Proċedura : 2009/2780(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B7-0158/2009

Testi mressqa :

RC-B7-0158/2009

Dibattiti :

PV 25/11/2009 - 14
CRE 25/11/2009 - 14

Votazzjonijiet :

PV 26/11/2009 - 8.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2009)0099

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 147kWORD 99k
25.11.2009
PE428.777v01-00}
PE428.778v01-00}
PE428.779v01-00}
PE432.779v01-00} RC1
 
B7-0158/2009}
B7-0159/2009}
B7-0160/2009}
B7-0163/2009} RC1

skont l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta’ Proċedura

li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

S&D (B7‑0158/2009)

ALDE (B7‑0159/2009)

PPE (B7‑0160/2009)

ECR (B7‑0163/2009)


dwar soluzzjoni politika rigward il-problema tal-piraterija 'l barra mill-kosta tas-Somalja


Michael Gahler, Filip Kaczmarek, Luis de Grandes Pascual, Arnaud Danjean, Mario Mauro, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra f'isem il-Grupp PPE
Adrian Severin, Saïd El Khadraoui, Roberto Gualtieri, Eider Gardiazábal Rubial f'isem il-Grupp S&D
Izaskun Bilbao Barandica f'isem il-Grupp ALDE
Geoffrey Van Orden, Paweł Robert Kowal, Tomasz Piotr Poręba, Michał Tomasz Kamiński, Adam Bielan, Ryszard Czarnecki f'isem il-Grupp ECR
Niki Tzavela, Fiorello Provera f'isem il-Grupp EDF

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar soluzzjoni politika rigward il-problema tal-piraterija 'l barra mill-kosta tas-Somalja  

Il-Parlament Ewropew,

–      wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fis-Somalja,

 

–        wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2008 dwar il-piraterija fuq il-baħar(1),

 

–        wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2008 dwar il-qtil regolari taċ-ċivili fis-Somalja(2),

 

–        wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-Kunsill għar-Relazzjonijiet Esterni tas-27 ta' Lulju 2009 (12353/2009) u tas-17 ta’ Novembru 2009 (15649/2009),

 

–        wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/918/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 dwar it-tnedija tal-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta’ kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta’ piraterija u ta’ serq bl-użu tal-armi ’l barra mix-xtut tas-Somalja (Atalanta)(3),

 

–        wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtá tan-Nazzjonijiet Uniti 1814 (2008), 1816 (2008), 1838 (2008), 1846 (2008), 1851 (2008), 1863 (2009) u 1972 (2009),

 

–        wara li kkunsidra l-iskambju ta' ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Kenja dwar il-kundizzjonijiet u l-arranġamenti għat-trasferiment mill-EUNAVFOR lejn il-Kenja tal-persuni ssuspettati li wettqu atti ta' piraterija li jkunu nżammu mill-forza navali mmexxija mill-Unjoni Ewropea (EUNAVFOR), u tal-propjetà maqbuda fil-pussess tal-EUNAVFOR, u għat-trattament ta’ dawn il-persuni wara li jiġu ttrasferiti,

 

–        wara li kkunsidra l-iskambju ta' ittri konkluż fit-30 ta' Ottubru 2009 bejn l-UE u r-Repubblika tas-Seychelles biex jiġi permess it-trasferiment tal-persuni suspettati b'piraterija u serq armat arrestati mill-operazzjoni Atalanta fiż-żona tal-operazzjoni,

 

–        wara li kkunsidra l-prinċipji ta' gwida miftiehma bejn il-partijiet għall-Ftehim ta' Paċi ta' Djibouti fil-25 ta' Novembru 2008, b'mod partikolari l-istabbiliment ta' gvern ta' unità u ta' parlament inklużiv,

 

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

 

A.  billi l-ġlied li reġa' beda dan l-aħħar bejn ir-ribelli tal-Unjoni tal-Qrati Islamiċi u t-truppi tal-Gvern Federali Tranżizzjonali u tal-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja wassal biex kompliet żdiedet l-instabilità u biex intilfu aktar ħajjiet fis-Somalja,

