Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0114/2011Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0114/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar dwar iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel

9.2.2011

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Hannes Swoboda, Stéphane Le Foll, Luis Manuel Capoulas Santos, Paolo De Castro, Luís Paulo Alves, Daciana Octavia Sârbu, Kader Arif, Kriton Arsenis, Ricardo Cortés Lastra, Udo Bullmann, Leonardo Domenici, Robert Goebbels f'isem il-Grupp S&D

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0114/2011

Proċedura : 2011/2538(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0114/2011

B7‑0114/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar dwar iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Jannar 2011 dwar ir-Rikonoxximent tal-agrikoltura bħala settur strateġiku fil-kuntest tas-sigurtà tal-ikel,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2010 dwar il-futur tal-Politika Agrikola Komuni wara l-2013,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Frar 2009 dwar Il-prezzijiet tal-ikel fl-Ewropa,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Jannar 2009 dwar il-Politika Agrikola Komuni u s-Sigurtà Globali tal-Ikel,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Mejju 2008 dwar iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel fl-Unjoni Ewropea u fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-volatilità li seħħet dan l-aħħar tal-prezzijiet tal-ikel u tal-prodotti bażiċi qajmet tħassib serju dwar il-funzjonament tal-provvista alimentari Ewropea u dinjija u billi ż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel laqtet l-agħar lill-gruppi tal-popolazzjoni l-aktar vulnerabbli, kemm fil-pajjiżi żviluppati u kemm f’dawk li qiegħdin jiżviluppaw; billi l-prezzijiet għolja tal-ikel qed jitfgħu miljuni ta’ nies f’sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ sigurtà tal-ikel, filwaqt li qiegħdin jiggravaw il-kundizzjonijiet għal ħafna li diġà kienu insikuri fir-rigward tal-ikel u qiegħdin jheddu s-sigurtà dinjija tal-ikel għal medda twila ta’ żmien,

B. billi waqt laqgħa reċenti tal-Kumitat tas-Sigurtà Alimentari Dinjija fil-FAO, l-UE saħqet fuq il-problema tal-volatilità estrema tal-prezzijiet u l-Panel ta’ Esperti ta’ Livell Għoli l-ġdid ġie mitlub jirrapporta dwar il-kawżi u l-miżuri fir-rigward taċ-ċaqliq fil-prezzijiet,

C. billi ġrajjiet klimatiċi u ġrajjiet oħra jistgħu jwasslu lill-pajjiżi biex jadottaw politiki protezzjonisti, kif ġara fil-każ tal-projbizzjoni reċenti fuq l-esportazzjoni tal-qamħ li ġiet imposta mir-Russja u mill-Ukraina, li flimkien jesportaw madwar 30% tal-qamħ dinji,

D. billi l-produzzjoni dinjija tal-ikel tista’ tiddgħajjef b’mod regolari minn snesiela ta’ fatturi inklużi l-impatt tal-annimali u l-insetti li jagħmlu l-ħsara (pesti) u tal-mard, id-disponibilità tar-riżorsi naturali u d-diżastri naturali, kif ġara fl-2010 minħabba n-nixfa fit-tul u n-nirien li ħakmu r-Russja u l-għargħar massiv li seħħ fil-Pakistan u dan l-aħħar ukoll fl-Awstralja,

E. billi t-tibdil tal-klima se jirriżulta f’każijiet aktar frekwenti ta’ tali diżastri naturali, li minħabba fihom tiddgħajjef is-sigurtà tal-ikel,

F. billi, skont l-FAO, it-tkabbir stmat fil-popolazzjoni dinjija minn 7 biljun ruħ għal 9.1 biljuni se jeħtieġ żieda ta' 70% fil-provvista tal-ikel sas-sena 2050,

G. billi s-sigurtà tal-ikel ma tfissirx biss id-disponibilità ta' provvisti tal-ikel, iżda, skont l-FAO, tinkludi wkoll id-dritt għall-ikel u l-aċċessibilità għal nutriment tajjeb għas-saħħa għal kulħadd; billi, meta qed issir dejjem aktar kompetittiva, l-Ewropa tista' tikkontribwixxi għas-sigurtà dinjija tal-ikel,

H. billi s-sigurtà tal-ikel hija kwistjoni ċentrali għall-Ewropa u teħtieġ koerenza u koordinament bejn diversi oqsma politiċi settorjali fil-livell tal-UE, jiġifieri l-PAK, il-politika tal-enerġija, il-programmi ta' riċerka, il-politiki kummerċjali u tal-iżvilupp, u r-regolament finanzjarju,

