-Oċean Atlantiku u f'dak Paċifiku) u jippersisti fl-ambjent għal mijiet ta' snin, filwaqt li joqtol il-ħajja tal-baħar, jikkaġuna reazzjonijiet tossiċi u jirrilaxxa interferenti endokrinali, sustanzi li huma karċinoġeni, mutaġeni jew tossiċi għar-riproduzzjoni, nanopartiċelli u sustanzi niġġiesa organiċi persistenti fl-ekosistemi u għaldaqstant fil-katina alimentari; billi fl-2010 biss, tqiegħdu 95,5 biljun basket tal-plastik fis-suq tal-UE, li l-biċċa l-kbira tagħhom kienu maħsuba biex jintużaw darba biss, filwaqt li huma ristretti jew ipprojbiti f'ħafna pajjiżi;

C.  billi nuqqas ta' implimentazzjoni u infurzar tajba tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart mill-Istati Membri, nuqqas ta' miri relevanti u mekkaniżmi tal-prezzijiet, domanda interna insuffiċjenti għal materjali riċiklati, rimi illegali, esportazzjonijiet illegali u ħżin mhux xieraq, u l-ipproċessar u t-trasport tal-iskart tal-plastik wasslu għal ħsara globali sinifikanti għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent, inkluża l-ħajja tal-baħar, u għal żieda fl-esportazzjonijiet ta' skart, li rriżultaw f'telf ta' materjali u ta' impjiegi fl-UE;

D.  billi projbizzjoni fuq ir-rimi tal-iskart tal-plastik mhijiex waħedha se twassal għall-irkupru mixtieq tal-materja prima jekk il-kwantitajiet konċernati jittieħdu l-inċineraturi minflok;

E.  billi, fil-każ tal-iskart tal-plastik, l-enfasi għandha titqiegħed fuq il-prevenzjoni u l-minimizzazzjoni, filwaqt li l-produtturi jiġu mħeġġa jagħżlu materjali alternattivi u aktar sostenibbli meta jiddiżinjaw il-prodotti tagħhom;

F.  billi l-ekoinnovazzjoni u d-disinn fil-prodotti tal-plastik huma kruċjali għall-kompetittività Ewropea, jgħinu lill-industrija tadatta għall-pressjonijiet ta’ prezzijiet tar-riżorsi għoljin u l-iskarsezza tal-materjali, u jiżviluppaw Teknoloġiji Abilitanti Essenzjali (KETs) għal soċjetà sostenibbli;

G.  billi l-UE tista’ tibbenefika f’termini ta’ ħolqien tal-impjiegi u tkabbir minn sforz robust għal bidla, permezz ta' aktar riċiklaġġ, lejn ekonomija ċikolari minn nieqa sa nieqa bbilanċjata, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u mhux tossika, ibbażata fuq il-kunċett ta’ skart mhux perikoluż bħala riżorsa ta' materja prima; billi l-potenzjal ekonomiku għar-riċiklaġġ tal-iskart tal-plastik attwalment huwa ferm ogħla mit-33 % miksub fir-rigward tal-iskart mill-imballaġġ tal-plastik u mill-25 % miksub fir-rigward tal-iskart tal-plastik totali, u billi rati għoljin ta' riċiklaġġ jistgħu jgħinu meta jkun hemm nuqqas ta' materja prima;

H.   billi l-industrija tal-plastik fl-UE tħaddem madwar 1,6 miljun ruħ;

I.  billi l-istrateġija Ewropa 2020 titlob tkabbir, intelliġenti, sostenibbli u inklużiv;

1.  Jilqa’ l-Green Paper tal-Kummissjoni u jagħraf il-bżonn għal miżuri speċifiċi dwar l-iskart tal-plastik fil-leġiżlazzjoni tal-UE, kif ukoll għal implimentazzjoni u infurzar iktar uniformi, konsistenti u rigorużi tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-iskart, b’mod speċifiku rigward il-ġerarkija tal-iskart: prevenzjoni, użu mill-ġdid, riċiklaġġ, u rkupru, u b'mod partikolari f'dawk l-Istati Membri li għadhom mhux qed jilħqu l-objettivi u l-miri eżistenti;

