RAPPORT dwar ir-reviżjoni tar-Regoli ta' Proċedura għal dak li għandu x'jaqsam mal-proċess tal-petizzjonijiet

27.1.2009 - (2006/2209(REG))

Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
Rapporteur: Gérard Onesta

Proċedura : 2006/2209(REG)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-reviżjoni tar-Regoli ta' Proċedura għal dak li għandu x'jaqsam mal-proċess tal-petizzjonijiet

(2006/2209(REG))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-ittra mingħand il-President tiegħu bid-data tal-20 ta' Lulju 2006,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 201 u 202 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A6-0027/2009),

1.  Jiddeċiedi li jemenda r-Regoli ta' Proċedura tiegħu kif jidher hawn taħt;

2.  Ifakkar li dawn l-emendi jidħlu fis-seħħ fl-ewwel jum tas-sessjoni parzjali li jmiss, bl-eċċezzjoni tal-emenda li tirrigwarda l-Artikolu 193a (ġdid), li tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum wara d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjoni tat-Trattat relevanti;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, għal skopijiet ta’ informazzjoni.

Emenda  1

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament

Artikolu 191 – paragrafu 2 a (ġdid)

Test fis-seħħ

Emenda

 

2a. Meta petizzjoni tkun iffirmata minn diversi persuni fiżiċi jew legali, il-firmatarji għandhom jaħtru rappreżentant u viċi rappreżentanti li għandhom jitqiesu bħala l-petizzjonanti għall-finijiet tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet li ġejjin.

 

Meta ma tkun saret l-ebda ħatra bħal din, l-ewwel firmatarju jew persuna oħra xierqa għandhom jitqiesu bħala l-petizzjonanti.

Emenda  2

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament

Artikolu 191 – paragrafu 2 b (ġdid)

Test fis-seħħ

Emenda

 

2b. Kull petizzjonant jista' fi kwalunkwe żmien jirtira l-appoġġ tiegħu għall-petizzjoni.

 

Wara l-irtirar tal-appoġġ mill-petizzjonanti kollha l-petizzjoni għandha ssir nulla u bla effett.

Ġustifikazzjoni

Bħalissa r-Regoli ta' Proċedura ma jaħsbux għal possibilità ta’ rtirar tal-appoġġ għal petizzjoni minn petizzjonant.

Meta jitqies il-għadd dejjem jikber ta' petizzjonijiet b’għadd sinifikanti ta' sostenituri, li bosta drabi aktar jikkonċernaw kwistjonijiet ta' importanza politika milli li jaffettwaw direttament għadd limitat ta' persuni, jidher li huwa neċessarju li tingħata din il-possibilità lill-petizzjonant.

Emenda  3

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament

Artikolu 191 – paragrafu 3

Test fis-seħħ

Emenda

3. Il-petizzjonijiet għandhom ikunu b'waħda mil-lingwi ta' l-Unjoni Ewropea.

3. Il-petizzjonijiet għandhom ikunu miktuba b'lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Petizzjonijiet miktuba b'xi lingwa oħra jkunu kkunsidrati biss jekk min jagħmel il-petizzjoni jehmeż traduzzjoni jew sommarju miktub b'xi waħda mil-lingwi uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. It-traduzzjoni jew is-sommarju għandhom jiffurmaw il-bażi tal-ħidma tal-Parlament. Korrispondenza tal-Parlament ma' min jagħmel il-petizzjoni għandha tkun bil-lingwa uffiċjali li biha tkun miktuba t-traduzzjoni jew is-sommarju.

Petizzjonijiet miktuba b'xi lingwa oħra jkunu kkunsidrati biss jekk min jagħmel il-petizzjoni jkun hemeż traduzzjoni b'xi waħda mil-lingwi uffiċjali. Korrispondenza tal-Parlament ma' min jagħmel il-petizzjoni għandha tkun bil-lingwa uffiċjali li biha tkun miktuba t-traduzzjoni jew is-sommarju.

 

Il-Bureau jista' jiddeċiedi li l-petizzjonijiet u l-korrispondenza mal-petizzjonanti jistgħu jkunu abbozzati b'lingwi oħra li huma użati fi Stat Membru.

Ġustifikazzjoni

Il-Bureau diġà ddeċieda illi l-Parlament għandu jirrispondi l-korrispondenza mingħand iċ-ċittadini bl-ilsien Bask, Katalan, u Galizjan b’dawn il-lingwi rispettivi.

