Proċedura : 2013/2549(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0197/2013

Testi mressqa :

B7-0197/2013

Dibattiti :

PV 23/05/2013 - 6
CRE 23/05/2013 - 6

Votazzjonijiet :

PV 23/05/2013 - 13.13

Testi adottati :

P7_TA(2013)0229

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 122kWORD 63k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0190/2013
15.5.2013
PE509.826v01-00
 
B7-0197/2013

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B7‑0118/2013

skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar strateġija makro-reġjonali għall-Alpi (2013/2549(RSP))


Elisabeth Schroedter f'isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar strateġija makro-reġjonali għall-Alpi (2013/2549(RSP))  
B7‑0197/2013

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 192, 265(5) u 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku (COM(2009) 0248),

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Alpina,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Diċembru 2010 bit-titlu ‘L-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-reġjun tad-Danubju’ (COM(2010)0715) u l-pjan ta’ azzjoni indikattiv li jakkompanja l-istrateġija (SEC(2009)0712/2),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Frar 2011 dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-Unjoni għar-reġjun tad-Danubju(1),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 ta’ Ġunju 2011, li fihom il-Kunsill Ewropew talab lill-Istati Membri biex ‘ikomplu jaħdmu b’kooperazzjoni mal-Kummissjoni dwar strateġiji makro-reġjonali ġejjiena potenzjali’,

–   wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ottubru 2011 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta' “Kooperazzjoni territorjali Ewropea” (COM(2011)0611),

–   wara li kkunsidra l-mistoqsija magħmula lill-Kummissjoni dwar strateġika makro-reġjonali għall-Alpi (O-000016/2013 – B7‑0118/2013),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi kooperazzjoni makro-reġjonali tista’ ttejjeb l-integrazzjoni spazjali u tagħti spinta lill-effikaċja ta’ diversi forom ta’ politiki appoġġjati mill-UE u sħubiji bejn amministrazzjonijiet pubbliċi, awtoritajiet lokali, istituzzjonijiet oħra u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

B.  billi l-istrateġiji makro-reġjonali eżistenti u kwalunkwe strateġija ġdida għandha tkun implimentata fuq bażi volontarja iżda tislet mill-esperjenza tal-passat u l-aħjar prattika;

C. billi r-reġjun tal-Alpi jappartjeni lil diversi Stati Membri tal-UE u pajjiżi oħra li ma jagħmlux parti mill-UE, u billi l-koordinazzjoni tal-politiki interni u esterni tal-partijiet konċernati kollha tista’ tipproduċi riżutati aħjar u valur miżjud;

D. billi l-istrateġija makro-reġjonali għall-Alpi, li għandha tkun kumparabbli mal-istrateġiji adottati mill-UE għar-reġjuni tal-Baħar Baltiku u tad-Danubju, se toffri opportunità ta’ Dimensjoni ġdida u sinifikat ikbar lill-Alpi fil-kuntest tal-UE f’termini ta’ aċċess aħjar għall-finanzjament;

E.  billi strateġija makro-reġjonali hi mod effiċjenti biex jiġu trattati sfidi komuni relatati mal-bidla fil-popolazzjoni, l-infrastruttura, kwistjonijiet ambjentali, il-provvista tal-enerġija, it-turiżmu u l-faċilitajiet tat-trasport fir-reġjun tal-Alpi;

1.  Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ ir-rwol tar-reġjuni u li l-prinċipju tal-governanza f’livell multipli tkun fil-qalba tal-ippjanar u tal-implimentazzojin tal-istrateġija tal-Alpi;

2.  Jenfasizza r-rwol pożittiv ta' għodod leġiżlattivi tal-UE bħar-Raggruppamenti Ewropej ta' Koperazzjoni Territorjali (REKT) f’relazzjoni mal-makro-reġjuni, għax dawn jipprovdu appoġġ reġjonali għal aspetti konkreti ta’ kooperazzjoni u l-iskambju ta’ prattiki tajba kif ukoll għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji tal-iżvilupp territorjali li jippermettu l-kooperazzjoni ta’ awtoritajiet f’livelli differenti;

3.  Jilqa’ l-iżvilupp attwali fir-reġjuni taż-żona tal-Alpi, u l-approċċ ‘bottom-up’ adottat fihom, reġjuni li b’mod ripetut esprimew ix-xewqa taħghom li jkun hemm strateġija Alpina li tindirizza b’mod effettiv l-isfidi komuni taż-żona kollha tal-Alpi, li l-potenzjal konsiderevoli taż-żona jiġi sfruttat b’mod aktar konsistenti u li tiġi indirizzata l-ħtieġa li titjieb il-mobilità, i-ssigurtà enerġetika, il-ħarsien ambjentali, l-iżvilupp soċjali u ekonomiku, l-iskambju kulturali, is-sigurtà u l-protezzjoni ċivili fir-reġjun tal-Alpi;

