Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2103(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0071/2014

Testi mressqa :

A7-0071/2014

Dibattiti :

PV 24/02/2014 - 25
CRE 24/02/2014 - 25

Votazzjonijiet :

PV 26/02/2014 - 9.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2014)0162

Testi adottati
PDF 273kWORD 108k
L-Erbgħa, 26 ta' Frar 2014 - Strasburgu
L-isfruttament sesswali u l-prostituzzjoni u l-impatt tagħhom fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi
P7_TA(2014)0162A7-0071/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-isfruttament sesswali u l-prostituzzjoni u l-impatt tagħhom fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi (2013/2103(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 4 u 5 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) tal-1949 dwar is-Soppressjoni tat-Traffikar tal-Bnedmin u l-Isfruttament tal-Prostituzzjoni tal-Oħrajn,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni tas-CEDAW tal-1979 li tfittex li tiġġieled kull forma ta’ traffikar tan-nisa u l-isfruttament tal-prostituzzjoni tan-nisa,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1993 dwar l-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa, li l-Artikolu 2 tagħha jgħid li l-vjolenza kontra n-nisa tinkludi: ‘vjolenza fiżika, sesswali u psikoloġika li ssir fi ħdan il-komunità ġenerali, inkluż stupru, abbuż sesswali, fastidju sesswali u intimidazzjoni fuq il-post tax-xogħol, fl-istituzzjonijiet edukattivi u postijiet oħra, traffikar tan-nisa u prostituzzjoni furzata’,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll ta’ Palermo 2000 għall-prevenzjoni, is-soppressjoni u l-punizzjoni tat-traffikar ta’ persuni, speċjalment ta’ nisa u tfal, li jissupplementa l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali, annessa mal-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-objettiv strateġiku D.3 tal-Pjattaforma ta’ Azzjoni tal-1995 u d-Dikjarazzjoni ta’ Bejġing,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Nru 29 tal-ILO dwar ix-xogħol furzat jew obbligatorju, li l-Artikolu 2 tagħha jiddefinixxi x-xogħol furzat,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Brussell (11) tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, li titlob politika komprensiva, multidixxiplinari u koordinata b’mod effikaċi li tinvolvi atturi minn kull qasam ikkonċernat,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa f’dan il-qasam, bħar-Rakkomandazzjoni Nru R 11 tal-2000, dwar it-traffikar tal-bnedmin għal finijiet ta’ sfruttament sesswali, ir-Rakkomandazzjoni Nru R 5 tal-2002 dwar il-protezzjoni tan-nisa kontra l-vjolenza, u r-Rakkomandazzjoni 1545 tal-2002 dwar il-kampanja kontra t-traffikar tan-nisa,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar Azzjoni kontra t-Traffikar tal-Bnedmin,

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa dwar “Il-Kriminalizzazzjoni tax-xiri ta’ servizzi sesswali biex jiġi miġġieled it-traffikar tal-persuni għal sfruttament sesswali”, Dok. 12920 tas-26 ta’ April 2012,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Ministerjali Nru 1(12) tal-OSKE ta’ Vjenna 2000 b’appoġġ għall-miżuri tal-OSKE u tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-OSKE biex jiġi miġġieled it-traffikar tal-bnedmin (Deċiżjoni Nru 557, meħuda fl-2003),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 13 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI tad-19 ta’ Lulju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2011/36/UE tal-5 ta’ April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI tad-19 ta’ Lulju 2002,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar l-inizjattivi għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, b’mod partikolari n-nisa(1),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE Lejn il-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-15 ta’ Ġunju 1995 dwar ir-Raba’ Konferenza Dinjija dwar in-Nisa, li saret f’Bejġing ‘Azzjoni għall-Ugwaljanza, l-Iżvilupp u l-Paċi’(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ April 1997 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kontenut illegali u ta’ ħsara fuq l-Internet(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Settembru 1997 dwar il-ħtieġa li tiġi stabbilita kampanja madwar l-Unjoni Ewropea għal tolleranza żero tal-vjolenza kontra n-nisa(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-24 ta’ Ottubru 1997 dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tal-minorenni u d-dinjità umana fis-servizzi awdjoviżivi u tal-informazzjoni(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Novembru 1997 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ġlieda kontra t-turiżmu sesswali tat-tfal u d-dokument informali dwar l-kontribut tal-Unjoni Ewropea għat-tisħiħ tal-prevenzjoni tal-abbuż sesswali u l-isfruttament tat-tfal(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Diċembru 1997 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-traffikar tan-nisa għall-finijiet ta’ sfruttament sesswali(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Mejju 1998 dwar il-proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-minorenni u d-dinjità umana fis-servizzi awdjoviżivi u tal-informazzjoni(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Diċembru 1998 dwar ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fl-Unjoni Ewropea(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Frar 1999 dwar l-armonizzazzjoni tal-forom ta’ protezzjoni li jikkumplimentaw l-istatus ta’ refuġjat fl-Unjoni Ewropea,(10)