Emenda  4

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament

Artikolu 191 – paragrafu 5

Test fis-seħħ

Emenda

5. Petizzjonijiet li jiddaħħlu fir-reġistru għandhom jitressqu mill-President quddiem il-kumitat responsabbli li għandu l-ewwel jaċċerta jekk il-petizzjonijiet reġistrati jaqgħux fl-isfera ta' l-attività ta' l-Unjoni Ewropea.

5. Petizzjonijiet li jiddaħħlu fir-reġistru għandhom jitressqu mill-President quddiem il-kumitat responsabbli li għandu l-ewwel jistabbilixxi jekk il-petizzjoni tkunx ammissibbli jew le skont l-Artikolu 194 tat-Trattat KE.

 

Jekk il-kumitat responsabbli ma jilħaqx konsensus dwar l-ammissibilità tal-petizzjoni, din għandha tiġi ddikjarata ammissibbli jekk kemm-il darba jkun hemm ir-rikjesta f'das-sens minn ta' mill-anqas kwart tal-membri tal-kumitat.

Ġustifikazzjoni

Il-jedd tal-petizzjonijiet huwa jedd vitali taċ-ċittadini msejjes fuq il-liġi primarja u ma jistax jiġi ristrett b'xi deċiżjoni li tkun politikament motivata. Għalhekk id-deċiżjoni dwar l-ammissibilità tal-petizzjoni, bħala xi ħaġa sensittiva ħafna, titqies daqslikieku deċiżjoni legali, anke jekk ikollha xi aspetti politiċi.

Din id-deċiżjoni għandha preferibbilment tittieħed biss b'konsensus bejn il-Membri tal-Kumitat. Però, ġaladarba huwa diffiċli li jintlaħaq konsensus f'ċerti kwistjonijiet politiċi, jidher li jkun xieraq illi l-minoranza kkwalifikata tingħata l-jedd li topponi dikjarazzjoni ta’ inammissibilità, bħala każ eċċezzjonali, sabiex jintgħeleb l-istall.

Emenda  5

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament

Artikolu 191 – paragrafu 6

Test fis-seħħ

Emenda

6. Petizzjonijiet dikjarati inammissibbli mill-kumitat għandhom jiġu arkivjati; min jagħmel il-petizzjoni għandu jkun infurmat bid-deċiżjoni u bir-raġunijiet li wasslu għaliha.

6. Petizzjonijiet dikjarati inammissibbli mill-kumitat għandhom jiġu arkivjati; min jagħmel il-petizzjoni għandu jkun infurmat bid-deċiżjoni u bir-raġunijiet li wasslu għaliha. Meta jkun possibbli, jistgħu jiġu rrakkomandati mezzi ta’ riparazzjoni alternattivi.

Emenda  6

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament

Artikolu 191 – paragrafu 7

Test fis-seħħ

Emenda

7. F'dawn il-każi l-kumitat jista' jissuġġerixxi li min għamel il-petizzjoni jikkuntattja lill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru konċernat jew ta' l-Unjoni Ewropea.

imħassar

Emenda  7

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament

Artikolu 191 – paragrafu 8

Test fis-seħħ

Emenda

8. Il-petizzjoni għandha tiddaħħal f'reġistru pubbliku, ħlief fil-każ li l-persuna li tippreżentaha titlob li din tiġi ttrattata b'mod kunfidenzjali.

8. Il-petizzjonijiet, ladarba jiddaħħlu fir-reġistru, bħala regola ġenerali jsiru dokumenti pubbliċi, u l-isem ta' min jagħmel il-petizzjoni kif ukoll il-kontenut tal-petizzjoni jistgħu jiġu ppubblikati mill-Parlament għal raġunijiet ta' trasparenza.

Emenda  8

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament

Artikolu 191 – paragrafu 8 a (ġdid)

Test fis-seħħ

Emenda

 

8a. Minkejja d-dispożizzjonijiet imniżżla fil-paragrafu 8 hawn fuq, il-petizzjonant jista' jitlob li ismu (jew isimha) ma jidhirx sabiex tkun imħarsa l-privatezza tiegħu, u f'dan il-każ il-Parlament għandu jirrispetta talba bħal din.

 

Meta l-ilment tal-petizzjonant ma jkunx jista’ jiġi investigat għal raġunijiet ta’ anonomità, il-petizzjonant għandu jiġi kkonsultat rigward x’passi oħra jridu jkomplu jittieħdu.

Emenda  9

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament

Artikolu 191 – paragrafu 8 b (ġdid)

Test fis-seħħ

Emenda

 

8b. Il-petizzjonant jista' jitlob li l-petizzjoni tiegħu (jew tagħha) tiġi ttrattata b'mod kunfidenzjali, f'liema każ għandhom jittieħdu l-prekawzjonijiet xierqa mill-Parlament biex jiżgura illi l-kontenut ma jsirx pubbliku. Il-petizzjonant għandu jiġi mgħarraf b'liema kundizzjonijiet preċiżi se jkun japplika dan il-provvediment.

Emenda  10

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament

Artikolu 192 – paragrafu 1 (ġdid)

Test fis-seħħ

Emenda

 

-1. Il-petizzjonijiet ammissibbli għandhom jiġu kkunsidrati mill-kumitat responsabbli waqt l-attività normali tiegħu, jew permezz ta' diskussjoni waqt laqgħa regolari jew permezz ta' proċedura bil-miktub. Il-petizzjonanti jistgħu jiġu mistiedna sabiex jipparteċipaw fil-laqgħat tal-kumitat jekk tkun se tiġi diskussa l-petizzjoni tagħhom, jew inkella jistgħu jitolbu huma biex ikunu preżenti. Id-dritt tal-kelma għandu jingħata lill-petizzjonanti skont id-diskrezzjoni taċ-Chairperson.

Emenda  11

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament

Artikolu 192 – paragrafu 1

Test fis-seħħ

Emenda

1. Il-kumitat responsabbli jista' jiddeċiedi li jagħmel rapport jew li b'xi mod ieħor jesprimi l-opinjoni tiegħu dwar petizzjonijiet li jkun iddikjara ammissibbli.

1. Il-kumitat jista', għal dak li għandu x'jaqsam ma' petizzjoni ammissibbli, jiddeċiedi li jfassal rapport fuq inizjattiva proprja skont it-termini tal-Artikolu 45(1) jew illi jissottometti mozzjoni qasira għal riżoluzzjoni lill-Parlament, basta ma jkun hemm l-ebda oġġezzjoni mill-Konferenza tal-Presidenti. Mozzjonijiet għal riżoluzzjoni bħal dawn għandhom jitqiegħdu fl-abbozz tal-aġenda tas-sessjoni parzjali li ssir mhux aktar tard minn tmien ġimgħat wara li jkunu ġew adottati fil-kumitat. Għandu jintalab li ssir votazzjoni waħda għalihom u għandhom ikunu wkoll mingħajr dibattitu sakemm il-Konferenza tal-Presidenti ma tiddeċidix b’mod eċċezzjonali li tapplika l-Artikolu 131a.

Il-kumitat jista', b'mod partikulari fil-każ ta' petizzjonijiet li jfittxu li jkun hemm tibdil f'liġijiet eżistenti, jitlob opinjonijiet mingħand kumitati oħra skond l-Artikolu 46.

Il-kumitat jista' jitlob opinjonijiet mingħand kumitati oħra li għandhom responsabilità speċifika għall-kwistjoni li tkun qed tiġi kkunsidrata skond l-Artikolu 46 u l-Anness VI.

Emenda  12

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament

Artikolu 192 – paragrafu 2

Test fis-seħħ

Emenda

2. Għandu jitwaqqaf reġistru elettroniku li fih iċ-ċittadini jkunu jistgħu jagħtu l-appoġġ tagħhom lil min jagħmel il-petizzjoni billi jpoġġu l-firma elettronika tagħhom fuq petizzjonijiet li jkunu ġew dikjarati ammissibbli u li jkunu ddaħħlu fir-reġistru.

2. Għandu jitwaqqaf reġistru elettroniku li fih iċ-ċittadini jkunu jistgħu jagħtu jew jirtiraw l-appoġġ tagħhom lil min jagħmel il-petizzjoni billi jpoġġu l-firma elettronika tagħhom fuq petizzjonijiet li jkunu ġew dikjarati ammissibbli u li jkunu ddaħħlu fir-reġistru.

Emenda  13

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament

Artikolu 192 – paragrafu 3

Test fis-seħħ

Emenda

3. Meta jkun qed jikkunsidra petizzjonijiet jew jistabbilixxi fatti, il-kumitat jista' jorganizza smiegħ ta' min jagħmel il-petizzjonijiet jew smiegħ ġenerali jew jista' jibgħat membri fuq il-post sabiex jistabbilixxu l-fatti tas-sitwazzjoni.

3. Meta jkun qed jinvestiga petizzjonijiet, jistabbilixxi fatti jew ifittex soluzzjonijiet il-kumitat jista' jorganizza żjarat sabiex jinstabu l-fatti fl-Istat Membru jew reġjun konċernat mill-petizzjoni.

 

Ir-rapporti dwar iż-żjarat għandhom jiġu abbozzati mill-parteċipanti tagħhom. Dawn ir-rapporti għandhom jiġu mgħoddija lill-President wara l-approvazzjoni tal-kumitat.

Emenda  14

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament

Artikolu 192 – paragrafu 4

Test fis-seħħ

Emenda

4. Bil-għan li jipprepara l-opinjonijiet tiegħu, il-kumitat jista' jitlob lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta dokumenti, tipprovdi informazzjoni u tagħtih aċċess għall-faċilitajiet tagħha.

4. Il-kumitat jista' jitlob l-għajnuna mill- Kummissjoni, b’mod partikulari permezz ta’ tagħrif dwar l-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja jew dwar il-konformità magħha, kif ukoll billi tforni kull tagħrif jew dokument li jkun relevanti għall-petizzjoni. Ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni għandhom jiġu mistiedna biex jattendu l-laqgħat tal-kumitat.

Emenda  15

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament

Artikolu 192 – paragrafu 5

Test fis-seħħ

Emenda

5. Il-kumitat jista', fejn ikun meħtieġ, jippreżenta mozzjonijiet għal riżoluzzjonijiet lill-Parlament dwar petizzjonijiet li jkun eżamina.

5. Il-kumitat jista' jitlob lill-President biex jgħaddi l-opinjoni jew ir-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kummissjoni, lill-Kunsill jew lill-awtorità kkonċernata tal-Istat Membru għal azzjoni jew rispons.

Il-kumitat jista' wkoll jitlob li l-opinjonijiet tiegħu jkunu kkomunikati mill-President lill-Kummissjoni jew lill-Kunsill.

 

Emenda  16

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament

Artikolu 192 – paragrafu 7

Test fis-seħħ

Emenda

7. Il-President għandu jinforma lil min jagħmel il-petizzjonijet bid-deċiżjonijiet meħuda u bir-raġunijiet għala ttieħdu.

7. Il-petizzjonant għandu jiġi mgħarraf bid-deċiżjoni meħuda mill-kumitat u għandu jingħata r-raġunijiet li jiġġustifikaw id-deċiżjoni.

 

Meta l-konsiderazzjoni ta' petizzjoni ammissibbli tkun ġiet konkluża, din għandha tiġi ddikjarata magħluqa u l-petizzjonant għandu jiġi mgħarraf.

Emenda  17

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament

Artikolu 193 a (ġdid)

Test fis-seħħ

Emenda

 

Artikolu 193 a

 

Inizjattiva taċ-ċittadini

 

Meta l-Parlament ikun mgħarraf li l-Kummissjoni tkun ġiet mistiedna biex tressaq proposta għal att legali skont l-Artikolu 11(4) tat-Trattat EU, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet għandu jaċċerta ruħu jekk din il-ħaġa tistax taffettwa l-ħidma tiegħu u, jekk ikun meħtieġ, għandu jgħarraf lil dawk il-petizzjonanti li jkunu indirizzaw petizzjoni dwar suġġetti relatati.

Ġustifikazzjoni

Din l-emenda ma tistax tieħu effett legali qabel ma jidħol fis-seħħ it-Trattat ta’ Liżbona.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (10.1.2008)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali

dwar reviżjoni tar-Regoli ta' Proċedura fir-rigward tal-proċess tal-Petizzjonijiet
(2006/2209(REG))

Rapporteur għal opinjoni: Robert Atkins

_InterimMod

Rimarki ta' introduzzjoni

Ir-regoli attwali marbuta mad-dritt tal-petizzjoni u ma' l-eżerċizzju ta' l-awtorità tal-Parlament fir-rigward tal-petizzjonijiet li jsiru minn persuni, prattikament, ilhom jeżistu għal ħafna żmien u kienu b'mod ġenerali adegwati. B'mod partikolari pprovdew il-qafas li fih l-Artikolu 194 tat-Trattat ġie mqiegħed fil-prattika.

