Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0395/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0395/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

1.9.2008

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Pasqualina Napoletano, Alain Hutchinson, Glenys Kinnock, Neena Gill u Anne Van Lancker
f'isem il-Grupp PSE
dwar l-imwiet marbuta mal-maternità qabel il-Laqgħa ta’ Livell Għoli tan-NU tal-25 ta’ Settembru dwar ir-reviżjoni tal-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0377/2008

Proċedura : 2008/2621(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0395/2008
Testi mressqa :
B6-0395/2008
Testi adottati :

B6‑0395/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-imwiet marbuta mal-maternità qabel il-Laqgħa ta’ Livell Għoli tan-NU tal-25 ta’ Settembru dwar ir-reviżjoni tal-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp

Il-Parlament Ewropew,

-  wara li kkunsidra l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp, adottati fis-Samit tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti f'Settembru 2000,

-   wara li kkunsidra l-‘Aġenda għall-Azzjoni’ tal-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju u l-għanijiet tagħha għall-2010,

-  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni dwar ‘L-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp 2000 – 2004’ (SEC(2004)1379),

-  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta’ Brussell tas-16 u s-17 ta’ Diċembru 2004, li kkonfermaw l-impenn sħiħ tal-Unjoni Ewropea għall-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp u għall-koerenza politika,

-  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ‘L-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa fil-Koperazzjoni għall-Iżvilupp (SEC(2007)0332),

-   wara li kkunsidra l-Istrateġija Konġunta bejn l-Afrika u l-UE,

-  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Marzu 2008 dwar L-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa fil-Koperazzjoni għall-Iżvilupp (2007/2182(INI)),

-  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tiegħu tat-12 ta' April 2005 dwar l-irwol tal-Unjoni Ewropea fl-ilħuq tal-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp (MDGs) u tal-20 ta' Ġunju 2007 dwar ‘L-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp - il-bilanċ intermedju’,

-  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Novembru 2005 dwar strateġija ta’ żvilupp għall-Afrika, u r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2007 dwar is-sitwazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika,

-  wara li kkunsidra r-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa li saret f'Beijing f'Settembru 1995, id-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni li ġiet adottata f'Beijing kif ukoll id-dokumenti sussegwenti li rriżultaw, adottati min-Nazzjonijiet Uniti fis-Sessjonijiet Speċjali Beijing +5 u Beijing +10 dwar aktar azzjoni u inizjattiva fl-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni ta' Beijing u l-Pjattaforma ta' Azzjoni li ġiet adottata rispettivament fid-9 ta' Ġunju 2000 u fil-11 ta' Marzu 2005,

-  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Kunsill u r-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-Politika tal-Unjoni Ewropea għall-Iżvilupp: 'Il-Konsensus Ewropew' (Il-Konsensus Ewropew dwar l-Iżvilupp) iffirmat fl-20 ta' Diċembru 2005 u l-Konsensus Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja ta' Diċembru 2007,

-  wara li kkunsidra r-rapporti dwar l-Istat tal-Popolazzjoni Dinjija tal-2005 u l-2006, imħejjija mill-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Popolazzjoni, bl-isem ta’ ‘Il-Wegħda tal-Ugwaljanza: L-Ugwaljanza bejn is-Sessi, Is-Saħħa fir-Riproduzzjoni u l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp’ u ‘Bidla lejn it-Tama: In-Nisa u l-Migrazzjoni Internazzjonali’, rispettivament,

-  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament għall-koperazzjoni għall-iżvilupp (‘Strument ta’ Koperazzjoni għall-Iżvilupp’ (SKI)),

-  wara li kkunsidra l-Protokoll dwar id-Drittijiet tan-Nisa fl-Afrika, magħruf ukoll bħala l-‘Protokoll ta’ Maputo’ li daħal fis-seħħ fis-26 ta' Ottubru 2005, u l-Pjan ta' Azzjoni ta’ Maputo għat-tħaddim tal-Qafas tal-Politika Kontinentali għas-Saħħa u d-Drittijiet Sesswali u Riproduttivi 2007-2010, adottati waqt is-sessjoni speċjali tal-Unjoni Afrikana f'Settembru 2006,

