Proċedura : 2010/0003(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0021/2010

Testi mressqa :

A7-0021/2010

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 09/03/2010 - 6.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0043

ABBOZZ TA’ RAPPORT     
PDF 192kWORD 107k
25 ta' Frar 2010
PE 438.399v03-00 A7-0021/2010

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja fis-sod

(COM(2010)0008 – C7-0012/2010 – 2010/0003(BUD))

Kumitat għall-Baġits

Rapporteur: Reimer Böge

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA
 NOTA SPJEGATTIVA

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja fis-sod

(COM(2010)0008 – C7-0012/2010 – 2010/0003(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2010)0008 – C7-0012/2010),

–   wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja fis-sod(1) (IIA tas-17 ta’ Mejju 2006), u b'mod partikulari l-punt 28 tagħha,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni(2),

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0021/2010),

A. billi l-Unjoni Ewropea stabbiliet l-istrumenti leġiżlattivi u baġitarji xierqa biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jbatu mill-konsegwenzi ta’ bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet tal-kummerċ dinji u biex tgħin l-integrazzjoni tagħhom mill-ġdid fis-suq tax-xogħol,

B.  billi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandha tkun waħda dinamika u li tkun disponibbli b'mod effiċjenti u malajr kemm jista' jkun, b'konformità mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni li ġiet adottata matul il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u filwaqt li jiġi kkunsidrat kif xieraq il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 fir-rigward tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet biex jiġi mmobilizzat il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni,

C. billi l-Litwanja talbet assistenza fir-rigward tal-każijiet li jikkonċernaw is-sensji fl-industrija tal-manifattura tal-friġġijiet li ġraw f’impriża waħda - “Snaigė” plc - u fi tnejn mill-fornituri tagħha(3),

D.  billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti mir-Regolament dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni,

1.  Jitlob lill-istituzzjonijiet involuti biex jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex iħaffu l-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni;

2.  Ifakkar fl-impenn tal-istituzzjonijiet li jiżguraw proċedura bla xkiel u mgħaġġla għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, filwaqt li jingħata appoġġ individwali ta' darba u limitat fiż-żmien bħala għajnuna lill-ħaddiema li sfaw issensjati bħala riżultat tal-globalizzazzjoni;

3.  Jenfasizza li l-Unjoni Ewropea għandha tuża l-mezzi tagħha kollha biex tiffaċċja l-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika u finanzjarja dinjija; jenfasizza r-rwol li l-EGF jista' jkollha fl-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol tal-ħaddiema li sfaw issensjati;

4.  Jisħaq fuq il-fatt li, b'konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, għandu jkun żgurat li l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni jappoġġja l-integrazzjoni mill-ġdid fl-impjieg tal-ħaddiema individwali li tilfu xogħolhom; itenni li l-għajnuna mill-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni ma għandhiex tieħu post l-azzjonijiet li huma r-responsabilità tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas ma għandha tieħu post il-miżuri għar-ristrutturazzjoni ta' kumpaniji jew setturi;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, fi proposti għall-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, kif ukoll fir-rapporti annwali tagħha, tinkludi informazzjoni preċiża dwar il-fondi kumplimentari li jingħataw mill-Fond Soċjali Ewropew u minn Fondi Strutturali oħra;

6.  Ifakkar lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, biex ma tittrasferix sistematikament approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet mill-Fond Soċjali Ewropew, peress li l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq bħala strument speċifiku għalih bl-objettivi u l-iskadenzi tiegħu;

7.  Jikkunsidra li l-funzjonament u l-finanzjament tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandhom ikunu evalwati fil-kuntest tal-valutazzjoni ġenerali tal-programmi u l-istrumenti l-oħra maħluqa mill-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 fi ħdan il-proċess tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju pluriennali 2007-2013;

8.  Jinnota li l-proposti l-ġodda tal-Kummissjoni għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni jirreferu għal applikazzjoni minn Stat Membru wieħed biss, ħaġa li hi konformi mat-talbiet tal-Parlament Ewropew;

9.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(2)

ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

(3)

EGF/2009/010 LT/Snaigė


ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

tal-xx ta' Frar 2010

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 28 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja fis-sod

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidraw il-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-immaniġġjar finanzjarju sod(1), u b'mod partikulari l-punt 28 tagħha,

wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni(2), u b'mod partikulari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)      Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni twaqqaf sabiex jipprovdi sostenn addizzjonali lil ħaddiema ssensjati li jbatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet kummerċjali dinjin, u sabiex jgħinhom fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)      L-għan tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni ġie estiż għall-applikazzjonijiet preżentati mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi sostenn lill-ħaddiema li jingħataw is-senja bħala riżultat tal-kriżi globali finanzjarja u ekonomika.

(3)      Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni taħt il-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun.

(4)      Il-Litwanja preżentat applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, fir-rigward ta' sensji fi “Snaigė” plc u tnejn mill-fornituri tagħha, fit-23 ta' Lulju 2009. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontributi finanzjarji kif stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, għalhekk il-Kummissjoni tipproponi li tuża l-ammont ta' EUR 258 163.

(5)      Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribut finanzjarju għall-applikazzjoni ppreżentata mil-Litwanja.

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEAG) għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 258 163 f'approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ [fl-…] jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                          Għall-Kunsill

Il-President                                                   Il-President

(1)

              ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(2)

              ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.


NOTA SPJEGATTIVA

I. L-Isfond

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jipprovdi għajnuna addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu mill-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar ewlenin fix-xejriet kummerċjali dinjija.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja fis-sod(1) u tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006(2), il-Fond ma jistax jaqbeż ammont massimu ta’ EUR 500 miljun, misluta minn kwalunkwe marġni li jinsab taħt il-limitu massimu tan-nefqa globali mis-sena preċedenti, u/jew mill-approprjazzjonijiet għall-impenji mħassra mis-sentejn ta' qabel, esklużi dawk relatati mal-Intestatura 1b. L-ammonti xierqa jiddaħħlu fil-baġit bħala dispożizzjoni hekk kif ikunu ġew identifikati l-marġni suffiċjenti u / jew l-impenji mħassra.

Fir-rigward tal-proċedura, sabiex tattiva l-Fond, fil-każ ta’ valutazzjoni pożittiva ta’ applikazzjoni, il-Kummissjoni tippreżenta lill-awtorità baġitarja proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess ħin, tagħmel talba korrispondenti għat-trasferiment. B’mod parallel, jista' jiġi organizzat trijalogu bil-għan li jinstab qbil fuq l-użu tal-Fond u fuq l-ammonti meħtieġa. It-trijalogu jista' jsir f'forma ssimplifikata.

II. Is-sitwazzjoni attwali: il-proposta tal-Kummissjoni

Nhar it-22 ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni adottat tliet proposti għal deċiżjoni ġodda dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni. Fuq talba tal-Parlament Ewropew, kull proposta għal deċiżjoni minn issa 'l quddiem se tkun preżentata f’dokument separat.

Il-każijiet il-ġodda jikkonċernaw is-sensji li saru fil-Litwanja (fis-setturi tal-manifattura tal-friġġijiet u tal-kostruzzjoni tal-bini) u fil-Ġermanja (fl-industrija tal-manifattura tal-karozzi). Dawn huma l-ewwel applikazzjonijiet li se jiġu eżaminati fil-baġit 2010.

Il-proposta attwali tikkonċerna l-mobilizzazzjoni ta’ ammont globali ta’ EUR 258 163 mill-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni favur il-Litwanja, sabiex titkopra l-għajnuna lill-ħaddiema li spiċċaw issensjati f’kumpanija waħda, AB Snaigė (manifattura ta’ friġġijiet) u tnejn mill-fornituri tagħha (UAB Jugos kabeliai and UAB Hoda).

L-applikazzjoni tal-Litwanja, il-każ EGF/2009/010 LT/Snaigė, li ġiet preżentata lill-Kummissjoni nhar it-23 ta’ Lulju 2009, għandha x’taqsam ma’ 651 sensja, u l-assistenza hi mmirata lejn 480 minnhom.

Din l-applikazzjoni hi bbażata fuq il-kriterju ta’ intervent tal-Art. 2(c) tar-Regolament dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, li jippermetti li l-applikanti jidderogaw mill-kriterji ta’ intervent ġenerali:

...applikazzjoni għal kontribuzzjoni mill-EGF tista' tkun meqjusa ammissibbli anke jekk il-kundizzjonijiet stipulati fis-subparagrafi (a) jew (b) ma jkunux ġew sodisfatti għal kollox, meta l-issensjar ikollu effett serju fuq ix-xogħol u fuq l-ekonomija lokali”.

Il-Litwanja ġġustifikat iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali ta’ dawn is-sensji bis-sitwazzjoni ekonomika u tas-suq tax-xogħol diffiċli f’Alytus, fejn hi bbażata Snaigė. Alytus diġà batiet minn sensji fuq skala kbira, b’mod partikulari fis-settur tat-tessuti, li kienu s-suġġett ta' kontribut preċedenti mill-Fond fl-2008 (EUR 298 994, 1 089 sensja).

Wara l-valutazzjoni tal-għadd totali ta' impjiegi mitlufa waqt il-perjodu indikat, flimkien mal-fatt li diġà kien jeżisti taqlib ekonomiku serju f'Alytus, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-applikazzjoni tal-Litwanja tikkonforma mal-kriterji ta’ eliġibilità tal-Art. 2(c).

Bi qbil mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni, l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta’ eliġibilità stabbiliti fir-Regolament dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni. Barra minn hekk, ġie konkluż li ngħatat biżżejjed informazzjoni mill-Istat Membru dwar ir-rabta diretta u li tista’ tintwera bejn is-sensji u l-kriżi globali finanzjarja u ekonomika u l-effett negattiv sinifikanti fuq l-ekonomija lokali, reġjonali u nazzjonali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-Awtorità Baġitarja li tapprova l-applikazzjonijiet.

Sabiex timmobilizza l-Fond, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Awtorità tal-Baġit talba ta’ trasferiment (DEC 02/2010) għal ammont globali ta' EUR 258 163 mir-riżerva tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (40 02 43) f’impenji mil-linji tal-baġit tal-Fond Soċjali Ewropew (04 02 17 – konverġenza tal-Fond Soċjali Ewropew) fi ħlasijiet lil-linji tal-baġit tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (04 05 01) għal impenji u ħlasijiet.

Il-Ftehim Interistituzzjonali jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond sal-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun. Din hija l-ewwel proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Fond fl-2010.

III. Il-Proċedura

Il-Kummissjoni ppreżentat talba ta’ trasferiment(3) bil-għan li fil-baġit tal-2010 jiddaħħlu approprjazzjonijiet speċifiċi għall-impenji u għall-ħlasijiet, kif mitlub fil-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006.

It-trijalogu dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni possibilment jaf jieħu forma simplifikata (skambju ta’ ittri), kif previst fl-Artikolu 12(5) tal-bażi legali, ħlief fil-każ li ma jkunx hemm qbil bejn il-Parlament u l-Kunsill.

Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali għandu jkun assoċjat fil-proċess, sabiex jipprovdi appoġġ u kontribut kostruttivi għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.

Wara l-valutazzjoni tiegħu, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali tal-Parlament Ewropew ta l-fehma tiegħu dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond, kif imfisser fl-opinjoni mehmuża mar-rapport preżenti.

Id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, adottata matul il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, ikkonfermat l-importanza li tiġi żgurata proċedura rapida bir-rispett dovut għall-Ftehim Interistituzzjonali għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond.

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI

ES/sg

D(2010)4484

Is-Sur Alain Lamassoure

President tal-Kumitat għall-Baġits

ASP 13E158

Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) għall-każ EGF/2009/010 LT/Snaigé (COM(2010)8 finali)

Għażiż Sur Lamassoure,

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) kif ukoll il-Grupp ta' Ħidma tiegħu dwar l-EGF eżamina l-mobilizzazzjoni tal-EGF għall-każ EGF/2009/010 LT/Snaigé u adotta l-opinjoni li ġejja.

Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma dwar l-EGF huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond fir-rigward ta' din it-talba. F'dan ir-rigward, il-Kumitat EMPL jippreżenta xi kummenti mingħajr, madankollu, ma jqajjem dubji dwar it-trasferiment tal-ħlasijiet.

Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma bbażati fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

a)  Billi s-651 sensja huma relatati mal-istess episodju kkawżat mill-kriżi finanzjarja u ekonomika.

b)  Billi l-aktar li huma kkonċernati mis-sensji huma nisa li għandhom bejn 25 u 54 sena kif ukoll il-kategorija ta' "ħaddiema artiġjanali u tas-snajja' relatati".

c)  Billi r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali u dik tal-familja hija promossa mil-Linji Gwida Ewropej għall-Impjiegi.

d)  Billi dawn is-sensji seħħew fi żmien meta r-rata ta' qgħad fil-Litwanja żdiedet minn 6.4% għal 16.7% fi 12-il xahar.

e)  Billi l-miżuri appoġġjati mill-EGF jiġu applikati l-ewwel u qabel kollox biex "jerġgħu jintegraw fis-suq tax-xogħol lill-ħaddiema li jkunu tilfu l-impjieg tagħhom".

f)  Billi l-Għajnuna Finanzjarja Temporanja għandha l-għan li tagħti motivazzjoni lill-ħaddiema ssensjati biex jaċċettaw impjieg ġdid b'rata aktar baxxa ta' ħlas meta mqabbel mal-impjieg preċedenti tagħhom.

g)  Billi jippersisti n-nuqqas ta' sodisfazzjon bl-approċċ rigward il-konformità mal-Artikolu 12,4 tar-Regolament tal-EGF wara t-tweġiba tal-Kummissjoni għall-kummenti tal-Kumitat EMPL dwar l-applikazzjonijiet EGF/2009/007 SE/Volvo, EGF/2009/009 AT/Steiermark u EGF/2009/011 NL/Heijmans li tgħid li "huwa fin-natura tal-Ġestjoni Konġunta (Artikolu 4 tar-Regolament EGF, Artikolu 53 tar-Regolament Finanzjarju u Artikolu 42 tar-Regoli Implimentattivi) li l-implimentazzjoni ssir mill-Istati Membri u li l-implimentazzjoni korretta tiġi vverifikata mill-Kummissjoni permezz ta' kontrolli u verifiki fil-post, korrezzjonijiet finanzjarji u rkupri (u li) fl-istadju tal-applikazzjoni, il-korrettezza tal-implimentazzjoni tkun għadha ma tistax tiġi vverifikata".

h)  Billi, indipendentament mill-aspetti finanzjarji, il-Kumitat EMPL jeħtieġ li jkun infurmat b'mod sħiħ dwar kif l-Istati Membri jagħmlu użu mill-EGF, minħabba l-iżvilupp futur tal-fond, u għaldaqstant jeħtieġ informazzjoni komprensiva dwar il-komplementarjetà tal-EGF u tal-FSE b'mod partikolari u Fondi Strutturali oħrajn b'mod ġenerali.

