Proċedura : 2010/2656(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B7-0246/2010

Testi mressqa :

RC-B7-0246/2010

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 06/05/2010 - 7.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0149

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 135kWORD 87k
3.5.2010
PE439.767v01-00}
PE439.772v01-00}
PE439.777v01-00}
PE439.778v01-00}
PE439.779v01-00} RC1
 
B7-0246/2010}
B7-0251/2010}
B7-0255/2010}
B7-0256/2010}
B7-0257/2010} RC1

imressqa skont l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

Verts/ALE (B7‑0246/2010)

ALDE (B7‑0251/2010)

ECR (B7‑0255/2010)

PPE (B7‑0256/2010)

PPE (B7‑0257/2010)


dwar is-sitwazzjoni fil-Kirgiżistan


Elmar Brok, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Filip Kaczmarek, Cristian Dan Preda, Ioannis Kasoulides, Paolo Bartolozzi f'isem il-Grupp PPE-DE
Gilles Pargneaux f'isem il-Grupp S&D
Niccolò Rinaldi, Ramon Tremosa i Balcells f'isem il-GruppALDE
Bart Staes, Heidi Hautala, Nicole Kiil-Nielsen f'isem il-GruppVerts/ALE
Jacek Olgierd Kurski, Zbigniew Ziobro, Tomasz Piotr Poręba, Ryszard Antoni Legutko,

f'isem il-GruppECR

EMENDI

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Kirgiżistan  

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Kirgiżistan u l-Asja Ċentrali, rigward, b'mod partikolari, dik tat-12 ta' Mejju 2005,

 

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Frar 2008 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali,

 

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-VP/RGħ Catherine Ashton dwar is-sitwazzjoni fil-Kirgiżistan tas-7 u t-8 ta' April 2010,

 

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tas-26 ta’ April 2010,

 

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-UE fil-Kunsill Permanenti tal-OSKE dwar il-qagħda fil-Kirgiżistan tat-22 ta' April 2010,

 

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE għal Sħubija Ġdida mal-Asja Ċentrali adottata mill-Kunsill Ewropew tal-21 u t-22 ta' Ġunju 2007,

 

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-UE u l-Kirgiżistan li daħal fis-seħħ fl-1999,

 

–   wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Strateġija Reġjonali tal-Komunità Ewropea dwar l-Għajnuna għall-Asja Ċentrali għall-perjodu 2007-2013,

 

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi huwa fl-interessi tal-popli kemm tal-Asja Ċentrali kif ukoll tal-Unjoni Ewropea li jaraw li jkun hemm progress lejn stabilità u livelli ogħla ta' żvilupp demokratiku u uman, ta' sigurtà umana u ta' tkabbir sostenibbli fir-reġjun,

B.  billi l-Kirgiżistan huwa membru tal-OSKE u fi ħdan dan il-qafas huwa impenjat li jirrispetta l-libertajiet fundamentali, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt u li jimplimenta l-istandards demokratiċi tal-OSKE,

C. billi Kurmanbek Bakiyev, li ħa l-kariga l-ewwel darba f’Lulju 2005 wara l-hekk imsejħa Rivoluzzjoni tat-Tulipani, is-sena li għaddiet reġa’ ġie elett għal mandat ieħor bħala president f'elezzjoni li l-osservaturi indipendenti qalu li kienet imċappsa bi frodi kbira; billi wara l-ewwel impenji demokratiċi tiegħu t-tmexxija ta' Bakiyev saret awtoritarja,

D. billi fis-7 ta' April 2010, truppi Kirgiżi intervenew bl-użu ta' balal, gass tad-dmugħ u stun grenades kontra folla ta' dimostranti li nġabret quddiem l-uffiċċju presidenzjali f'Bixkek u li wara attakkat bini tal-gvern bi protesta kontra żieda qawwija fil-prezzijiet tal-elettriku u tat-tisħin, u li dan ħalla 80 ruħ mejta u aktar minn 500 midruba,

E.  billi l-President Bakiyev kien imġiegħel jaħrab mill-belt kapitali u postu ttieħed minn gvern proviżorju mmexxi mill-kap tal-oppożizzjoni Roza Otunbayeva li ħarġet digriet dwar is-suċċessjoni tal-poter u ordni ta' konformità mal-kostituzzjoni Kirgiża u xoljiet il-parlament; billi wara li pprova jagħmel il-kundizzjonijiet għar-riżenja tiegħu ġimgħa wara l-irvell, Bakiyev telaq mill-pajjiż lejn il-Kazakistan skont ftehim innegozjat bejn ir-Russja, l-Istati Uniti u l-Kazakistan,