-  wara li kkunsidra l-Konferenza Internazzjonali tan-NU dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (ICPD) li saret fil-Kajr f’Settembru 1994, il-Programm ta’ Azzjoni adottat fil-Kajr u d-dokumenti sussegwenti li rriżultaw, adottati fis-seduta speċjali tan-NU Kajr+5 dwar aktar azzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Azzjoni adottat fl-1999,

-  wara li kkunsidra l-qafas ta’ Brussell għal azzjoni u rakkomandazzjonijiet dwar is-saħħa għall-iżvilupp sostenibbli, adottat mill-Ministri tas-Saħħa tal-Grupp ta’ Stati tal-ACP fi Brussell f’Ottubru 2007,

-  wara li kkunsidra t-Trattat Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, li daħal fis-seħħ fit-3 ta’ Jannar 1976, b’mod partikulari l-Artikolu 12 tiegħu,

-  wara li kkunsidra l-Kumment Ġenerali Nru 14 tal-Kumitat għad-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali tan-NU intitolat, Id-Dritt għall-Ogħla Standard Possibbli ta’ Saħħa, Dok. NU E/C 12/2000/4 (2000),

-  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, tat-3 ta’ Settembru 1981,

-  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi l-imwiet marbuta mal-maternità huma l-Għan tal-Millennju għall-Iżvilupp li huwa l-altar 'il bogħod mill-mira tiegħu: l-Għan 5 jirrikjedi li r-rata tal-imwiet marbuta mal-maternità tonqos b’75% sal-2015, filwaqt li 186 pajjiż impenjaw ruħhom li jilħqu dan il-għan,

B.  billi aktar minn nofs miljun mara tmut kull sena waqt it-tqala jew il-hlas, u 99% minn dawn l-imwiet iseħħu f'pajjiżi li qed jiżviluppaw; billi f’20 sena, ir-rata fl-Afrika ’l isfel mis-Saħara bilkemm inbidlet u naqset biss b’0.1% fis-sena fir-reġjun, u hemm ir-riskju li mara minn kull sittax tmut waqt it-tqala jew waqt il-ħlas; billi l-imwiet marbuta mal-maternità huma l-indikatur l-aktar ċar ta’ inugwaljanzi dinjija fir-rigward tas-saħħa,

C.  billi, minbarra l-inugwaljanza ġeografika, l-esperjenza u r-riċerka dwar l-imwiet marbuta mal-maternità juru disparitajiet sinifikanti fir-rati ta’ mwiet marbuta mal-maternità skond l-għana, ir-razza u l-etniċità, il-lokazzjoni urbana jew rurali, il-livelli ta' edukazzjoni, kif ukoll skond ir-reliġjonijiet differenti fi ħdan il-pajjiżi, inklużi l-pajjiżi industrijalizzati, disparità li hija l-akbar diskrepanza fl-istatistika kollha tas-saħħa pubblika;

D.  billi l-G8 ftiehem dwar pakkett dwar is-saħħa li se jgħin fit-taħriġ u l-impjegar ta' miljun u nofs ħaddiem fis-settur tas-saħħa fl-Afrika sabiex ikun żgurat li 80% tal-ommijiet ikollhom l-assitenza ta' ħaddiem tas-saħħa mħarreġ waqt il-ħlas; billi dan jinkludi impenn tad-daqs ta' 2.3 ħaddiema għal kull 1000 ruħ f'36 pajjiż Afrikan li qed ibatu minn nuqqas kritiku; billi, madankollu, ma tissemma l-ebda limitazzjoni tal-għaxar biljun dollaru li skond l-attivisti fis-soċjetà ċivili jkunu meħtieġa biex, kull sena, jiġu salvati l-ħajjiet ta' sitt miljun omm u tifel;

E.  billi l-imwiet u l-morbożità marbuta mal-maternità huma emerġenza dinjija fir-rigward tas-saħħa; kull sena huwa stmat li madwar 536 000 nisa jmutu waqt il-ħlas u barra minn hekk, mara minn kull għoxrin ikollha kumplikazzjonijiet serji, li jvarjaw minn infezzjonijiet kroniċi għal kundizzjonijiet bħall-fistula ostetrika li jwasslu għal diżabilità, kif ukoll għal diżabilitajiet tul il-ħajja;