2.  Iqis li l-ippjanar strateġiku jista' jservi bħala l-punt ta' tluq għal ġestjoni effikaċi tal-iskart;

3.  Jenfasizza li sabiex l-approċċ tal-UE għall-flussi tal-iskart u l-ekonomija ċirkolari jsir aktar konsistenti fil-qafas tal-“kontroll tal-idoneità” tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ bħalissa, u peress li madwar 40 % tal-iskart tal-plastik jiġi mill-imballaġġ u l-iktar minn prodotti li jintużaw darba filwaqt li d-Direttiva dwar l-Imballaġġ hija l-unika waħda b’mira speċifika għall-ġbir tal-iskart tal-plastik, jeħtieġ b'urġenza li dik id-Direttiva tiġi riveduta u li jiġu proposti normi dwar l-iskart tal-plastik li jmorru lil hinn mir-regoli u l-istandards dwar il-prodotti; iqis li biex tikseb dan, u meta tfassal proposti futuri, il-Kummissjoni għandha żżomm f'moħħha l-fatt li l-iskart tal-plastik mhuwiex materjal omoġenju, u li l-flussi tal-iskart tal-plastik huma magħmula minn għadd ta' materjali, addittivi u komposti tal-plastik ta’ tipi differenti li jeħtieġ li jiġu pproċessati b'modi differenti; jinnota, madankollu, li għalkemm l-imballaġġ tal-plastik jgħin biex tinżamm il-kwalità u tittawwal il-konservabbiltà tal-prodotti, mhuwiex dejjem neċessarju għall-konservazzjoni tal-prodotti;

4.  Jenfasizza li l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart tal-plastik qabel kollox għandu jkollha l-għan li dan l-iskart jitnaqqas, u għalhekk għandha tiġi riveduta biex tinkludi:

   miri vinkolanti għall-ġbir, is-separazzjoni (li tista' tilħaq il-livell ambizzjuż ta' 80 %) u r-riċiklaġġ tad-diversi flussi tal-iskart tal-plastik (pereżempju l-WEEE, il-vetturi li m'għadhomx jintużaw, l-imballaġġ, l-iskart agrikolu, l-iskart tal-bini, eċċ.) u kriterji mandatorji għar-riċiklabbiltà (li jiċċaraw id-distinzjonijiet bejn ir-riċiklaġġ mekkaniku/organiku u l-irkupru/inċinerazzjoni); l-għan għandu jkun mira progressiva u ambizzjuża għal plastik riċiklat li ma fihx addittivi perikolużi li m'għadhomx jitħallew jintużaw fi prodotti ġodda, għan li għandu jintlaħaq sal-2020; xi Stati Membri jkollhom bżonn perjodi ta’ tranżizzjoni biex matulhom jilħqu l-objettivi stabbiliti fil-livell Ewropew;
   l-armonizzazzjoni fl-UE kollha ta' kriterji għall-ġbir, is-separazzjoni u l-ġestjoni ġenerali tal-iskart, bl-għan li jinħolqu kundizzjonijiet indaqs skont il-ġerarkija tal-iskart, inkluża t-tneħħija ta' ostakli tekniċi, regolatorji, amministrattivi u finanzjarji għar-riċiklaġġ;
   tikkettar speċifiku tal-materjali sabiex il-konsumaturi jiġi infurmati rigward ir-riċiklabbiltà mekkanika jew organika tal-prodotti, flimkien ma' indikazzjonijiet għall-konsumaturi dwar kif iżidu s-separazzjoni u r-riċiklaġġ; u
   kriterji għas-sostituzzjoni ta’ prodotti tal-plastik li jintużaw darba jew b'ħajja qasira b’materjali li jistgħu jerġgħu jintużaw u iktar durabbli;