F.  billi l-Kirgiżistan jiġbed attenzjoni speċjali mill-Istati Uniti u r-Russja minħabba l-pożizzjoni strateġika tiegħu qrib l-Afghanistan u qrib il-Wied ta' Ferghana, li jinsab ġeografikament, politikament u ekonomikament f'nofs l-Asja Ċentrali; billi ċ-Ċentru ta' Transitu ta' Manas imħaddem mill-militar tal-Istati Uniti għandu rwol kruċjali fin-Netwerk ta' Distribuzzjoni tat-Tramuntana għall-provvisti għat-truppi tan-NATO fl-Afghanistan, filwaqt li r-Russja wkoll għandha bażi militari importanti fil-Kirgiżistan,

G. billi r-relazzjoni bejn l-UE u l-Asja Ċentrali hija kruċjali, minħabba l-isfidi komuni f'termini ta' enerġija, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, il-kontroll tat-traffikar tad-droga, u l-ġlieda kontra t-terroriżmu,

H. billi l-kompetizzjoni ġeografika fir-reġjun għandha potenzjal distruttiv ħafna, iżda għandha wkoll interessi komuni fir-rigward tal-Afganistan u l-firxa tal-Islamiżmu radikali, li joħloq il-potenzjal li titnaqqas din il-kompetizzjoni u jinkiseb ftehim dwar il-ħtieġa li jkun hemm governanza aħjar,

I.   billi l-UE għandha dejjem tħares l-impenn tagħha li tintegra d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt f'kull ftehim ma' stati terzi u li tippromwovi riformi demokratiċi permezz ta' politiki koerenti li jsaħħu l-kredibilità tagħha bħala attur reġjonali,

J.   billi l-preżenza tal-UE fil-Kirgiżistan, esseżjalment bħala donatur tal-għajnuna, hija sinifikanti u tqiegħed lill-UE f’qagħda tajba biex tassumi rwol importanti ta' appoġġ fir-reġjun,

K. billi l-Kummissjoni u l-Kunsill qegħdin fl-istadju ta' reviżjoni tal-Istrateġija għall-Asja Ċentrali u qed jippreparaw rapport li se jiġi ppreżentat fil-laqgħa ta' smigħ ta' Ġunju tal-Kunsill tal-Ewropa,

1.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Kirgiżistan u joffri l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi kollha tal-avvenimenti traġiċi;

2.  Jistieden lill-partijiet kollha biex itemmu l-vjolenza, jeżerċitaw ir-rażan u jagħmlu kull sforz sabiex jinbeda djalogu ġenwin immirat lejn l-ilħiq tal-istabilità u jipprovdu l-kundizzjonijiet meħtieġa għar-ritorn paċifiku għal ordni kostituzzjonali demokratiku;

3.  Jenfasizza li, minn perspettiva istituzzjonali, qafas kostituzzjonali koerenti u stabbli huwa essenzjali biex jipprevjeni inkwiet soċjali fil-ġejjieni u jiżgura futur paċifiku għall-poplu Kirgiżtan; jilqa', minn din il-perspettiva, il-kooperazzjoni tal-gvern proviżorju mal-Kummissjoni ta' Venezja;

4.  Jieħu nota tal-ewwel passi meħuda mill-gvern proviżorju biex terġa' tiddaħħal id-demokrazija rigward, b'mod partikolari, il-pjanijiet biex issir kostituzzjoni ġdida li tikkoreġi r-reviżjoni ta’ Bakiyev li kienet poġġiet poter eċċessiv f'idejn il-presidenza;

5.  Jilqa’ b’sodisfazzjon, f’dan ir-rigward, it-tħabbira tal-gvern proviżorju li se jagħmel referendum dwar il-kostituzzjoni l-ġdida fis-27 ta’ Ġunju 2010 u elezzjonijiet ġenerali ġodda fl-10 ta’ Ottubru 2010; jistieden lill-gvern proviżorju sabiex jirrispetta l-obbligi internazzjonali tal-Kirgiżistan u sabiex jiżgura li l-elezzjonijiet ikunu liberi u ġusti;

6.  Jenfasizza l-importanza tar-rwol attiv tal-UE mal-gvern proviżorju, bil-għan li jiġu esplorati u sfruttati l-possibilitajiet għall-promozzjoni ta' governanza tajba, l-indipendenza tal-ġudikatura, u objettivi oħra ta' politiki tal-UE stipulati fl-Istrateġija għall-Asja Ċentrali, kif ukoll sabiex jiġu ffaċilitati l-impenn u l-attivitajiet ta' istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra;