F.  billi mhuwiex misteru għaliex in-nisa jmutu waqt it-tqala u l-ħlas: il-kawżi tal-imwiet marbuta mal-maternità huma ċari u magħrufa sew, kif inhuma magħrufa l-mezzi biex ikunu evitati,

G.  billi l-imwiet marbuta mal-maternità jistgħu jkunu evitati billi jiżdied l-aċċess għal metodi ta’ ppjanar tal-familja u l-użu tagħhom, permezz tal-aċċess għal kura tal-omm sikura u ta’ kwalità, partikolarment waqt it-tqala, il-ħlas bil-kura ostetrika ta' emerġenza, u fil-perjodu ta' wara l-ħlas, kif ukoll billi jittejbu s-saħħa u n-nutrizzjoni tan-nisa u tal-pożizzjoni tagħhom fis-soċjetà,

H.  billi dan l-approċċ ta’ prevenzjoni jinkludi t-taħriġ tan-nisa u tal-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa biex jagħrfu l-kumplikazzjonijiet waqt it-tqala u l-ħlas, jirrikjedi netwerk ta’ faċilitajiet tas-saħħa xierqa li jistgħu jintużaw f’perjodu raġonevoli ta’ żmien bl-infrastruttura u t-trasport disponibbli, u jirrikjedi li tingħata kura xierqa f’dawn il-faċilitajiet tas-saħħa fil-qrib, minn staff imħarreġ, b’immaniġġjar effettiv u bil-provvista ta’ elettriku, ilma u provvisti mediċi,

I.  billi l-imwiet marbuta mal-maternità li jistgħu jkunu evitati jikkostitwixxu vjolazzjonijiet tad-dritt għall-ħajja tan-nisa u tat-tfajliet adolexxenti, kif stipulat f’għadd ta' impenji internazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem, inkluża d-Dikjarazzjoni Universali tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, u l-kawżi tal-imwiet u l-morbożità marbuta mal-maternità jistgħu jinvolvu wkoll vjolazzjonijiet ta’ drittijiet tal-bniedem oħra, inkluż id-dritt għall-ogħla standard possibbli ta’ saħħa fiżika u mentali u d-dritt għan-non-diskriminazzjoni fl-aċċess għall-kura tas-saħħa bażika,

J.  billi hija r-responsabilità tal-gvernijiet li jipprovdu huma stess jew permezz ta’ oħrajn, servizzi ta’ kura tas-saħħa bħala dritt, u billi anke dawk il-gvernijiet b'riżorsi limitati jistgħu jieħdu miżuri immedjati li jkollhom impatt fuq is-saħħa materna,

K.  billi, fl-aħħar mill-aħħar, huwa anwqas probabbli li l-kawżi tal-imwiet marbuta mal-maternità u tal-kundizzjonijiet marbuta mal-ħlas ikunu prattiċi jew strutturali, iżda x’aktarx li jiddependu mill-valur baxx u mill-istejtus baxx mogħti lin-nisa, li ġeneralment huma żvantaġġjati fis-soċjetà, u filwaqt li huwa magħruf li, f’pajjiżi b’livelli simili ta’ żvilupp ekonomiku, aktar ma l-istejtus tan-nisa jkun għoli, anqas ma tkun ir-rata tal-imwiet marbuta mal-maternità,

L.  billi n-nisa huma partikolarment vulnerabbli waqt it-tqala jew il-ħlas minħabba diversi forom ta’ diskriminazzjoni, inklużi disparitajiet bejn in-nisa u l-irġiel fid-dar, prattiki tradizzjonali li jkunu ta’ ħsara għan-nisa, il-vjolenza fuq in-nisa, in-nuqqas ta’ setgħa rigward id-drittijiet riproduttivi tagħhom, it-tiċħid tat-trabi tfajliet u l-isterjotipi ta’ nisa prinċipalment bħala ommijiet u persuni li jieħdu ħsieb lil oħrajn; billi l-KOnvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) ġiet irratifikata mill-Istati Membri kollha tal-UE,

M.  billi l-Assemblea Ġenerali tan-NU inkludiet ‘l-aċċess universali għas-saħħa riproduttiva mill-2015’ bħala għan sekondarju fil-lista tal-MDGs taħt l-MDG 5 – L-Imwiet marbuta mal-Maternità,

