Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2003(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0277/2014

Testi mressqa :

A7-0277/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 17/04/2014 - 9.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2014)0450

Testi adottati
PDF 383kWORD 101k
Il-Ħamis, 17 ta' April 2014 - Strasburgu
L-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2015
P7_TA(2014)0450A7-0277/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' April 2014 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2015 (2014/2003(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 36 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3), u b'mod partikolari tal-punt 27 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea(4),

–  wara li kkunsidra l-ftehim ta' kooperazzjoni tal-5 ta' Frar 2014 bejn il-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Ottubru 2013 dwar l-abbozz ta’ baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014(5),

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali lill-Bureau dwar it-tfassil tal-abbozz preliminari tal-estimi tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2015,

–  wara li kkunsidra l-abbozz preliminari tal-estimi mħejji mill-Bureau fit-2 ta' April 2014 skont l-Artikoli 23(7) u 79(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Parlament,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjonijiet tiegħu tal-11 ta' Marzu 2014 dwar l-aġġustament tar-remunerazzjoni u l-pensjonijiet tal-uffiċjali u ta' impjegati oħra tal-Unjoni Ewropea kif ukoll il-koeffiċjenti korrettivi li japplikaw għalihom(6),

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-estimi ppreparati mill-Kumitat għall-Baġits skont l-Artikolu 79(2) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 79 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0277/2014),

A.  billi l-proċedura baġitarja għall-2015 ser issir matul is-sena tal-elezzjonijiet Ewropej, meta l-estimi tal-Parlament għas-sena finanzjarja għall-2015 ser ikunu adottati mill-Parlament attwali u l-baġit finali ser ikun adottat mill-Parlament il-ġdid fil-ħarifa;

B.  billi l-limitu massimu tal-Intestatura V (Nefqa amministrattiva), stabbilit mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali ġdid għall-perjodu 2014-2020, jammonta għal EUR 9 076 miljun għall-baġit 2015; billi s-sottolimitu massimu tan-nefqa amministrattiva ġenerali tal-istituzzjonijiet ġie stabbilit għal EUR 7 351 miljun;

C.  billi t-tliet prijoritajiet li ġejjin ġew proposti mis-Segretarju Ġenerali għas-sena finanzjarja 2015, speċifikament: il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi u l-appoġġ kollu meħtieġ sabiex il-Membri tal-Parlament il-ġdid jingħataw is-setgħa biex iwettqu l-mandat tagħhom, il-konsolidament u t-tisħiħ tat-tibdil strutturali b'mod li tissaħħaħ il-kapaċità tal-Parlament li jikkonforma mas-setgħat kollha tiegħu u l-assenjazzjoni tal-mezzi meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proġetti pluriennali;

D.  billi s-Segretarju Ġenerali ppropona li jkompli u jsaħħaħ ulterjorment l-erba' oqsma ta' attività adottati wara l-konsultazzjoni mal-Grupp ta' Ħidma Konġunt bejn il-Bureau u l-Kumitat għall-Baġits fl-2014, speċifikament it-tisħiħ tal-konsulenza xjentifika indipendenti u l-kapaċità għall-iskrutinju u t-titjib tal-appoġġ loġistiku u lokali għall-Membri;

E.  billi l-Parlament ser ikompli jeżerċita, b'mod trasparenti, grad għoli ta' responsabbiltà, kontroll u awtolimitazzjoni baġitarji, filwaqt li fl-istess ħin, isib bilanċ delikat bejn id-dixxiplina baġitarja u l-iffrankar strutturali minn naħa waħda, u spinta kkonċertata lejn l-effiċjenza, min-naħa l-oħra;

F.  billi, minkejja l-ftit spazju għall-immanuvrar u l-ħtieġa li jiġi kkontrobilanċjat l-iffrankar f'oqsma oħra, għandhom jiġu kkunsidrati ċerti investimenti b'mod li jissaħħaħ ir-rwol istituzzjonali tal-Parlament u tittejjeb is-sostenibbiltà tal-baġit;