I.   billi kien hemm żieda fil-volatilità fis-swieq tal-ikel u tal-agrikoltura wara l-Att tal-2000 dwar il-Modernizzazzjoni tal-Kuntratti ta’ Xiri fil-Futur (Futures) tal-Prodotti Bażiċi, li neħħa r-regolamenti minn fuq il-kummerċ tal-prodotti bażiċi fl-Istati Uniti, u d-dħul ta’ investituri istituzzjonali fis-swieq tal-prodotti bażiċi,

1.  Jisħaq fuq il-punt li settur agrikolu b'saħħtu u sostenibbli fl-UE kollha u ambjent rurali sostenibbli u li jkun qed jiżviluppa tajjeb, żgurat minn PAK b'saħħitha, huma komponenti vitali sabiex tingħeleb l-isfida tas-sigurtà tal-ikel;

2.  Jafferma li l-UE għandha l-ogħla standards tal-produzzjoni agrikola u tal-ikel fid-dinja b’enfasi qawwija fuq is-sikurezza tal-ikel, il-kwalità tal-ikel u s-sostenibilità ambjentali tal-agrikoltura;

3.  Jafferma mill-ġdid li d-dritt għas-sigurtà tal-ikel huwa dritt tal-bniedem bażiku u fundamentali u jinkiseb meta kulħadd, f'kull ħin, ikollu aċċess fiżiku u ekonomiku għal ikel xieraq, sikur (fir-rigward tas-saħħa) u nutrittiv biex jissodisfa l-ħtiġijiet u l-preferenzi dijetetiċi tiegħu għal ħajja attiva u mimlija saħħa;

4.  Jafferma li l-UE għandha d-dmir li titma' liċ-ċittadini tagħha u li t-tkomplija tal-attività tal-biedja fl-UE għandha importanza ewlenija f'dan ir-rigward; jiġbed l-attenzjoni lejn id-dħul mill-biedja li qed jonqos fl-UE, minħabba l-ispejjeż tal-produzzjoni li qed jiżdiedu u l-volatilità tal-prezijiet, li għandhom impatt negattiv fuq il-ħila tal-bdiewa li jżommu l-produzzjoni għaddejja kif tkun; jenfasizza l-ispejjeż li jkollhom iġarrbu l-bdiewa Ewropej biex jissodisfaw l-ogħla standards tas-sikurezza tal-ikel, ambjentali, tal-benesseri tal-annimali u tax-xogħol fid-dinja; jisħaq fuq il-punt li l-bdiewa għandhom jiġu kkumpensati għal dawn l-ispejjeż addizzjonali u talli jipprovdu l-prodotti pubbliċi lis-soċjetà;

5.  Jenfasizza li huma n-nies il-fqar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma l-aktar esposti għall-impatt negattiv tal-volatilità tal-prezzijiet u tal-kriżi tal-ikel; jistieden, f’dan il-kuntest, lill-Istati Membri kollha biex jirduppjaw l-impenn tagħhom għall-Għan ta' Żvilupp tal-Millennju 1 (li sal-2015 inaqqsu l-ġuħ bin-nofs), b’mod partikolari billi jżidu b’mod sinifikanti s-sehem tal-għajnuna uffiċċjali għall-iżvilupp (ODA) iddedikat għall-agrikoltura;

6.  Jirrikonoxxi li l-garanzija ta’ provvista tal-ikel adegwata hija komponent essenzjali tas-sigurtà tal-ikel, imma jirrikonoxxi wkoll li l-aċċess għall-ikel u kemm wieħed jista’ jaffordja l-ikel jeħtieġu li tingħata attenzjoni lit-twaqqif ta’ standard ta' għajxien xieraq, partikolarment għal min m'għandux biżżejjed riżorsi ekonomiċi, li spiss ikunu tfal, anzjani, migranti, refuġjati u persuni qegħda;

7.  Jenfasizza li t-tibdil tal-klima u l-fenomeni ta’ temp estrem li qed jikkawżaw in-nixfiet u l-għargħar x’aktarx li jnaqqsu r-riżorsi naturali u r-rendiment tal-produzzjoni agrikola; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni marbuta mat-tibdil tal-klima fl-Istati Membri u tikkunsidra miżuri ulterjuri bil-ħsieb li jsir adattament għal dawn l-isfidi l-ġodda; jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jseddqu l-adattament għat-tibdil tal-klima fl-agrikoltura u s-sivikoltura billi jużaw strumenti finanzjarji eżistenti; jenfasizza li l-miżuri ta’ adattament għandhom jimmiraw lejn żieda fis-sostenibilità kemm mil-lat ambjentali u kemm mil-lat ekonomiku; iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu miżuri adegwati ta' prevenzjoni tar-riskju u ta' mmaniġġjar tar-riskju biex jillimitaw il-konsegwenzi negattivi tad-diżastri naturali fuq il-produzzjoni agrikola;

