Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2711(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0415/2014

Testi mressqa :

B7-0415/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 17/04/2014 - 9.15
CRE 17/04/2014 - 9.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2014)0459

Testi adottati
PDF 237kWORD 71k
Il-Ħamis, 17 ta' April 2014 - Strasburgu
Il-proċess ta' konsultazzjoni ‘top ten’ u t-tħaffif tal-piż tar-regolamentazzjoni tal-UE fuq l-SMEs
P7_TA(2014)0459B7-0415/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' April 2014 dwar il-proċess ta' konsultazzjoni ‘top ten’ u t-tħaffif tal-piż tar-regolamentazzjoni tal-UE fuq l-SMEs ((2013/2711(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Karta Ewropea għall-Intrapriżi ż-Żgħar, adottata mill-Kunsill Ewropew waqt il-laqgħa tiegħu f’Feira fid-19 u l-20 ta’ Ġunju 2000,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta' intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju(1),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Novembru 2011 bit-titolu ‘L-imminimizzar tal-piż regolatorju għall-SMEs – L-adattament tar-regolamentazzjoni tal-UE għall-bżonnijiet tal-intrapriżi mikro’ (COM(2011)0803),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Frar 2011 bit-titolu ‘Reviżjoni tal-"Att dwar in-Negozji ż-Żgħar" għall-Ewropa’ (COM(2011)0078),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 bit-titolu ‘Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv’ (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-30 ta' Novembru 2011 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (2014-2020) (COM(2011)0834),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-14 u l-15 ta' Marzu 2013 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Kompetittività tas-26 u s-27 ta' Settembru 2013,

–  wara li kkunsidrda l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Ġunju 2013 bit-titolu ‘Is-segwitu tal-Kummissjoni tal-Konsultazzjoni “Top Ten” tal-SMEs dwar ir-Regolamentazzjoni tal-UE (COM(2013)0446),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Marzu 2013 bit-titolu ‘Regolamentazzjoni Intelliġenti – Inwieġbu għall-ħtiġijiet tal-intrapriżi żgħar u medji’ (COM(2013)0122) u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanjaha bit-titolu ‘Monitoraġġ u Konsultazzjoni dwar Regolamentazzjoni Intelliġenti għall-SMEs’ (SWD(2013)0060),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ottubru 2013 bit-titolu ‘Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT): Ir-Riżultati u l-Passi li Jmiss’ (COM(2013)0685),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Ottubru 2012 dwar ‘L-Intrapriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju (SMEs): kompetittività u opportunitajiet kummerċjali’(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Frar 2013 dwar it-titjib tal-aċċess għall-finazi għall-SMEs(3),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi t-tisħiħ tal-appoġġ għall-kompetittività, is-sostenibilità u l-potenzjal tal-impjiegi tal-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) huwa sforz orizzontali li jolqot bosta oqsma ta' politika;

B.  billi l-SMEs jintlaqtu b'mod sproporzjonat minn piżijiet mhux meħtieġa minħabba li l-kapaċità tagħhom hija limitata u billi l-leġiżlaturi tal-UE għalhekk impenjaw ruħhom favur il-prinċipju ‘aħseb l-ewwel fiż-żgħir’;

C.  billi 20,7 miljun SME jimpjegaw aktar minn 65% tal-forza tax-xogħol eżistenti tas-settur privat u billi l-SMEs huma fost l-impriżi l-aktar innovattivi, bl-aħjar prestazzjoni f'termini ta' ħolqien ta' impjiegi u tkabbir ekonomiku;

D.  billi, skont stħarriġ tal-Ewrobarometru, 74 % tal-Ewropej jemmnu li l-UE tiġġenera wisq burokrazija żejda;

E.  billi kważi terz mill-piż amministrattiv li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-UE joriġina primarjament minn implimentazzjoni nazzjonali sproporzjonata u ineffiċjenti, li jfisser li jistgħu jiġu ffrankati sa EUR 40 biljun li kieku l-Istati Membri jittrasponu l-leġiżlazzjoni tal-UE b’mod iktar effiċjenti;

F.  billi l-intrapriżi jistgħu jiġġeneraw impjiegi sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet it-tajba, inklużi s-simplifikazzjoni amministrattiva, l-aċċess għall-finanzi, l-ħiliet, l-għarfien u għall-ħaddiema kkwalifikati u jekk jirċievu appoġġ għall-isforzi tagħhom;