Ix-xogħol tal-kumitat, madankollu, fis-snin reċenti, kien sar aktar intens hekk kif il-Membri stess f'ħafna okkażjonijiet ħadu l-inizjattiva sabiex jiżguraw li, bħala istituzzjoni, il-Parlament ikun f'pożizzjoni li jkun aktar qrib it-tħassib taċ-ċittadini Ewropej. B'dan il-mod, jidher ċar li ċerta ammont ta' 'fine tuning' tar-regoli attwali jista' jgħinhom jirriflettu b'mod aktar ċar l-evoluzzjoni prammatika u gradwali li saret lill-petizzjonijiet. Ma jidhirx li hu meħtieġ jew adattat li jsiru modifiki sostanzjali għar-regoli applikabbli għall-proċess tal-petizzjonijiet.

Għalhekk, wieħed mill-objettivi tar-reviżjoni proposta hu li jtejjeb it-trasparenza u ċ-ċarezza tar-regoli bażiċi li qed juża l-kumitat u li dawn ir-regoli jiġu adattati għall-ħtiġijiet taċ-ċittadini minn Unjoni Ewropea ta' 27 Stat Membru. Hu ukoll meħtieġ li r-regoli jiġu aġġornati sabiex ikunu konformi mal-bidliet li għamel il-Parlament, u partikolarment il-Bureau, fir-rigward tal-proċeduri ta' rappurtar. Hi meħtieġa ukoll deskrizzjoni aktar espliċita tar-rabtiet li hemm bejn il-kumitat u l-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Istati Membri.

Punt ieħor partikolari li jitlob ftit kummenti. Minn meta kien hemm titbdil fir-regoli ftit snin ilu, sar progress enormi fit-teknoloġija tal-komunikazzjoni u ċ-ċittadini llum aktarx jużaw il-web biex jikkomunikaw u jorganizzaw. Il-petizzjonijiet qegħdin dejjem iżjed jintbagħtu elettronikament u fil-każ ta' kampanji organizzati, iċ-ċittadini jridu l-possibilità li jniżżlu isimhom biex jappoġġjaw il-petizzjonijiet li għalihom ikunu qed jinġabru l-firem jew biex jappoġġjaw petizzjonijiet li diġa ġew preżentati. Ir-regoli u l-faċilitajiet elettroniċi tagħna jeħtieġ li jipprovdu għal dan. Flimkien mas-servizzi responsabbli, is-segretarjat qed jinnegozja l-proċeduri tekniċi li jeħtieġ jiġu żviluppati b'mod urġenti; ir-regoli għalhekk jeħtieġ li jiġu modifikati sabiex jirriflettu dan. Dan m'għandux ikun konfuż mar-"reġistru" ta' dokumenti li l-Parlament diġà stabbilixxa u dan ikompli juri l-ħtieġa li l-Artikolu 192(2) attwali jiġi modifikat.

Punt ta' l-aħħar, li hu importanti ħafna, jirrigwarda l-ħtieġa li tiġi żgurata t-trasparenza tal-proċess tal-petizzjonijiet bħala regola ġenerali flimkien ma' dispożizzjoni li torbot legalment dwar ir-riservatezza u l-kunfidenzjalità ta' l-individwu meta speċifikament mitlub mill-persuna li tagħmel il-petizzjoni. Ir-riservatezza tirrigwarda partikolarment l-isem u d-dettalji personali ta' min qed jagħmel il-petizzjoni; il-kunfidenzjalità tirreferi għas-sustanza tal-kwistjoni mressqa mill-persuna li qed tagħmel il-petizzjoni, anke jekk il-persuna involuta ma titlobx li isimha jiġi miżmum.

L-abbozzi preċedenti tad-dokument miżjud kienu diskussi fuq livell tas-segretarjat mal-gruppi politiċi, qabel il-preżentazzjoni tagħhom lill-koordinaturi. Id-dokument, flimkien mal-kummenti tar-Rapporteurs, jistgħu imbagħad jiġu diskussi b'mod sħiħ u kostruttiv fil-Kumitat.

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fir-rapport tiegħu:

Test PreżentiEmendi

Emenda 1

Artikolu 191, paragrafu 3

3. Il-petizzjonijiet għandhom ikunu f'waħda mil-lingwi ta' l-Unjoni Ewropea. Petizzjonijiet miktuba f'xi lingwa oħra jkunu kkunsidrati biss jekk min jagħmel il-petizzjoni jehmeż traduzzjoni jew sommarju miktub f'waħda mil-lingwi uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. It-traduzzjoni jew sommarju għandu jkun il-bażi tax-xogħol tal-Parlament. Korrispondenza tal-Parlament ma' min jagħmel il-petizzjoni għandha tkun bil-lingwa uffiċjali li biha tkun miktuba t-traduzzjoni jew is-sommarju.