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-30 ta’ Marzu 2000 dwar il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni fuq l-implimentazzjoni tal-miżuri għall-ġlieda kontra t-turiżmu sesswali tat-tfal(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ April 2000 dwar l-inizjattiva tar-Repubblika tal-Awstrija bil-għan li tiġi adottata deċiżjoni tal-Kunsill għall-ġlieda kontra l-pornografija tat-tfal fuq l-Internet(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Mejju 2000 dwar is-segwitu għall-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Bejġing(13),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Mejju 2000 dwar il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew ‘Dwar azzjonijiet ulterjuri fil-ġlieda kontra t-traffikar tan-nisa’(14),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Ġunju 2000 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-vittmi ta’ reati fl-Unjoni Ewropea: Riflessjonijiet fuq standards u azzjoni(15),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Ġunju 2001 dwar il-proposta għal deċiżjoni qafas tal-Kunsill għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin(16),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Jannar 2006 dwar strateġiji ta’ prevenzjoni kontra t-traffikar tan-nisa u t-tfal li jkunu vulnerabbli għall-isfruttament sesswali(17),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2006 dwar is-sitwazzjoni attwali tal-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u kwalunkwe attività fil-futur(18),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar il-prostituzzjoni furzata fil-qafas tal-eventi sportivi dinjija(19),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2009 dwar l-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa(20),

–  wara li kkunsidra r-rapport tiegħu tal-5 ta' April 2011 dwar prijoritajiet u punti prinċipali ta' qafas politiku ġdid tal-UE rigward il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa(21),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Frar 2013 dwar is-57 sessjoni tas-CSW tan-NU: l-eliminazzjoni u l-prevenzjoni tal-forom kollha ta’ vjolenza fuq in-nisa u t-tfajliet(22),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Ottubru 2013 dwar il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus - rakkomandazzjonijiet dwar azzjonijiet u inizjattivi li għandhom jittieħdu(23),

–  wara li kkunsidra l-kampanja ta' sensibilizzazzjoni “Mhux għall-Bejgħ” tal-Lobby Ewropew tan-Nisa,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7-0071/2014),

A.  billi l-prostituzzjoni u l-prostituzzjoni furzata huma fenomeni bbażati fuq il-ġeneru, b’dimensjoni globali li tinvolvi madwar 40-42 miljun persuna madwar id-dinja, fejn il-maġġoranza vasta tal-persuni prostitwiti jkunu nisa u tfajliet ta' taħt l-età, u kważi x-xerrejja kollha jkunu rġiel, u billi huwa għalhekk kemm kawża kif ukoll konsegwenza ta’ inugwaljanza bejn is-sessi, li hija taggrava saħansitra iktar;

B.  billi l-prostituzzjoni u l-prostituzzjoni furzata huma forom ta’ skjavitù inkompatibbli mad-dinjità umana u mad-drittijiet fundamentali tal-bniedem;

C.  billi t-traffikar tal-persuni, b’mod partikolari tan-nisa u t-tfal, għal sfruttament sesswali jew ta’ forom oħra huwa fost l-iktar ksur ovvju tad-drittijiet tal-bniedem; billi t-traffikar tal-bnedmin qed jikber globalment immexxi miż-żieda fil-kriminalità organizzata u l-profittabilità tiegħu;

D.  billi x-xogħol huwa wieħed mis-sorsi ewlenin tal-awtorealizzazzjoni tal-bniedem, li permezz tiegħu l-individwi jagħtu kontribut ta’ sostenn għall-benessri kollettiv;

E.  billi l-prostituzzjoni u l-prostituzzjoni furzata huma marbuta b’mod intrinsiku mal-inugwaljanza bejn is-sessi fis-soċjetà u għandhom impatt fuq l-istatus tan-nisa u l-irġiel fis-soċjetà u l-perċezzjoni tar-relazzjonijiet reċiproċi u s-sesswalità;

F.  billi s-saħħa sesswali u riproduttiva hija promossa permezz ta’ approċċi b’saħħithom għal sesswalità li titwettaq fir-rispett reċiproku;

G.  billi d-Direttiva 2011/36/UE tal-5 ta’ April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu tistabbilixxi dispożizzjonijiet robusti dwar il-vittmi;

H.  billi kwalunkwe politika dwar il-prostituzzjoni għandha impatt fuq ir-realizzazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, taffettwa l-fehim tal-kwistjonijiet b'rabta mal-ġeneru u tibgħat messaġġi u normi lis-soċjetà, inkluż liż-żgħażagħ fiha;

I.  billi l-prostituzzjoni tiffunzjona bħala negozju u toħloq suq, b'diversi protagonisti interkonnessi fejn il-pimps u dawk li jħaddmu jikkalkulaw u jaġixxu biex jiksbu jew iżidu s-swieq tagħhom u jkabbru l-profitti tagħhom għall-massimu, u billi dawk li jixtru s-sess għandhom rwol ewlieni fiż-żamma tad-domanda f’dan is-suq;

