Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0623/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0623/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ir-rieżami tar-regoli tal-kompetizzjoni fir-rigward tal-koperazzjoni orizzontali

18.11.2010

imressqa wara l-mistoqsija b'talba għal tweġiba orali B7‑0565/2010
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Sharon Bowles f'isem il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

Proċedura : 2010/2761(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0623/2010

B7‑0623/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rieżami tar-regoli tal-kompetizzjoni fir-rigward tal-koperazzjoni orizzontali

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 101(1) u (3), 103(1) u 105(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem it-'TFUE'),

–    wara li kkunsidra r-Regolament (KEE) Nru 2821/71 tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 1971 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 85(3) tat-Trattat għal kategoriji ta' ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma[1],

 

–    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2658/2000 tad-29 ta' Novembru 2000 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal kategoriji ta' ftehim ta' speċjalizzazzjoni[2] (ir-regolament ta' eżenzjoni ta' kategorija għal ftehimiet ta' speċjalizzazzjoni, minn hawn 'il quddiem ir-'REK speċjalizzazzjoni'),

 

–    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2659/2000 tad-29 ta' Novembru 2000 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal kategoriji ta' ftehim dwar ir-riċerka u l-iżvilupp[3] (ir-regolament ta' eżenzjoni ta' kategorija għal ftehimiet ta' riċerka u żvilupp, minn hawn 'il quddiem ir-'REK R&D'),

 

–    wara li kkunsidra l-Abbozz ta' Regolament tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta' ftehim ta' speċjalizzazzjoni (ir-regolament il-ġdid ta' eżenzjoni ta' kategorija għal ftehimiet ta' speċjalizzazzjoni, minn hawn 'il quddiem l-'abbozz tar-REK speċjalizzazzjoni l-ġdid'), ippubblikat fl-4 ta' Mejju 2010 għal konsultazzjoni fis-sit tal-Internet tal-Kummissjoni,

 

–    wara li kkunsidra l-Abbozz ta' Regolament tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta' ftehim ta' riċerka u żvilupp (ir-regolament il-ġdid ta' eżenzjoni ta' kategorija għal ftehimiet ta' riċerka u żvilupp, minn hawn 'il quddiem l-'abbozz tar-REK R&D il-ġdid'), ippubblikat fl-4 ta' Mejju 2010 għal konsultazzjoni fis-sit tal-Internet tal-Kummissjoni,

 

–    wara li kkunsidra l-Avviż tal-Kummissjoni dwar linji gwida dwar kemm għandu japplika l-Artikolu 81 tat-Trattat tal-KE għal ftehimiet ta' koperazzjoni orizzontali (minn hawn 'il quddiem il-'linji gwida orizzontali')[4],

 

–    wara li kkunsidra l-Abbozz ta' Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar linji gwida dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-akkordji dwar kooperazzjoni orizzontali (minn hawn 'il quddiem l-'abbozz ta' linji gwida orizzontali ġodda'), ippubblikat fl-4 ta' Mejju 2010 għal konsultazzjoni fis-sit tal-Internet tal-Kummissjoni,

 

–    wara li kkunsidra l-kontributi mill-partijiet interessati differenti mibgħuta lill-Kummissjoni matul il-perjodi ta' konsultazzjoni pubblika u ppubblikati fis-sit tal-Internet tal-Kummissjoni,

 

–    wara li kkunsidra d-dibattitu bejn il-Kummissarju Almunia u membri tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tas-6 ta' Lulju 2010,

 

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2010 dwar ir-Rapport dwar il-Politika dwar il-Kompetizzjoni 2008 (2009/2173(INI))[5],

–   wara li kkunsidra l-mistoqsija tat-28 ta' Settembru 2010 lill-Kummissjoni dwar ir-rieżami tar-regoli tal-kompetizzjoni fir-rigward tal-koperazzjoni orizzontali (O-131/2010 – B7‑0565/2010),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi kemm ir-REK speċjalizzazzjoni kif ukoll ir-REK R&D ma jibqgħux validi wara l-31 ta' Diċembru 2010; billi l-Kummissjoni nediet il-proċess ta' rieżami taż-żewġ regolamenti u tal-linji gwida li jakkumpanjawhom,