Għaldaqstant, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu rigward l-applikazzjoni Litwana:

1)  Jaqbel mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li taċċetta l-applikazzjoni tal-Litwanja minkejja li l-kriterji ta' applikazzjoni tal-Artikolu 2a tar-Regolament tal-EGF 1927/2006 ma ġewx issodisfati kompletament u li, għaldaqstant, il-ħaddiema li huma intitolati għall-għajnuna għandhom jiġu appoġġjati fuq il-bażi tal-Artikolu 2c tal-istess regolament;

2)  Jiddispjaċih, madankollu, li l-miżuri għall-benefiċċju tal-ħaddiema ssensjati kienu disponibbli biss mill-1 ta' Awwissu 2009, meta jitqies li xi ħaddiema kienu diġà tilfu l-impjieg tagħhom f'Novembru 2008;

3)  Jilqa' l-miżuri li bdew jitħaddmu biex ikun hemm rikonċiljazzjoni aħjar tal-ħajja professjonali u dik tal-familja u jistieden lill-Istati Membri biex jinkludu l-kura tat-tfal u ta' membri oħrajn tal-familja mhux biss f'dawk l-applikazzjonijiet fejn tkun involuta maġġoranza ta' nisa imma b'mod aktar sistematiku u b'mod strateġiku biex ikomplu jitneħħew l-inugwaljanzi bejn in-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol.

4)  Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea biex tinkludi, fir-rapport annwali tagħha, mhux biss informazzjoni dettaljata dwar il-konformità tal-implimentazzjoni tal-għajnuna tal-EGF mill-Istati Membri fir-rigward tal-Artikolu 7 tar-Regolament tal-EGF, iżda wkoll analiżi ta' liema miżuri ppromwovew b'mod speċjali l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward tal-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol.

5)  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jistabbilixxu lista ta' dawk il-miżuri li bdew jitħaddmu bl-għajnuna tal-EGF li kellhom l-akbar suċċess biex iżidu l-mobilità tal-ħaddiema fis-suq nazzjonali tax-xogħol kif ukoll b'mod transkonfinali fir-rigward tas-sejba ta' impjieg f'pajjiżi ġirien.

6)  Jenfasizza li l-inċentivi għall-impjiegi huma miżuri kontroversjali ħafna; jitlob għaldaqstant lill-Kummissjoni biex tagħti attenzjoni partikolari lill-esperjenzi b'dawn il-miżuri fil-qafas tal-għajnuna tal-EGF u biex tirrapporta lill-Parlament Ewropew malajr kemm jista' jkun.

7)  Jitlob lill-Kummissjoni biex tinforma lill-Parlament Ewropew jekk l-infiq fil-qafas tal-EGF jirċievi attenzjoni partikolari mill-Kummissjoni fir-rigward tal-proċedura speċjali u jitlob li jsir rapport dwar ir-riżultat tal-verifiki tal-applikazzjonijiet tal-EGF tal-2007 u l-2008.

8)  Jitlob lill-Kummissjoni biex fir-rapport annwali tagħha tinkludi informazzjoni komprensiva dwar il-komplementarjetà tal-EGF mal-miżuri appoġġjati b'Fondi Strutturali oħrajn, inkluża informazzjoni dwar l-istrutturi amministrattivi mħaddma fl-Istati Membri biex tiġi ġestita l-konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament EGF.

9)  Jenfasizza li, minbarra t-tmexxija finanzjarja tajba, huwa importanti li jkun hemm strutturi stabbiliti sew, speċjalment meta jkunu involuti ħafna partijiet interessati.

Dejjem tiegħek,

Pervenche Berès

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

23.2.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

28

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alexander Alvaro, Francesca Balzani, Lajos Bokros, Andrea Cozzolino, Jean-Luc Dehaene, Göran Färm, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazábal Rubial, Salvador Garriga Polledo, Jens Geier, Ivars Godmanis, Ingeborg Gräßle, Carl Haglund, Jiří Havel, Monika Hohlmeier, Sidonia Elżbieta Jędrzejewska, Anne E. Jensen, Alain Lamassoure, Vladimír Maňka, Barbara Matera, Miguel Portas, László Surján, Helga Trüpel, Derek Vaughan, Angelika Werthmann, Jacek Włosowicz

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Frédéric Daerden, Giovanni La Via

(1)

ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(2)

ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

(3)

DEC 02/2010 tat-22 ta' Jannar 2010

Aġġornata l-aħħar: 1 ta' Marzu 2010Avviż legali