Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0231/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0231/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-istrateġija tal-UE għall-Artiku

5.3.2014 - (2013/2595(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Charles Tannock, Konrad Szymański f'isem il-Grupp ECR

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0229/2014

Proċedura : 2013/2595(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0231/2014
Testi mressqa :
B7-0231/2014
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0231/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-istrateġija tal-UE għall-Artiku

(2013/2595(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-rapporti u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Artiku, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Jannar 2011 dwar "Politika sostenibbli tal-UE għat-Tramuntana Estrema"[1], u wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat Parlamentari Konġunt taż-Żona Ekonomika Ewropea tat-28 ta' Ottubru 2013 rigward il-politika dwar l-Artiku,

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-26 ta' Ġunju 2012 bit-titolu "L-iżvilupp ta' politika tal-Unjoni Ewropea rigward ir-reġjun tal-Artiku: il-progress mill-2008 u l-passi li jmiss" (JOIN(2012)0019), kif ukoll d-dokumneti ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjawha bit-titoli "Inventarju ta' attivitajiet fil-qafas tal-iżvilupp ta' Politika tal-Unjoni Ewropea dwar l-Artiku" (SWD(2012)0182) u "L-ispazju u l-Artiku" (SWD(2012)0183),

–       wara li kkunsidra l-istrateġiji nazzjonali u d-dokumenti ta' politika ġodda u aġġornati li jikkonċernaw kwistjonijiet rigward l-Artiku mill-Finlandja, l-Isvezja, id-Danimarka u l-Groenlandja, in-Norveġja, ir-Russja, l-Istati Uniti tal-Amerika, il-Kanada u r-Renju Unit, rispettivament,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-10 Konferenza ta' Membri tal-Parlament tar-Reġjun tal-Artiku, li saret mill-5 sas-7 ta' Settembru 2012 f'Akureyri,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-26 ta' Ġunju 2012 tikkostitwixxi pass ulterjuri fir-risposta għat-talba tal-Parlament għall-formulazzjoni ta' politika koerenti tal-UE dwar l-Artiku;

B.     billi l-Parlament kien parteċipant attiv fil-ħidma tal-Kumitat Permanenti tal-Membri tal-Parlament tar-Reġjun tal-Artiku, permezz tad-Delegazzjoni tiegħu għar-relazzjonijiet mal-Isvizzera u man-Norveġja u għall-Kumitat Parlamentari Konġunt UE-Islanda u għall-Kumitat Parlamentari Konġunt taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE);

C.     billi d-Danimarka, il-Finlandja u l-Isvezja huma pajjiżi Artiċi u kemm il-Finlandja kif ukoll l-Isvezja jinsabu parzjalment fiċ-Ċirku Artiku; billi l-uniku poplu indiġenu tal-UE, is-Sami, jgħix fir-reġjuni Artiċi tal-Finlandja u tal-Isvezja kif ukoll fin-Norveġja u fir-Russja;

D.     billi n-Norveġja, bħala sieħba affidabbli, hija assoċjata mal-UE permezz taż-ŻEE u l-Ftehim ta' Schengen;

E.     billi d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Artiku f'Kiruna biex "jilqa' b'mod affermattiv" l-applikazzjoni tal-UE għal status ta' osservatur qed tiġi interpretata b'modi differenti fir-rigward tal-punt sa fejn l-UE tingħata l-istatus ta' osservatur fil-Kunsill tal-Artiku;

F.     billi l-UE u l-Istati Membri tagħha jagħtu kontribut kbir għar-riċerka fl-Artiku, u billi l-programmi tal-UE jappoġġaw proġetti ta' riċerka kbar fir-reġjun, li minnhom żgur jibbenefikaw il-popli u l-ekonomiji tal-pajjiżi tal-Artiku;

G.     billi l-interess li qed jikber fir-reġjun tal-Artiku fost atturi mhux Artiċi bħaċ-Ċina, il-Ġappun, l-Indja u nazzjonijiet Asjatiċi oħra, l-allokazzjoni ta' fondi tagħhom għar-riċerka polari u, mhux l-anqas, il-konferma tal-Korea t'Isfel, iċ-Ċina, il-Ġappun, l-Indja u Singapor bħala osservaturi fil-Kunsill tal-Artiku jindikaw apprezzament ġeopolitiku tal-Artiku li qed jiżdied fuq skala globali;