 

B.  billi l-komunità internazzjonali tirrispetta s-sovranità, l-integrità territorjali, l-indipendenza politika u l-unità tas-Somalja,

 

C.  billi s-Somalja ilu ma jkollha gvern li jiffunzjona sa mill-waqgħa tar-reġim ta' Siad Barre fl-1991, u billi minn dak iż-żmien is-sitwazzjoni politika baqgħet waħda ta' anarkija, ikkaratterizzata bi ġlied bejn klannijiet interni u brigantaġġ,

 

D.  billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-belt kapitali tas-Somalja, Mogadishu, kompliet teħżien, u dan żamm lill-NGOs nazzjonali u internazzjonali milli jlaħħqu mal-katastrofi umanitarja li qiegħda sseħħ u milli jirreaġixxu għall-emerġenzi,

 

E.  billi fis-Somalja għadhom qed iseħħu abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u vjolazzjonijiet tal-liġi umanitarja internazzjonali mill-partijiet kollha tal-kunflitt fis-Somalja - speċifikament tortura u trattament ħażin ieħor, stupri, eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, detenzjoni arbitrarja u attakki fuq persuni ċivili, ġurnalisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u fuq l-infrastruttura ċivili;

 

F.  billi hu mħasseb bil-gwerra ċivili fis-Somalja li qiegħda tieħu fit-tul u bl-implikazzjonijiet tagħha għall-proċess ta' paċi u rikonċiljazzjoni f'dak il-pajjiż, kif ukoll għas-sigurtà u l-istabilità tal-Qarn tal-Afrika kollu kemm hu,

 

G.  billi, sa reċentement ħafna, l-attakki mill-pirati ma kinux immirati biss lejn vapuri merkantili iżda anke lejn bastimenti tal-Programm Dinji tal-Ikel, dgħajjes tas-sajd u vapuri tat-turisti,

 

H.  billi piraterija ta’ dan it-tip parzjalment tirriżulta mill-vjolenza u mill-instabilità politika fis-Somalja u tikkontribwixxi għalihom, u għandha effett indirett fuq il-bqija tar-reġjun tal-Qarn, u għandha konsegwenzi konkomitanti għall-popolazzjoni ċivili tas-Somalja f'dak li għandu x'jaqsam mal-esponiment għat-theddid, in-nuqqas ta’ żvilupp u l-waqfien fl-għajnuna alimentari u sforzi umanitarji oħrajn,

 

I.  billi fit-8 ta' Diċembru 2008, il-Kunsill iddeċieda li jniedi, bħala parti mill-azzjoni komprensiva mwettqa mill-UE fil-Qarn tal-Afrika, l-ewwel operazzjoni navali tal-UE (EU NAVFOR Atalanta), b’mandat li trażżan, tiskoraġġixxi u tipprevjeni atti ta' piraterija u serq armat 'il barra mill-kosta tas-Somalja u biex tagħti kontribut għall-ħarsien ta' bastimenti merkantili u, b'mod partikolari, ta' bastimenti tal-Programm Dinji tal-Ikel li jkunu qegħdin jipprovdu għajnuna alimentari lill-persuni spostati fis-Somalja,

 

J.  billi, minn Diċembru 2008, l-Operazzjoni Atalanta pprovdiet ħarsien kruċjali għal 50 bastiment tal-Programm Dinji tal-Ikel li bejn wieħed u ieħor wasslu 300 000 tunnellata ikel, li minnu finalment ibbenefikaw b'mod dirett 1.6 miljun Somalu,

 

K.  billi, fis-27 ta' Lulju 2009, il-Kunsill iddeċieda li jsaħħaħ l-involviment tal-UE għall-promozzjoni tal-paċi u l-iżvilupp fis-Somalja, b'koperazzjoni mill-qrib mal-parteċipanti rilevanti kollha, b'mod partikolari n-NU u l-Unjoni Afrikana, u għal dan il-għan eżamina l-modi possibbli biex l-UE tagħti kontribut għall-isforzi internazzjonali, fosthom fil-qasam tas-sigurtà,

