RAKKOMANDAZZJONI dwar l-abbozz ta’deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Afrika t’Isfel, min-naħa l-oħra, li jemenda l-Ftehim dwar il-Kummerċ, l-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni

1.2.2011 - (10297/2010 – C7‑0190/2010 – 2010/0119(NLE)) - ***

Kumitat għall-Iżvilupp
Rapporteur: Eva Joly

Proċedura : 2010/0119(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0018/2011
Testi mressqa :
A7-0018/2011
Dibattiti :
Testi adottati :

ABBOZZ TA’ RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-abbozz ta’deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Afrika t’Isfel, min-naħa l-oħra, li jemenda l-Ftehim dwar il-Kummerċ, l-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni

(10297/2010 – C7‑0190/2010 – 2010/0119(NLE))

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill (10297/2010),

–   wara li kkunsidra l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Afrika t’Isfel, min-naħa l-oħra, li jemenda l-Ftehim dwar il-Kummerċ, l-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni (7437/2008),

–   wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 217 u l-Artikoli 218(6), it-tieni subparagrafu, punt a, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7‑0190/2010),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 81 u 90(8) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0018/2011),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Ftehim;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u l-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika tal-Afrika t’Isfel.

NOTA SPJEGATTIVA

Sfond u proċedura

L-istorja tal-ftehim li għalih il-Parlament qed jintalab jagħti l-approvazzjoni tiegħu hija waħda relattivament twila, b’livell għoli ta’ kumplessità proċedurali.

L-ewwel ftehim għall-kummerċ, żvilupp u kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Afrika t’Isfel, min-naħa l-oħra, kien iffirmat fi Pretoria fil-11 ta’ Ottubru 1999, u daħal fis-seħħ proviżorjament fl-ewwel ta’ Mejju 2004, għal tul ta’ żmien indeterminat[1].

Skont l-Artikoli 18 u 103 ta’ dan il-ftehim, li jintroduċu klawżola ta’ reviżjoni (li fl-Artikolu 103 tissejjaħ ‘eżami’), il-ftehim kellu jiġi rivedut (‘eżaminat’) fi żmien ħames snin mid-dħul fis-seħħ tiegħu. Il-linji ġenerali tar-reviżjoni tfasslu miż-żewġ naħat flimkien fis-7 ta’ Novembru 2005 fil-laqgħa tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni, li huwa l-entità li twaqqfet mill-partijiet biex tieħu d-deċiżjonijiet kollha fil-materji koperti mill-ftehim. Il-Kummissjoni mbagħad proponiet mandat ta’ negozjar (Ġunju 2006). Il-Kunsill għalhekk ta lill-Kummissjoni, mhux wieħed iżda żewġ mandati ta’ negozjar (Novembru 2006): wieħed għall-modifika tal-ftehim skont l-Artikolu 106 (1) tiegħu (il-klawżola tal-modifika), li tippermetti lill-Kunsill ta’ Kooperazzjoni jiddeċiedi dwar kwalunkwe proposta ta’modifika ppreżentata minn kull parti fil-ftehim; u l-ieħor jippermetti l-ftuħ tan-negozjati bilaterali dwar ir-reviżjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim li jirrigwardaw id-dimensjoni politika, kif ukoll il-kwistjonijiet ta’ ġustizzja, libertà u sigurtà.

Iż-żewġ partijiet qablu, madankollu, waqt in-negozjati li segwew fl-istess żmien, u għal raġunijiet ta’ konsistenza, li jabbandunaw l-ewwel negozjati - u għaldaqstant il-proċedura relattivament aktar flessibbli tal-modifika, affavur tat-tieni waħda rigward ir-reviżjoni tal-ftehim: għaldaqstant se jkun hemm ftehim wieħed biss ġdid, u mhux tnejn, li jirrevedi l-ftehim inizjali tal-1999. Il-Kummissjoni kienet ħadet f’idejha n-negozjati dwar dan il-ftehim fuq il-bażi taż-żewġ direttivi ta’ negozjar mill-Kunsill, b’konsultazzjoni maż-żewġ gruppi ta’ ħidma awtorizzati minnu biex jgħinu lill-Kummissjoni f’dan il-kompitu, jiġifieri l-Grupp ta’ Ħidma AKP u l-Grupp ta’ Ħidma Afrika.

