Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0160/2009Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0160/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar soluzzjoni politika rigward il-problema tal-piraterija 'l barra mill-kosta tas-Somalja

23.11.2009

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Luis de Grandes Pascual, Filip Kaczmarek, Michael Gahler, Arnaud Danjean, Mario Mauro, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra f'isem il-Grupp PPE-DE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0158/2009

Proċedura : 2009/2780(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0160/2009
Testi mressqa :
B7-0160/2009
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0160/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar soluzzjoni politika rigward il-problema tal-piraterija 'l barra mill-kosta tas-Somalja

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fis-Somalja,

–   wara li kkunsidra l-istqarrijiet preċedenti tar-Rappreżentant Għoli għall-Politika Barranija u tas-Sigurtà u s-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Javier Solana,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet reċenti tal-Kunsill tal-UE dwar is-Somalja,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-Proċess ta' Paċi ta' Djibouti li jiġbor fil-qosor il-Karta Federali Tranżizzjonali,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1872 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2009 dwar is-Somalja,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi dan l-aħħar reġa' beda l-ġlied bejn ir-ribelli tal-Unjoni tal-Qrati Islamiċi u t-truppi tal-Gvern Federali Tranżizzjonali (TFG) u tal-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM) u dan wassal biex kompliet żdiedet l-instabilità u biex intilfu aktar ħajjiet fis-Somalja,

B.  billi l-komunità internazzjonali tirrispetta s-sovranità, l-integrità territorjali, l-indipendenza politika u l-unità tas-Somalja,

C. billi s-Somalja ilu ma jkollha gvern li jiffunzjona sa mill-waqgħa tar-reġim ta' Siad Barre fl-1991, u billi minn dak iż-żmien is-sitwazzjoni politika kienet waħda ta' anarkija, ikkaratterizzata bi ġlied bejn gruppi interni u brigantaġġ,

D. billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-belt kapitali tas-Somalja, Mogadishu, kompliet teħżien, u dan żamm lill-NGOs nazzjonali u internazzjonali milli jlaħħqu mal-katastrofi umanitarja li qiegħda sseħħ kif ukoll milli jirreaġixxu għall-emerġenzi;

E.  billi hu mħasseb bil-gwerra ċivili fis-Somalja li qiegħda tieħu fit-tul u bl-implikazzjonijiet tagħha għall-proċess ta' paċi u rikonċiljazzjoni f'dak il-pajjiż, kif ukoll bis-sigurtà u bl-istabilità tal-Qarn tal-Afrika kollu kemm hu,

F.  billi fit-8 ta' Diċembru 2008, il-Kunsill iddeċieda li jniedi, bħala parti mill-azzjoni komprensiva mmexxija mill-UE fil-Qarn tal-Afrika, l-ewwel operazzjoni navali tal-UE bl-isem EU NAVFOR Atalanta, bil-mandat li trażżan, tiskoraġġixxi u ma tħallix li jsiru atti ta' piraterija u serq bl-użu tal-armi 'l barra mill-kosta tas-Somalja u biex tagħti kontribut għall-ħarsien ta' bastimenti merkantili u, b'mod partikolari, ta' bastimenti tal-Programm Dinji tal-Ikel li jkunu qegħdin iwasslu l-ikel bħala għajnuna lil persuni spostati fis-Somalja,

 

G. billi fis-27 ta' Lulju 2009, il-Kunsill iddeċieda li jsaħħaħ l-impenn tal-UE għall-promozzjoni tal-paċi u l-iżvilupp fis-Somalja, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-parteċipanti rilevanti kollha, b'mod partikolari n-NU u l-Unjoni Afrikana (UA), u għal dan il-għan eżaminat il-possibilitajiet li l-UE tagħti l-kontribut tagħha għall-isforzi internazzjonali, fosthom fil-qasam tas-sigurtà,

H. billi fis-17 ta' Novembru 2009, il-Kunsill approva l-Kunċett għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet bil-possibilità li ssir missjoni tal-PESD li tagħti kontribut għat-taħriġ ta' 2,000 ruħ tal-forza tas-sigurtà tal-Gvern Federali Tranżizzjonali tas-Somalja,