G.  billi l-kooperazzjoni bejn il-Bureau u l-Kumitat għall-Baġits fir-rigward tal-baġit tal-Parlament uriet il-validità tar-rwol tagħha fil-proċess ta' riformi strutturali billi identifikat it-titjib fl-effiċjenza u l-possibbiltajiet ta' ffrankar fil-baġit tal-Parlament matul il-proċeduri baġitarji annwali; billi l-possibbilitajiet ta' ffrankar, li jaffettwaw il-ħidma tal-Parlament u l-Membri tiegħu, jeħtieġ li jiġu diskussi fil-gruppi politiċi u deċiżi permezz ta' votazzjoni fil-plenarja fil-kuntest tal-proċedura tal-baġit;

H.  billi l-ftehim li ntlaħaq fil-11 ta' Marzu 2014 dwar l-aġġustamenti tar-remunerazzjoni u l-pensjonijiet għall-2011 u l-2012 u l-impatt tiegħu fuq il-baġit tal-Parlament għall-2015 feġġew bħala element ġdid tan-negozjati waqt il-fażi ta' konċiljazzjoni bejn il-Bureau u l-Kumitat għall-Baġits;

Qafas ġenerali u baġit kumplessiv

1.   Jisħaq fuq il-fatt li l-baġit 2015 għandu jkun stabbilit fuq bażi realistika u għandu jkun konformi mal-prinċipji ta' dixxiplina baġitarja u ġestjoni finanzjarja tajba; jinnota li l-2015 ser tkun sena sħiħa fil-kariga għall-Parlament il-ġdid;

2.  Jemmen li l-baġit tal-Parlament għandu jirrifletti s-sitwazzjoni ekonomika attwali li qed iħabbtu wiċċhom magħha ċ-ċittadini madwar l-Unjoni, kif ukoll il-limitazzjonijiet fiskali li qed jaffaċjaw bosta Stati Membri, li wħud minnhom huma impenjati fi sforzi serji biex iġibu l-baġits tagħhom fuq livell li huwa aktar sostenibbli fit-tul;

3.  Jisħaq fuq il-fatt li, sabiex il-Membri tal-Parlament il-ġdid ikunu jistgħu jwettqu l-mandat tagħhom u jqawwu l-kapaċità tal-Parlament biex jikkonforma mas-setgħat kollha tiegħu, għandu jiġi żgurat livell ta' riżorsi suffiċjenti;

4.  Jilqa' l-prijoritajiet stabbiliti għas-sena finanzjarja 2015 u jenfasizza li dawn huma f'konformità sħiħa mal-prijoritajiet identifikati mis-Segretarju Ġenerali u diskussi mill-Grupp ta' Ħidma Konġunt bejn il-Bureau u l-Kumitat għall-Baġits; jisħaq fuq il-fatt li dawn ir-riformi għandhom ikomplu jġibu magħhom titjib sostanzjali fl-effiċjenza u jeħilsu r-riżorsi, mingħajr ma jiġu pperikolati l-eċċellenza leġiżlattiva, is-setgħat baġitarji u s-setgħat ta' skrutinju, ir-relazzjonijiet mal-parlamenti nazzjonali u l-kwalità tal-kundizzjonijiet tax-xogħol;

5.  Ifakkar li l-livell tal-abbozz preliminari tal-estimi għall-baġit 2015, kif issuġġerit mir-rapport tas-Segretarju Ġenerali, jammonta għal EUR 1 822 929 112 (20,09 % tal-Intestatura V); iqis ir-rata ta' żieda ta' 3.83 % meta mqabbel mal-baġit tal-2014; jinnota li 0,67 % ta' din iż-żieda tikkorrispondi għall-allokazzjoni li jieħdu l-Membri fl-aħħar tal-mandat tagħhom, li huma spejjeż statutorji u obbligatorji u 1.42 % tikkorrispondi għal investimenti fit-tul għall-kostruzzjoni tal-bini KAD; għaldaqstant jinnota li l-livell taż-żieda għall-infiq l-ieħor kieku jikkorrispondi għal +1,74 %;