N.  billi waqt il-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (ICPD), il-komunità internazzjonali allokat riżorsi ġodda, u identifikat is-'saħħa riproduttiva' (inklużi l-ippjanar tal-familja u s-servizzi tas-saħħa għall-ommijiet) bħala prijorità ċentrali fl-isforzi internazzjonali għall-iżvilupp,

O.  billi, minflok żdied l-appoġġ, l-iffinanzjar totali mid-donaturi għall-ippjanar tal-familja bħalissa huwa ferm aktar baxx milli kien fl-1994, billi niżel minn USD 723 miljun fl-1995 għal USD 442 miljun fl-2004, f'termini assoluti tad-dollaru,

P.  billi l-UE ħadet impenji regolari u konsistenti sabiex jintlaħaq l-MDG 5, l-aktar riċentement fl-Aġenda għall-Azzjoni ta’ Ġunju 2008,

Q.  billi minkejja s-serjetà ta' din il-problema u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, is-servizzi tas-saħħa għall-ommijiet baqgħu fil-qiegħ tal-aġenda internazzjonali, tilfu l-importanza minħabba l-interventi dwar mard speċifiku, u dan wassal għall-marġinalizzazzjoni tal-imwiet marbuta mal-maternità, filwaqt li r-rati għolja ta' HIV kkontribwixxew sabiex il-progress lejn it-tnaqqis ta' mwiet tal-ommijiet u tal-morbożità jistaġna jew jiddeterjora,

1.  Jesprimi preokkupazzjoni kbira minħabba l-fatt li l-imwiet marbuta mal-maternità (MDG 5) huma l-uniku MDG li dwaru mhux biss ma sarx progress mill-2000, partikolarment fl-Afrika 'l isfel mis-Saħara u fin-Nofsinhar tal-Ażja, iżda li 20 sena ilu ċ-ċifri kienu bħalma huma issa;

2.   Jinnota li mal-edukazzjoni, it-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għat-titjib tal-MDG 5 (saħħa mentali);

3.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, qabel il-Laqgħa Għolja tan-NU dwar l-MDGs, biex jagħtu prijorità lill-azzjoni biex jintlaħaq l-MDG 5 dwar it-titjib tas-saħħa materna;

4.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex inaqqsu d-differenza bejn ir-rati tal-imwiet marbuta mal-maternità f'pajjiżi industrijalizzati u li qed jiżviluppaw, permezz ta' żieda fl-investiment u fl-azzjoni sabiex jittejbu r-riżorsi umani għas-saħħa, u jkun hemm aktar riżorsi u impenn fit-tisħiħ tas-sistemi tas-saħħa u tal-infrastruttura bażika tas-saħħa kif ukoll allokazzjonijiet għas-sorveljanza u s-superviżjoni tal-funzjonijiet bażiċi tas-saħħa pubblika, tal-azzjoni komunitarja u ta' funzjonijiet ta' appoġġ ieħor meħtieġ;

5.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jintensifikaw l-isforzi biex jeliminaw l-imwiet u l-morbożità marbuta mal-maternità li jistgħu jiġu evitati permezz tal-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni regolari tal-‘pjanijiet direzzjonali’ u tal-pjanijiet ta’ azzjoni għat-tnaqqis tal-piż globali tal-imwiet u l-morbożità marbuta mal-maternità, li jaddottaw adozzjoni ta’ approċċ sistematiku, sostenut, u bbażat fuq l-ekwità u fuq id-drittijiet tal-bniedem, appoġġjat u faċilitat b'mod adegwat minn finanzjament u mekkaniżmi istituzzjonali b'saħħithom;

6.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex isegwu s-suċċess ta’ skemi biex jitnaqqsu l-imwiet marbuta mal-maternità f’postijiet bħal Methani f’Chhattisgarh, fl-Indja, u biex jespandu l-provvista tas-servizzi tas-saħħa materna fil-kuntest tal-kura primarja tas-saħħa, fuq il-bażi tal-kunċett ta’ għażla infurmata, edukazzjoni dwar il-maternità bla periklu, kura ffukata u effettiva għal qabel it-twelid, programmi dwar in-nutriment tal-ommijiet, għajnuna adegwata għall-ħlas li tevita r-rikors eċċessiv għal operazzjonijiet ċesarji u li taħseb għal emerġenzi ostetriċi, servizzi ta’ riferiment għall-kumplikazzjoniiet marbuta mat-tqala, mal-ħlas u mal-abort, u kura u ppjanar tal-familja għal wara t-twelid;