J.  billi skont id-WHO, is-saħħa sesswali “tirrikjedi approċċ pożittiv u mibni fuq rispett lejn is-sesswalità u r-relazzjonijiet sesswali, kif ukoll il-possibbiltà li wieħed ikollu esperjenzi sesswali ta’ pjaċir u sikuri, mhux sfurzati u mingħajr diskriminazzjoni u vjolenza”;

K.  billi l-prostituzzjoni tnaqqas l-atti intimi kollha għall-valur monetarju tagħhom u twaqqa’ l-bniedem fil-livell ta’ merkanzija jew ta’ oġġett li għandu jintuża mill-klijent;

L.  billi l-maġġoranza l-kbira tal-persuni prostitwiti ġejjin minn gruppi vulnerabbli;

M.  billi l-akkwist huwa marbut mill-qrib mal-kriminalità organizzata;

N.  billi l-kriminalità organizzata, it-traffikar, il-kriminalità estremament vjolenti u l-korruzzjoni jirnexxu fid-dell tal-prostituzzjoni, u kwalunkwe qafas tal-legalizzazzjoni primarjament ikun ta’ benefiċċju għall-pimps, li huma kapaċi jittrasformaw ruħhom f’“negozjanti”;

O.  billi s-swieq tal-prostituzzjoni jħeġġu t-traffikar tan-nisa u t-tfal(24);

P.  billi t-traffikar jaġixxi bħala mezz ta’ provvista ta’ nisa u tfajliet ta' taħt l-età għas-swieq tal-prostituzzjoni;

Q.   billi d-dejta tal-UE turi li l-politika attwali għall-ġlieda kontra t-traffikar mhijiex effettiva u li hemm problema biex jiġu identifikati u mressqa quddiem il-ġustizzja t-traffikanti u li għandna l-ħtieġa li nsaħħu l-investigazzjoni tal-każijiet tat-traffikar għal finijiet sesswali u l-prosekuzzjoni u l-kundanna tat-traffikanti tal-bnedmin;

R.  billi aktar u aktar żgħażagħ, li b’mod allarmanti fosthom hemm ħafna tfal, qed jiġu sfurzati fil-prostituzzjoni;

S.  billi r-restrizzjoni li taħtha huma mwettqa l-attivitajiet tal-prostituzzjoni tista’ tkun diretta u fiżika, jew indiretta minħabba pressjoni fuq il-familja fil-pajjiż ta’ oriġini pereżempju, filwaqt li r-restrizzjoni tista’ tkun ukoll waħda psikoloġika insidjuża;

T.  billi r-responsabbiltà ewlenija għall-indirizzar tat-traffikar tal-bnedmin hija f’idejn l-Istati Membri, filwaqt li f’April 2013 sitt Stati Membri biss innotifikaw it-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva tal-UE kontra t-traffikar tal-bnedmin, li d-data tal-għeluq tagħha għall-implimentazzjoni skadiet fis-6 ta’ April 2013;

U.  billi l-Kummissjoni, fl-Istrateġija tagħha għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel (2010-2015), tiddikjara li ‘l-inugwaljanzi bejn in-nisa u l-irġiel jiksru drittijiet fundamentali’;

V.  billi hemm diverġenza enormi fil-mod kif l-Istati Membri jindirizzaw il-prostituzzjoni, u jeżistu żewġ approċċi prinċipali: l-ewwel approċċ iħares lejn il-prostituzzjoni bħala ksur tad-drittijiet tan-nisa – forma ta’ skjavitù sesswali – li jirriżulta u jżomm l-inugwaljanzi bejn is-sessi għan-nisa; l-approċċ l-ieħor isostni li l-prostituzzjoni fiha nnifisha tippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi billi tippromwovi d-dritt li l-mara tikkontrolla dak li trid tagħmel b’ġisimha; fiż-żewġ każijiet l-Istati Membri individwali għandhom il-kompetenza li jiddeċiedu dwar l-approċċ tagħhom għall-kwistjoni tal-prostituzzjoni;

W.  billi hemm differenza bejn il-prostituzzjoni “furzata” u “volontarja";

X.  billi l-kwistjoni tal-prostituzzjoni għandha tiġi indirizzata b’viżjoni fit-tul u mill-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

1.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-prostituzzjoni, il-prostituzzjoni furzata, u l-isfruttament sesswali huma kwistjonijiet ibbażati ħafna fuq il-ġeneru u l-ksur tad-dinjità umana, kontra l-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom l-ugwaljanza bejn is-sessi, u għalhekk kontra l-prinċipji tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, inkluż l-għan u l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

2.  Jenfasizza li d-drittijiet tas-saħħa tan-nisa kollha għandhom jiġu rrispettati, inkluż id-dritt għall-ġisimhom u għas-sesswalità tagħhom, mingħajr ma jġarrbu sfurzar, diskriminazzjoni u vjolenza;