6.  Jieħu nota tal-Abbozz Preliminari tal-Estimi tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2015 kif ġie adottat mill-Bureau nhar it-2 ta' April 2014; jilqa' l-livell tal-abbozz preliminari tal-estimi, kif adottat mill-Bureau, li huma aktar baxxi mill-proposta inizjali b'mod sinifikanti; jiddispjaċih madankollu rigward il-proċedura twila u diffiċli;

7.  Japprova l-abbozz tal-estimi għas-sena 2015 li ġie stabbilit għal EUR 1 794 929 112, li jikkorrispondu għal rata kumplessiva ta' żieda ta' 1,8 % fuq il-baġit 2014 u jaqbel barra minn hekk li jinkludi fl-abbozz tal-estimi tiegħu in-nefqa straordinarja obbligatorja ta' 0,4 % li tirriżulta mill-ftehim il-ġdid rigward il-koeffiċjent għall-aġġustament tar-remunerazzjonijiet u l-pensjonijiet;

8.  Jemmen li jista' jinkiseb iffrankar ulterjuri billi tingħata ħarsa kritika lejn il-linji baġitarji relatati mat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, in-nefqa fuq il-vetturi u r-riżerva ta' kontinġenza;

9.  Jemmen li l-leġiżlatura li jmiss se jkollha l-possibilità li tikkunsidra mill-ġdid u tadatta l-prijoritajiet baġitarja u se tieħu d-deċiżjoni finali f'Ottubru 2014;

10.  Jistieden lis-Segretarju Ġenerali jippreżenta, qabel il-qari tal-baġit, stima tal-ispejjeż għall-kostruzzjoni tal-bini KAD fis-snin li ġejjin b'mod li jiġi previst l-ammont korrett fil-baġit 2015; jistieden barra minn hekk lis-Segretarju Ġenerali jevalwa, fi tmiem is-sena, il-fondi li ma jkunux intużaw fil-baġit 2013 u jimpenjahom għall-proġett KAD;

11.  Jenfasizza li peress li l-infiq statutorju u obbligatorju, bħall-kera u l-ispejjeż tal-enerġija, kif ukoll l-infiq għall-pagi, hu soġġett għal indiċizzazzjonijiet annwali, il-livell għal infiq ieħor tnaqqas f'termini nominali; jinnota li dan kien possibbli minħabba r-riformi u l-iffrankar strutturali miksuba fis-snin preċedenti;

12.  Jappella biex l-iffrankar potenzjali li identifika l-Grupp ta' Ħidma Konġunt bejn il-Bureau u l-Kumitat għall-Baġits jiġi investigat ulterjorment b'mod li jiġi ġġenerat iffrankar organizzattiv sostanzjali, bħall-kamp ta' applikazzjoni għall-arranġamenti ta' kooperazzjoni interistituzzjonali bejn il-Parlament, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni, li jirrifletti r-rieda li jissaħħaħ ir-rwol istituzzjonali, politiku u leġiżlattiv tal-Parlament u ż-żewġ Kumitati konsultattivi; jinnota li r-ristrutturar tas-Servizz ta' Traduzzjoni tal-Kumitati għandu jtejjeb il-ħidma politika prinċipali rispettiva tagħhom u jsaħħaħ is-Servizz ta' Riċerka l-ġdid għall-Membri; jenfasizza li, skont din ir-riforma organizzativa, il-Parlament jista' jsir il-fornitur standard tas-servizzi ta' interpretazzjoni ta' dawn iż-żewġ Kumitati; jappoġġja l-idea li joffri l-kapaċitajiet ta' interpretazzjoni lil istituzzjonijiet oħra f'perjodi kwieti għall-Parlament,

13.  Jieħu nota tal-arranġament ta' kooperazzjoni interistituzzjonali bejn il-Parlament, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni, iffirmat fil-5 ta' Frar 2014; jitlob li tiġi pprovduta informazzjoni dettaljata dwar l-impatt finanzjarju u l-progress fl-implimentazzjoni ta' dan il-ftehim lill-Kumitat għall-Baġits sal-bidu tal-2015, waqt li titqies il-preparazzjoni tal-estimi għall-baġit 2016;