I.   billi din l-assistenza fit-tul mis-sħab internazzjonali ma tistax tkun effikaċi mingħajr l-istabilizzazzjoni tas-sitwazzjoni tas-sigurtà,

J.   billi r-ribelli tal-Unjoni tal-Qrati Islamiċi qatgħu kull kuntatt politiku u kull rikonċiljazzjoni għall-paċi msejsa fuq il-Ftehim ta' Paċi ta' Djibouti li jipprovdi qafas biex tintlaħaq soluzzjoni politika dejjiema fis-Somalja,

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-ksur serju tal-liġijiet umanitarji internazzjonali u tal-liġijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-partijiet kollha fil-kunflitt tas-Somalja; jitlob biex il-ġlied jintemm minnufih u jistieden lill-gruppi armati kollha jċedu l-armi tagħhom b'urġenza u jingħaqdu fi djalogu wiesa' u ġenwin mall-GFT; jistieden lill-fazzjonijiet kollha mdaħħla fil-ġlied jieqfu milli jagħmlu attakki bla distinzjoni fuq nies ċivili, u jitlob biex ikun hemm bord indipendenti li jinvestiga r-reati tal-gwerra u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

2.  Jerġa' jafferma l-appoġġ tiegħu għall-Gvern Federali Tranżitorju taħt it-tmexxija tal-President Sheikh Sharif Sheikh Ahmed u l-impenji tal-President li jonora l-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim ta' Paċi ta' Djibouti, inkluż l-ispirtu ta' rikonċiljazzjoni u t-tfittxija għal proċess politiku inklużiv; jikkundanna l-attakki armati kontra l-Gvern Federali Tranżitorju u kontra n-NU u l-NGOs;

3.  Jiġbed l-attenzjoni li l-komunità internazzjonali u l-partijiet kollha fil-kunflitt attwali għandhom ir-responsabilità li jħarsu n-nies ċivili, li jippermettu li tingħata l-assistenza, u li jirrispettaw l-ispazju umanitarju u s-sikurezza tal-ħaddiema umanitarji; iħeġġeġ, għalhekk, li mill-aktar fis jinħolqu l-kundizzjonijiet tajbin biex ikun hemm rispons adegwat għall-katastrofi umanitarja fis-Somalja;

4.  Josserva b'sodisfazzjon li l-EU NAVFOR Atalanta kompliet tikkontribwixxi b'suċċess għas-sigurtà marittima 'l barra mill-kosta tas-Somalja bil-protezzjoni tal-bastimenti mikrija tal-Programm Dinji tal-Ikel li jwasslu l-għajnuna lis-Somalja, il-bastimenti li jipprovdu merkanzija kritika għall-operazzjoni tal-Unjoni Afrikana għall-appoġġ tal-paċi fis-Somalja, u bastimenti vulnerabbli oħrajn; jistieden lill-Kunsill biex jestendi l-operazzjoni għal sena oħra wara t-tmiem tal-mandat attwali fit-12 ta' Diċembru 2009; jesprimi l-appoġġ tiegħu biex possibilment tiġi estiża ż-żona tal-operazzjoni lejn in-nofsinhar, skont l-attività tal-piraterija, iżda jenfasizza li din l-estensjoni m'għandhiex teffettwa l-għan essenzjali tal-missjoni, li hu l-ħarsien tal-konvojs tal-Programm Dinji tal-Ikel u ta' bastimenti vulnerabbli oħrajn, bħal dawk tal-flotta merkantili u tas-sajd;

5.  Jenfasizza li l-piraterija tista' tingħeleb b'suċċess biss jekk jiġu indirizzati mill-għeruq il-kawżi tal-fenomenu li jinsabu fuq l-art, jiġifieri l-faqar u stat fallut, u dan jista' jingħeleb biss billi jinkisbu l-paċi, l-iżvilupp u l-kostruzzjoni tal-istat fis-Somalja;