B.  billi saru bidliet leġiżlattivi sinifikanti mill-adozzjoni taż-żewġ regolamenti u tal-linji gwida orizzonatli, b'mod partikolari l-adozzjoni tal-pakkett ta' modernizzazzjoni fl-2003 li daħħal il-ħtieġa għall-awtovalutazzjoni mill-impriżi tal-ftehimiet li ffirmaw,

C. billi fis-snin reċenti l-Kummissjoni kisbet esperjenza fl-applikazzjoni ta' dawn ir-regoli u bħalissa jeħtieġ li jiġi kkodifikat sett ġdid ta' regoli li joriġinaw mill-każistika tal-Kummissjoni u tal-Kunsill,

D. billi hija prattika tajba li jittieħdu wkoll tagħlimiet mill-esperjenza tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali u tal-UE u tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni fid-dinja kollha, billi ta' min, b'mod partikolari fil-kuntest tal-kriżi ekonomika attwali, jintlaħaq ftehim dwar regoli tal-kompetizzjoni konverġenti fid-dinja kollha, meta jitqies li bosta ftehimiet u prattiki huma koperti b'diversi sistemi ta' kompetizzjoni legali,

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni bdiet żewġ konsultazzjonijiet pubbliċi differenti b'rabta mar-rieżami tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għal ftehimiet ta' koperazzjoni orizzontali; jisħaq fuq l-importanza li wieħed jisma' u jqis kemm jista' jkun fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet il-fehmiet tal-partijiet interessati biex jinkiseb qafas regolatorju realistiku u bilanċjat;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tispeċifika b'mod ċar fi tmiem il-proċedura ta' rieżami kif qieset il-kontributi mill-partijiet interessati;

3.  Japprezza l-fatt li l-Kummissjoni bagħtet l-abbozz ta' regoli lill-Parlament fi stadju bikri; jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni tkompli taħdem proattivament fi spirtu ta' trasparenza mal-Parlament; jilqa' b'sodisfazzjon id-disponibbiltà murija mill-Kummissarju Almunia li jiddibatti l-abbozz ta' regoli mal-Membri tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji;

4.  Ifakkar fl-importanza taċ-ċertezza legali; japprezza l-fatt li l-Kummissjoni abbozzat lista ta' Mistoqsijiet li Jsiru Spiss għat-tieni konsultazzjoni pubblika biex tenfasizza l-bidliet ewlenin proposti fl-abbozz ta' regoli; jistieden lill-Kummissjoni, ladarba jkun ġie adottat il-qafas regolatorju ġdid finali, tfassal sommarju u lista ġdida ta' Mistoqsijiet li Jsiru Spiss biex tispjega l-qafas finali fid-dettall lill-parteċipanti tas-suq;

5.  Jenfasizza l-importanza taż-żewġ regolamenti ta' eżenzjoni ta' kategorija fil-qasam tal-koperazzjoni orizzonatli għall-analiżi tal-ftehimiet li jaqgħu fl-ambitu tagħhom;

6.  Jinnota li, anke jekk approċċ ibbażat fuq id-definizzjoni ta' port sikur abbażi tal-ishma tas-suq mhuwiex perfett, jirrifletti fatt ekonomiku u huwa relattivament sempliċi biex wieħed jifhmu u japplikah; jaqbel li l-ftehimiet orizzonatli normalment joħolqu aktar preokkupazzjonijiet dwar il-kompetizzjoni mill-ftehimiet vertikali u għalhekk jifhem li l-Kummissjoni żżomm approċċ aktar limitat rigward l-istabbiliment tal-limitu minimu tas-sehem fis-swieq fir-rigward tal-ftehimiet orizzonatli;

7.  Jinnota, madankollu, li l-biċċa l-kbira tal-ftehimiet ta' koperazzjoni orizzonatli ma jaqgħux fl-ambitu ta' dawn iż-żewġ regolamenti ta' eżenzjoni ta' kategorija; jitlob lill-Kummissjoni tanalizza jekk il-partijiet interessati u l-objettiv li tinżamm kompetizzjoni effikaċi jibbenefikawx mit-twaqqif ta' regolamenti speċifiċi ġodda ta' eżenzjoni ta' kategorija biex ikopru tipi partikolari ta' ftehimiet orizzonatali għajr l-R&D u l-ispeċjalizzazzjoni; jekk il-konklużjoni tkun pożittiva, jistieden lill-Kummissjoni titlob l-awtorizzazzjoni xierqa mill-Kunsill biex tadotta dawn it-tipi ġodda ta' regolamenti ta' eżenzjoni ta' kategorija, wara li tkun ikkonsultat lill-Parlament;