In-negozjati dwar kwistjonijiet ta’ kummerċ u kwistjonijiet relatati magħhom (rispettivament, it-Titoli II u III tal-ftehim tal-1999) kienu sospiżi fl-istennija tar-riżultat tan-negozjati dwar il-Fethim ta’ Sħubija Eknomika (FSE) mal-Afrika t’Isfel. Fi kwistjonijiet doganali, madankollu ta’ min jinnota, għall-kompletezza, li fi Frar 2010 l-Kummissjoni adottat proposta separata (COM(2010)0057) għal pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni, dwar it-tariffi doganali annessi mal-ftehim tal-1999, li għandha tapplika l-Afrika t’Isfel, b’tali mod li dawn ikunu f’konformità mat-tariffi stabbiliti mill-FSEI u applikabbli għall-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni Doganali tal-Afrika t’Isfel.

Ir-riżultat tan-negozjati

Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Afrika t’Isfel, min-naħa l-oħra, li jemenda l-Ftehim dwar il-Kummerċ, l-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni msemmi hawn fuq, kien finalment iffirmat fi Kleinmond (l-Afrika t’Isfel) fil-11 ta’ Settembru 2009 (wara deċiżjoni tal-Kunsill tal-1 ta’ April 2008 dwar l-iffirmar tal-ftehim rivedut[2]).

L-impatt tat-Trattat ta’ Lisbona u l-approvazzjoni tal-Parlament

Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, m’għadhiex il-Komunità Ewropea iżda l-Unjoni Ewropea li trid formalment tapprova l-ftehim: għalhekk id-deċiżjoni tal-Kunsill għandha l-għan mhux biss li tapprova l-ftehim f’isem l-Unjoni Ewropea, iżda wkoll li tinnotifika uffiċjalment lill-Afrika t’Isfel li mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Unjoni Ewropea, li ssuċċediet il-Komunità Ewropea, teżerċita d-drittijiet u l-obbligi ta’ din tal-aħħar, u b’mod partikolari dawk li joħorġu minn dan il-ftehim. Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim rivedut fl-2009 jistipulaw effetivament li l-Partijiet iridu jinnotifikaw lil xulxin dwar it-tlestija tal-proċeduri għall-approvazzjoni, u li l-ftehim rivedut jidħol fis-seħħ ix-xahar ta’ wara dak li fih tkun saret din in-notifika.

Dan il-ftehim huwa teknikament ftehim ta’ assoċjazzjoni fis-sens tal-Artikolu 217 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; ftehim bħal dan ma jistax, skont l-Artikolu 218(6), tal-istess Trattat, ikun konkluż (b’deċiżjoni tal-Kunsill) ħlief wara l-approvazzjoni tal-Parlament.

Joħroġ mit-Trattat (b’mod partikolari l-Artikolu 218) kif ukoll mir-regolament (b’mod partikolari l-Artikoli 81 u 90), li mhi ammissibbli l-ebda emenda għat-test tal-ftehim u li l-kumitat rilevanti (f’dan il-każ il-Kumitat għall-Iżvilupp) irid jgħid tiegħu biss biex jirrakkomanda lill-plenarja li jew tadotta jew tiċħad il-ftehim (il-plenarja min-naħa tagħha trid tagħti d-deċiżjoni tagħha b’votazzjoni unika b’maġġoranza tal-voti mitfugħa).

Kontenut tal-ftehim

Il-ftehim inizjali ffirmat fi Pretoria fl-1999 jimmira li jsaħħaħ il-kooperazzjoni bilaterali f’għadd ta’ oqsma; u jsegwi diversi objettivi: it-tisħiħ tad-djalogu bilaterali, appoġġ lill-Afrika t’Isfel fil-proċess tagħha ta’ transizzjoni ekonomika u soċjali, il-promozzjoni tal-kooperazzjoni u l-integrazzjoni reġjonali ekonomika tal-pajjiżi fl-Afrika tan-Nofsinhar u l-ekonomija dinjija, kif ukoll l-espansjoni u l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ bilaterali fi prodotti, servizzi u kapital. Il-ftehim jistabbilixxi wkoll djalogu politiku regolari dwar suġġetti ta’ interess komuni, kemm fuq livell bilaterali u kif ukoll dak reġjonali (fil-qafas tad-djalogu li l-UE għandha ma’ pajjiżi fl-Afrika tan-Nofsinhar kif ukoll mal-grupp ta’ pajjiżi AKP). Minn iktar minn mitt artikolu (109 bl-eżatt) fil-ftehim, madwar 20 biss (l-Artikoli 65 sa 82) jirreferu speċifikament għal kooperazzjoni għall-iżvilupp, flimkien ma’ 4 artikoli dwar il-finanzjament tal-kooperazzjoni ġenerali. Għalhekk forsi mhux ta’ min jaħbi li, minkejja t-titolu tiegħu, dan il-ftehim jidher li hu iktar ftehim ekonomiku u ta’ kummerċ ħieles milli ftehim ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp. Madankollu, xorta waħda hi dan tal-aħħar li tipprovdi l-parti l-kbira tal-għajnuna tagħna lill-Afrika t’Isfel, li hija ffinanzjata mill-baġit tal-UE permezz tal-istrument finanzjarju għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp (DCI bl-Ingliż). Id-DCI għall-perjodu 2007-2013 ikopri baġit ta’ 980 miljun ewro għall-Afrika t’Isfel; il-programm indikattiv nazzjonali għall-istess perjodu jistabilixxi żewġ oqsma prijoritarji għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp tagħna mal-Afrika t’Isfel: minn naħa l-ħolqien tal-impjiegi fl-ekonomija informali u l-integrazzjoni ta’ dawn l-impjiegi fl-ekonomija formali; min-naħa l-oħra, il-ħolqien ta’ infrastrutturi għall-provvediment tas-servizzi bażiċi tas-sigurtà soċjali u għall-koeżjoni soċjali; dan l-istess programm jenfasizza r-rwol essenzjali tad-deċentralizzazzjoni tal-kooperazzjoni tagħna, li jimplika involviment qawwi tas-soċjetà ċivili fil-proċess tal-iżvilupp. Dispożizzjonijiet oħra tal-ftehim jaffettwaw, flimkien mal-kooperazzjoni ekonomika (li għaliha kienet iddedikata taqsima sħiħa fil-ftehim, taħt it-titolu IV), serje ta’ oqsma ta’ kooperazzjoni importanti ħafna u marbuta mal-iżvilupp, bħal: il-kooperazzjoni soċjali, fuq il-bażi ta’ djalogu organizzat dwar, b’mod partikolari, il-libertà ta’ assoċjazzjoni, id-drittijiet tal-ħaddiema, id-drittijiet tat-tfal, l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa; il-kooperazzjoni fil-qasam ambjentali, partikolarment dwar it-tibdil fil-klima; il-kooperazzjoni kulturali; il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra d-drogi u l-ħasil tal-flus; il-kooperazzjoni fil-qasam tas-saħħa u b’mod partikolari l-ġlieda kontra l-AIDS.

Il-ftehim, bħala ftehim ta’ kooperazzjoni, jistabbilixxi wkoll struttura istituzzjonali komuni, bil-ħolqien, kif issemma hawn fuq, tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni.

Il-ftehim rivedut iffirmat fl-2009 fi Kleinmond għamel numru ta’ bidliet interessanti fil-ftehim inizjali, b’mod partikolari dawn li ġejjin dwar l-iżvilupp: id-diżarm huwa element essenzjali tal-ftehim, b’mod aktar speċifiku, essenzjali bl-istess mod li huma mwaqqfa bħala elementi essenzjali tal-ftehim il-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, il-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ diżarm u n-nonproliferazzjoni tal-armi tal-qerda tal-massa; iddaħħlu l-prinċipju tal-effettività tal-għajnuna bħala objettiv tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, kif ukoll il-prijorità lill-operazzjonijiet li jgħinu b’mod partikolari fil-ġlieda kontra l-faqar, biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju (MDGs); iddaħħal ukoll artikolu speċifiku dwar l-MDGs biex ifakkar fl-impenn tal-partijiet biex jintlaħqu sal-2015; l-enfasi għandha tkun fuq il-ħtieġa li jiġu stabbiliti żoni ta’ prijorità għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp tagħna fid-dokumenti ta’ programmar multiannwali konġunti aċċettati miż-żewġ partijiet, inklużi dokumenti konġunti aċċettati mill-Istati Membri tal-UE, f’konformità mal-istrumenti ta’ kooperazzjoni tal-Unjoni; l-atturi li mhumiex stati huma stabbiliti bħala tali (minflok ‘organizzazzjonijiet mhux governattivi’ kif kienu msemmija qabel) bħala sieħba fil-kooperazzjoni eliġibbli għall-għajnuna finanzjarja u teknika.

Ta’ min jinnota l-inklużjoni ta’ seba’ artikoli ġodda korrispondenti għal seba’ oqsma ġodda, definiti relattivament sew, tal-kooperazzjoni tagħna mal-Afrika t’Isfel: il-ġlieda kontra l-armi tal-qerda tal-massa u l-mezzi biex dawn jintużaw, bl-iffirmar u l-infurzar ta’ strumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, li għandha ssir ukoll is-suġġett ta’ djalogu politiku regolari; il-ġlieda kontra t-terroriżmu; il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu, u l-kriminalità organizzata; il-ġlieda kontra l-manifattura, il-kummerċ u l-akkumulazzjoni ta’ armi żgħar imsejħa ‘ħfief u ta’ kalibru żgħir; il-prevenzjoni tal-attivitajiet tal-merċenarji; l-appoġġ sod għall-Qorti Kriminali Internazzjonali u l-ħidma tagħha biex teqred l-impunità u tiżgura r-rispett tal-ġustizzja internazzjonali; għandu jsir ukoll djalogu politiku fil-fond dwar il-kooperazzjoni rigward il-migrazzjoni (kooperazzjoni bħal din hi s-suġġett ta’ taqsima speċifika ġdida, dettaljata ħafna), u b’mod partikolari f’dan il-kuntest, dwar ir-rabta bejn il-kooperazzjoni u l-iżvilupp (li tinkludi, fost oħrajn: strateġiji għat-tnaqqis tal-faqar, it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol, u l-ħolqien ta’ impjiegi; il-parteċipazzjoni tal-migranti fl-iżvilupp tal-pajjiż ta’ oriġini tagħhom; il-kooperazzjoni fil-bini tal-kapaċità, speċjalment fl-oqsma tas-saħħa u l-edukazzjoni, biex jittaffa l-impatt negattiv tal-eżodu tal-imħuħ Afrikani t’Isfel fuq l-iżvilupp sostenibbli fl-Afrika t’Isfel; mezzi legali, mħaffa u mhux għalja għat-trasferiment lejn l-pajjiż tal-flus mibgħuta miċ-ċittadini tiegħu li jgħixu barra).

