Proċedura : 2013/2549(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B7-0190/2013

Testi mressqa :

RC-B7-0190/2013

Dibattiti :

PV 23/05/2013 - 6
CRE 23/05/2013 - 6

Votazzjonijiet :

PV 23/05/2013 - 13.13

Testi adottati :

P7_TA(2013)0229

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 134kWORD 70k
21.5.2013
PE509.817v01-00}
PE509.825v01-00}
PE509.826v01-00}
PE509.842v01-00} RC1
 
B7-0190/2013}
B7-0196/2013}
B7-0197/2013}
B7-0229/2013} RC1

imressqa skont l-Artikoli 115(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

PPE (B7‑0190/2013)

S&D (B7‑0196/2013)

Verts/ALE (B7‑0197/2013)

ALDE (B7‑0229/2013)


dwar strateġija makro-reġjonali għall-Alpi (2013/2549(RSP))


Richard Seeber, Lambert van Nistelrooij, Danuta Maria Hübner, Marie‑Thérèse Sanchez-Schmid, Iosif Matula, Manfred Weber, Jan Olbrycht, Jan Březina, Roberta Angelilli, Alain Cadec f'isem il-Grupp PPE
Constanze Angela Krehl, Karin Kadenbach f'isem il-Grupp S&D
Ramona Nicole Mănescu, Jean-Luc Bennahmias f'isem il-Grupp ALDE
Elisabeth Schroedter f'isem il-Grupp Verts/ALE
Oldřich Vlasák f'isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar strateġija makro-reġjonali għall-Alpi (2013/2549(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 192, 265(5) u 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku (COM(2009) 0248),

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Alpina tas-7 ta’ Novembru 1991,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Diċembru 2010 bit-titlu ‘L-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-reġjun tad-Danubju’ (COM(2010)0715) u l-pjan ta’ azzjoni indikattiv li jakkompanja l-istrateġija (SEC(2009)0712/2),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Frar 2011 dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-Unjoni għar-reġjun tad-Danubju(1),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 ta’ Ġunju 2011, li fihom il-Kunsill Ewropew talab lill-Istati Membri biex ‘ikomplu jaħdmu b’kooperazzjoni mal-Kummissjoni dwar strateġiji makro-reġjonali ġejjiena potenzjali’,

–   wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ottubru 2011 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta' “Kooperazzjoni territorjali Ewropea” (COM(2011)0611),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-istrateġiji makro-reġjonali għandhom l-għan li jagħmlu użu aħjar tar-riżorsi eżistenti biex jiġu trattati kwistjonijiet relatati mal-iżvilupp territorjali, jidentifikaw risponsi konġunti għal sfidi komuni, itejbu l-integrazzjoni spazjali u jsaħħu l-effikaċja ta’ diversi forom ta’ politiki u sħubiji appoġġati mill-UE bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif ukoll istituzzjonijiet oħra u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

B.  billi l-Kummissjoni qed tipproponi li tittejjeb il-parti transnazzjonali tal-politika ta’ kooperazzjoni territorjali u li kwalunkwe strateġija makro-reġjonali ġdida għandha tiġi inizjata fuq bażi volontarju filwaqt li tislet mill-esperjenza u mill-aħjar prattika tal-passat;

C. billi t-territorji tar-reġjun Alpin jikkondividu diversi karatteristiċi komuni, bħal pereżempju l-fatt li ż-żoni ta' muntanji għolja tagħhom huma ġeografikament uniċi, kif ukoll l-interazzjonijiet mill-qrib tagħhom mal-bliet il-kbar taċ-ċirku peri-Alpin;

D. billi l-istrateġija makro-reġjonali għall-Alpi, li għandha tkun kumparabbli għall-istrateġiji adottati mill-UE għar-reġjun tal-Baħar Baltiku u dak tad-Danubju, se toffri opportunità ta’ dimensjoni ġdida u sinifikat ikbar għall-Alpi fil-kuntest tal-UE, f’termini ta’ aċċess aħjar għall-finanzjament;