G.  billi l-SMEs spiss isibu ruħhom fi żvantaġġ kompetittiv f'paragun ma' kompetituri industrijali kbar f'termini ta' tassazzjoni, standardizzazzjoni, akkwist pubbliku, propertà intellettwali, finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni;

H.  billi l-Kummissjoni neħħiet 5 590 rekwiżit legali f'dawn l-aħħar ħames snin, u b'hekk naqqset il-kostijiet għan-negozji b'aktar minn EUR 27 biljun;

I.  billi l-Kummissjoni qed tipprova tikseb effikaċja regolatorja u amministrattiva permezz tal-programm REFIT tagħha, valutazzjonijiet tal-impatt, ittestjar tal-kompetittività, kontrolli tal-idoneità, il-proċess ta' konsultazzjoni ‘top ten’, it-tabella ta' valutazzjoni tal-SMEs u t-test tal-SMEs;

J.  billi, kif enfasizzat mill-Kunsill Ewropew, ir-regolamentazzjoni fil-livell tal-Unjoni hija neċessarja sabiex tiżgura li jintlaħqu l-għanijiet politiċi tal-UE, inkluż il-funzjonament tajjeb tas-suq uniku;

K.  billi l-Parlament iddikjara f'aktar minn okkażjoni waħda, pereżempju fir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq tat-23 ta' Ottubru 2012, li s-simplifikazzjoni tar-regolamenti tal-UE m'għandhiex tinterferixxi mar-rekwiżiti fundamentali tal-UE dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, id-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema tal-UE jew il-prinċipji fundamentali tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE;

L.  billi l-biċċa l-kbira tal-miżuri leġiżlattivi ‘top ten’ identifikati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-suġġett kienu diġà fis-seħħ meta nħarġet il-Komunikazzjoni; billi wħud mill-proposti leġiżlattivi kienu diġà ġew ippreżentati meta saret il-konsultazzjoni ‘top ten’, u billi wħud minnhom issa diġà ngħalqu;

M.  billi l-ostakli amministrattivi jipprevjenu lill-SMEs milli jisfruttaw bis-sħiħ il-benefiċċji tas-suq uniku;

N.  billi din ir-riżoluzzjoni mhijiex se tikkummenta dwar l-azzjonijiet ta' segwitu individwali, billi dan se jsir separatament, iżda minflok se tiffoka fuq il-metodu ta' ħidma applikat mill-Kummissjoni;

1.  Jilqa' l-inizjattiva ‘top ten’ tal-Kummissjoni bħala parti mill-eżerċizzju REFIT u jieħu nota tal-wegħda li dan mhuwiex sforz ta' darba biss iżda għandu jkun parti regolari minn proċedura kontinwa ta' skrining; jenfasizza, madankollu, li l-Kummissjoni għandha taċċellera l-isforzi tagħha biex tindirizza l-preokkupazzjonijiet dwar il-piż regolatorju mqajma mill-SMEs matul il-proċess ta' konsultazzjoni; jenfasizza wkoll li l-approċċ ‘top ten’ m'għandux jissostitwixxi approċċ politiku orizzontali, sistematiku għall-minimizzazzjoni tal-piż amministrattiv li joriġina mir-regolamentazzjoni tal-UE, jew jipperikola l-objettivi u l-effikaċja tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni;

2.  Jissottolinja l-ħtieġa, għalhekk, li l-prinċipju ‘aħseb l-ewwel fiż-żgħir’ jinforma aħjar il-politiki tal-Unjoni fir-rigward tal-innovazzjoni, it-tkabbir, l-internazzjonalizzazzjoni, il-produttività, it-tnaqqis tal-burokrazija, il-kwalità tar-riżorsi umani, u r-responsabbiltà soċjali;