3. Il-petizzjonijiet għandhom ikunu f'waħda mil-lingwi uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Petizzjonijiet miktuba f'xi lingwa oħra jiġu kkunsidrati biss jekk min jagħmel il-petizzjonijiet jehmeż sommarju tradott f'lingwa uffiċjali. Korrispondenza tal-Parlament ma' min jagħmel il-petizzjoni għandha tkun bil-lingwa uffiċjali li biha tkun miktuba t-traduzzjoni jew is-sommarju.

Emenda 2

Artikolu 191, paragrafu 4 a (ġdid)

 

4a. Meta jkun qed jinvestiga petizzjonijiet, jistabbilixxi fatti jew qed ifittex soluzzjonijiet il-kumitat jista' jorganizza żjarat sabiex jistabbilixxi l-fatti fl-Istat Membru jew reġjun konċernat. Rapporti ta' żjarat bħal dawn għandhom isiru mill-parteċipanti fil-missjoni li tistabbilixxi l-fatti u mressqa lill-kumitat. Għandhom jiġu wkoll mgħoddija bħala informazzjoni lill-President.

 

Il-kumitat jista' jiddeċiedi li jieħu kwalunkwe azzjoni parlamentari oħra li jqis li hi meħtieġa.

Ġustifikazzjoni

Din l-emenda tiċċara l-proċedura dwar rapporti li jsiru fuq missjonijiet li jistabbilixxu l-fatti u li jippermettu lill-kumitat li jieħu azzjonijiet oħra jekk iqis meħtieġ.

Emenda 3

Artikolu 191, paragrafu 5

5. Petizzjonijiet li jiddaħħlu fir-reġistru għandhom jitressqu mill-President quddiem il-kumitat responsabbli, li għandu l-ewwel jaċċerta jekk il-petizzjonijiet reġistrati jaqgħux fl-isfera ta' attività ta' l-Unjoni Ewropea.

5. Petizzjonijiet li jiddaħħlu fir-reġistru għandhom jitressqu mill-President quddiem il-kumitat responsabbli, li għandu jistabbilixxi jekk il-petizzjoni hix ammissibbli jew le, b'konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u tal-paragrafu 1 hawn fuq, u jinforma dwar dan lil min jagħmel il-petizzjoni.

Emenda 4

Artikolu 191, paragrafu 6

6. Il-petizzjonijiet dikjarati inammissibbli mill-kumitat għandhom jiġu arkivjati; min jagħmel il-petizzjoni għandu jkun infurmat bid-deċiżjoni u bil-motivazzjonijiet għaliha.

6. Il-petizzjonijiet dikjarati inammissibbli mill-kumitat għandhom jiġu arkivjati u min jagħmel il-petizzjoni jkun infurmat dwar dan. Fejn hu possibbli, għandhom jiġu rakkommandati mezzi alternattivi ta' rimedju possibbli.

Emenda 5

Artikolu 191, paragrafu 7

7. F'dawn il-każijiet il-kumitat jista' jissuġġerixxi li min għamel il-petizzjoni jikkuntattja lill-awtorita` kompetenti ta' l-Istat Membru konċernat jew ta' l-Unjoni Ewropea.

imħassar

Emenda 6

Artikolu 191, paragrafu 8

8. Il-petizzjoni għandha tiddaħħal f'reġistru pubbliku, ħlief jekk il-persuna li tippreżentaha titlob li din tiġi ttrattata b'mod kunfidenzjali.

8. Il-petizzjonijiet, meta jiddaħħlu fir-reġistru, bħala regola ġenerali isiru dokumenti pubbliċi, u l-isem ta' min jagħmel il-petizzjoni kif ukoll il-kontenut tal-petizzjoni jistgħu jiġu ppubblikati mill-Parlament għal raġunijiet ta' trasparenza.

Emenda 7

Artikolu 191, paragrafu 8 a (ġdid)

8a. Minkejja d-dispożizzjonijiet imniżżla f'paragrafu 8 hawn fuq, dawk li jagħmlu l-petizzjoni jistgħu jitolbu li isimhom ma jidhirx sabiex jipproteġu l-ħajja privata tagħhom, u f'dan il-każ il-Parlament għandu jirrispetta din it-talba.