8.  Huwa tal-fehma li l-linji gwida orizzontali jirrappreżentaw għodda utli ta' analiżi u ta' awtovalutazzjoni għal-kumpaniji, b'approċċ ekonomiku sofistikat, dwar jekk ftehim ta' koperazzjoni orizzontali jiksirx l-Artikolu 101(1) TFUE;

9.  Japprezza l-fatt, għalhekk, li l-linji gwida orizzontali ġodda jirriflettu l-ħtieġa ta' awtovalutazzjoni mdaħħla mir-Regolament 1/2003 u jipprovdu gwida ċara għal arranġamenti kumplessi bħal impriżi konġunti u ftehimiet li jkopru aktar minn tip wiehed ta' koperazzjoni; huwa tal-fehma li tali approċċ m'għandux, madankollu, iwassal għal qafas regolatorju aktar ikkumplikat;

10. Ifakkar, f'dan il-kuntest, fil-prinċipju ta' regolamentazzjoni aħjar biex tittejjeb il-kwalità tal-abbozzar regolatorju u leġiżlattiv, partikolarment bl-użu ta' lingwaġġ ċar u preċiż; għalhekk, huwa favur linji gwida ċari ħafna u faċli għal min jaqrahom, inklużi eżempji aktar konkreti meta jkun xieraq, kif mitlub minn diversi partijiet interessati;

11. Jilqa' b'sodisfazzjon il-kapitolu l-ġdid dwar l-iskambju ta' informazzjoni fl-abbozz il-ġdid ta' linji gwida orizzonatli; jinnota li din hija kwistjoni sensittiva fir-relazzjoni bejn il-kompetituri u li huwa essenzjali li l-impriżi jkunu jistgħu jidentifikaw liema informazzjoni tista' tiġi skambjata, bla ma jinħolqu effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni, partikolarment fil-kuntest tal-awtovalutazzjoni tal-ftehimiet;

12. Jilqa' b'sodisfazzjon ir-reviżjoni tal-kapitolu dwar l-istandardizzazzjoni fl-abbozz il-ġdid tal-linji gwida orizzonatli kif ukoll il-prijorità li ngħataw l-aspetti ambjentali fih; ifakkar fil-benefiċċji ċari ta' proċess trasparenti ta' stabbiliment tal-istandards; japprezza l-fatt, għalhekk, li d-dispożizzjonijiet bil-għan li jittrattaw l-inċertezza inerenti rigward l-eżistenza ta' drittijiet tal-proprjetà intellettwali f'dan il-kuntest u l-kundizzjonijiet kummerċjali li jiġu adottati għall-għoti ta' liċenzji ta' tali drittijiet; iqis li huwa importanti ferm li jiġi evitat tilwim wara l-adozzjoni ta' standards;

13. Jenfasizza l-importanza tar-rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, li jikkontirbwixxu deċiżivament għall-innovazzjoni; ifakkar li l-kapaċità tal-innovazzjoni hija element ewlieni fil-ħolqien ta' ekonomija kompetittiva u fl-ilħuq tal-miri tal-UE 2020; jappoġġja l-prevenzjoni ta' kull abbuż tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali permezz ta' leġiżlazzjoni dwar il-kompetizzjoni, fost affarijiet oħra;

14. Jemmen, madankollu, li din il-kwistjoni għandha titqies f'qafas regolatorju sostantiv usa' u mhux biss f'kuntest ta' politika dwar il-kompetizzjoni; jisħaq fuq il-fatt li dan il-kapitolu tal-abbozz ġdid ta' linji gwida orizzontali għandu jitqies bħala parti minn qafas regolatorju integrat dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

15. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-partijiet kollha ta' ftehim dwar ir-riċerka u l-iżvilupp għandhom jiżvelaw minn qabel id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali eżistenti u pendenti kollha tagħhom sakemm ikunu rilevanti għall-użu tar-riżultati tal-ftehim mill-partijiet l-oħra;

16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri.