RAPPORT dwar proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba

6.12.2010 - (COM(2010)0616 – C7‑0347/2010 – 2010/2253(BUD))

Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: Barbara Matera

Proċedura : 2010/2253(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0359/2010
Testi mressqa :
A7-0359/2010
Dibattiti :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja fis-sod

(COM(2010)0616 – C7‑0347/2010 – 2010/2253(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2010)0616 – C7‑0347/2010),

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina tal-baġit u l-ġestjoni finanzjarja tajba[1] (IIA tas-17 ta' Mejju 2006), u b'mod partikulari l-punt 28 tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[2] (ir-Regolament FEAG),

–   wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0359/2010),

A. billi l-Unjoni Ewropea stabbilixxiet l-istrumenti leġiżlattivi u baġitarji xierqa biex tipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li qed ibatu mill-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali globali u biex tgħinhom jerġgħu jiġu integrati fis-suq tax-xogħol,

B.  billi l-ambitu tal-FEAG twessa’ għall-applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi sostenn għall-ħaddiema li jitilfu l-impjieg bħala riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali,

C. billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li ġew issensjati għandha tkun dinamika u disponibbli kemm jista’ jkun malajr u b’mod effiċjenti kemm jista’ jkun, skont id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni fis-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 rigward l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mmobilizzat il-FEAG,

D.  billi l-Polonja talbet għajnuna fir-rigward ta’ każijiet li jikkonċernaw 590 sensja f'żewġ intrapriżi li joperaw fis-settur tan-NACE Reviżjoni 2 Taqsima 29 (Manifattura ta' vetturi bil-mutur, trejlers u semitrejlers) fir-reġjun NUTS II ta' Wielkopolskie,

E.  billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti mir-Regolament dwar l-FEAG,

1.  Jitlob lill-istituzzjonijiet involuti biex jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex iħaffu l-mobilizzazzjoni tal-FEAG;

2.  Ifakkar fl-impenn li għandhom l-istituzzjonijiet li jassiguraw proċedura rapida u bla xkiel għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEAG, jipprovdu appoġġ individwali ta’ darba u limitat fiż-żmien immirat biex jgħin lill-ħaddiema li jkunu sofrew sensji bħala riżultat tal-globalizzazzjoni u l-kriżi finanzjarja u ekonomika; jenfasizza r-rwol li l-FEAG jista’ jwettaq fir-reintegrazzjoni tal-ħaddiema ssensjati fis-suq tax-xogħol;

3.  Jenfasizza li, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-FEAG, għandu jkun żgurat li l-FEAG jappoġġa r-reintegrazzjoni fix-xogħol tal-ħaddiema individwali ssensjati; itenni li għajnuna mill-FEAG m'għandhiex tieħu post azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas miżuri ta' ristrutturar ta’ kumpaniji jew setturi;

4.  Jinnota li l-informazzjoni pprovduta fuq il-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat mill-FEAG tinkludi tagħrif dettaljat dwar il-komplementarjetà ma' azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; itenni l-istedina tiegħu li tiġi ppreżentata evalwazzjoni komparattiva ta’ din id-data anki fir-rapporti annwali tiegħu;

5.  Jilqa' l-fatt li, fil-kuntest tal-mobilizzazzjoni tal-FEAG, ġie propost mill-Kummissjoni sors alternattiv ta' approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet għall-Fond Soċjali Ewropew li ma jkunx intuża, wara t-tfakkiriet frekwenti mill-Parlament Ewropew li l-FEAG inħoloq bħala strument speċifiku separat bl-objettivi u l-iskadenzi tiegħu stess u li linji baġitarji xierqa għat-trasferimenti għandhom għalhekk jiġu identifikati;

6   Jinnota li, sabiex jiġi mmobilizzat il-FEAG għal dan il-każ, l-approprjazzjonijiet għall-ħlas se jiġu ttrasferiti minn linja baġitarja maħsuba għall-appoġġ tal-SMEs u l-innovazzjoni; jiddispjaċih dwar in-nuqqasijiet kbar tal-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-programmi dwar il-kompetittività u l-innovazzjoni, partikolarment matul kriżi ekonomika li għandha żżid b’mod sinifikanti l-ħtieġa ta' appoġġ bħal dan;

7.  Ifakkar li t-tħaddim u l-valur miżjud tal-FEAG għandhom ikunu evalwati fil-kuntest tal-valutazzjoni ġenerali tal-programmi u ta’ strumenti varji oħra maħluqa mill-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 fi ħdan il-proċess ta’ rieżami ta’ nofs il-perjodu tal-qafas finanzjarju multiannwali 2007-2013;

8.  Jilqa' b’sodisfazzjon il-format il-ġdid tal-proposta tal-Kummissjoni, li jippreżenta fil-memorandum ta' spjegazzjoni tagħha informazzjoni ċara u dettaljata dwar l-applikazzjoni, janalizza l-kriterji ta' eliġibilità u jispjega r-raġunijiet li wasslu għall-approvazzjoni tagħha, li hu konformi mat-talbiet tal-Parlament;

9.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma d-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jagħmel l-arranġamenti meħtieġa biex tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
  • [2]  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

ta' xxx

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2010/004 PL/Wielkopolskie Automotive mressqa mill-Polonja)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina tal-baġit u l-ġestjoni finanzjarja tajba[1], u b'mod partikolari l-punt 28 tiegħu,

wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[2], u b'mod partikulari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)      Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEAG) ġie stabbilit biex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li spiċċaw issensjati b’konsegwenza ta’ bidliet strutturali maġġuri fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni u biex jgħinhom jiġu integrati mill-ġdid fis-suq tax-xogħol.

(2)      L-ambitu tal-FEAG twessa’ għall-applikazzjonijiet mressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi sostenn lill-ħaddiema li jitilfu l-impjieg b’riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.

(3)      Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-FEAG taħt il-limitu massimu annwali ta' EUR 500 miljun.

(4)      Fil-5 ta' Frar 2010, il-Polonja ppreżentat applikazzjoni biex timmobilizza l-FEAG fir-rigward tas-sensji f'żewġ intrapriżi li joperaw fis-settur tan-NACE Reviżjoni 2 Taqsima 29 (Manifattura ta' vetturi bil-mutur, trejlers u semitrejlers) fir-reġjun NUTS II ta' Wielkopolskie (PL41) u ssupplimentatu b'tagħrif addizzjonali sas-6 ta' Lulju 2010. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni, għalhekk, ressqet proposta biex timmobilizza l-ammont ta' EUR 633 077.

(5)      Il-FEAG għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni mressqa mill-Polonja.

JIDDEĊIEDU:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 633 077 f'approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi,

Ghall-Parlament Ewropew                          Għall-Kunsill

Il-President                                                   Il-President

  • [1]               ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
  • [2]               ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

NOTA SPJEGATTIVA

I. Il-kuntest

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jipprovdi għajnuna addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu mill-konsegwenzi ta' bidliet strutturali maġġuri fix-xejriet kummerċjali dinjija.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 Mejju 2006 dwar dixxiplina tal-baġit u l-ġestjoni finanzjarja tajba[1] u tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006[2], il-Fond ma jistax jaqbeż ammont massimu ta' EUR 500 miljun, mislut minn kwalunkwe marġni taħt il-limitu massimu tan-nefqa globali mis-sena preċedenti, u/jew mill-approprjazzjonijiet għall-impenji mħassra mis-sentejn ta’ qabel, esklużi dawk relatati mal-Intestatura 1b. L-ammonti xierqa jiddaħħlu fil-baġit bħala dispożizzjoni hekk kif ikunu ġew identifikati l-marġni suffiċjenti u/jew l-impenji mħassra.

Rigward il-proċedura, sabiex tattiva l-Fond, fil-każ ta’ valutazzjoni pożittiva ta’ applikazzjoni, il-Kummissjoni tippreżenta lill-awtorità baġitarja proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess ħin, tagħmel talba korrispondenti għat-trasferiment. B’mod parallel, jista' jiġi organizzat trijalogu bil-għan li jinstab qbil fuq l-użu tal-Fond u fuq l-ammonti meħtieġa. It-trijalogu jista' jsir f'forma ssimplifikata.

II. State Is-sitwazzjoni attwali: il-proposta tal-Kummissjoni

Fid-29 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni adottat proposta ġdida għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEAG favur il-Polonja sabiex il-ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali jiġu megħjuna fir-reintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

Din hi t-tmienja u għoxrin applikazzjoni li se tiġi eżaminata fil-baġit 2010 u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta' ammont globali ta' EUR 633 077 mill-FEAG għall-Polonja. Tikkonċerna 1104 sensja (590 minnhom indikati għall-għajnuna) f'żewġ intrapriżi li joperaw fis-settur tan-NACE Reviżjoni 2 Taqsima 29, jiġifieri "Manifattura ta' vetturi bil-mutur, trejlers u semitrejlers" fil-perjodu ta' referenza ta' disa' xhur mill-1 ta' Marzu sat-30 ta' Novembru 2009.

Din l-applikazzjoni, li tirrigwarda l-każ EGF/2010/004 PL/Wielkopolskie Automotive, tressqet lill-Kummissjoni fil-5 ta’ Frar 2010 u ġiet supplimentata b'tagħrif addizzjonli sas-6 ta' Lulju 2010. L-applikazzjoni kienet ibbażata fuq il-kriterju ta' intervent tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament FEAG, li jeħtieġ li jkun hemm tal-anqas 500 sensja fuq perjodu ta' disa’ xhur f'intrapriżi li joperaw fl-istess taqsima tan-NACE Reviżjoni 2 f’reġjun wieħed jew f’żewġ reġjuni kontigwi fil-livell NUTS II fi Stat Membru, u tressqet sal-iskadenza ta’ 10 ġimgħat (Artikolu 5 tar-Regolament).

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni kienet ibbażata fuq il-valutazzjoni tar-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali maġġuri fix-xejriet kummerċjali dinjija jew il-kriżi finanzjarja, in-natura imprevedibbli tas-sensji kkonċernati, turija tal-għadd ta' sensji u l-konformità mal-kriterji tal-Artikolu 2(a), l-ispjegazzjoni tan-natura imprevedibbli ta' dawk is-sensji, l-identifikazzjoni tal-impriżi li keċċew il-ħaddiema u l-ħaddiema intenzjonati għall-għajnuna, it-territorju kkonċernat u l-awtoritajiet tiegħu u l-partijiet interessati tiegħu, l-impatt għall-impjiegi mitlufa fir-rigward tal-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat, inkluża l-kompatibilità tiegħu ma' azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali, id-dati li fihom is-servizzi personalizzati għall-ħaddiema milquta nbdew jew ġew ippjanati li jibdew, il-proċeduri biex ikunu kkonsultati s-sħab soċjali, is-sistemi ta’ mmaniġġjar u ta' kontroll.

Bi qbil mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni, l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji tal-eliġibilità stabbiliti fir-Regolament tal-FEAG u tirrakkomanda lill-Awtorità Baġitarja tapprova l-appikazzjoni.

Sabiex jiġi mobilizzat il-Fond, il-Kummissjoni ressqet talba ta’ trasferiment lill-Awtorità Baġitarja (DEC 42/2010) għall-ammont globali ta’ EUR 633 077 mir-riserva tal-FEAG (40 02 43) f’impenji u mil-linja baġitarja “Programm ta' Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni – Programm ta' Intraprenditorjat u Innovazzjoni” (01 04 04) fi ħlasijiet għal-linji baġitarji tal-FEAG (04 05 01).

Ir-Rapporteur tilqa' b'sodisfazzjon li l-Kummissjoni qiegħda tkompli tidentifika għejun alternattivi ta' approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet għall-fondi mhux użati tal-FSE, f’konformità mat-talbiet li spiss saru mill-Parlament Ewropew.

Madankollu, hija tqis li d-direzzjoni li ttieħdet f’dawn l-aħħar każijiet (linja baġitarja ddedikata għall-appoġġ tal-imprenditorija u l-innovazzjoni) mhix sodisfaċenti minħabba n-nuqqasijiet serji li tiltaqa’ magħhom il-Kummissjoni meta timplimenta programmi dwar il-kompetittività u l-innovazzjoni. Fi żmien ta’ kriżi ekonomika dawn l-approprjazzjonijiet għandhom fil-fatt jiżdiedu. Għaldaqstant hija tistieden lill-Kummissjoni tkompli bl-isforz tagħha biex tidentifika linji baġitarji aktar xierqa għall-ħlasijiet fil-ġejjieni.

Il-Ftehim Interistituzzjonali jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond sal-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun.

Fl-2010 l-Awtorità Baġitarja diġà approvat sittax-il proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Fond u trasferiment għall-Għajnuna Teknika, għal ammont totali ta’ EUR 54 878 360 li, meta jingħaddu mal-ammont addizzjonali ta’ EUR 26 732 196 li jikkonċerna l-proposti l-oħra li qed jiġu diskussi (inkluża din preżenti), iħallu ammont ta' EUR 418 389 444 disponibbli sal-aħħar tal-2010.

III. Proċedura

Il-Kummissjoni ppreżentat talba ta' trasferiment[3] sabiex iddaħħal approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet speċifiċi fil-baġit 2010, kif mitlub mill-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 Mejju 2006.

It-trijalogu dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni possibilment jaf jieħu forma simplifikata (skambju ta’ ittri), kif previst fl-Artikolu 12(5) tal-bażi legali, sakemm ma jkunx hemm qbil bejn il-Parlament u l-Kunsill.

Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) għandu jkun assoċjat fil-proċess, sabiex jipprovdi appoġġ u kontribut kostruttivi għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.

Wara l-evalwazzjoni tiegħu, il-Kumitat EMPL tal-Parlament Ewropew ta l-fehma tiegħu dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond, kif espressa fl-ittra mehmuża mar-rapport preżenti.

Id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, adottata matul il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, ikkonfermat l-importanza li tiġi żgurata proċedura rapida bir-rispett xieraq għall-Ftehim Interistituzzjonali għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond.