L-estensjoni tal-kooperazzjoni tagħna għal dawn l-oqsma ġodda u numerużi saret, mill-perspettiva tal-iżvilupp tal-Afrika t’Isfel, bis-saħħa tal-ftehim rivedut u din l-estensjoni, prevista bħala sempliċi possibilità fil-ftehim inizjali tal-1999, li mill-bqija kienet mixtieqa miż-żewġ partijiet (peress li dawn qablu dwar pjan ta’ azzjoni konġunt għall-implimentazzjoni tas-sħubija strateġika bejn l-Afrika t’Isfel u l-Unjoni Ewropea). Ir-Rapporteur tagħkom, madankollu, għandha ċerti riservi dwar il-ftehim rivedut, li l-filosofija u l-istruttura ġenerali tiegħu, kif ukoll l-importanza relattiva tat-titoli, jidhru li qed jagħtu iktar piż lill-preokkupazzjonijiet kummerċjali, ekonomiċi u tal-kummerċ ħieles, għad-detriment, forsi, ta’ approċċ ta’ żvilupp li hija kienet tixtieq li kien aktar vigoruż u transversali, għalkemm tilqa’ d-dispożizzjonijiet ġodda dwar l-iżvilupp imdaħħla fil-ftehim rivedut, speċjalment dawk li jikkonċernaw il-ġlieda kontra l-faqar, l-effettività tal-għajnuna, l-MDGs jew ir-rabta bejn il-migrazzjoni u l-iżvilupp.

Ir-rakkomandazzjoni tar-Rapporteur

Ir-Rapporteur tagħhom tissuġġerixxi, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, li l-Kumitat għall-Iżvilupp jirrakkomanda li l-Parlament japprova l-konklużjoni tal-ftehim u tawgura li d-dispożizzjonijiet il-ġodda tal-ftehim marbuta mal-iżvilupp kif ukoll mal-oqsma ta’ kooperazzjoni l-ġodda li dan jipprevedi jkunu applikati u jkunu suġġetti, waqt l-implimentazzjoni tal-ftehim, għal segwitu attent fid-dawl tal-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri fir-rispett tal-objettivi tal-Unjoni f’termini ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp, objettivi li l-Unjoni trid tqis fl-implimentazzjoni tal-politiki kollha tagħha li jistgħu jaffettwaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bl-għan ewlieni jkun dak tat-tnaqqis, u eventwalment il-qerda, tal-faqar.

  • [1]  ĠU L 311, 4.12.1999, p. 3.
  • [2]  Dok st7437/08.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (17.1.2011)

għall-Kumitat għall-Iżvilupp

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Afrika t'Isfel, min-naħa l-oħra, li jemenda l-Ftehim dwar il-Kummerċ, l-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni
(10297/2010 – C7‑0190/2010 – 2010/0119(NLE))

Rapporteur għal opinjoni: Niccolò Rinaldi

ĠUSTIFIKAZZJONI FIL-QOSOR

Ir-relazzjonijiet kummerċjali u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Afrika t'Isfel mal-Unjoni Ewropea huma regolati skont il-Ftehim Kummerċjali ta' Żvilupp u ta' Kooperazzjoni (TDCA) li kien iffirmat f'Ottubru 1999. It-TDCA ġie implimentat parzjalment fl-2000 u ġie implimentat kollu f'Mejju 2004 qabel it-twaqqif tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali.

Għalhekk, it-TDCA oriġinali mal-Afrika t'Isfel kien parti mill-kompetenzi tal-Kumitat DEVE. Fl-aħħar mandat leġiżlattiv il-Kumitat DEVE kien responsabbli mir-rapporti dwar żewġ protokolli addizzjonali li jirriżultaw mill-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda.

It-TDCA huwa ftehim komprensiv li jistabbilixxi "żona ta' kummerċ ħieles". Jittratta primarjament il-moviment tal-prodotti, iżda fih dispożizzjonijiet relatati mas-servizzi u mal-investiment, kif ukoll kwistjonijiet oħrajn bħall-akkwisti pubbliċi, il-politika tal-kompetizzjoni u l-proprjetà intellettwali. Id-dispożizzjonijiet kummerċjali huma kkumplimentati b'pakkett komprensiv ta' għajnuna għall-iżvilupp.

It-TDCA għandu l-għan li jiżgura aċċess aħjar għas-suq tal-UE għall-Afrika t'Isfel u aċċess għas-suq tal-Afrika t'Isfel għall-UE. Fi tmien il-perjodu ta' tranżizzjoni tat-TDCA, madwar 95% tal-esportazzjonijiet tal-Afrika t'Isfel għall-UE se jkunu liberalizzati għalkollox, filwaqt li l-parti l-kbira tal-prodotti li jkun għad fadal se jgawdu minn preferenzi tariffarji vantaġġużi skont is-SPĠ.