7.  Jitlob investigazzjoni internazzjonali dwar dawn l-avvenimenti sabiex jiġu identifikati r-responsabilitajiet u n-nuqqasijiet u tiġi pprovduta assistenza lill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Kirgiżistan, u jħeġġeġ f'dan ir-rigward lill-gvern proviżorju sabiex jitlob l-għajnuna tal-OHCHR sabiex ikun żgurat li l-investigazzjonijiet fl-avvenimenti tas-6-7 ta' April 2010 jkunu metikolużi, imparzjali u kredibbli;

8.  Jinnota li r-Rivoluzzjoni tat-Tulipani tal-2005 ħolqot aspettattivi kbar ta’ riformi demokratiċi fis-soċjetà Kirgiża li ma mmaterjalizzawx; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex juru koerenza u assertività u jużaw din l-opportunità sabiex isibu modi biex jassistu lill-gvern proviżorju tal-Kirgiżistan u jgħinu lill-awtoritajiet sabiex jagħmlu riformi demokratiċi u jtejbu l-ħajjiet tan-nies permezz tal-iżvilupp nazzjonali u r-responsabilizzazzjoni taċ-ċittadini, b’kooperazzjoni mal-partijiet interessati kollha u s-soċjetà ċivili tal-Kirgiżistan;

9.  Jinnota li n-nuqqas qawwi ta' riżorsi naturali u l-vulnerabilità tal-Kirgiżistan jagħmluh dipendenti ħafna fuq l-appoġġ estern; jinnota wkoll li fil-viċinat tiegħu hemm nuqqas serju ta’ mudelli ta’ governanza demokratika u li tiffunzjona tajjeb u ta’ żvilupp soċjali pożittiv; jenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-assistenza internazzjonali se tkun ta’ importanza kruċjali;

10. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-iżviluppi fil-Kirgiżistan jinfluwenzaw l-iżviluppi reġjonali u internazzjonali kif ukoll huma fl-istess waqt influwenzati minnhom; huwa konvint li hemm interessi komuni kbar bejn ir-Russja, l-Istati Uniti u interessi oħrajn, b'mod partikulari rigward l-Afghanistan u l-firxa tal-Islamiżmu radikali fir-reġjun, inkluż fil-Kirgiżistan; iqis li dan għandu jippermetti li tiġi limitata l-kompetizzjoni ġeopolitika u li jinstabu sinerġiji; jemmen li suċċess f'dan ir-rigward ikollu effetti pożittivi usa' fuq ir-relazzjonijiet u s-sigurtà internazzjonali;

11. Jistieden lir-Rappreżentant Speċjali għall-Asja Ċentrali tal-VP/RGħ biex isegwi mill-qrib is-sitwazzjoni, jipprovdi assistenza u jiffaċilita l-bidu mill-ġdid tad-djalogu bejn il-komponenti kollha tas-soċjetà tal-Kirgiżistan;

12. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jeżaminaw b’urġenza jekk jeżistux jew jistgħux jinħolqu l-kundizzjonijiet għall-varar ta’ programm ta' għajnuna ġdid u kbir għall-Kirgiżistan, mhux l-anqas fil-qies ta' kemm jidher qawwi l-impenn reali tal-gvern proviżorju tal-Kirgiżistan favur id-demokratizzazzjoni u t-tmexxija nadifa; iqis li jekk jiġi kkunsidrat li jkunu jeżistu kundizzjonijiet favorevoli suffiċjenti, l-UE għandha tmexxi hi biex isiru l-arrangamenti għal konferenza tad-donaturi fil-Kirgiżistan;

13. Jitlob użu estensiv tal-Istrument għall-Istabilità; jenfasizza l-bżonn ta' għajnuna għal Kirgiżistan sabiex jegħleb l-problemi soċjali u ekonomiċi tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni biex tħejji proposti dwar ir-riallokazzjoni ta' fondi tal-Istrument ta' Kooperazzjoni fl-Iżvilupp biex tiżgura li fiż-żmien qasir kif ukoll f'dak medju, ir-reazzjoni tal-UE għas-sitwazzjoni l-ġdida fil-Kirgiżistan tkun ta' daqs adegwat; jenfasizza li għandha tingħata prijorità speċjali sabiex tinstab soluzzjoni għall-problemi fil-qasam tal-edukazzjoni, is-saħħa u l-provvista tal-ilma;

14. Jistenna bil-ħerqa r-reviżjoni tal-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE għar-reġjun u jitlob li jsiru sforzi sabiex din issir aktar kredibbli, konkreta u koerenti;

15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-gvern proviżorju tal-Kirgiżistan, lis-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tan-OSKE u lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa.

 

 

 

Aġġornata l-aħħar: 17 ta' Mejju 2010Avviż legali