5.  Jaqbel li l-iskart tal-plastik għandu jiġi trattat bħala riżorsa ta’ valur billi jiġu promossi l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u l-irkupru u billi jiġi permess il-ħolqien ta' ambjent tas-suq xieraq; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti sal-2014 biex, sal-2020, jitneħħa gradwalment ir-rimi f'miżbliet ta' skart riċiklabbli u rkuprabbli, madankollu mingħajr ma tinċentivizza, b'riżultat ta' dan, l-opzjoni tal-irkupru tal-enerġija askapitu tar-riċiklaġġ, u filwaqt li tiżgura li l-kriterji dwar l-effiċjenza ambjentali jiġu applikati għall-opzjonijiet kollha; jikkunsidra li, flimkien mal-miri msemmija hawn fuq għar-riċiklaġġ, huwa għalhekk essenzjali li jiġu introdotti miżuri xierqa li jiskoraġġixxu l-inċinerazzjoni ta’ plastik riċiklabbli, kompostabbli u bijodegradabbli, sabiex jiġi ottimizzat iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ kull tip ta’ plastik waqt li tiġi rrispettata l-ġerarkija tal-iskart; jirrimarka li dan għandu wkoll jaqleb tendenza ta’ nuqqas ta’ sostenibbiltà li s’issa pprivileġġat l-użu ta’ prodotti verġni fuq dawk riċiklati u iktar għaljin; jenfasizza li r-riċiklabbiltà u l-irkuprabbiltà tal-prodotti għandhom jitqiesu sa mill-fażi tad-diżinn; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri relatati mad-diżinn li jtejbu l-impatt ambjentali ġenerali tal-prodotti, li jipprevjenu l-iskart eċċessiv u li jippromwovu s-swieq tar-riċiklaġġ; jemmen li fi kwalunkwe każ l-oġġetti tal-plastik għandhom jiġu ddiżinjati biex tiġi massimizzata d-durabbiltà, filwaqt li jitqies iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-prodott; jirrimarka li fil-kuntest ta' leġiżlazzjoni ġdida dwar l-iskart tal-plastik, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-istabbiliment ta’ spezzjonijiet aktar estensivi fir-rigward tal-aċċettazzjoni ta' skart fil-miżbliet sal-2020, kif ukoll iż-żieda tal-kontrolli fil-faċilitajiet tal-inċinerazzjoni;

6.  Iħeġġeġ li l-iskart tal-plastik jintuża għall-irkupru tal-enerġija biss f'każijiet meta l-possibbiltajiet l-oħra kollha jkunu ġew eżawriti u meta t-teknoloġija użata tinkludi s-sistemi ta' purifikazzjoni meħtieġa għall-prevenzjoni tad-dannu ambjentali u tal-ħsara lis-saħħa tal-bniedem;

7.  Jemmen li l-plastiks l-aktar perikolużi, dawk li l-evidenza xjentifika turi li huma l-iktar ta’ tfixkil għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent (bħall-mikroplastiks u l-plastiks ossobijodegradabbli) u dawk li fihom metalli tqal u sustanzi oħrajn li jistgħu wkoll jagħmlu l-proċessi ta’ riċiklaġġ iktar diffiċli, għandhom jitneħħew gradwalment mis-suq jew jiġu pprojbiti għalkollox, malajr kemm jista’ jkun qabel l-2020 sabiex jiġi żviluppat suq għall-materjali riċiklati li reġgħu ntużaw, u jemmen li l-ġbir separat ta' dawn għandu jiġi implimentat minufih; f'dan il-qafas, jemmen li s-sostituzzjoni ta' materjali u addittivi tal-plastik perikolużi għandha tiġi appoġġata, anke permezz tal-estensjoni tal-lista ta' sustanzi ristretti fir-RoHS; jemmen ukoll li, kif mitlub minn maġġoranza ta' ċittadini u konsumaturi Ewropej(4), l-użu ta' basktijiet tal-plastik li jintużaw darba, għandu jitnaqqas radikalment u meta possibbli għandu jitneħħa gradwalment, u li huwa importanti li tiġi indirizzata l-isfida tal-prevenzjoni tal-iskart permezz ta' azzjoni iktar effiċjenti biex jiġi indirizzat il-konsum żejjed u r-rimi irresponsabbli ta' prodotti li jintużaw darba;

8.  Jirrimarka li, f’dinja fejn ir-riżorsi naturali, inkluża l-art li tinħadem, huma dejjem aktar skarsi, is-sostenibbiltà tfisser il-konsum ta' anqas riżorsi f’termini assoluti, u mhux sempliċement s-sostituzzjoni ta' riżorsa b'oħra; jenfasizza li fil-każ tal-plastiks bijodegradabbli, ibbażat fuq prodotti bijoloġiċi u kompostabbli, għandhom jiġu adottati miżuri xierqa biex dawn jiġu promossi, bil-kundizzjoni li l-produzzjoni tagħhom ma tħallix impatt negattiv fuq il-produzzjoni agrikola għall-konsum mill-bnedmin u mill-annimali jew fuq l-ambjent; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġu żviluppati l-istandards Ewropej diġa rikonoxxuti (i.e. CEN 13432) sabiex tkun tista' ssir differenzjazzjoni aktar ċara bejn prodotti tal-plastik degradabbli, bijodegradabbli u kompostabbli flimkien mal-għoti ta' informazzjoni aktar ċara dwar il-karatteristiċi, ir-riċiklabbiltà u l-potenzjal ta' użu mill-ġdid tagħhom, lill-konsumaturi kif ukoll lil min jirriċikla u lill-operaturi ta' faċilitajiet ta' ġestjoni tal-iskart;

9.  Jitlob li jsir aktar investiment pubbliku u privat fir-riċerka u t-teknoloġija mmirata biex jinstabu plastiks iktar sostenibbli (i.e. li jikkunsmaw anqas materja prima filwaqt li jinżammu l-istess kwalià, riutilizzabbiltà u riċiklabbiltà) u biex jiġu integrati aħjar diversi tipi ta' plastik fi proċessi ta’ produzzjoni u attivitajiet ta’ riproċessar, mingħajr ma tiġi affettwata l-kwalità tal-materjali; jikkunsidra li teknoloġiji ġodda huma meħtieġa wkoll għat-titjib tal-proċessi ta’ bijodegradazzjoni tal-plastik, metodi ta’ separazzjoni tal-iskart, proċessar u riċiklaġġ mekkaniku, irkupru ta’ prodotti tal-plastik mill-oċeani, ekodisinn u imballaġġ intelliġenti; jemmen li għal dan il-għan, Orizzont 2020 jista’ joffri opportunitajiet biex ikun hemm reazzjoni għal dan il-bżonn importanti tas-soċjetà u li l-vantaġġi jkunu mifruxin, kemm għall-ambjent kif ukoll għaċ-ċittadini, mill-ħolqien ta’ attivitajiet ekonomiċi ġodda (pereżempju separazzjoni bi standards għoljin li titwettaq mill-bnedmin) għat-tnaqqis tal-iskart fil-baħar u riskji relatati mas-saħħa; jenfasizza li dan jista' joffri l-opportunità partikolarment liż-żgħażagħ biex jieħdu sehem f'oqsma ġodda ta' attività u b'hekk jintegraw ruħhom fis-suq tax-xogħol; jirrimarka li l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart tista' tiffranka EUR 72 biljun fis-sena, iżżid il-fatturat annwali tas-settur tal-UE għall-ġestjoni u r-riċiklaġġ tal-iskart bi EUR 42 biljun u toħloq aktar minn 400 000 impjieg sal-2020; jenfasizza li fondi oħrajn tal-UE jistgħu jikkontribwixxu wkoll b'mod sinifikanti għall-iżvilupp ta’ infrastruttura ta’ ġbir u riċiklaġġ jekk ikunu konsistentement b'konformità mal-ġerarkija tal-iskart fid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart;

10.  Huwa favur miżuri li jinkoraġġixxu r-riċiklaġġ tal-plastik bħala l-aqwa opzjoni biex jintlaħqu l-miri ambjentali; jitlob li iktar offerti ta’ akkwist pubbliku, fosthom dawk tal-istituzzjonijiet Ewropej, jinkludu domandi ċari rigward ir-riċiklaġġ tal-iskart tal-plastik kif ukoll li jiffavorixxu l-użu tal-plastik riċiklat meta jkun possibbli;

11.  Jemmen li għandhom jittieħdu passi aktar ambizzjużi kemm mill-Istati Membri kif ukoll mill-Kummissjoni biex jiġu indirizzati l-esportazzjonijiet illegali u r-rimi ta’ skart tal-plastik, inklużi infurzar iktar strett tar-regolamenti tal-UE dwar il-vjeġġi, kif ukoll skemi ta’ monitoraġġ u spezzjoni iktar stretti fil-portijiet u l-faċilitajiet kollha tat-trattament tal-iskart, immirati għal trasferimenti illegali suspettati u għall-ġlieda kontra l-esportazzjoni ta' skart biex jerġa' jintuża (l-aktar vetturi li m'għadhomx jintużaw u WEEE), u biex jiġi żgurat li l-esportazzjonijiet imorru biss lejn il-faċilitajiet li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ ġestjoni tajba mil-lat ambjentali kif stabbilit fl-Artikolu 49 tar-Regolament dwar Vjeġġi ta' Skart; jinnota li l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-responsabbiltà estiża tal-produttur, kif ukoll is-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi, għandhom rwol x'jiżvolġu fil-prevenzjoni tal-esportazzjonijiet illegali u fit-tnaqqis sinifikanti tal-iskart tal-plastik fl-ambjent; barra minn hekk jemmen li l-UE għandha tippromwovi approċċ ta’ ġestjoni tal-iskart koerenti fil-forums, il-ftehimiet u l-istituzzjonijiet internazzjonali kollha possibbli; jenfasizza li l-UE għandha tmexxi inizjattiva globali għall-monitoraġġ u t-tnaqqis sinifikanti tar-rimi ta’ skart fl-oċeani; jikkunsidra essenzjali wkoll li jkun hemm aċċess għal data affidabbli u komparabbli dwar flussi tal-iskart, flussi lejn l-Ewropa u ’l barra mill-Ewropa, volumi u sistemi ta’ ġestjoni;

12.  Jemmen li l-finanzjament tal-infrastruttura tar-riċiklaġġ tal-iskart għandu jieħu prijorità fuq il-finanzjament tar-rimi u l-inċinerazzjoni tal-iskart, iżda għandu naturalment iqis ukoll il-ħtiġijiet ta’ kull komunità individwali; iħeġġeġ lill-muniċipalitajiet u lill-awtoritajiet lokali Ewropej, lill-industrija tal-plastiks, u lis-settur tar-riċiklaġġ u l-ġestjoni tal-iskart biex jagħmlu l-isforzi kollha possibbli biex jimmotivaw u jinċentivizzaw liċ-ċittadini u lill-impriżi biex jadottaw kunċett ta' ekonomija ċirkolari fir-rigward tal-iskart tal-plastik, l-ewwel permezz ta' dibattitu wiesa' dwar l-obsolenza ppjanata, bil-promozzjoni ta' skemi faċli u effikaċi ta' separazzjoni, ġbir, użu mill-ġdid u riċiklaġġ u bl-istabbiliment ta' punti ta' ġbir xierqa għall-iskart tal-plastik, speċjalment f'żoni kostali u ambjentalment vulnerabbli, u dan kollu f'termini ta' prijorità għandu jibda minn dawk iż-żoni li l-Istati Membri ddikjaraw bħala żoni protetti u/jew parks nazzjonali; jemmen ukoll li jistgħu jagħtu kontribut kbir favur l-armonizzazzjoni ta’ attivitajiet ta’ ġestjoni tal-iskart tal-plastik madwar l-Ewropa billi jaqblu fuq standards u prattiki komuni; jistieden lill-awtoritajiet reġjonali biex jikkooperaw fl-ippjanar tal-ġestjoni tal-iskart integrat meta dan ikun kemm ambjentalment kif ukoll finanzjarjament vijabbli, u biex jippromwovu b'mod partikolari l-istabbiliment ta' "ċentri ta' ġbir agrikoli" għall-flussi ta' skart tal-plastik mill-agrikoltura (eż. plastiks tas-serer);

13.  Huwa favur, bl-għan li titħeġġeġ is-sensibilizzazzjoni, azzjonijiet konkreti u kampanji bħall-istabbiliment ta’ Jum Ewropew għall-iskart tal-plastik, meta ċ-ċittadini jkunu jistgħu jirritornaw kwalunkwe volum ta’ skart tal-plastik f’punti determinati minn qabel, pereżempju bi tpattija ta’ kumpens monetarju xieraq, bħala mezz li jiżgura l-provvista ta’ plastik riċiklabbli u li jżid is-sensibilizzazzjoni dwar ir-riċiklaġġ u l-effiċjenza fir-riżorsi; jikkunsidra li dan l-avveniment jista’ jinkludi wkoll attivitajiet ta’ tindif mill-komunità (eż. tal-bajjiet), bħala kontribut simboliku għat-trażżin tat-tniġġis mill-iskart tal-plastik; jitlob li jinħolqu sinerġiji bejn dan it-tip ta' avveniment u l-kampanja "Let's do it", il-Ġimgħa Ewropea għat-Tnaqqis tal-Iskart u l-"Clean-up Day" li jmiss; jilqa’ l-proġett pilota MARELITT tal-Kummissjoni għat-tneħħija tal-iskart tal-baħar mill-erba’ ibħra reġjonali tal-Ewropa u għat-tnaqqis tal-impatt ambjentali, ekonomiku, soċjali u fuq is-saħħa tal-iskart tal-plastik fil-baħar; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni żżid id-djalogu tagħha mal-pajjiżi terzi, bħal dawk b’ilmijiet territorjali fil-Baħar l-Iswed, sabiex tiġi indirizzata l-problema tal-iskart tal-plastik fil-baħar b’mod iżjed effettiv;