Emenda 8

Artikolu 191, paragrafu 8 b (ġdid)

8b. Il-persuni li jagħmlu petizzjoni jistgħu jitolbu li l-petizzjoni tagħhom tiġi trattata b'mod kunfidenzjali, u f'dan il-każ għandhom jittieħdu l-prekawzjonijiet adatti mill-Parlament sabiex jiġi żgurat li l-kontenut ma jsirx pubbliku. Il-persuni li jagħmlu petizzjoni jiġu infurmati dwar il-kundizzjonijiet li japplikaw għal din id-dispożizzjoni.

Emenda 9

Artikolu 191, paragrafu 9

9. Meta l-kumitat iqis li jkun il-każ, dan jista' jirreferi l-kwistjoni lill-Ombudsman.

imħassar

Emenda 10

Artikolu 192, paragrafu -1 (ġdid)

-1. Petizzjonijiet dikjarati ammissibbli għandhom jiġu kkunsidrati mill-kumitat waqt l-attività normali tiegħu, jew permezz ta' diskussjoni f'laqgħa regolari jew permezz ta' proċedura bil-miktub. Il-persuni li jagħmlu petizzjoni jistgħu jiġu mistiedna sabiex jipparteċipaw fil-laqgħat tal-kumitat jekk tkun se tiġi diskussa l-petizzjoni tagħhom, jew inkella jistgħu jitolbu huma biex ikunu preżenti. Iċ-Chairperson għandu d-diskrezzjoni li jagħti d-dritt tal-kelma lil min jagħmel petizzjoni.

Emenda 11

Artikolu 192, paragrafu 1

1. Il-kumitat responsabbli jista' jiddeċiedi li jagħmel rapport jew b'xi mod ieħor jesprimi l-opinjoni tiegħu dwar petizzjonijiet li jkun iddikjara ammissibbli.

1. Il-kumitat jista jiddeċiedi li jagħmel rapport u jressaq riżoluzzjoni lill-Parlament dwar l-inizjattiva tiegħu fir-rigward ta' petizzjoni ammissibbli li tkun se tiġi diskussa f'sessjoni plenarja wara awtorizzazzjoni mill-awtorità responsabbli.

Il-kumitat jista', b'mod partikolari fil-każ ta' petizzjonijiet li jfittxu li jkun hemm tibdil f'liġijiet eżistenti, jitlob opinjonijiet minn kumitati oħra skond l-Artikolu 46.

Il-kumitat jista' jitlob l-opinjonijiet ta' kumitati oħra li għandhom kompetenzi speċjali dwar il-kwistjoni li qed tiġi kkunsidrata.

Emenda 12

Artikolu 192, paragrafu 3

3. Meta jkun qed jikkunsidra petizzjonijiet jew jistabbilixxi fatti, il-kumitat jista' jorganizza smiegħ ta' min jagħmel il-petizzjonijiet jew smiegħ ġenerali jew jibgħat membri sabiex jistabbilixxu l-fatti tas-sitwazzjoni in situ.

3. Meta jkun qed jinvestiga petizzjonijiet, jistabbilixxi fatti jew qed ifittex soluzzjonijiet il-kumitat jista' jorganizza żjarat sabiex jistabbilixxi l-fatti fl-Istat Membru jew reġjun konċernat.

 

Rapport dwar dawn iż-żjarat għandhom jiġu approvati mill-kumitat u mgħoddija bħala informazzjoni lill-President.

Emenda 13

Artikolu 192, paragrafu 4

4. Bil-għan li jipprepara l-opinjonijiet tiegħu, il-kumitat jista' jitlob lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta dokumenti, tagħti informazzjoni u tagħtih aċċess għall-faċilitajiet tagħha.

4. Bil-għan li jipprepara l-opinjoni tiegħu dwar petizzjoni ammissibbli, il-kumitat jista' jitlob lill-Kummissjoni sabiex tagħmel investigazzjoni preliminari, partikolarment fir-rigward ta' l-implikazzjonijiet tal-liġijiet ta' l-Unjoni Ewropea u d-dispożizzjonijiet tat-Trattat, sabiex tippreżenta dokumenti, tagħti informazzjoni jew xi għajnuna b'xi mod ieħor lill-kumitat. Ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni għandhom jieħdu sehem fil-laqgħat tal-kumitat.