E.  billi r-reġjun tal-Alpi jappartjeni lil diversi Stati Membri tal-UE kif ukoll lil pajjiżi li ma jagħmlux parti mill-UE, u jikkostitwixxi makro-reġjun interkonness b’kapaċitajiet ekonomiċi eteroġeni u tħassib li kulma jmur qed jikber fir-rigward ta’ kwistjonijiet ambjentali, il-bidla demografika, l-infrastruttura tat-trasport, it-turiżmu u kwistjonijiet relatati mal-enerġija, u billi koordinament tal-politiki interni u esterni tal-partijiet konċernati kollha jista’ jipproduċi riżultati aħjar u valur miżjud;

F.  billi l-Alpi huma muntanji ta’ interess għall-Ewropa u għall-bqija tad-dinja, b’ekosistemi fraġli u għadd kbir ta’ glaċieri li huma milquta serjament mit-tibdil fil-klima, kif ukoll għadd kbir ta’ żoni naturali protetti u diversi speċijiet ta’flora u fawn aendemiċi protetti;

G. billi l-politika ta’ koeżjoni għandha l-għan li tikseb koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-UE kollha;

1.  Jemmen li l-iżvilupp ta’ strateġiji fuq skala kbira, bħal strateġiji makro-reġjonali, għandu jgħin biex jikber ir-rwol tal-livell lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-politika tal-UE, u li l-prinċipju tal-governanza b’diversi livelli għandu jkun ċentrali fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-istrateġija għall-Alpi;

2.  Ifakkar ir-riżultati tal-esperjenza ta’ tagħlim li joffru l-Istrateġija tal-Baħar Baltiku u l-Istrateġija tad-Danubju rigward it-trasparenza fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-allokazzjoni ta’ finanzjament tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta bla dewmien pjan ta’ azzjoni speċifiku għal din iż-żona bl-għan li jingħelbu l-iżvantaġġi strutturali li jiffaċċaw ir-reġjuni muntanjużi u jinħolqu l-kundizzjonijiet xierqa għal tkabbir ekonomiku u koeżjoni soċjali u territorjali effettiva fir-reġjun;

3.  Jenfasizza r-rwol pożittiv li jiżvolġu għodod leġiżlattivi tal-UE bħalma homa r-Raggruppamenti Ewropej ta' Koperazzjoni Territorjali (REKT) għall-makro-reġjuni, għax dawn jipprovdu appoġġ reġjonali għal aspetti ta’ kooperazzjoni konkreti u l-iskambju tal-prattiki tajba kif ukoll għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji tal-iżvilupp territorjali li jippermettu kooperazzjoni bejn awtoritajiet f’livelli differenti;

4.  Jilqa’ l-iżvilupp attwali fir-reġjuni taż-żona tal-Alpi, u l-approċċ ‘bottom-up’ adottat fihom, reġjuni li b’mod ripetut esprimew ix-xewqa taħghom li jkun hemm strateġija Alpina li tindirizza b’mod effettiv l-isfidi komuni taż-żona kollha tal-Alpi, li l-potenzjal konsiderevoli taż-żona jiġi sfruttat b’mod aktar konsistenti u li tiġi indirizzata l-ħtieġa li titjieb il-mobilità, i-ssigurtà enerġetika, il-ħarsien ambjentali, l-iżvilupp soċjali u ekonomiku, l-iskambju kulturali u l-protezzjoni ċivili fir-reġjun tal-Alpi;

5.  Jemmen li l-ambitu ġeografiku ta’ strateġija għall-Alpi jrid jiffoka fuq it-territorju kopert mill-Konvenzjoni Alpina, biex b’hekk issir distinzjoni mir-reġjun extra-Alpin, li jinkludi fih bliet akbar u ċentri tal-industrija;

6.  Iqis li l-iżvilupp sostenibbli tal-Alpi huwa wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-istrateġija makro-reġjonali, meta jitqies l-għadd kbir ta’ glaċieri milquta mit-tibdil fil-klima;

7.  Jemmen li din l-istrateġija għandha wkoll tinkoraġġixxi, u tipprova tiffaċilita, in-nomina ta’ żoni naturali protetti Ewropej. Bħala eżempju ta’ dan nistgħu nsemmu l-inizjattiva konġunta riċenti tal-Parc National du Mercantour (Franza) u tal-Parco Naturale delle Alpi Marittime (Italja);