8.  Itenni l-ħtieġa għall-kooperazzjoni dwar it-tibdil tal-klima bejn l-UE u l-pajjiżi li qiegħdin jiżviluppaw, partikolarment il-ħtieġa tat-trasferiment tat-teknoloġiji u l-bini tal-kapaċitajiet; jenfasizza li l-ġlieda kontra t-tibdil tal-klima għandu jiġi integrat fil-politiki relevanti kollha tal-UE inkluża l-kooperazzjoni għall-iżvilupp;

9.  Iqis li għandha tintefa’ attenzjoni ffukata fuq l-appoġġ u ż-żieda fil-kapaċità ta’ rkupru tas-sistemi tal-biedja organika ta’ skala żgħira maħsuba għall-konsum lokali u reġjonali, li jirrappreżentaw l-aktar mod effikaċi u ambjentalment sostenibbli ta’ kif tintuża l-art;

10. Jagħraf li l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ tal-prodotti tal-ikel agrikoli u tal-prodotti bażiċi primarji agrikoli esponiet lill-bdiewa li għandhom azjendi żgħar, speċjalment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, għal ħafna sfidi ġodda; Hu tal-fehma li, bil-għan li tiġi ggarantita s-sikurezza tal-ikel, ir-regoli u l-ftehimiet kummerċjali internazzjonali kollha għandhom iqisu l-impatt fuq l-agrikoltura u l-aċċess għall-ikel;

11. Jenfasizza li l-oligopoliji ż-żrieragħ għandhom effetti devastanti fuq is-sostenibilità tal-biedja ta’ skala żgħira, fejn jinkoraġġixxu d-dipendenza fuq għadd limitat ta’ korporazzjonijiet għax-xiri taż-żrieragħ u l-fertilizzanti speċjalizzati;

12. Iqis li l-fatturi li jikkontribwixxu għal żidiet fil-prezzijiet tal-materja prima agrikola jeħtieġ li jiġu indirizzati b'mod integrat u komprensiv; jenfasizza l-ħtieġa ta' rispons politiku integrat u li tinħoloq strateġija konprensiba biex tiġi indirizzata l-kwistjoni taż-żidiet fil-prezzijiet tal-materja prima agrikola li tinkludi l-produttività agrikola, l-iżvilupp sostenibbli, is-sikurezza tal-ikel, il-kummerċ, l-iżviluppi teknoloġiċi, l-enerġija;

13. Jemmen li s-swieq finanzjarji u agrikoli llum il-ġurnata huma aktar interkonnessi minn qatt qabel; iqis li reazzjoni Ewropea waħedha m'għadhiex biżżejjed u li l-Ewropa għandha taġixxi flimkien ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali fir-rigward tal-kwistjonijiet tal-volatilità tal-prezzijiet u tas-sigurtà tal-ikel; għalhekk hemm ħtieġa urġenti li tiżdied it-trasparenza u li jiġu stabbiliti limiti minimi għall-operaturi li jitħallew jikkummerċjaw fis-swieq tal-prodotti bażiċi;

14. Jitieden bil-qawwa kollha lill-G20 jikkordinaw fuq livell internazzjonali l-ħolqien ta' mekkaniżmi preventivi għal kontra fluttwazzjonijiet eċessivi fil-prezzijiet u biex jaħdmu għal regolamentazzjoni mfassla speċifikament biex tindirizza b’mod determinat il-kriżi agrikola u tal-ikel; jistieden lill-G20 jiżguraw il-konverġenza tar-regolamentazzjoni tal-prodotti bażiċi tal-ikel u tal-agrikoltura u jinvolvu l-pajjiżi li mhumiex parti mill-G20;

15. Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi proposti adegwati fir-rieżamijiet li deħlin tad-Direttiva dwar is-Swieq tal-Istrumenti Finanzjarji (MiFID) u d-Direttiva dwar l-Abbuż tas-Suq biex tindirizza t-tħassib li tqajjem minħabba s-swieq tal-prodotti bażiċi alimentari u agrikoli;

16. Jappoġġja, f'dan il-kuntest, reviżjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-istrumenti finanzjarji, li għandha tipprevedi kummerċ aktar trasparneti u limiti minimi għall-operaturi li jitħallew jagħmlu l-kummerċ f'dawn is-swieq; ifakkar li l-istrumenti finanzjarji għandhom ikunu ta' servizz għall-ekonomija u jgħinu l-produzzjoni agrikola tegħleb il-kriżijiet u l-ġrajjiet klimatiċi; fl-istess ħin, l-ispekulazzjoni m'għandhiex titħalla thedded lill-azjendi agikoli li altrimenti huma effiċjenti;