6.  Hu tal-fehma li sakemm tinstab soluzzjoni politika għall-problema tal-fiduċja fis-Somalja bħala membru tal-komunità internazzjonali, l-istrateġija tas-sigurtà implimentata permezz tal-Operazzjoni Atalanta trid tkompli tieħu preċedenza u wkoll tiżdied f'dawk li huma riżorsi użati u t-twessigħ taż-żona tal-operat tal-forzi użati;

7.  Jistieden, għalhekk, lill-Kunsill biex jeżamina l-possibilità li titwaqqaf operazzjoni PESD ġdida fuq skala żgħira li timxi id f'id mal-Operazzjoni Atalanta, biex tkun tista' tagħti kontribut lit-taħriġ tal-forzi tas-sigurtà tal-GFT, u b'hekk tiġi stabbilita l-konsistenza mal-inizjattivi eżistenti, b'mod partikolari dik ta' Franza fi Djibouti u dik tal-Uganda fil-programm ta' taħriġ stabbilit mill-AMISOM; f'dan ir-rigward, jilqa' l-approvazzjoni tal-Kunċett tal-Ġestjoni tal-Kriżijiet għall-possibilità ta' operazzjoni ġdida tal-PESD għas-Somalja, iżda jinsisti li l-adozzjoni tal-kunċett bl-ebda mod m'għandu jkun ta' ħsara għad-deċiżjoni dwar l-attivazzjoni ta' missjoni li tista' titwettaq biss wara eżami aktar bir-reqqa tas-sitwazzjoni fil-post, filwaqt li jkun żgurat li jitħallsu s-salarji, li t-tagħmir ikun provdut u li l-forzi tas-sigurtà mħarrġa jintegraw ruħhom fl-istrutturi tal-istat u tal-armata sabiex, darba jerġgħu lura, ma jdurux kontra l-gvern li suppost ikunu qegħdin jipproteġu;

8.  Jiddeplora l-attitudni kompjaċevoli żżejjed li qegħdin juru xi Stati Membri għat-talbiet tal-pirati Somali u l-fatt li, ukoll jekk wara ma jiġux implimentati, il-miżuri kostrinġenti mwiegħda jistgħu jkunu kontroproduttivi billi jkomplu jinkoraġġixxu każijiet ta' piraterija fiż-żona;

9.  Jesprimi l-appoġġ kontinwu tiegħu għall-AMISOM, minħabba r-rwol ċentrali tagħha fil-proċess ta' paċi; jinsisti li qabel ma l-UE tidħol għal impenn ulterjuri mal-UA u l-AMISOM għandhom jittieħdu passi biex jiġu identifikati l-ħtiġijiet l-aktar urġenti u l-ambitu għal aktar appoġġ li jista' jkun hemm min-naħa tal-UE sabiex l-AMISOM tkun tista' tiżviluppa kapaċitajiet proporzjonati mal-mandat tagħha;

10. Jitlob li jkun hemm aktar appoġġ mill-UE fis-settur tas-sigurtà, bi strateġija kkoordinata tajjeb, l-aktar mal-UA, in-NU u ma' sħab rilevanti oħra tal-UE, b'mod partikolari l-Istati Uniti; jinsisti li din l-istrateġija għandha tappoġġa l-istrateġija ta' sigurtà nazzjonali tas-Somalja, tkun impenjata lejn l-istat ta' dritt, lejn ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-ġeneru u tgħaqqad is-sigurtà mal-iżvilupp;

11. Jistieden lill-komunità internazzjonali, u b'mod partikolari lill-UE, sabiex iżżid l-għoti tal-għajnuna umanitarja lill-persuni li jkunu spustati internament u lil dawk fil-bżonn;

12. Iħeġġeġ l-applikazzjoni stretta u mġedda u l-monitoraġġ tal-embargo fuq l-armi kontra s-Somalja, li kien impost min-NU fl-1992, u li ftit li xejn qiegħed jiġi osservat; jitlob li dawk li jiksru l-embargo tal-armi tas-Somalja jibdew jinżammu responsabbli;

13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Segretarji Ġenerali tal-Unjoni Afrikana, lin-NU u lill-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD), lill-President tal-Gvern Federali Tranżitorju tas-Somalja, lill-Gvern tal-Etjopja u lill-Parlament Pan-Afrikan.