Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B6-0629/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B6-0629/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA

17.12.2008

imressqa skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura minn
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi li ġejjin: dwar l-attakki kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet ċivili u d-demokrazija fin-Nikaragwa

Proċedura : 2008/2696(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B6-0629/2008
Testi mressqa :
RC-B6-0629/2008
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-attakki kontra difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet ċivili u d-demokrazija fin-Nikaragwa

Il-Parlament Ewropew,

  • wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
  • wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966,
  • wara li kkunsidra l-Ftehima ta’ Djalogu Politiku u Koperazzjoni tal-2003 bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq in-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Kosta Rika, El Salvador, il-Gwatemala, il-Ħonduras, in-Nikaragwa u l-Panama fuq in-naħa l-oħra u l-Ftehima Qafas ta’ Koperazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubbliki tal-Kosta Rika, El Salvador, il-Gwatemala, il-Ħonduras, in-Nikaragwa u l-Panama[1],
  • wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Unjoni Ewropea dwar d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem,
  • wara li kkunsidra r-rapporti ppreżentati mit-tim ta' esperti tal-UE għall-proċess u l-elezzjonijiet muniċipali li seħħew fid-9 ta' Novembru li għadda,

   −   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissarju Benita Ferrero Waldner dwar dak li ġara fin-Nikaragwa wara l-elezzjonijiet muniċipali u reġjonali tad-9 ta’ Novembru,

    −   wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejjin bħalissa għall-iffirmar ta’ Ftehima ta’ Sħubija bejn l-UE u l-Amerika Ċentrali,

  • wara li kkunsidra l-Artikolu 115 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
  • A.billi saru allegazzjonijiet ta’ qerq fir-rigward tar-riżultati tal-elezzjonijiet muniċipali tad-9 ta’ Novembru 2008 li ġew irrappurtati mit-tim ta’ esperti tal-UE semmew in-nuqqas ta’ rieda min-naħa tal-awtoritajiet tan-Nikaragwa li jorganizzaw proċess ġenwinament demokratiku; billi l-aggressjonijiet li akkumpanjawhom, immirati b'mod partikulari kontra l-mezzi ta' komunikazzjoni, u l-polarizzazzjoni u l-konfrontazzjonijiet li seħħew b’riżultat,
  • B.billi n-NU, l-UE, l-Istati Uniti u diversi NGOs fin-Nikaragwa esprimew tħassib rigward it-trasparenza tal-elezzjonijiet,
  • C.billi skont ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill Elettorali Suprem tal-11 ta’ Ġunju 2008, min-naħa waħda ġiet ikkanċellata l-personalità legali tal-Moviment Sandinist ta’ Tiġdid (Movimiento Renovador Sandinista – MRS), u min-naħa l-oħra ġie allegat li l-Partit Konservattiv (PC) ma ssodisfax il-prerekwiżiti tal-ħruġ għall-elezzjonijiet muniċipali ta' Novembru 2008, u b'hekk impedixxa l-parteċipazzjoni ta' dawn iż-żewġ partiti,
  • D.billi f’dawn l-aħħar xhur l-għaqdiet tal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-membri tagħhom, ġurnalisti u rappreżentanti tal-mezzi ta’ komunikazzjoni ġarrbu diversi attakki u atti ta’ fastidju minn persuni, setturi politiċi u entitajiet b’rabtiet mal-poter statali,

E.  wara li kkunsidra l-proposta tal-Viċi Ministru għall-Koperazzjoni tan-Nikaragwa għal mekkaniżmu ta’ ‘tassassjoni konġunta’ għall-appoġġ finanzjarju li jirċievu l-NGOs u għal investigazzjoni ta' diversi NGOs għall-allegat nuqqas ta' sodisfar ta' rekwiżiti legali, bħal fil-każ tal-akkużi ta’ ‘trijangolazzjoni ta’ fondi’ kontra 17-il għaqda tad-drittijiet tal-bniedem,

F.  wara li kkunsidra l-investigazzjonijiet kriminali kontra dawk li jiddefendu d-drittijiet sesswali u riproduttivi, inklużi dawk li appoġġjaw lil tifla li kienet ġiet stuprata u li sarilha abort biex tiġi salvatha ħajjitha fi żmien meta l-abort terapewtiku ma kienx offiża kriminali,

G.  billi fit-22 ta’ Ottubru 2008 is-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea ħarġu Stqarrija għall-Istampa dwar id-difensuri u l-għaqdiet tal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem,