3.  Jilqa' wkoll, f'dan ir-rigward, l-impenn tal-Kummissjoni li tadotta ‘regolamentazzjoni intelliġenti’ bħala parti integrali miċ-ċiklu tat-teħid ta' deċiżjonijiet u b'mod speċifiku li tqis ir-REFIT bħala programm kontinwu li se jiġi aġġornat kull sena;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni biex b'urġenza żżid l-isforzi tagħha biex tiżgura li l-SMEs, b'mod speċjali dawk innovattivi, ikunu mħeġġa jkomplu jiżviluppaw permezz ta' simplifikazzjoni amministrattiva u l-għoti ta' appoġġ immirat fl-oqsma politiċi kollha;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq testijiet tal-SMEs b'mod trasparenti u xieraq meta tiżviluppa l-leġiżlazzjoni; jemmen li l-esklużjoni awtomatika tal-mikrointrapriżi mhix l-approċċ it-tajjeb, u jappoġġja l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet adattati u ta' sistemi eħfef għall-SMEs fejn ikun jista' jintwera li dawn il-frammentazzjoni jew li ma jxekklux l-aċċess tal-SMEs għas-suq intern;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tissimplifika l-formalitajiet amministrattivi eċċessivi, waqt li fl-istess ħin iżżomm id-dispożizzjonijiet meħtieġa li jiżguraw is-sikurezza, is-saħħa u l-protezzjoni fuq il-post tax-xogħol jew li jeżiġu li l-kumpaniji jagħtu lill-persunal tagħhom ambjent tax-xogħol xieraq;

7.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw aċċess faċli għall-finanzjament u s-swieq u jnaqqsu l-piż regolatorju, li jikkostitwixxi wieħed mill-akbar ostakli għall-ħolqien u l-iżvilupp tal-intrapriżi żgħar u medji;

8.  Iqis li huwa importanti ħafna għall-Istati Membri li jimplimentaw id-Direttiva 2011/7/UE dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali, li tiddikjara li, fir-rigward tat-transazzjonijiet kummerċjali bejn l-intrapriżi u l-awtoritajiet pubbliċi, il-perjodu tal-ħlas kuntrattwali m'għandux jaqbeż il-limiti stabbiliti fl-Artikolu 4(3) tagħha, sakemm ma jkunx espressament miftiehem mod ieħor fil-kuntratt u sakemm ma jkunx ġustifikat b'mod oġġettiv fid-dawl tan-natura jew tal-karatteristiċi partikolari tal-kuntratt u li fi kwalunkwe każ m'għandux jaqbeż is-60 jum kalendarju;

9.  Jilqa' l-fatt li mil-lum 'il quddiem il-Kummissjoni se tintegra t-tabella ta' valutazzjoni tal-SMEs f'tabella ta' valutazzjoni tar-REFIT kull sena; iqis li jekk ir-rekwiżiti tal-SMEs jiġu inkorporati aktar fl-eżerċizzju usa' tas-simplifikazzjoni regolatorja, dan ikun pass fid-direzzjoni t-tajba, mingħajr ma tiddgħajjef l-effikaċja tal-leġiżlazzjoni jew mingħajr ma jiżdiedu livelli addizzjonali ta' burokrazija; jitlob lill-Kummissjoni tissimplifika dawn l-istrumenti permezz ta' valutazzjoni tal-impatt komprensiva; jenfasizza, madankollu, li din il-fużjoni bl-ebda mod m'għandha tnaqqas l-attenzjoni speċifika li l-Kummissjoni tagħti lill-SMEs fil-proċessi tagħha;

10.  Jissottolinja l-fatt li t-tabella ta' valutazzjoni annwali ppjanata għandha tiddokumenta b'mod effettiv il-progress leġiżlattiv u relatat mal-implimentazzjoni fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali fir-rigward tal-SMEs; jemmen li din it-tabella ta' valutazzjoni se tgħin lill-SMEs jivvalutaw il-kostijiet tal-piż amministrattiv li joriġinaw mil-leġiżlazzjoni fil-livell nazzjonali jew f'dak tal-UE, u se tippermetti monitoraġġ eħfef u għalhekk tiffaċilita l-parteċipazzjoni kostruttiva tal-SMEs f'konsultazzjonijiet futuri;

11.  Jenfasizza, madankollu, li kwalunkwe valutazzjoni ex post tkun eħfef jekk il-valutazzjonijiet ex ante jsiru kif suppost b'kunsiderazzjoni tad-dimensjonijiet kollha; jemmen li l-kultura tal-valutazzjoni tal-impatt tal-istituzzjonijiet Ewropej kollha għandha tittejjeb, b'mod partikolari meta l-SMEs u l-persuni li jaħdmu għal rashom jintlaqtu mill-proposti leġiżlattivi tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-valur miżjud tal-għoti ta' aktar indipendenza u setgħat lill-bord tal-valutazzjoni tal-impatt; jirrakkomanda, barra minn hekk, li l-Parlament jagħmel aktar użu mill-valutazzjonijiet tal-impatt tiegħu u mill-faċilitajiet tal-ittestjar tal-SMEs, pereżempju qabel l-introduzzjoni ta' tibdil sostanzjali fil-proposti tal-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni tippubblika dikjarazzjoni annwali tal-kost nett totali għan-negozji ta' proposti ġodda;