3.  Jenfasizza li hemm bosta rabtiet bejn il-prostituzzjoni u t-traffikar, u jirrikonoxxi li l-prostituzzjoni - kemm globalment kif ukoll madwar l-Ewropa - tikkostitwixxi sors għat-traffikar ta' nisa vulnerabbli u tfajliet ta' taħt l-età, li perċentwal kbir minnhom jinsabu f'età bejn it-13 u l-25 sena; Jenfasizza li, kif muri fid-dejta tal-Kummissjoni, il-maġġoranza tal-vittmi (62 %) huma traffikati għal finijiet ta' sfruttament sesswali, u n-nisa u t-tfajliet ta' taħt l-età jikkostitwixxu 96 % tal-vittmi identifikati u preżunti, u jidher li l-għadd ta' vittmi minn pajjiżi li mhumiex fl-UE qed jiżdied f'dawn l-aħħar snin;

4.  Jirrikonoxxi madankollu li n-nuqqas ta' dejta affidabbli, preċiża u paragunabbli bejn il-pajjiżi, dovut prinċipalment għan-natura illegali u spiss inviżibbli tal-prostituzzjoni u tat-traffikar, iżomm is-suq tal-prostituzzjoni fid-dlam u jxekkel it-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi, li jfisser li ċ-ċifri kollha huma bbażati fuq stimi;

5.  Jenfasizza li l-prostituzzjoni hija wkoll kwistjoni ta’ saħħa, peress li għandha impatt ta’ detriment għas-saħħa tal-persuni fil-prostituzzjoni, li għandhom possibbiltà akbar li jbatu minn trawmi sesswali, fiżiċi u mentali, dipendenza mid-drogi u l-alkoħol, telf ta' rispett proprju, kif ukoll rata ta’ mortalità akbar minn tal-popolazzjoni ġenerali; iżid jgħid u jenfasizza li bosta mix-xerrejja tas-sess jitolbu sess kummerċjali mingħajr protezzjoni, u dan iżid ir-riskji ta' impatt negattiv fuq is-saħħa, kemm għall-persuni fil-prostituzzjoni kif ukoll għax-xerrejja;

6.  Jisħaq li l-prostituzzjoni furzata, il-prostituzzjoni u l-isfruttament fl-industrija sesswali jista’ jkollhom konsegwenzi psikoloġiċi u fiżiċi li jdumu (anke wara l-waqfien mill-prostituzzjoni), għall-individwi involuti, speċjalment għat-tfal u l-adolexxenti, minbarra li jkunu kemm kawża kif ukoll konsegwenza tal-inugwaljanza bejn is-sessi u jkomplu l-isterjotipi bejn is-sessi u l-ħsibijiet sterjotipiċi dwar in-nisa li jbiegħu s-sess, bħall-idea li l-ġisem tan-nisa u tat-tfajliet ta' taħt l-età huwa għall-bejgħ biex jissodisfa d-domanda tal-irġiel għas-sess;

7.  Barra minn hekk jistieden lill-Istati Membri biex f’konformità mal-liġi nazzjonali jintroduċu appuntamenti regolari tal-konsultazzjoni u tas-saħħa għall-prostituti barra l-postijiet tal-prostituzzjoni;

8.  Jirrikonoxxi li l-prostituti jikkostitwixxu grupp b'riskju għoli għall-infezzjonijiet tal-HIV u mard ieħor trażmess sesswalment;

9.  Jistieden lill-Istati Membri jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar il-modi biex inaqqsu l-perikli assoċjati mal-prostituzzjoni tat-triq;

10.  Jirrikonoxxi li l-prostituzzjoni u l-prostituzzjoni furzata jista' jkollhom impatt fuq il-vjolenza kontra n-nisa inġenerali, billi r-riċerka fuq ix-xerrejja tas-sess turi li l-irġiel li jixtru s-sess għandhom stampa degradanti tan-nisa(25); jissuġġerixxi lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, għalhekk, biex il-projbizzjoni tax-xiri tas-servizzi sesswali tkun akkumpanjata minn kampanja għas-sensibilizzazzjoni fost l-irġiel;

11.  Jisħaq li l-persuni prostitwiti huma partikolarment vulnerabbli soċjalment, ekonomikament, fiżikament, psikoloġikament, emozzjonalment u f’termini tal-familja u huma iktar f’riskju ta’ vjolenza u ħsara milli l-persuni fi kwalunkwe attività oħra; il-forzi nazzjonali tal-pulizija għalhekk għandhom jitħeġġu jindirizzaw, inter alia, ir-rati baxxi ta' prosekuzzjoni għal stupri fost il-prostituti; jenfasizza li l-persuni prostituti huma wkoll soġġetti għall-opinjoni pubblika u huma stigmatizzati soċjalment, anke meta jieqfu jipprattikaw il-prostituzzjoni;