1.      Ifakkar fl-adozzjoni tar-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Jannar 2011 dwar politika sostenibbli tal-UE għat-Tramuntana Estrema, u jilqa' l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-26 ta' Ġunju 2012; itenni l-pożizzjoni tiegħu li, billi tliet Stati Membri tal-UE – id-Danimarka, il-Finlandja u l-Isvezja – huma Stati Artiċi filwaqt li n-Norveġja u l-Islanda huma parti miż-ŻEE u miż-żona Schengen, l-UE għandha interess leġittimu minħabba d-drittijiet u l-obbligi tagħha skont id-dritt internazzjonali, l-impenn tagħha favur politiki ambjentali u ta' riċerka u politiki oħrajn, u minħabba l-finanzjament, l-attivitajiet ta' riċerka u l-interessi ekonomiċi tagħha, fosthom fl-oqsma tat-trasport marittimu u tal-iżvilupp tar-riżorsi naturali; ifakkar, barra minn hekk, li l-UE għandha żoni kbar ta' art fl-Artiku fil-Finlandja u fl-Isvezja, li huma abitati mill-uniku grupp ta' popolazzjoni indiġena fl-UE, is-Sami;

2.      Jieħu nota tad-Dikjarazzjoni ta' Kiruna tal-Kunsill tal-Artiku ta' Mejju 2013 u tad-deċiżjoni tiegħu dwar l-istatus ta' osservatur għall-UE u għal entitajiet statali oħra, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti segwitu lil kwistjonijiet pendenti mal-Kanada u tinforma debitament lill-Parlament dwar dak il-proċess;

3.      Jappoġġa l-ħidma tal-Kummissjoni rigward il-kisba ta' status ta' osservatur fil-Kunsill tal-Artiku; ifakkar fl-istatus tal-UE u l-Istati Membri tagħha, mhux bħala osservaturi iżda bħala membri attivi f'organizzazzjonijiet oħra ta' relevanza għall-Artiku, bħall-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI), u jenfasizza l-ħtieġa li l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet tal-UE jerġgħu jiffukaw fuq dawk l-oqsma ta' relevanza għall-interessi ekonomiċi jew politiċi tal-UE u l-Istati Membri tagħha, u b'mod partikolari li jiġu kkunsidrati l-interessi tal-UE u l-Istati Membri tagħha meta jintużaw, jiġu emendati u jiġu żviluppati programmi jew politiki tal-UE li jaffettwaw jew jistgħu jaffettwaw lill-Artiku, u għaldaqstant ikunu wkoll ta' benefiċċju għalih;

4.      Jissottolinja l-importanza tal-istazzjonijiet polari u ta' riċerka tal-Istati Membri fl-Artiku u jfakkar fil-kontributi li l-UE qed tagħmel għar-riċerka u l-iżvilupp u għall-involviment ta' atturi ekonomiċi reġistrati u attivi skont il-liġijiet tal-UE, fir-reġjun tal-Artiku;

5.      Jappoġġa bil-qawwa l-libertà tar-riċerka xjentifika fl-Artiku u jħeġġeġ kooperazzjoni wiesgħa bejn l-istati attivi fil-qasam tar-riċerka multidixxiplinari fl-Artiku u fl-istabbiliment ta' infrastrutturi għar-riċerka;

6.      Jitlob lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-għadd enormi ta' attivitajiet xjentifiċi, ekonomiċi u ċiviċi, b'mod partikolari fl-Artiku Ewropew, ir-reġjun ta' Barents u lil hinn, biex tiżviluppa prattiki bl-għan li l-fondi tal-UE jintużaw aħjar u li jiġi żgurat bilanċ xieraq fil-protezzjoni u l-iżvilupp tar-reġjun tal-Artiku meta l-fondi tal-UE jiġu allokati lill-Artiku;

7.      Jilqa' l-implimentazzjoni mill-membri tal-Kunsill tal-Artiku tal-Ftehim ta' Tiftix u Salvataġġ u l-Ftehim dwar Azzjoni f'Każ ta' Tixrid ta' Żejt u jitlob l-involviment attiv tal-istituti u l-impriżi Ewropej fil-proċess ta' implimentazzjoni;