H.  billi l-iżvilupp u l-konsolidazzjoni tad-demokrazija u l-Istat tad-Dritt, kif ukoll ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, iridu jkunu parti integrali mill-politika esterna tal-UE,

I.  billi l-UE u l-imsieħba tagħha, meta jagħmlu ftehimiet ma' pajjiżi terzi li jkunu jinkludu klawżola tad-drittijiet tal-bniedem, jassumi responsabilità li jiżguraw konformità mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, u klawżoli bħal dawn huma min-natura tagħhom reċiproki,

J.  billi fis-26 u s-27 ta’ Jannar 2009, fi Brussell se jsir is-sitt rawnd ta’ negozjati għall-Ftehima ta’ Sħubija bejn l-UE u l-Amerika Ċentrali,

K.  billi n-Nikaragwa f’dawn l-aħħar għoxrin sena spiċċat f’sitwazzjoni ta’ faqar kbir.

1.  Jiddispjaċih ħafna dwar il-mod ta’ kif tmexxa l-proċess elettorali tal-elezzjonijiet lokali tad-9 ta’ Novembru, u jqis li r-riżultati tagħhom m’għandhom ebda leġittimità demokratika;

2.   Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-klima ta’ qerq allegat f’xi muniċipalitajiet irriżultat f’dimostrazzjonijiet u konfrontazzjonijiet bejn il-partitarji ta’ partiti differenti, li ħallew numru ta’ nies midruba u komplew jaggravaw kriżi politika li diġà kienet serja;

3.   Jitlob lill-gvern tan-Nikaragwa biex jieħu miżuri urġenti biex jikkalma s-sitwazzjoni li nħolqot, u jitlob lill-awtoritajiet tan-Nikaragwa biex jirrispettaw l-isforzi tal-għaqdiet tal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem;

4.   Jiddispjaċih dwar id-diversi attakki u atti ta’ fastidju li sofrew l-għaqdiet tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti indipendenti u r-rappreżentanti tad-delegazzjoni tal-Kummissjoni fin-Nikaragwa f’dawn l-aħħar xhur, min-naħa ta’ individwi, forzi politiċi u korpi b’rabtiet statali;

5.   Jitlob lill-partiti politiċi biex jikkundannaw l-atti ta’ vjolenza li wettqu l-partitarji tagħhom;

6.   Jiddispjaċih dwar il-fatt li żewġ partiti politiċi ma setgħux jieħu sehem fl-elezzjonijiet lokali, u jesprimi t-tħassib tiegħu rigward il-progress tal-konsolidazzjoni u l-governanza demokratiċi fin-Nikaragwa, b’mod speċjali rigward il-proċessi ta’ inklużjoni u parteċipazzjoni attiva;

7.   Iħeġġeġ lill-gvern tan-Nikaragwa u lill-awtoritajiet statali biex iħarsu l-libertà tal-espressjoni u l-indipendenza tal-qrati u b’hekk jiżguraw li l-bażijiet demokratiċi ta' pajjiżhom jiġu ppreservati, u biex jiżguraw li mill-aktar fis possibbli, in-Nikaragwa tirratifika l-Istatut ta' Ruma li ħoloq il-Qorti Kriminali Internazzjonali;

8.   Jilqa’ b’sodisfazzjon l-istqarrija għall-istampa tas-27 Stat Membru tal-UE tat-22 ta’ Ottubru 2008, li kkundannat l-attakki fuq id-difensuri u l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem;

9.   Ifakkar li fin-negozjati għall-Ftehima ta’ Sħubija bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Amerika Ċentrali, in-Nikaragwa jeħtieġ tiġi mfakkra dwar il-ħtieġa li jiġu rispettati l-prinċipji tal-Istat tad-Dritt, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, kif tiddefendihom u tippromwovihom l-UE;

10.  Jitlob lill-gvern tan-Nikaragwa biex jidderoga l-penalizzazzjoni tal-abort terapewtiku f'każijiet ta' periklu għall-ħajja tal-omm;

11.  Jitlob lill-Istati Membri tal-UE sabiex jiżguraw li s-sitwazzjoni fin-Nikaragwa titpoġġa fuq l-aġenda tal-laqgħat kollha mal-awtoritajiet tan-Nikaragwa, kemm dawk bilaterali kif ukoll dawk multilaterali;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS), lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latinamerikana, lill-Parlament tal-Amerika Ċentrali, u lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika tan-Nikaragwa.