12.  Jemmen li l-piżijiet li joriġinaw minn proposti ġodda għandhom jiġu kkumpensati bi tnaqqis ta' mill-inqas daqs simili;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw applikazzjoni bbażata fuq l-internet li biha l-amministrazzjoni konċernata tkun tista' tindika jekk, u sa liema punt, l-SMEs huma milquta minn leġiżlazzjoni futura, bħal ngħidu aħna l-Mittelstandsmonitor Ġermaniża, li tindika, permezz ta' sistema sempliċi ta' 'traffic lights', jekk l-SMEs ikunux ikkonċernati (aħmar), aktarx ikkonċernati (isfar) jew mhumiex ikkonċernati (aħdar) minn leġiżlazzjoni futura;

14.  Jilqa' t-talba tal-Kunsill, fil-konklużjonijiet tiegħu tal-14 u l-15 ta' Marzu 2013, għal aktar azzjoni biex jitnaqqas il-piż regolatorju ġenerali kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak nazzjonali;

15.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li sal-lum l-SMEs għadhom ma rnexxilhomx jisfruttaw il-potenzjal tas-suq uniku, u jfakkar li 25 % biss tal-SMEs fl-UE27 huma esportaturi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu flimkien biex itejbu l-integrazzjoni tas-suq uniku, u jagħmlu aktar biex jikkondividu l-aħjar prassi b'rabta mas-simplifikazzjoni tal-burokrazija u biex jiksbu kooperazzjoni regolatorja aħjar fl-Istati Membri kollha; jilqa' l-konklużjoni tal-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp (DDA) fid-disa' Konferenza Ministerjali tad-WTO ta' Diċembru 2013 u jittama li l-ftehim jiffaċilita opportunitajiet akbar għall-kummerċ, partikolarment għall-SMEs; jilqa', f'dan ir-rigward, l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi dikjarazzjoni tal-VAT standard u jemmen li kwalunkwe standardizzazzjoni tal-formoli ta' dikjarazzjoni tal-VAT m'għandhiex tkun aktar ikkumplikata mill-formola l-aktar sempliċi li tissostitwixxi;

16.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jsegwu l-eżerċizzji REFIT u ‘top ten’ li qegħdin jitwettqu fil-livell tal-UE u jiżguraw li l-piż amministrattiv u regolatorju jitħaffef ukoll għall-SMEs fil-livell nazzjonali; jenfasizza, ukoll, li l-Istati Membri jistgħu jkunu partikolarment effikaċi fit-tnaqqis tal-piż regolatorju fuq l-SMEs billi tiġi evitata regolamentazzjoni żejda (‘gold-plating’) fit-traspożizzjoni tad-direttivi Ewropej fil-leġiżlazzjoni nazzjonali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħżlu li jnaqqsu l-piż mhux neċessarju għall-SMEs f'dawk l-oqsma li fihom il-leġiżlazzjoni tal-UE tippermetti dan;

17.  Jenfasizza li l-Istati Membri jistgħu jkunu partikolarment effikaċi fit-taffija tal-piż amministrattiv fuq l-SMEs u fl-evitar ta' regolamentazzjoni żejda meta jittrasponu direttivi Ewropej fid-dritt nazzjonali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jħaffu l-formalitajiet għall-SMEs meta dan ikun awtorizzat skont il-leġiżlazzjoni tal-UE;

18.  Jilqa' l-introduzzjoni tat-test tal-SMEs, filwaqt li jiddispjaċih dwar il-fatt li ftit Stati Membri biss inkludewh fil-proċessi nazzjonali tagħhom tat-teħid ta' deċiżjonijiet;