8.      Jilqa' l-istrateġiji l-ġodda dwar l-Artiku ppubblikati reċentement minn Stati Membri tal-UE li huma membri tal-Kunsill tal-Artiku, jiġifieri l-Finlandja, id-Danimarka u l-Isvezja, kif ukoll minn stati osservaturi bħall-Ġermanja u r-Renju Unit, u jesprimi t-tama tiegħu li strateġiji aġġornati jwasslu mhux biss għal fehim aktar realistiku iżda anke għal involviment konkret fl-Artiku, biex b'hekk tiġi enfasizzata l-ħtieġa li jitqiesu politiki u programmi komuni tal-UE li jaffettwaw lill-Artiku;

9.      Jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa kooperazzjoni eqreb mal-Islanda f'oqsma ta' interess komuni, bħall-iżvilupp ta' trasport marittimu u ta' enerġija rinnovabbli, filwaqt li jintużaw bis-sħiħ l-istrumenti eżistenti u jiġu mħeġġa r-riċerka u l-kooperazzjoni kummerċjali bejn atturi Ewropej u Islandiżi, b'mod partikolari fid-dawl tal-attivitajiet li qed jiżdiedu ta' atturi Ċiniżi, filwaqt li jkun żgurat li l-interessi Ewropej ma jkunux nieqsa f'dan ir-reġjun strateġikament importanti;

10.    Jissuġġerixxi, barra minn hekk, li l-programmi kif ukoll il-kontribuzzjonijiet eżistenti jiġu allinjati mal-finanzjament tad-Dimensjoni tat-Tramuntana sabiex il-fondi jkunu jistgħu jiġu allokati b'mod effiċjenti u biex jiġu definiti b'mod ċar il-prijoritajiet ta' investiment għal involviment fir-reġjun tal-Artiku; iħeġġeġ l-istabbiliment ta' pjattaforma Kummissjoni - Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) bir-responsabbiltà tal-iżgurar tal-allokazzjoni koerenti ta' fondi għall-Artiku;

11.    Jafferma l-appoġġ tiegħu għall-istabbiliment taċ-Ċentru ta' Informazzjoni dwar l-Artiku tal-UE, netwerk ibbażat fl-Artiku bl-għan li jiġu infurmati u jinbnew konnessjonijiet bejn l-atturi tal-Artiku u tal-UE, u jenfasizza f'dan ir-rigward il-ħtieġa kruċjali li dan il-proġett jintegra interfaċċa speċjali għall-atturi istituzzjonali tal-UE; jirrikonoxxi r-rwol tal-Forum tal-Artiku tal-UE fi Brussell bħala pjattaforma unika li tħeġġeġ il-fehim fost il-firxa wiesgħa ta' atturi relevanti kemm fl-Artiku kif ukoll fl-UE li torbot l-oqsma tat-tfassil tal-politika, ix-xjenza u n-negozju;

12.    Jitlob lill-Kummissjoni u lis-SEAE, fid-dawl tal-fatti u l-iżviluppi msemmija hawn fuq, jiżviluppaw u jressqu strateġija soċjoekonomika viżjonarja u koerenti għall-involviment tal-UE fl-Artiku, filwaqt li jiżguraw li l-interessi tal-UE u l-Istati Membri tagħha jitqiesu kull meta l-politiki li jaffettwaw lill-Artiku jiġu żviluppati, mibdula jew aġġornati;

13.    Jitlob lill-Kummissjoni u lis-SEAE jiżviluppaw pjan ta' azzjoni biex jiġu definiti miżuri konkreti għall-implimentazzjoni koerenti ta' tali strateġija, kif ukoll politiki u programmi marbuta mal-Artiku, sabiex jiżguraw approċċ koordinat meta jittrattaw mar-reġjun tal-Artiku;