8.  Jindika li hu importanti li l-kontenut tal-istrateġija għall-Alpi jkun allinjat mal-Konvenzjoni Alpina u l-protokolli sussegwenti tagħha, kif ukoll li jqis il-kooperazzjoni transnazzjonali u n-netwerking eżistenti f’dan il-qasam;  

9.  Jenfasizza li strateġija makro-reġjonali għall-Alpi għandha tqis il-konservazzjoni tal-użu tradizzjonali tal-art (primarjament għall-agrikultura), biex titrawwem il-bijodiversità, kif ukoll għall-konservazjoni ta’ żoni protetti eżistenti;

10. Jitlob li strateġija makro-reġjonali għall-Alpi tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni komprensiva mill-Kummissjoni, imsejsa fuq kriterji oġġettivi u indikaturi li jistgħu jitkejlu;

11. Jistieden lill-Kummissjoni biex timplimenta l-Artikolu 174 TFUE b’mod ġenwin permezz ta' pjan strateġiku, bil-ħsieb li jingħelbu l-iżvantaġġi strutturali ta' territorji muntanjużi u jinħolqu l-kundizzjonijiet tajba għal tkabbir ekonomiku u koeżjoni soċjali u territorjali effettiva fir-reġjun tal-Alpi;

12. Jemmen li d-dimensjoni territorjali tal-istrateġija għandha twassal għall-iżvilupp konkret tal-idea ta’ koeżjoni territorjali;

13. Jisħaq li strateġija makro-reġjonali għall-Alpi hi għodda effettiva biex titjieb il-kooperazzjoni territorjali Ewropea fir-reġjun konċernat billi jiġi implimentat approċċ ‘bottom-up’ u billi tiżdied il-kooperazzjoni permezz ta’ użu aħjar tar-riżorsi disponibbli, u b’hekk jiġi faċilitat il-koordinament tal-politiki li jinvolvu diversi setturi;

14. Jenfasizza li strateġija makro-reġjonali għall-Alpi tiżgura li l-inizjattivi differenti tal-UE relatati mar-reġjun tal-Apli u ż-żoni muntanjużi jikkumplimentaw lil xulxin, u ġġib magħha valur miżjud għal proġetti konkreti;

15. Jemmen li strateġija makro-reġjonali għall-Alpi trid tikkoordina l-fondi eżistenti tal-UE, b'mod partikolari taħt il-politika ta' koeżjoni, biex timplimenta proġetti li jkollhom l-għan li jindirizzaw sfidi komuni bħall-ħarsien tal-ambjent, l-investiment fil-kompetittività u l-innovazzjoni, l-agrikultura u l-forestrija, l-ilma, l-enerġija, kwistjonijiet ambjentali u klimatiċi u t-trasport;

16. Jisħaq li strateġija makro-reġjonali potenzjali għall-Alpi tkun konformi mal-objettivi ta’ Ewropa 2020, u b’hekk tiżgura l-konformità mal-impenn tal-UE għal tkabbir smart, sostenibbli u inklużiv;

17. Jenfasizza li hu importanti li tiżdied – permezz ta' strateġija tali – il-kapaċità innovattiva tar-reġjun tal-Alpi billi jintużaw il-ħiliet li toffri l-forża tal-ħidma tiegħu, jinħolqu sħubiji u kooperazzjoni bejn parteċipanti ewlenin (is-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni, it-taħriġ u r-riċerka, u min iħaddem), iż-żgħażagħ attivi jinżammu fiż-żona, tiġi appoġġata l-kreattività u tissaħħaħ il-kapaċità tar-reġjuni differenti fl-oqsma tal-edukazzjoni, ix-xjenza u r-riċerka;

18. Jenfasizza li l-qafas tal-kooperazzjoni makroreġjonali ġdid irid jiżgura li l-iżvantaġġi naturali ta’ reġjuni periferali, bħal pereżempju żoni muntanjużi, jinbidlu f'punti pożittivi u f’opportunitajiet, u li tingħata spinta lill-iżvilupp sostenibbli ta' dawn ir-reġjuni;

19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lil Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-istituzzjonijiet l-oħra relevanti.

 

 

(1)

ĠU C 188 E, 28.6.2012, p. 30.

Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Mejju 2013Avviż legali