12.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-prostituti nisa għandhom id-dritt għall-maternità, li jrabbu lill-uliedhom u li jieħdu ħsiebhom;

13.   Jenfasizza li n-normalizzazzjoni tal-prostituzzjoni għandha impatt fuq il-vjolenza kontra n-nisa; jirrimarka b’mod partikolari d-dejta li turi li l-irġiel li jixtru s-sess għandhom possibbiltà akbar li jikkommettu atti ta’ koerċizzjoni sesswali kontra n-nisa1 u atti oħra ta’ vjolenza kontra n-nisa, u spiss urew attitudnijiet miżoġeni;

14.  Jinnota li 80-95 % tal-persuni prostitwiti batew minn xi forma ta’ vjolenza qabel daħlu fil-prostituzzjoni (stupru, inċest, pedofilija), 62 % minnhom jirrapportaw li ġew stuprati, u 68 % ibatu minn diżordni ta’ stress post-trawmatiku – perċentwal simili għall-vittmi ta’ torturi(26);

15.  Jenfasizza li l-prostituzzjoni tat-tfal qatt ma tista' tkun volontarja, peress li t-tfal mgħandhomx il-kapaċità li jagħtu l-'approvazzjoni' tagħhom għall-prostituzzjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiġġieldu l-prostituzzjoni tat-tfal (li tinvolvi persuni ta' taħt l-età tat-18-il sena) bl-iktar mod qawwi possibbli, billi hija l-iktar forma serja ta' prostituzzjoni furzata; jitlob b'mod urġenti li jkun hemm approċċ ta' tolleranza żero abbażi tal-prevenzjoni, il-protezzjoni tal-vittmi u l-prosekuzzjoni tal-klijenti;

16.  Jinnota li qiegħda tiżdied il-prostituzzjoni tat-tfal, kif ukoll l-isfruttament sesswali tal-persuni taħt l-età, anki permezz tal-midja fin-netwerks soċjali, fejn ta' spiss jintużaw forom ta’ tqarrieq u intimidazzjoni;

17.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fenomenu tal-prostituzzjoni ta’ minorenni, li mhuwiex identiku għall-molestja sesswali u li l-għeruq tiegħu jinsabu f’sitwazzjonijiet ekonomiċi diffiċli u nuqqas ta’ kura mill-ġenituri;

18.  Jenfasizza l-ħtieġa għal miżuri effettivi biex tingħata attenzjoni speċjali fuq it-tneħħija ta’ persuni taħt l-età prostitwiti mill-hekk imsejjaħ suq tal-prostituzzjoni u fuq id-dħul tagħhom f’dak is-suq, kif ukoll jiffukaw fuq attivitajiet li jmorru kontra l-għanijiet tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Protokoll Fakultattiv rilevanti tagħha;

19.  Huwa tal-fehma li x-xiri ta' servizzi sesswali mingħand prostituti taħt il-wieħed u għoxrin sena għandu jitqies bħala att kriminali, iżda mill-banda l-oħra, is-servizzi minn prostituti ma għandhomx ikunu punibbli;

20.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fenomenu ta’ “grooming”, li huwa l-prostituzzjoni ta’ tfajliet taħt l-età jew tfajliet li jkunu għadhom kemm saru maġġorenni, bi skambju għall-oġġetti ta’ lussu jew somom żgħar ta’ flus li jipprovdu fondi biex ikopru l-infiq jew spejjeż ta’ kuljum relatati mal-edukazzjoni ;

21.  Jirrimarka lill-Istati Membri li l-edukazzjoni għandha rwol importanti fil-prevenzjoni tal-prostituzzjoni u l-kriminalità organizzata assoċjata magħha, u għalhekk jirrakkomanda li jsiru kampanji fl-iskejjel u l-kulleġġi li jqajmu kuxjenza u ta’ prevenzjoni li jkunu speċjali, speċifiċi għall-età u edukattivi, u jirrakkomanda li l-edukazzjoni dwar l-ugwaljanza tkun għan fundamentali fil-proċess edukattiv taż-żgħażagħ;

22.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li r-riklami għal servizzi sesswali fil-gazzetti u l-midja soċjali jistgħu jkunu mezz ta' appoġġ għat-traffikar u l-prostituzzjoni;

23.  Jiġbed l-attenzjoni għar-rwol dejjem jikber tal-internet u tal-midja fin-netwerks soċjali fir-reklutaġġ ta’ prostituti ġodda u żgħażagħ minn netwerks tat-traffikar tal-bnedmin; isejjaħ biex jitwettqu kampanji ta’ prevenzjoni wkoll fuq l-internet u jitqiesu l-miri vulnerabbli ta’ dawn in-netwerks tat-traffikar tal-bnedmin;