14.  Jilqa' l-miżuri interni biex iwasslu għal iffrankar fl-effiċjenza fil-baġit tal-Parlament, bħall-iżvilupp ta' sistema tat-traduzzjoni bbażata fuq id-domandi tal-Membri għal emendi fil-kumitati, sistema ta' interpretazzjoni fuq talba fil-laqgħat apparti l-Plenarja, l-implimentazzjoni ta' Parlament mingħajr karti, proposti għal struttura aktar effiċjenti tar-ritmu tax-xogħol tal-Parlament u l-migrazzjoni mis-sistema Streamline għal dik Sysper2;

15.  Jissottolinja li n-nefqa statutorja u obbligatorja meħtieġa għall-2015 trid tiġi koperta; jikkunsidra li deċiżjoni finali tista' tittieħed biss mil-leġiżlatura l-ġdida, fil-ħarifa, ladarba jkunu magħrufa l-ammonti preċiżi;

Kwistjonijiet speċifiċi

16.  Jisħaq fuq il-fatt li l-miżuri ekonomiċi strutturali li twettqu matul is-seba' leġiżlatura wasslu għal iffrankar sinifikanti fil-baġit tal-Parlament, bħal EUR 15-il miljun u EUR 10 miljun fis-sena fil-qasam tal-interpretazzjoni u t-traduzzjoni rispettivament, EUR 4 miljun addizzjonali fi spejjeż tal-ivvjaġġar u ffrankar ta' EUR 28 miljun fi mgħax permezz ta' prefinanzjament tal-bini; jinnota li hu antiċipat li jkun hemm iffrankar ulterjuri fl-2015, jiġifieri EUR 1,9 miljun mit-trasferiment tal-ġestjoni tal-pensjonijiet tal-Membri lill-Kummissjoni u EUR 15 miljun fil-bini;

17.  Jenfasizza l-fatt li l-awtolimitazzjoni istituzzjonali fis-seba' leġiżlatura, meta jitqies il-livell tar-rati ta' inflazzjoni rilevanti, f'termini reali wasslet għal tnaqqis fil-baġit tal-Parlament għall-2012 u l-2014; jinnota li, ladarba tneħħa l-infiq eċċezzjonali u mhux rikorrenti, bħal tkabbir tal-Unjoni jew infiq ieħor relatat mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, l-elezzjonijiet Ewropej u l-finanzjament tal-proġetti ta' bini, jidher li f'ħames snin minn sitta kien hemm tnaqqis (2009, 2011, 2012, 2013 u 2014); jisħaq, barra minn hekk, fuq il-fatt li l-allowances tal-Membri ilhom iffriżati mill-2011, l-infiq għall-ivvjaġġar għall-Membri u l-persunal tnaqqas b'5 % u l-allowances għall-missjonijiet tal-persunal ilhom mill-2007 ma jiġu indiċizzati;

18.  Jikkunsidra n-nota tas-Segretarju Ġenerali ta' Novembru 2013 dwar l-Implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal u dwar ir-riforma u r-reviżjoni tar-regoli u l-proċeduri misluta minnhom; jinsisti li r-regoli dwar il-liv tal-ġenituri għandhom jiġu implimentati b'mod korrett;

19.  Jinnota, b'referenza għar-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, li sabiex ikun konformi mat-tnaqqis annwali ta' 1 % fil-livell tal-persunal, is-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament ser inaqqas ir-riżorsi umani tiegħu u kwalunkwe kompitu ġdid ser isir permezz tal-persunal disponibbli u ta' tqassim mill-ġdid tar-riżorsi umani;

20.  Itenni r-responsabbiltà tal-Parlament li jaġixxi b'mod sostenibbli; jilqa' l-isforzi li saru sabiex jinkiseb ambjent li ma jagħmilx użu mill-karti u l-ħidma prezzjuża li għaddejja permezz tal-approċċ EMAS; jemmen li l-proċess EMAS jeħtieġ appoġġ kostanti;