4.  Jemmen li l-ambitu ġeografiku ta’ strateġija għall-Alpi jrid ikun limitat għat-territorju kopert mill-Konvenzjoni Alpina, minħabba li jekk il-makro-reġjun jiġi estiż biex jinkludi territorju akbar, dan aktarx jasal li jfisser li r-reġjun extra-Alpin, bil-bliet u ċ-ċentri industrijali tiegħu, jiddomina r-reġjun verament Alpin f’termini ta’ daqs tal-popolazzjoni u setgħa ekonomika;

5.  Jemmen li l-iżvilupp sostenibbli tal-Alpi għandu jkun wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-istrateġija makro-reġjonali;

6.  Jindika li hu importanti li l-kontenut tal-istrateġija għall-Alpi jkun allinjat mal-Konvenzjoni Alpina u li jqis il-kooperazzjoni transnazzjonali u n-netwerking eżistenti f’dan il-qasam;

7.  Jenfasizza li strateġija makro-reġjonali għall-Alpi għandha tqis il-konservazzjoni tal-użu tradizzjonali tal-art (primarjament għall-agrikultura), biex titrawwem il-bijodiversità, kif ukoll għall-konservazjoni ta’ żoni protetti eżistenti;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-esperjenza tal-pjattaformi eżistenti għall-Baħar Baltiku u għad-Danubju biex tippreżenta pjan ta’ azzjoni speċifiku għal din iż-żona bla ebda dewmien, bl-għan li jingħelbu l-iżvantaġġi strutturali ta' territorji muntanjużi u jinħolqu l-kundizzjonijiet tajba għal tkabbir ekonomiku u koeżjoni soċjali u territorjali effettiva fir-reġjun;

9.  Jemmen li d-dimensjoni territorjali tal-istrateġija għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-idea tal-koeżjoni territorjali, li t-Trattat ta’ Lisbona jpoġġi fl-istess livell mal-koeżjoni ekonomika u soċjali;

10. Jisħaq li strateġija makro-reġjonali għall-Alpi hi għodda effettiva biex titjieb il-kooperazzjoni territorjali Ewropea fir-reġjun konċernat billi jiġi implimentat approċċ ‘bottom-up’ u billi tiżdied il-kooperazzjoni permezz ta’ użu aħjar tar-riżorsi disponibbli;

11. Jenfasizza kemm hi importanti strateġija ta’ dan it-tip għall-koordinazzjoni tal-politiki li jinvolvu diversi setturi bejn id-dipartiment tal-gvern konċernati, l-awtoritajiet lokali, is-servizzi soċjali, is-servizzi tal-kura tas-saħħa, l-awtoritajiet tal-politika kulturali u l-awtoritajiet tal-ippjanar spazjali fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali, u għal djalogu ma-s-soċjetà ċivili;

12. Jemmen li strateġija makro-reġjonali għall-Alpi trid tikkoordina l-fondi eżistenti tal-UE, b'mod partikolari taħt il-politika ta' koeżjoni, biex timplimenta proġetti li jkollhom l-għan li jindirizzaw sfidi komuni f’oqsma bħall-ħarsien tal-ambjent, l-investiment fil-kompetittività u l-innovazzjoni, l-agrikultura u l-forestrija, l-ilma, l-enerġija, kwistjonijiet ambjentali u klimatiċi u t-trasport;

13. Jisħaq li strateġija makro-reġjonali potenzjali għall-Alpi tkun konformi mal-objettivi ta’ Ewropa 2020, u b’hekk tiżgura l-konformità mal-impenn tal-UE għal tkabbir smart, sostenibbli u inklużiv;

14. Jenfasizza li hu importanti li tiżdied, permezz ta' strateġija tali, il-kapaċità innovattiva tar-reġjun tal-Alpi billi jintużaw il-ħiliet li toffri l-forża tal-ħidma tiegħu, jinħolqu sħubiji u kooperazzjoni bejn parteċipanti ewlenin (inklużi dawk fis-suq tax-xogħol u l-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ u r-riċerka, u min iħaddem), iż-żgħażagħ attivi jinżammu fiż-żona, tiġi appoġġata l-kreattività u tissaħħaħ il-kapaċità tar-reġjuni differenti fl-oqsma tal-edukazzjoni, ix-xjenza u r-riċerka;

15. Jenfasizza li l-qafas tal-kooperazzjoni makro-reġjonali ġdid irid jiżgura li l-iżvantaġġi naturali ta’ reġjuni periferali, bħal pereżempju żoni muntanjużi, jinbidlu f'punti pożittivi u f’opportunitajiet, u li tingħata spinta lill-iżvilupp ta' dawn ir-reġjuni;

16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lil Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-istituzzjonijiet l-oħra relevanti.

 

(1)

ĠU C 188 E, 28.6.2012, p. 30.

Aġġornata l-aħħar: 17 ta' Mejju 2013Avviż legali