14.  Jenfasizza li qabel ma jiġu implimentati inizjattivi ġodda fl-oqsma tal-politika ambjentali, l-ekoinnovazzjoni, il-ġestjoni tal-iskart u l-bijoekonomija fil-livell tal-UE għandhom jitwettqu valutazzjonijiet sodi tal-impatt, fosthom tal-konsegwenzi soċjali tagħhom u l-opportunitajiet tas-suq tax-xogħol iġġenerati, b'mod partikolari fir-rigward tal-potenzjal għall-ħolqien tal-impjiegi u l-ħtieġa li jiġi introdott taħriġ inizjali u vokazzjonali sabiex jinħolqu impjiegi ħodor;

15.  Ifakkar li l-Istati Membri, filwaqt li jirrikonċiljaw il-kwistjonijiet ekonomiċi u ambjentali, għandhom jappoġġaw inizjattivi li jiffaċilitaw l-iżvilupp ta' setturi bl-akbar potenzjal ta' impjieg għal xogħol diċenti u, b'mod partikolari, li jgħinu fit-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli u l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità sostenibbli f'ekonomija anqas intensiva fl-użu tar-riżorsi, b'konformità mal-istrateġija Ewropa 2020; jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jikkordinaw dispożizzjonijiet tas-servizzi pubbliċi ma’ miri u objettivi ambjentali sabiex jilħqu diversi objettivi u jistimulaw impjiegi ħodor fil-proċess;

16.  Iqis l-identifikazzjoni tal-bżonnijiet futuri tas-suq tax-xogħol, u r-rekwiżiti għal ħiliet futuri, bħala prijorità; jenfasizza l-ħtieġa għal strateġiji għat-tqabbil tal-ħiliet tal-ħaddiema mal-bżonnijiet futuri tas-suq tax-xogħol; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-fatt li – sabiex jiġu indirizzati l-isfidi mit-tranżizzjoni għal ekonomija anqas intensiva fl-użu tar-riżorsi – jinħtieġu livelli xierqa ta' taħriġ u ħiliet biex l-ekoinnovazzjonijiet jiffjorixxu u biex il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart tiġi implimentata b'mod korrett; jirrakkomanda li l-Istati Membri jintegraw il-mudell tal-ekonomija ċirkolari fl-iskemi ta' taħriġ professjonali tagħhom; jinnota li t-taħriġ jista' jtejjeb l-istatus ipperċeput tax-xogħol fis-settur tar-riċikalġġ, u jista' jgħin fit-titjib taż-żamma tal-persunal u tal-prattiki tas-saħħa u s-sikurezza; ifakkar f'dan il-kuntest li, bil-promozzjoni tat-taħriġ vokazzjonali u t-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol, il-Fond Soċjali Ewropew jista' jgħin biex tiġi ssodisfata d-domanda għal impjiegi sostenibbli u ta' kwalità fl-industriji anqas intensivi fl-użu tar-riżorsi, b'konformità mal-Pakkett għall-Investiment Soċjali ppreżentat mill-Kummissjoni fi Frar tal-2013;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 51 E, 22.2.2013, p. 21.
(2) ĠU C 264 E, 13.9.2013, p. 59.
(3) ĠU C 258 E, 7.9.2013, p. 99.
(4) Consultation on options to reduce the use of plastic carrier bags and options to improve the requirements of biodegradability in Directive 94/62/EC on packaging and packaging waste and the visibility of biodegradable packaging products to consumers – statistics: http://ec.europa.eu/environment/waste/packaging/pdf/statistics_consultation.xls

Avviż legali - Politika tal-privatezza