14.    Jisħaq fuq l-impatt globali ta' bidliet fir-reġjun tal-Artiku u fuq l-importanza li jitnaqqas it-tniġġis fl-Artiku kkawżat minn attivitajiet li qed jiżdiedu fir-reġjun; jirrimarka li bidliet klimatiċi fl-Artiku se jkollhom impatt kbir fuq ir-reġjuni kostali fl-Ewropa u nħawi oħra, u fuq setturi dipendenti fuq il-klima fl-Ewropa bħalma huma l-agrikoltura u s-sajd, l-enerġija, it-trobbija ta’ merħliet ta' renni, il-kaċċa, it-turiżmu u t-trasport;

15.    Jirrikonoxxi l-fatt li l-effetti tas-silġ li qed jinħall u t-temperaturi aktar moderati mhux biss għandhom ir-riskju li jispostaw il-popli indiġeni u b’hekk jheddu l-mod kif jgħixu l-indiġeni, iżda joħolqu wkoll opportunitajiet għall-iżvilupp ekonomiku fir-reġjun Artiku; jirrikonoxxi r-rieda tal-abitanti u l-gvernijiet tar-reġjun tal-Artiku bi drittijiet u b'responsabbiltajiet sovrani li jibqgħu jippruvaw jiksbu żvilupp ekonomiku sostenibbli waqt li fl-istess ħin jipproteġu l-għejun tradizzjonali tal-għajxien tal-popli indiġeni u n-natura sensittiva ħafna tal-ekosistemi tal-Artiku;

16.    Jikkonferma l-pożizzjonijiet tiegħu dwar id-drittijiet tal-popli indiġeni inġenerali u tas-Sami b'mod partikolari, bħala l-uniku poplu indiġenu tal-UE, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tesplora modi possibbli ta' kif jiġi żgurat li leħinhom u l-esperjenza tagħhom ikunu preżenti fil-proċessi ta' tfassil ta' politiki tal-UE; jissuġġerixxi, f'dan ir-rigward, li jiġi appoġġat l-istabbiliment ta' Rappreżentanza Indiġena Indipendenti fi Brussell;

17.    Jissottolinja l-importanza kbira tas-sikurezza u s-sigurtà ta' rotot ġodda tat-trasport dinji bil-baħar fl-Artiku, b'mod partikolari għall-ekonomiji tal-UE u l-Istati Membri tagħha, billi dawn il-pajjiżi jikkontrollaw 40 % tat-trasport marittimu kummerċjali tad-dinja; jilqa' l-ħidma li qed issir fl-OMI dwar il-finalizzazzjoni ta' Kodiċi Polari mandatorju għat-trasport marittimu; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jżommu kuntatt qrib mal-istituti Ewropej tar-riċerka u ma' impriżi tat-trasport u tal-assikurazzjoni bl-għan li jkun żgurat li jitqiesu t-teknoloġiji u l-esperjenzi ġodda; jenfasizza li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jiddefendu attivament il-libertà tal-ibħra u d-dritt tal-passaġġ liberu mill-passaġġi fuq l-ilma internazzjonali; iħeġġeġ il-kooperazzjoni kemm fir-riċerka kif ukoll fl-investiment bl-għan li tiġi żviluppata infrastruttura robusta u sikura għar-rotot marittimi tal-Artiku;

18.    Jistieden lill-Istati fir-reġjun jiżguraw li kwalunkwe rotta tat-trasport attwali – u dawk li jistgħu jinħolqu fil-futur – ikunu miftuħa għat-trasport marittimu internazzjonali, u jżommu lura milli jintroduċu piżijiet unilaterali arbitrarji, kemm finanzjarji kif ukoll amministrattivi, li jistgħu jfixklu t-trasport marittimu fl-Artiku, minbarra l-miżuri miftiehma internazzjonalment immirati biex tiżdied is-sigurtà jew il-protezzjoni tal-ambjent;

19.    Ifakkar fid-dritt tal-poplu tal-Artiku li jiddetermina l-għajxien tiegħu stess u jirrikonoxxi x-xewqa tiegħu ta' żvilupp sostenibbli tar-reġjun, u jitlob lill-Kummissjoni tirrapporta dwar liema programmi tal-UE jistgħu jintużaw biex jappoġġaw tali żvilupp sostenibbli bilanċat fit-tul, u tħejji miżuri bl-għan li jingħata kontribut aktar konkret biex din ix-xewqa isseħħ;

20.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President / lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati tar-reġjun tal-Artiku.