24.  Jiġbed l-attenzjoni għal xi effetti, primarjament negattivi, tal-produzzjoni tal-midja tal-massa u l-pornografija, speċjalment onlajn, fil-ħolqien ta’ immaġni mhux favorevoli tan-nisa, li jista’ jkollha l-effett li tħeġġeġ in-nuqqas ta’ rispett tal-personalità umana tan-nisa u l-preżentazzjoni tagħhom bħala merkanzija; Iwissi wkoll li l-libertà sesswali mgħandhiex tiġi interpretata bħala liċenzja għan-nuqqas ta' rispett lejn in-nisa;

25.  Jenfasizza li n-normalizzazzjoni tal-prostituzzjoni għandha impatt fuq il-perċezzjoni tas-sesswalità taż-żgħażagħ u r-relazzjoni bejn in-nisa u l-irġiel;

26.  Jisħaq li persuni prostitwiti m’għandhomx ikunu kriminalizzati, u jistieden lill-Istati Membri kollha jirrevokaw il-leġiżlazzjoni ripressiva kontra l-persuni prostitwiti;

27.  Jistieden lill-Istati Membri tal-UE jieqfu milli jikkriminalizzaw u jippenalizzaw il-prostituti u jiżviluppaw programmi biex jassistu l-prostituti/ħaddiema għas-sess biex iħallu l-professjoni jekk jixtiequ jagħmlu dan;

28.  Jemmen li t-tnaqqis fid-domanda għandu jifforma parti minn strateġija integrata kontra t-traffikar fl-Istati Membri;

29.  Jikkunsidra li mod wieħed kif tista' tiġi miġġielda l-ġlieda kontra t-traffikar tan-nisa u t-tfajliet ta' taħt l-età għall-isfruttament sesswali u t-titjib tal-ugwaljanza bejn is-sessi huwa l-mudell implimentat fl-Isvezja, l-Islanda u n-Norveġja (dak li jissejjaħ il-mudell Nordiku), u li attwalment qed jiġi kkunsidrat f’bosta pajjiżi Ewropej, fejn ix-xiri ta’ servizzi sesswali jikkostitwixxi l-att kriminali, mhux is-servizzi tal-persuni prostitwiti;

30.  Jenfasizza li l-prostituzzjoni hija problema transkonfinali u li l-Istati Membri għandhom jassumu r-responsabbiltà għall-ġlieda kontra x-xiri ta’ sess barra mit-territorju tagħhom stess;

31.  Jenfasizza li xi dejta tikkonferma l-effett deterrenti tal-mudell Nordiku fuq it-traffikar lejn l-Isvezja, fejn il-prostituzzjoni u t-traffikar sesswali ma żdidux, u li dan il-mudell huwa dejjem aktar appoġġjat mill-popolazzjoni, speċjalment miż-żgħażagħ, li juri li l-leġiżlazzjoni ġabet magħha bidla fl-atitudnijiet;

32.  Jirrikonoxxi r-riżultati ta’ rapport governattiv riċenti fil-Finlandja, li jitlob il-kriminalizzazzjoni sħiħa tax-xiri tas-sess, peress li l-approċċ Finlandiż, li jikkriminalizza lix-xiri tas-sess mill-vittmi tat-traffikar, wera li ma kellux effett fil-ġlieda kontra t-traffikar;

33.  Jemmen li l-leġiżlazzjoni tipprovdi opportunità biex jiġu ċċarati n-normi aċċettabbli fis-soċjetà u biex tinħoloq soċjetà li tirrifletti dawn il-valuri;

34.  Jemmen li, li wieħed iħares lejn il-prostituzzjoni bħala ‘xogħol sesswali’ legali u d-dikriminalizzazzjoni tal-industrija sesswali inġenerali u l-legalizzazzjoni tal-akkwist mhumiex soluzzjoni biex in-nisa u t-tfajliet ta' taħt l-età jinżammu sikuri mill-vjolenza u l-isfruttament, anzi għandha l-effett oppost u tqegħedhom f’periklu ta’ livell ogħla ta’ vjolenza, filwaqt li tħeġġeġ iż-żieda fis-swieq tal-prostituzzjoni, u għalhekk fl-għadd ta' nisa u tfajliet ta' taħt l-età li jbatu minn abbuż;

35.  Jikkundanna kwalunkwe tentattivi ta’ politika jew diskorsi abbażi tal-kunċett li l-prostituzzjoni tista’ tkun soluzzjoni għan-nisa migranti fl-Ewropa;

36.  Għalhekk jistieden lill-Istati Membri biex f’konformità mad-dritt nazzjonali jintroduċu drittijiet tal-aċċess u l-kontrolli għall-pulizija u l-awtoritajiet kompetenti għall-postijiet tal-prostituzzjoni independentement mill-avveniment;

37.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimmobilizzaw il-mezzi u l-għodda neċessarji għall-ġlieda tat-traffikar u l-isfruttament sesswali u għat-tnaqqis tal-prostituzzjoni bħala ksur tad-drittijiet fundamentali tan-nisa, b’mod partikolari dawk taħt l-età, u l-ugwaljanza bejn is-sessi;