 

L.  billi, fis-17 ta' Novembru 2009, il-Kunsill approva Kunċett għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet dwar missjoni possibbli tal-Politika Ewropea ta’ Sigurtà u ta’ Difiża biex jingħata kontribut għat-taħriġ ta' 2,000 ruħ mill-forza ta’ sigurtà tal-Gvern Federali Tranżizzjonali tas-Somalja,

 

M.  billi l-piraterija saret negozju li jħalli l-qligħ peress li qed jintalbu riskatti enormi għal individwi u billi l-pirati tal-ġurnata tal-lum jużaw metodi aktar sofistikati, huma armati tajjeb ħafna bi strateġija ċara u kapaċi li jadattaw malajr għal tattiċi ġodda,

 

N.  billi din l-assistenza fit-tul mis-sħab internazzjonali ma tistax tkun effikaċi mingħajr ma tiġi stabbilizzata s-sitwazzjoni tas-sigurtà,

 

O.  billi r-ribelli tal-Unjoni tal-Qrati Islamiċi eliminaw il-possibilità ta’ kull kuntatt u rikonċiljazzjoni politiċi intenzjonati għall-paċi bħala parti mill-Proċess ta' Paċi ta' Djibouti li jipprovdi qafas biex tintlaħaq soluzzjoni politika dejjiema fis-Somalja,

 

P.  billi l-persunal militari involut fl-operazzjoni jista' jarresta, iżomm u jittrasferixxi persuni li huma ssuspettati li wettqu atti ta' piraterija jew serq armat fl-inħawi fejn ikun preżenti; billi dawk issuspettati jistgħu jiġu mħarrka minn Stat Membru tal-UE jew mill-Kenja skont il-ftehim iffirmat mal-UE fis-6 ta' Marzu 2009, li jagħti lill-awtoritajiet tal-Kenja d-dritt li jħarrku,

 

Q.  billi, skont rapport mill-Programm Ambjentali tan-Nazzjonijiet Uniti, ġie depożitat għadd kbir ta' tagħbijiet illegali bi skart tossiku, li l-kontenut tagħhom qed inixxi, tul il-kosta tas-Somalja, b’nuqqas totali ta’ attenzjoni għas-saħħa tal-popolazzjoni lokali u l-konservazzjoni tal-ambjent,

 

1.   Jikkundanna bil-qawwa l-ksur serju tal-liġijiet umanitarji internazzjonali u tal-liġijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-partijiet kollha fil-kunflitt tas-Somalja; jitlob biex il-ġlied jintemm minnufih u biex il-gruppi armati kollha jerħu l-armi tagħhom b'urġenza u jingħaqdu fi djalogu ġenwin fuq bażi estensiva mal-Gvern Federali ta’ Tranżizzjoni; jitlob li l-fazzjonijiet kollha mdaħħla fil-ġlied joqogħdu lura milli jattakkaw lil persuni ċivili b’mod indiskriminat, u jitlob li jkun hemm bord indipendenti li jinvestiga r-reati tal-gwerra u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

 

2.   Itenni l-appoġġ tiegħu għall-Gvern Federali ta’ Tranżizzjoni taħt it-tmexxija tal-President Sheikh Sharif Sheikh Ahmed, u għall-impenji tal-President li jonora l-prinċipji stipulati fil-Ftehim ta' Paċi ta' Djibouti, inklużi l-ispirtu ta' rikonċiljazzjoni u t-tfittxija għal proċess politiku inklużiv; jikkundanna l-attakki armati kontra l-Gvern Federali ta’ Tranżizzjoni tas-Somalja u kontra n-NU u l-NGOs;

 

3.   Ifakkar li l-komunità internazzjonali u l-partijiet kollha fil-kunflitt attwali għandhom ir-responsabilità li jħarsu lill-persuni ċivili, li jippermettu li tingħata l-assistenza, u li jirrispettaw l-ispazju umanitarju u s-sikurezza tal-ħaddiema umanitarji; jitlob, għaldaqstant, li immedjatament jinħolqu l-kundizzjonijiet tajbin biex ikun hemm rispons xieraq għall-katastrofi umanitarja fis-Somalja;