Bl-għan li jiġu protetti s-setturi vulnerabbli taż-żewġ naħat, ċerti prodotti ġew esklużi mit-TDCA u oħrajn ġew biss liberalizzati parzjalment. Għall-UE dawn huma primarjament il-prodotti agrikoli, filwaqt li għall-Afrika t'Isfel dawn huma essenzjalment il-prodotti industrijali, b'mod partikolari ċerti prodotti tal-vetturi bil-mutur u ċerti oġġetti tad-drapp u tal-ilbies.

Il-Ftehim jistipula sett dettaljat ta' regoli tal-oriġini u fih klawsola ta' salvagwardja bilaterali għal prodotti li jinstab li jikkawżaw, jew jheddu li jikkawżaw, ħsara serja lill-industrija tal-parti kontraenti l-oħra.

It-TDCA fih dispożizzjonijiet li għandhom l-għan li jevitaw prattiki antikompetittivi u jirrikonoxxi l-ħtieġa li tingħata protezzjoni adegwata lill-proprjetà intellettwali. Barra minn hekk, it-TDCA jipprevedi kooperazzjoni mill-qrib f'firxa wiesgħa ta' oqsma relatati mal-kummerċ, inklużi s-servizzi doganali, il-moviment liberu tas-servizzi u l-kapital u l-armonizzazzjoni tar-regoli u l-istandards.

Mid-dħul fis-seħħ tat-TDCA 'l hawn, il-kummerċ tal-UE ta' prodotti mal-Afrika t'Isfel żdied b'mod konsistenti. L-UE hija s-sieħba kummerċjali l-aktar importanti tal-Afrika t'Isfel: fl-2009, l-UE kienet id-destinazzjoni ta' madwar 34% tal-esportazzjonijiet totali tal-Afrika t'Isfel u s-sors ta' madwar 35% tal-importazzjonijiet totali tal-Afrika t'Isfel.

Minkejja l-kriżi ekonomika globali f'dik l-istess sena, il-valur tal-esportazzjonijiet tal-Afrika t'Isfel għall-UE kien ta' EUR 14.96 biljun u dak tal-importazzjonijiet tal-Afrika t'Isfel mill-UE kien ta' EUR 16.1 biljun.

Proċess ta' reviżjoni ġie inkluż fit-TDCA. Skont l-Artikoli 18 u 103 tat-TDCA, li jipprevedi reviżjoni tal-ftehim fi żmien ħames snin mid-dħul fis-seħħ tiegħu, saret reviżjoni ta' nofs it-terminu li warajha l-partijiet iddeċidew li jirrevedu d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim.

Fl-2005, il-Kunsill Konġunt ta' Kooperazzjoni stabbilixxa l-linji ġenerali tar-reviżjoni futura tat-TDCA, li tkopri aktar liberalizzazzjoni tal-kummerċ, aġġustamenti żgħar fit-titolu dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, aġġornamenti ta' kif inhuma miktuba diversi dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni ekonomika u l-kooperazzjoni f'oqsma oħra, u ż-żieda ta' dispożizzjonijiet ġodda dwar kwistjonijiet bħat-terroriżmu, il-Qorti Kriminali Internazzjonali, l-armi tal-qerda tal-massa, il-merċenarji u l-armi ħfief.

L-emenda ma fihiex aspetti kbar relatati mal-kummerċ għax ir-reviżjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-kwistjonijiet kummerċjali u dawk relatati mal-kummerċ kienu sospiżi sa ma jkun hemm eżitu għan-negozjati dwar il-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika.

Ir-rapporteur jixtieq jenfasizza l-importanza tar-relazzjoni bejn l-Afrika t'Isfel u l-UE u l-implikazzjonijiet għall-Afrika t'Isfel jekk it-TDCA rivedut ma jkunx irratifikat jew jekk ir-ratifiki jsofru minn dewmien.