38.  Jistieden lill-Istati Membri biex, b’mod partikolari b’ħarsien lejn il-protezzjoni tal-vittmi, jimplimentaw f’liġi nazzjonali mill-aktar fis possibbli d-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI;

39.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt li l-qafas legali Ewropew disinjat għall-eliminazzjoni tat-traffikar għall-isfruttament sesswali kellu s’issa, tagħmel riċerka ulterjuri ta’ mudelli ta’ prostituzzjoni u traffikar tal-bnedmin għall-fini tal-isfruttament sesswali u ż-żieda fil-livelli tat-turiżmu sesswali fl-UE, b'referenza partikolari għall-minorenni, u li tippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattiċi fost l-Istati Membri;

40.  Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tkompli tiffinanzja proġetti u programmi biex jiġi miġġieled it-traffikar tal-bnedmin u l-isfruttament sesswali;

41.  Jistieden lill-Istati Membri, ifasslu u jimplimentaw politiki biex jindirizzaw it-traffikar, l-isfruttament sesswali u l-prostituzzjoni, biex jiżguraw li l-partijiet kollha rilevanti bħall-NGOs, il-pulizija u aġenziji oħra tal-infurzar tal-liġi, u s-servizzi soċjali u mediċi jiġu appoġġati, involuti fit-teħid ta' deċiżjonijiet u jaħdmu b’kooperazzjoni;

42.  Jirrikonoxxi li l-maġġoranza l-kbira tal-persuni fil-prostituzzjoni jixtiequ jieqfu iżda ma jħossux li jistgħu jagħmlu dan; jenfasizza li dawn il-persuni għandhom jiġu appoġġati kif xieraq, b'mod partikolari permezz ta' għajnuna psikoloġika u soċjali, biex joħorġu min-netwerks ta' sfruttament sesswali u d-dipendenzi li ta' spiss huma assoċjati ma' dawn; għalhekk jipproponi lill-awtoritajiet kompetenti biex jimplimentaw programmi bħala għajnuna biex dawn joħorġu mill-prostituzzjoni, b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-partijiet interessati;

43.  Jenfasizza l-importanza ta’ taħriġ adegwat għas-servizzi tal-pulizija u għall-persunal tas-sistema ġudizzjarja b’mod aktar ġenerali, b’dimensjonijiet varji relatati mal-isfruttament sesswali, inkluż il-ġeneru u l-immigrazzjoni, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jinkoraġġixxu lill-awtoritajiet tal-pulizija biex jikkooperaw mal-vittmi u jħeġġuhom jixhdu, biex iħeġġu l-eżistenza ta' servizzi speċjalizzati fi ħdan il-pulizija u jimpjegaw pulizija nisa; jinsisti fuq il-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri biex jiġġieldu aħjar kontra n-netwerks tat-traffikar tal-bnedmin fl-Ewropa;

44.  Jiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali għall-impatt tat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku fuq in-numru dejjem jikber ta’ nisa u tfajliet ta' taħt l-età, inklużi nisa migranti, sfurzati jidħlu fil-prostituzzjoni,

45.  Jirrimarka li l-problemi ekonomiċi u l-faqar huma l-kawżi ewlenin tal-prostituzzjoni fost in-nisa u t-tfajliet ta' taħt l-età, u li l-istrateġiji ta’ prevenzjoni li jkunu speċifiċi għall-ġeneru, il-kampanji nazzjonali u madwar l-Ewropa speċjalment immirati lejn komunitajiet li jbatu minn esklużjoni soċjali u dawk f'sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli (bħall-persuni b'diżabilità u ż-żgħażagħ fis-sistema ta' protezzjoni tat-tfal), il-miżuri li jnaqqsu l-faqar u li jqajmu l-kuxjenza kollha huma essenzjali għall-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali tan-nisa u t-tfajliet ta' taħt l-età, speċjalment fost il-migranti; jirrakkomanda li l-Kummissjoni taħtar 'Ġimgħa Ewropea għall-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin';

46.  Jenfasizza li l-esklużjoni soċjali hija fattur ewlieni li tikkontribwixxi għall-vulnerabbiltà miżjuda tan-nisa u t-tfajliet ta' taħt l-età żvantaġġjati għat-traffikar tal-bnedmin; jenfasizza wkoll li l-kriżi ekonomika u soċjali wasslet għall-qgħad, li spiss wassal biex l-iktar nisa vulnerabbli, inklużi dawk li jinsabu 'l fuq fl-iskala soċjali, jidħlu fis-suq tal-prostituzzjoni, sabiex joħorġu mill-faqar u l-esklużjoni soċjali; jitlob lill-Istati Membri jaffaċċjaw il-problemi soċjali sottostanti li jisfurzaw lill-irġiel, lin-nisa u lit-tfal għal ġol-prostituzzjoni;