 

4.   Josserva b'sodisfazzjon kbir li l-operazzjoni EU NAVFOR Atalanta għadha tikkontribwixxi b'suċċess għas-sigurtà marittima 'l barra mill-kosta tas-Somalja billi tħares il-bastimenti mikrija tal-Programm Dinji tal-Ikel li jwasslu l-għajnuna lis-Somalja, il-bastimenti li jipprovdu merkanzija kritika għall-operazzjoni tal-Unjoni Afrikana għall-appoġġ tal-paċi fis-Somalja, u bastimenti vulnerabbli oħrajn; jistieden lill-Kunsill biex jestendi l-operazzjoni għal sena oħra meta l-mandat attwali jintemm fit-12 ta' Diċembru 2009; jesprimi l-appoġġ tiegħu biex possibilment tiġi estiża ż-żona operattiva lejn in-nofsinhar, skont l-attività ta’ piraterija, iżda jenfasizza li din l-estensjoni m'għandhiex taffettwa l-għan essenzjali tal-missjoni, li hu l-ħarsien tal-konvojs tal-Programm Dinji tal-Ikel u ta' bastimenti vulnerabbli oħrajn, bħal dawk tal-flotta merkantili u tas-sajd;

 

5.   Jenfasizza li l-piraterija fl-ibħra miftuħa timmina serjament is-sitwazzjoni ta’ sigurtà u taffettwa bil-qawwa l-forniment ta' għajnuna alimentari f’sitwazzjoni umanitarja diġà kritika;

 

6.   Jenfasizza li l-piraterija tista' tingħeleb b'suċċess biss jekk jiġu indirizzati mill-għeruq il-kawżi tal-problema li jinsabu fuq l-art, u li jikkonsistu fil-faqar u fi stat fallut, u jistgħu jinqerdu biss permezz tal-paċi, l-iżvilupp u l-kostruzzjoni statali fis-Somalja;

 

7.   Hu tal-fehma li, sakemm tinstab soluzzjoni politika għall-problema jekk is-Somalja hix ta’ min jafdaha bħala membru tal-komunità internazzjonali, l-istrateġija tas-sigurtà implimentata permezz tal-Operazzjoni Atalanta trid tkompli tieħu preċedenza u anke tissaħħaħ f’dak li għandu x’jaqsam mar-riżorsi disponibbli għall-forzi mobilizzati mill-operazzjoni nnifisha;

 

8.   Jistieden, għalhekk, lill-Kunsill biex jeżamina l-possibilità li titwaqqaf operazzjoni ġdida fuq skala żgħira tal-Politika Ewropea ta’ Sigurtà u ta’ Difiża, li timxi b’mod parallel mal-Operazzjoni Atalanta, biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-forzi tas-sigurtà tal-Gvern Federali ta’ Tranżizzjoni, biex b’hekk l-inizjattivi eżistenti - inklużi l-inizjattiva ta' Franza f'Djibouti u l-inizjattiva tal-Uganda bħala parti mill-programm ta' taħriġ stabbilit mill-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja - jiġu konformi ma’ xulxin billi jiġi żgurat li jieħdu l-istess tip ta' azzjoni; jilqa', f'dan ir-rigward, l-approvazzjoni tal-Kunċett tal-Ġestjoni tal-Kriżijiet għall-possibilità ta' operazzjoni ġdida tal-Politika Ewropea ta’ Sigurtà u ta’ Difiża għas-Somalja, iżda jinsisti li l-adozzjoni ta’ dan il-kunċett bl-ebda mod m'għandha tinfluwenza minn qabel id-deċiżjoni dwar l-attivazzjoni ta' missjoni li tista' tittieħed biss wara eżami aktar bir-reqqa tas-sitwazzjoni fil-post, filwaqt li jkun żgurat li jitħarsu d-drittijiet tal-bniedem, li jitħallsu s-salarji, li jkun provdut it-tagħmir u li l-forzi tas-sigurtà mħarrġa jiġu integrati fl-istrutturi tal-istat u ta' kmand sabiex, darba jerġgħu lura, ma jdurux kontra l-gvern li suppost ikunu qegħdin jipproteġu;