7.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jippromwovu l-aċċess tan-nisa kollha għal informazzjoni u servizzi komprensivi marbuta mas-saħħa sesswali u riproduttiva;

8.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jadottaw u jiżviluppaw l-indikaturi u l-punti ta’ riferiment li juma diġà stabbiliti sew għat-tnaqqis tal-imwiet marbuta mal-maternità (inklużi l-allokazzjonijiet ODA) u biex jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ monitoraġġ u ta’ responsabilità li jistgħu jwasslu għal titjib kostanti tal-politiki u l-programmi eżistenti;

9.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiggarantixxu li s-servizzi tal-kura tas-saħħa riproduttiva jkunu disponibbli, aċċessibbli, u ta’ kwalità tajba, u biex jiddedikaw ir-riżorsi massimi disponibbli għall-politiki u l-programmi dwar l-imwiet marbuta mal-maternità;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jiżguraw li tinġabar dejta ta’ min joqgħod fuqha u fiż-żmien opportun li tmexxi l-implimentazzjoni tal-miżuri rigward l-imwiet u l-morbożità marbuta mal-maternità;

11.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jipprovdu taħriġ, bini ta' kapaċità u infrastruttura għal għadd xieraq ta' persuni mħarrġa għal waqt it-twelid, u jiżguraw li kull mara tqila u kull tfajla jkollha aċċess għalihom (u biex jiżguraw li ‘pjanijiet direzzjonali’ u pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali jirriflettu din il-mira/dan l-eżitu/dan il-għan);

12.  Iħeġġeġ lill-UE biex tibqa’ tkun minn ta’ quddiem fl-isforzi li jappoġġjaw id-drittijiet tas-saħħa sesswali u riproduttiva billi żżomm livelli ta’ finanzjament għall-implimentazzjoni tal-Programm ta' Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (ICPD), u jiddispjaċih li filwaqt li l-Afrika 'l isfel mis-Saħara għandha l-ogħla rati ta’ mwiet marbuta mal-maternità, għandha wkoll ir-rata l-aktar baxxa ta’ użu ta’ kontraċettivi fid-dinja (19%) filwaqt li 30% tal-imwiet kollha marbuta mal-maternità fir-reġjun huma kkawżati minn aborti mhux sikuri;

13.  Jemmen li sabiex jintlaħqu l-miri tal-MDGs dwar l-aċċess universali għas-saħħa riproduttiva sal-2015, jeħtieġ li l-livell ta’ finanzjament mill-UE jiżdied, inkella se jibqgħu jmutu nisa minħabba t-tqala u kawżi marbuta mat-tqala;

15.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiżviluppaw programmi u politiki biex jindirizzaw il-fatturi determinanti fundamentali tas-saħħa li huma essenzjali għall-prevenzjoni tal-imwiet marbuta mal-maternità, bħall-parteċipazzjoni fi proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet marbuta mas-saħħa, tagħrif fuq is-saħħa sesswali u riproduttiva, litteriżmu, nutriment, non-diskriminazzjoni u r-regoli soċjali li huma l-bażi tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

16.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, wara l-avvanzi li saru fit-tnaqqis tal-imwiet marbuta mal-maternità, biex jieħdu sehem b’mod attiv f’fora globali bħal ‘Countdown to 2015’, biex jaqsmu l-aqwa prattiki dwar il-programmi u l-politiki f’dan ir-rigward, u biex jippromwovu momentum kontinwu għat-titjib;

17.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE biex ma jkomplux iwaqqfu l-impenji ta’ ffinanzjar biex jintlaħqu l-MDGs, inkluż l-MDG 5, u jistieden lill-Presidenza tal-Kunsill biex tagħti eżempju billi tiżgura li jkun disponibbli finanzjament xieraq u fiss u li l-isforzi jiżdiedu sabiex ma jibqgħux imutu n-nies;

18.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-kuntratti tal-MDGs jiffukaw primarjament fuq l-oqsma tas-saħħa u tal-edukazzjoni;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Unjoni Interparlamentari, u lill-Kumitat għall-Għajnuna għall-Iżvilupp tal-OECD.