47.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiffinanzjaw organizzazzjonijiet li jaħdmu fil-post, bi strateġiji ta' appoġġ u ta' ħruġ, jipprovdu servizzi soċjali għall-vittmi tat-traffikar jew sfruttament sesswali, inkluż għan-nisa migranti u mingħajr dokumenti, billi jiġu vvalutati l-ħtiġijiet u r-riskji individwali tagħhom sabiex jirċievu l-assistenza u l-protezzjoni xierqa, u biex jimplimentaw politiki - b'approċċ olistiku u permezz tad-diversi servizzi tal-pulizija, tal-immigrazzjoni, tas-saħħa u tal-edukazzjoni, biex in-nisa vulnerabbli u l-minorenni jingħataw għajnuna biex joħorġu mill-prostituzzjoni, filwaqt li jiġi żgurat li dawn il-programmi jkollhom bażi legali u finanzjament adegwat biex jinkiseb dan l-objettiv; jinsisti dwar l-importanza ta’ kura psikoloġika u dwar ir-riintegrazzjoni soċjali tal-vittmi tal-isfruttament sesswali; jirrimarka li dan il-proċess jieħu ż-żmien u jirrikjedi l-iżvilupp ta' pjan għall-ħajja li jirrappreżenta alternattiva kredibbli u vijabbli għall-eks prostituti;

48.  Jenfasizza li huma meħtieġa aktar analiżi u provi statistiċi biex jiġi ġġudikat liema mudell huwa l-aktar mod effettiv biex jiġi miġġieled it-traffikar tan-nisa u t-tfajliet ta' taħt l-età għall-finijiet ta' sfruttament sesswali;

49.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jivvalutaw kemm l-effetti pożittivi kif ukoll dawk negattivi tal-kriminalizzazzjoni tax-xiri ta’ servizzi sesswali fuq it-tnaqqis tal-prostituzzjoni u t-traffikar;

50.  Jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jiżviluppaw politiki ta’ prevenzjoni abbażi tal-ġeneru fil-pajjiżi ta’ oriġini tal-persuni li huma prostitwiti bħala riżultat tat-traffikar tagħhom, immirati kemm lejn ix-xerrejja tas-sess kif ukoll lejn in-nisa u l-minorenni, permezz ta' sanzjonijiet, kampanji ta' sensibilizzazzjoni u edukazzjoni;

51.  Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jieħdu miżuri sabiex jiskoraġġixxu l-prattika tat-turiżmu sesswali ġewwa kif ukoll barra mill-UE;

52.  Jitlob lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex jieħu miżuri biex tieqaf il-prattika tal-prostituzzjoni f'żoni ta' kunflitt fejn huma preżenti l-forzi militari tal-UE;

53.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 260, 29.10.2003, p. 4.
(2) ĠU C 166, 3.7.1995, p. 92.
(3) ĠU C 150, 19.5.1997, p. 38.
(4) ĠU C 304, 6.10.1997, p. 55.
(5) ĠU C 339, 10.11.1997, p. 420.
(6) ĠU C 358, 24.11.1997, p. 37.
(7) ĠU C 14, 19.1.1998, p. 39.
(8) ĠU C 167, 1.6.1998, p. 128.
(9) ĠU C 98, 9.4.1999, p. 279.
(10) ĠU C 150, 28.5.1999, p. 203.
(11) ĠU C 378, 29.12.2000, p. 80.
(12) ĠU C 40, 07.02.2001, p. 41.
(13) ĠU C 59, 23.2.2001, p. 258.
(14) ĠU C 59, 23.2.2001, p. 307.
(15) ĠU C 67, 1.3.2001, p. 304.
(16) ĠU C 53 E, 28.2.2002, p. 114.
(17) ĠU C 287 E, 24.11.2006, p. 75.
(18) ĠU C 288 E, 25.11.2006, p. 66.
(19) ĠU C 291 E, 30.11.2006, p. 292.
(20) ĠU C 285 E, 21.10.2010, p. 53.
(21) ĠU C 296, 2.10.2012, p. 26.
(22) Testi adottati, P7_TA(2013)0045.
(23) Test adottat, P7_TA(2013)0444.
(24) Ir-rapport tal-2006 minn Sigma Huda, Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-Traffikar tal-Bnedmin, speċjalment tan-nisa u t-tfal, enfasizza l-impatt dirett tal-politiki dwar il-prostituzzjoni fuq l-iskala ta’ traffikar tal-bnedmin.
(25) Bosta studji dwar ix-xerrejja tas-sess jistgħu jinsabu hawn: http://www.womenlobby.org/spip.php?article1948&lang=en.
(26) Farley, M., ‘Violence against women and post-traumatic stress syndrome’, Women and Health, 1998; Damant, D. et al., ‘Trajectoires d’entrée en prostitution : violence, toxicomanie et criminalité’, Le Journal International de Victimologie, Nru 3, April 2005.

Avviż legali - Politika tal-privatezza