21.  Jieħu f'kunsiderazzjoni l-konklużjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma Konġunt bejn il-Bureau u l-Kumitat għall-Baġits dwar il-baġit tal-Parlament li għandhom jitwettqu riformi strutturali u organizzattivi; jinnota, f'dan ir-rigward, li l-forniment ta' konsulenza xjentifika indipendenti u l-kapaċità li jitwettaq skrutinju, kif ukoll l-appoġġ għall-Membri, għandhom ikomplu jittejbu sabiex tissaħħaħ il-ħidma tal-Parlament bħala istituzzjoni vestita bis-setgħa leġiżlattiva u bis-setgħa ta' skrutinju demokratiku; jisħaq fuq il-fatt li dawn l-objettivi għandhom jiġu implimentati b'mod li jkun finanzjarjament responsabbli u li s-Segretarju Ġenerali għandu jistabbilixxi b'mod ċar pjan dettaljat, li għandu jiġi ppreżentat quddiem il-Kumitat għall-Baġits, dwar kif se jiġu sodisfatti dawn l-objettivi u l-impatt baġitarju li se jkollhom qabel il-qari tal-baġit 2015 fil-Parlament;

22.  Jiddispjaċih dwar l-iffriżar tal-allokazzjonijiet għall-gruppi politiċi; il-gruppi politiċi huma kontributuri indispensabbli fil-ħidma leġiżlattiva u mhux leġiżlattiva tal-Parlament u fl-eżerċizzju ta' skrutinju tiegħu;

23.  Jenfasizza li biex jiġi indirizzat l-iżvilupp ta' dawn l-erba' oqsma ta' attività b'mod li jkun finanzjarjament responsabbli, il-Grupp ta' Ħidma Konġunt identifika seba' oqsma fejn il-Parlament jista' jtejjeb l-effiċjenza tiegħu:

   (i) L-iżvilupp ta' sistema ta' traduzzjoni fuq talba mill-Membri għall-emendi tal-kumitati,
   (ii) L-esplorazzjoni tal-possibbiltajiet għal kooperazzjoni interistituzzjonali mal-Kumitat tar-Reġjuni u mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
   (iii) L-esplorazzjoni tal-possibbiltà li, f'perjodi kwieti għall-Parlament, joffri l-kapaċitajiet ta' interpretazzjoni lil istituzzjonijiet oħra,
   (iv) Il-migrazzjoni mis-sistema attwali għall-ġestjoni tar-riżorsi umani, Streamline, għal Sysper2,
   (v) It-tħejjija għal struttura iżjed effiċjenti għar-ritmu tax-xogħol tal-Parlament ,
   (vi) It-tħejjija għal Parlament mingħajr karti, fejn ikun possibbli, permezz tal-aħjar prattika u l-implimentazzjoni sħiħa tal-proġett ta' laqgħat elettroniċi,
   (vii) L-iżvilupp ta' sistema ta’ interpretazzjoni fuq talba għal-laqgħat apparti l-Plenarja;

24.  Ifakkar, waqt li jammetti l-importanza li jkun hemm effiċjenza u kost-effikaċja fil-qasam tal-interpretazzjoni, li dawn l-aspetti ma jistgħux inawru d-disponibbiltà ta' informazzjoni f'ħin reali u aċċessibbli madwar l-Unjoni, meta dak li jkun jikkunsidra li l-multingwiżmu u l-interpretazzjoni għal streaming fuq l-internet u t-trasparenza Parlamentari huma ta' importanza kruċjali għall-pubbliku u għaldaqstant għall-Membri tal-Parlament;

25.  Jemmen li biċċa mill-infiq relatat mat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni għall-benefiċċju dirett tal-Membri tista' tiġi ffinanzjata mill-allowance għall-ispejjeż ġenerali tal-Membru;