17. Jenfasizza li s-swieq tal-prodotti bażiċi alimentari u agrikoli għandhom ikunu aċċessibbli biss għan-negozji kummerċjali li jużaw il-prodotti derivattivi biex jilqgħu kontra ġrajjiet imprevedibbli u dan għandu jkun ristrett għal kummerċjanti u sensara li m'għandhomx interess kummerċjali f'dawn is-swieq;

18. Jinnota li l-indiċi tal-prezzijiet fis-swieq finanzjarji għall-prodotti agrikoli primarji qatt ma kien daqshekk instabbli; il-prezzijiet tal-prodotti bażiċi alimentari żdiedu b’mod sinifikanti fl-2010; kif hemm iddikjarat fil-bullettin ta’ kull xahar tal-BĊE li ħareġ f'Jannar il-prezz tal-qamħ żdied b'91%, tal-qamħirrum b'57%, tas-soja bi 33% u taz-zokkor żdied bi 32%;

19. Jenfasizza l-fatt li dawn l-avvenimenti huma biss parzjalment ikkawżati minn elementi fundamentali tas-suq bħalma huma d-domanda u l-provvista u fil-biċċa l-kbira huma r-riżultat tal-ispekulazzjoni; jinnota li l-imġiba spekulattiva kkaġunat sa 50% taż-żidiet reċenti tal-prezzijiet; japprova l-konklużjonijiet tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-dritt għall-ikel rigward ir-rwol li jwettqu investituri istituzzjonali kbar, bħalma huma l-fondi spekulattivi, il-fondi tal-pensjonijiet u l-banek tal-investiment – li ġeneralment l-ebda wieħed minnhom ma juri interess fis-swieq agrikoli – fl-influwenzar tal-indiċijiet tal-prezzijiet tal-prodotti bażiċi permezz taċ-ċaqliq tagħhom fis-swieq tad-derivattivi;

20. Jikkundanna bil-qawwa l-attivitajiet tal-ispekulaturi fuq il-prodotti bażiċi globali, il-materja prima agrikola u l-enerġija li jikkontribwixxu biex tiġi enfasizzata l-volatilità tal-prezzijiet tal-ikel u biex tiggrava l-kriżi globali tal-ikel; jenfasizza li mhuwiex aċċettabbli li l-ġuħ ta’ xi wħud jagħmel il-qligħ tal-oħrajn u jitlob għal regolamentazzjoni adegwata u sorveljanza effikaċi fil-livell kemm nazzjonali kif ukoll internazzjonali biex l-ispekulazzjoni tiġi pprevenuta milli tikser id-dritt għall-ikel;

21. Jistieden lill-UE tieħu azzjoni konkreta kontra l-faqar billi tadotta politika koerenti li tiġbor fiha l-oqsma tal-kummerċ u l-iżvilupp u l-politika agrikola komuni tagħha, bil-għan li jiġu evitati l-impatti diretti u indiretti negattivi minn fuq l-ekonomiji tal-pajjiżi li qiegħdin jiżviluppaw;

22. Jenfasizza r-rwol importanti li bħalissa hemm previst għall-AETS fis-sorveljanza tas-swieq tal-prodotti bażiċi; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-kapaċità tal-AETS li twettaq il-funzjonijiet tagħha b’mod effikaċi fl-ambitu tar-responsabilità legali tagħha; jistieden lill-Kummissjoni tirrifletti fuq il-possibilità li tagħti lill-AETS aktar poteri biex tipprevjeni l-manipulazzjoni u l-abbużi fis-swieq tal-prodotti bażiċi;

23. Jenfasizza li mhux possibbli li tittieħed azzjoni effikaċi kontra fluttwazzjonijiet maġġuri fil-prezzijiet mingħajr stokkijiet ta' intervent jew stokkijiet strateġiċi; iqis, għalhekk, li r-rwol tal-istrumenti ta' intervent fis-suq irid jisseddaq fil-PAK tal-futur;

24. Huwa favur azzjoni Ewropea aktar kuraġġjuża biex tiġi ttrattata l-problema tal-ispekulazzjoni, inkluż permezz ta' mandat maħruġ lir-regolaturi u lill-korpi ta' sorveljanza biex jirrestrinġu l-ispekulazzjoni; jemmen li d-derivattivi tal-prodotti bażiċi huma differenti minn derivattivi finanzjarji oħra u li tal-ewwel għandhom jiġu ttrattati biss min-negozjanti li għandhom interessi leġittimi li jipproteġu l-merkanzija agrikola mir-riskji kif ukoll minn kategoriji oħra ta' persuni marbuta direttament mal-produzzjoni agrikola vera; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li t-trattament ta' derivattivi tal-prodotti bażiċi tal-ikel ikun ristrett kemm jista' jkun għal investituri marbuta direttament mas-swieq agrikoli;

25. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.