Fil-fatt, it-TDCA huwa ta' benefiċċju kbir għall-Afrika t'Isfel. L-Afrika t'Isfel u l-UE daħlu għal Sħubija Strateġika fl-2007, li hija pjan politiku li jakkumpanja t-TDCA.

Ġew stabbiliti forums ta' kooperazzjoni f'livelli għoljin li kellhom suċċess f'diversi setturi, bħax-xjenza u t-teknoloġija, bl-għan li jiġu implimentati aktar forums f'setturi oħrajn, bħall-kooperazzjoni doganali u l-edukazzjoni.

Ir-rapporteur jinkoraġġixxi lill-Afrika t'Isfel biex tuża l-hekk imsejħa flessibilitajiet inkorporati fil-Ftehim TRIPS biex tkun tista' tipprovdi mediċini essenzjali bi prezzijiet li jkunu għall-but ta' kulħadd, bħal-liċenzji obbligatorji u l-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 30 tiegħu, u jinsisti li l-UE m'għandhiex tinnegozja dispożizzjonijiet TRIPS-plus relatati mal-farmaċewtika li jaffettwaw is-saħħa pubblika u l-aċċess għall-mediċini, bħall-esklużività tad-dejta, l-estensjonijiet tal-privattivi u l-limitazzjonijiet tal-mottivi tal-liċenzji obbligatorji.

L-UE hija sieħba strateġika u kummerċjali importanti għall-Afrika t'Isfel peress li madwar terz tal-kummerċ tal-Afrika t'Isfel isir mal-UE. L-Afrika t'Isfel bħalissa hija wkoll waħda mis sħab strateġiċi tal-UE li huma biss disgħa (inklużi l-Brażil, l-Indja u ċ-Ċina) u l-uniku stat Afrikan li s'issa ffirma Ftehim ta' Sħubija Strateġika mal-UE.

Ir-rapporteur jixtieq ukoll jenfasizza li m'hemm xejn li jista' jiqtis kontroversjali fit-taqsimiet riveduti tat-TDCA u li jista' jiġġustifika l-posponiment tar-ratifika.

L-Afrika t'Isfel taffaċċja wkoll diversi spejjeż opportunisitċi jekk ir-ratifika ma sseħħx jew jekk issofri minn dewmien għal perjodu mhux definit ta' żmien. Il-posponiment mhux biss jista' jfixkel il-kooperazzjoni attwali bejn l-Afrika t'Isfel u l-UE, iżda nuqqas ta' ratifika sħiħa tal-Emenda jista' jwassal għal telf ta' kooperazzjoni potenzjalment aktar vantaġġuża u aktar profonda bejn iż-żewġ sħab.

******

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp, bħala l-kumitat responsabbli, biex jipproponi li l-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

17.1.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

William (The Earl of) Dartmouth, David Campbell Bannerman, Daniel Caspary, Christofer Fjellner, Bernd Lange, Emilio Menéndez del Valle, Vital Moreira, Cristiana Muscardini, Niccolò Rinaldi, Helmut Scholz, Peter Šťastný, Keith Taylor, Iuliu Winkler, Pablo Zalba Bidegain

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Josefa Andrés Barea, Francesca Balzani, Catherine Bearder, José Bové, Salvatore Iacolino, Syed Kamall, Jarosław Leszek Wałęsa

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Elie Hoarau, Marietje Schaake

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

26.1.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

27

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Thijs Berman, Michael Cashman, Ricardo Cortés Lastra, Corina Creţu, Véronique De Keyser, Nirj Deva, Leonidas Donskis, Charles Goerens, Catherine Grèze, András Gyürk, Eva Joly, Filip Kaczmarek, Franziska Keller, Miguel Angel Martínez Martínez, Gay Mitchell, Norbert Neuser, Bill Newton Dunn, Maurice Ponga, Birgit Schnieber-Jastram, Michèle Striffler, Alf Svensson, Eleni Theocharous, Ivo Vajgl, Iva Zanicchi, Gabriele Zimmer

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Martin Kastler, Wolf Klinz, Csaba Őry, Patrizia Toia