26.  Itenni li jeħtieġ li investimenti fit-tul, bħall-proġetti ta' bini tal-Parlament, jiġu ġestiti bi prudenza u trasparenza; jinsisti li jkun hemm dixxiplina fil-ġestjoni tal-ispejjeż u fil-programmazzjoni u s-superviżjoni tal-proġetti; itenni t-talba tiegħu għal proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet trasparenti fil-qasam tal-politika dwar il-bini, abbażi ta' informazzjoni bikrija; jappella biex jiġu ppreżentati analiżi dettaljata u aġġornament tal-politika tal-Parlament rigward immobbli adottata mill-Bureau f'Marzu 2010, kif ukoll ħarsa ġenerali lejn l-investimenti li jsiru kull sena u għal kull bini taħt il-leġiżlatura 2009-2014 lill-Kumitat għall-Baġits sa mhux aktar tard minn Awwissu 2014, u jtenni t-talba tiegħu li, fuq bażi semestrali, tiġi fornuta informazzjoni preċiża dwar il-progress fil-proġetti tal-bini u l-implikazzjoni finanzjarja tagħhom;

27.  Jieħu nota tal-fatt li hu mbassar li Dar l-Istorja Ewropea ser tinfetaħ fl-aħħar tal-2015; jistenna l-informazzjoni aġġornata dwar is-sitwazzjoni attwali tal-proġett mingħand is-Segretarju Ġenerali u l-Bureau li għandha tiġi ppreżentata fi żmien utli qabel il-qari tal-Parlament fil-ħarifa 2014; itenni l-impenn tiegħu li l-eżitu tal-ispejjeż finali m'għandux jaqbeż iċ-ċifri stabbiliti fil-pjan ta' attività tiegħu;

28.  Ifakkar li, fl-10 ta' Ġunju 2013, il-Bureau approva l-proposti tas-Segretarju Ġenerali għal miżuri immedjati u oħrajn li kellhom jiddaħħlu gradwalment b'mod li tiġi mmodernizzata l-politika tal-Parlament dwar servizzi ta' catering għall-2014-2019; jappella, għalhekk, lill-Bureau biex jippreżenta lill-Kumitat għall-Baġits evalwazzjoni ċara tal-implikazzjonijiet baġitarji possibbli ta' din ir-riforma fuq il-baġit 2015 u oltre fi żmien utli għat-tħejjija tal-qari fil-Parlament tal-baġit 2015;

29.  Jappella lis-Segretarju Ġenerali biex jirrapporta lill-Kumitat għall-Baġits dwar l-implimentazzjoni u l-impatt finanzjarju tal-kunċett ta' sigurtà globali l-ġdid sar-rebbiegħa 2015; jitlob informazzjoni dettaljata dwar il-konsegwenzi finanzjarji tal-ħolqien tad-Direttorat Ġenerali l-ġdid għas-Sigurtà fl-2013; jappella għal informazzjoni dwar il-konsegwenzi finanzjarji tal-arranġamenti għal kooperazzjoni amministrattiva interistituzzjonali fil-qasam tas-sigurtà;

30.  Jieħu nota tal-ħolqien tad-Direttorat Ġenerali l-ġdid għas-Servizzi ta' Riċerka Parlamentari fl-1 ta' Novembru 2013; ifakkar li dan inħoloq b'mod li ma jkollux effett fuq il-baġit permezz ta' riallokazzjonijiet mid-Direttorati Ġenerali PRES u IPOL, u li d-Direttorat Ġenerali l-ġdid mhu se jirrikjedi la riżorsi umani u lanqas finanzjarji ġodda fl-2015; jitlob informazzjoni dwar l-għadd ta' karigi fid-Direttorat il-ġdid f'Awwissu/Settembru 2014, inkluż it-trasferiment ippjanat ta' karigi miż-żewġ Kumitati Konsultattivi Ewropej, meta mqabbel mas-sitwazzjoni f'Jannar 2014, u jitlob analiżi dwar kif ir-riżorsi esperti esterni għandhom jintużaw, liema analiżi għandha tiġi ppreżentata lill-Kumitat għall-Baġits fi żmien opportun għat-tħejjija għall-ewwel qari fil-Parlament tal-baġit 2015;

Kunsiderazzjonijiet finali

31.  Jadotta l-estimi għas-sena finanzjarja 2015;

32.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u l-estimi lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(4) ĠU L 287, 29.10.2013, p. 15.
(5) Testi adottati, P7_TA(2013)0437.
(6) Testi adottati, P7_TA(2014)0186 u P7_TA(2014)0187.

Avviż legali - Politika tal-privatezza