Emenda 14

Artikolu 192, paragrafu 5

5. Il-kumitat jista', fejn hu meħtieġ, jippreżenta mozzjonijiet għal risoluzzjonijiet lill-Parlament dwar petizzjonijiet li jkun ikkunsidra.

5. Il-kumitat jista' jgħaddi l-opinjonijiet jew ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-Kummissjoni, lill-Kunsill jew lill-awtorità ta' l-Istat Membru li tkun mitluba tieħu azzjoni jew tagħti risposta. Jista' jressaq mistoqsija orali lill-Kunsill jew lill-Kummissjoni biex tiġi diskussa fis-sessjoni plenarja, flimkien ma riżoluzzjoni biex jingħalaq id-dibattitu.

Il-kumitat jista' wkoll jitlob li l-opinjonijiet tiegħu jiġu mgħoddija mill-President lill-Kummissjoni jew lill-Kunsill.

 

Emenda 15

Artikolu 192, paragrafu 7

7. Il-President għandu jinforma lil min jagħmel il-petizzjonijet bid-deċiżjonijiet meħuda u l-motivazzjonijiet għalihom.

7. Il-persuni li jagħmlu l-petizzjonijiet għandhom jiġu infurmati bid-deċiżjonijiet meħuda mill-kumitat u mogħtija l-motivazzjonijiet li jiġġustifikaw id-deċiżjoni.

 

Meta jintemm l-eżami ta' petizzjoni ammissibbli, din għandha tiġi arkivjata u għandu jiġi infurmat min jagħmel il-petizzjoni.

Emenda 16

Artikolu 193, paragrafu 2

2. It-titlu u sommarju tat-test tal-petizzjonijiet li jiddaħħlu fir-reġistru, flimkien mat-testi tal-opinjonijiet u tad-deċiżjonijiet l-aktar importanti li jitressqu b'konnessjoni ma' l-eżami tal-petizzjonijiet, għandu jitqiegħed għad-disposizzjoni tal-pubbliku f'database, kemm-il darba min jagħmel il-petizzjoni jaqbel li dan isir. Petizzjonijiet kunfidenzjali għandhom ikunu miżmuma fl-arkivji tal-Parlament, fejn għandhom ikunu disponibbli għal ispezzjoni mill-Membri.

2. It-titlu u sommarju tat-test tal-petizzjonijiet li jiddaħħlu fir-reġistru, flimkien mat-testi ta' l-opinjonijiet u tad-deċiżjonijiet l-aktar importanti li jitressqu b'konnessjoni ma' l-eżami tal-petizzjonijiet, għandhom jitqiegħdu għad-disposizzjoni tal-pubbliku f'bażi tad-dejta, kemm-il darba min jagħmel il-petizzjoni jaqbel li dan isir u dment li l-kumitat ikollu r-riżorsi finanzjarji, tekniċi u umani li jagħmel dan. Petizzjonijiet kunfidenzjali għandhom ikunu miżmuma fl-arkivji tal-Parlament, fejn għandhom ikunu disponibbli għal ispezzjoni mill-Membri.

Ġustifikazzjoni

Din l-emenda tirrikonoxxi l-importanza li jkun hemm ir-riżorsi meħtieġa bħala rekwiżit minn qabel biex tiġi stabbilita bażi tad-dejta pubblika.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta' l-adozzjoni

20.12.2007

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Robert Atkins, Inés Ayala Sender, Simon Busuttil, Glyn Ford, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, David Hammerstein, Marcin Libicki, David Martin, Miguel Angel Martínez Martínez, Maria Matsouka, Manolis Mavrommatis, Kathy Sinnott, Rainer Wieland

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Thijs Berman, Carlos Carnero González, Marie-Hélène Descamps, András Gyürk, Margie Sudre, Tatjana Ždanoka

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Jorgo Chatzimarkakis, José Javier Pomés Ruiz, Grażyna Staniszewska, Antonios Trakatellis, Nicolae Vlad Popa

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

22.1.2009

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Enrique Barón Crespo, Richard Corbett, Jean-Luc Dehaene, Andrew Duff, Anneli Jäätteenmäki, Aurelio Juri, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Timothy Kirkhope, Jo Leinen, Íñigo Méndez de Vigo, Ashley Mote, József Szájer, Riccardo Ventre, Johannes Voggenhuber, Andrzej Wielowieyski

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Costas Botopoulos, Panayiotis Demetriou, Klaus-Heiner Lehne, Gérard Onesta, Sirpa Pietikäinen, Kathy Sinnott, Mauro Zani