 

9.   Jiddispjaċih li minn 35 sa 40% tal-bastimenti fiż-żona mhumiex reġistrati mal-entità għall-koordinazzjoni ċentrali tas-sigurtà marittima; u li, bħala konsegwenza, dawn il-bastimenti mhumiex konxji tat-theddid speċifiku għas-sigurtà; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-bastimenti kollha tagħhom ikunu jiġu reġistrati;

 

10. Jisgħobbih li attitudni dgħajfa lejn id-domandi tal-pirati Somali, anke mingħajr l-applikazzjoni tal-miżuri meħtieġa ta’ koerċizzjoni, tista’ tipproduċi effetti kontroproduttivi u mhux mixtieqa fil-ġejjieni billi tikkontribwixxi għal każi ġodda ta’ piraterija fiż-żona;

 

11. Jistieden lill-Istati Membri biex jistudjaw bir-reqqa l-possibilità li jkollhom forzi militari abbord il-bastimenti tal-merkanzija u tas-sajd;

 

12.  Jesprimi l-appoġġ kontinwu tiegħu għall-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja, minħabba l-irwol ċentrali tagħha fil-proċess tal-paċi; jinsisti li involviment ulterjuri mal-Unjoni Afrikana u l-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja għandu jidentifika l-ħtiġijiet l-aktar urġenti u l-forom possibbli ta’ appoġġ addizzjonali tal-UE sabiex il-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja tkun tista' tiżviluppa kapaċitajiet proporzjonati mal-mandat tagħha;

 

13. Jistieden lill-komunità internazzjonali, u b'mod partikolari lill-UE, sabiex tipprovdi iktar assitenza umanitarja lill-persuni li jkunu ġew spustati internament u lil dawk fil-bżonn;

 

14. Hu tal-fehma li l-involviment tal-organizzazzjonijiet tan-nisa Somali u s-soċjetà ċivili Somala jista’ jkollu rwol pożittiv fil-proċess ta’ rikonċiljazzjoni nazzjonali;

 

15. Jistieden lill-Istati Membri biex jistudjaw il-possibilità li jħarrġu l-ekwipaġġ u s-sajjieda biex iħejjuhom għall-eventwalità ta' teħid ta' ostaġġi;

 

16. Iħeġġeġ l-applikazzjoni u l-monitoraġġ stretti u mġeddin tal-embargo fuq l-armi kontra s-Somalja, li kien impost min-NU fl-1992, u li ftit li xejn qiegħed jiġi osservat; jitlob li dawk li jiksru l-embargo tal-armi tas-Somalja jinżammu responsabbli;

 

17. Jistieden lin-Nazzjonijiet Uniti u lill-Kummissjoni Ewropea biex iwettqu investigazzjoni kompluta tar-rimi ta’ skart tossiku u s-sajd illegali tul il-kosta tas-Somalja, biex ir-responsabilitajiet jiġu stabbiliti fil-livelli kollha, biex jappoġġaw l-isforzi sabiex dawk responsabbli għal dawn l-atti kriminali jitressqu quddiem il-ġustizzja u biex jassiguraw li t-tniġġis ambjentali jkun indirizzat b’mod komprensiv;

 

18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Segretarji Ġenerali tal-Unjoni Afrikana, tan-NU u tal-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp, lill-President tal-Gvern Federali ta’ Tranżizzjoni tas-Somalja, lill-Gvern tal-Etjopja u lill-Parlament Pan-Afrikan.

 

(1)

Testi Adottati, P6_TA(2008)0519.

(2)

Testi Adottati, P6_TA(2008)0313.

(3)

ĠU L 301, 12.11.2008, p. 33.

Aġġornata l-aħħar: 20 ta' Mejju 2010Avviż legali