19.  Ifakkar il-pożizzjoni tiegħu dwar eżenzjonijiet ġenerali ta' mikrointrapriżi mil-leġiżlazzjoni tal-UE, kif stabbilit fir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq tat-23 ta' Ottubru 2012, skont liema l-eżenzjonijiet għandhom jiġu applikati biss meta test adegwat tal-SMEs ikun jista' juri, fuq bażi ta' każ b'każ, li l-ħtiġijiet speċifiċi tal-mikrointrapriżi ma jistgħux jiġu indirizzati permezz ta' soluzzjonijiet adattati jew sistemi eħfef; jenfasizza l-fatt li eżenzjonijiet għall-mikrointrapriżi spiss jinkludu r-riskju li l-SMEs jistgħu jkunu soġġetti għal taħlita ta' liġijiet nazzjonali li jrawmu l-frammentazzjoni u jxekklu l-aċċess tagħhom għas-suq intern;

20.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni estendiet il-mandat tal-Grupp ta’ Livell Għoli għall-Piżijiet Amministrattivi (HLGAB) sa Ottubru 2014, kif mitlub mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq tat-23 ta' Ottubru 2012 u kif previst fil-programm COSME;

21.  Jinnota l-konklużjoni mit-tweġibiet tal-SMEs għall-proċess ta' konsultazzjoni ‘top ten’ li d-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol hija kumplessa u inflessibbli u f'ħafna każijiet tirrikjedi li l-SMEs jiksbu għajnuna legali speċjalizzata li tiswa ħafna flus; jistieden lill-Kummissjoni biex b'urġenza tipproduċi l-valutazzjoni tal-impatt dettaljata tagħha;

22.  Jirrakkomanda li, sabiex jitnaqqsu l-piżijiet li joriġinaw mil-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa u s-sikurezza, meta possibbli għandha tiġi applikata sistema regolatorja faċli għall-kumpaniji b'riskju baxx;

23.  Jirrakkomanda li r-rati tariffarji tar-REACH għall-SMEs u l-mikrointrapriżi jkunu proprozjonati;

24.  Jitlob lill-Kummissjoni taċċellera l-ipproċessar kollu tal-applikazzjonijiet REACH u, b'mod partikolari, tipproċessa rapidament l-applikazzjonijiet mill-SMEs u l-mikrointrapriżi; jistieden lill-Kummissjoni tagħti lill-SMEs u lill-mikrointrapriżi linji gwida xierqa biex jgħinuhom jissottomettu applikazzjonijiet b'suċċess;

25.  Iqis li l-proċess ta' konsultazzjoni ‘top ten’ huwa eżerċizzju utli, u li r-riżultati tiegħu jikkostitwixxu sinjal importanti mill-SMEs u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentawhom; jistieden lill-Kummissjoni tkompli dan l-eżerċizzju fuq bażi regolari permezz tal-Ewrobarometru; jinnota, madankollu, żbilanċ sinifikanti fid-distribuzzjoni ġeografika tar-reazzjonijiet għall-proċess ta' konsultazzjoni ‘top ten’ ; jistieden lill-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni ex post tar-raġunijiet għal dan l-iżbilanċ, sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni miġbura ma tkunx preġudikata minħabba nuqqas ta' għarfien jew fatturi oħra li setgħu għawġu r-rispons miġbur;

26.  Jistenna li l-Kummissjoni li jmiss iżżomm ir-responsabbiltà għal ‘regolamentazzjoni intelliġenti’ bħala waħda mill-kompetenzi tal-uffiċċju tal-President, u jħeġġiġha ssaħħaħ ir-rwol tar-rappreżentanti tal-SMEs; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tiżgura li l-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-SMEs jiffurmaw parti min-netwerk stabbilit reċentement ta' rappreżentanti tal-SMEs u li l-Assemblea tal-SMEs tiġi infurmata kif xieraq bl-inizjattivi tal-UE;

27.  Jinsisti li l-Kummissjoni li jmiss għandha tistabbilixxi objettiv Ewropew ta' tnaqqis ta' 30 % sal-2020 fil-kostijiet għall-SMEs iġġenerati minn piżijiet amministrattivi u regolatorji;

28.  Iwissi dwar ir-riskji għall-kompetittività lokali u reġjonali u l-intraprenditorija individwali jekk l-isforzi biex titnaqqas ir-regolamentazzjoni żejda jirriżultaw minflok f'żieda fl-armonizzazzjoni massima jew f'leġiżlazzjoni waħda tajba għal kulħadd;

29.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.
(2) ĠU C 68E, 7.3.2014, p. 40.
(3) Testi adottati, P7_TA(2013)0036.

Avviż legali - Politika tal-privatezza