  • [1]  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
  • [2]  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.
  • [3]  DEC 42/2010 tad-29 ta’ Ottubru 2010

ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI

ES/jm

D(2010)59717

Is-Sur Alain Lamassoure

President tal-Kumitat għall-Baġits

ASP 13E158

Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) għall-każ EGF/2010/004 PL/Wielkopolskie Automotive (COM(2010)616 finali)

Għażiż Sur Lamassoure,

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) u l-Grupp ta' Ħidma dwar l-EGF fi ħdan l-istess Kumitat studja l-mobilizzazzjoni tal-EGF għall-każ EGF/2010/004 PL/Wielkopolskie Automotive u adotta l-opinjoni li ġejja.

Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-FEAG huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond rigward din it-talba. F'dan ir-rigward, il-kumitat EMPL qed jippreżenta xi kummenti mingħajr, madankollu, ma jqajjem dubji dwar it-trasferiment tal-ħlasijiet.

Il-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma bbażati fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

A)  Billi din l-applikazzjoni hija b’konformità mal-Artikolu 2b tar-Regolament FEAG u tinkludi 590 mill-1 104 sensji mogħtija matul il-perjodu ta' referenza ta' 9 xhur bejn l-1 ta’ Marzu 2009 u t-30 ta’ Novembru 2009 fir-reġjun NUTS II ta’ Wielkopolskie fil-Polonja fid-Diviżjoni 29 tar-Reviżjoni 2 tan-NACE (manifattura ta' vetturi bil-mutur, trejlers u semitrejlers);

B)  Billi l-kriżi finanzjarja u ekonomika kkawżat tnaqqis serju fl-ewwel nofs tal-2009 fil-produzzjoni tal-karozzi fil-Polonja, li naqset b’51.3% meta mqabbel mal-istess perjodu tal-2008; billi dan it-tnaqqis fil-produzzjoni kien saħansitra akbar fis-settur tat-trakkijiet, bi tnaqqis ta’ 73% meta mqabbel mal-istess perjodu tal-2008;

C)  Billi l-Kummissjoni tistqarr li t-tnaqqis fil-bejgħ u fl-ordnijiet naqqas ukoll l-impjiegi f’ħafna subkuntratturi oħra;

D)  Billi l-Kummissjoni tgħid li uħud mill-manifatturi ta’ komponenti tal-karozzi qed iqisu l-possibilità li jittrasferixxu l-produzzjoni tagħhom lejn pajjiżi Afrikani minħabba t-telfien tal-vantaġġ kompetittiv tal-Polonja, li se jwassal għal aktar tnaqqis fl-impjiegi fl-industrija tal-vetturi;

E)  Billi l-Kummissjoni tgħid ukoll li dawk li jħaddmu sabuha bi tqila li jagħtu sensji lil ħaddiema minħabba l-biża’ li wara l-kriżi jsibuha diffiċli li jerġgħu jimpjegaw ħaddiema bi kwalifiki għolja; billi, għaldaqstant, l-imprendituri Pollakki ppreferew jibagħtuhom bil-lif jew fuq korsijiet ta’ taħriġ matul il-perjodu ta’ produzzjoni mnaqqsa, li ppermetta li jinżamm ix-xogħol għall-parti l-kbira tal-istaff iżda wkoll li jkun hemm żieda b’ħeffa fil-produzzjoni f’każ li d-domanda tikber;

F)  Billi, madankollu, il-ħaddiema anqas kwalifikati u, b’mod partikulari, dawk fuq kuntratti fuq żmien qasir, kellhom ċans akbar li jingħataw is-sensja meta l-produzzjoni titwaqqaf temporanjament;

G)  Billi fl-aħħar tal-ewwel nofs tal-2009, l-għadd ta’ impjegati fl-industrija kien 16.4% anqas milli fl-istess perjodu tal-2008;

H)  Billi mhux ċar jekk verament 590 ħaddiem se jkunu kkonċernati mill-miżuri peress li l-għadd totali ta’ ħaddiema mniżżlin fil-kalkolu għal-għajnuna huwa biss 583;

I)  Billi 75.4% tal-ħaddiema ssensjati huma nisa u billi 71.2% tal-ħaddiema għandhom bejn 25 u 54 sena;

J)  Billi 87.5% tal-ħaddiema sensjati huma ħaddiema bi snajja’ fil-metall, fil-makkinarju u fi snajja’ relatati;

K)  Billi l-Kummissjoni ssostni li l-appoġġ tal-FEAG kien offrut lill-ħaddiema ssensjati kollha; billi, madankollu, uħud minnhom kienu diġà sabu impjieg, kienu irtiraw jew ma esprimewx l-interess li jipparteċipaw fil-miżuri; billi l-Kummissjoni ssostni wkoll li, barra minn hekk, is-sistemi ta’ implimentazzjoni tal-FEAG fil-Polonja jirrikjedu li l-ħaddiema li jirċievu l-għajnuna jridu jkunu formalment reġistrati bħala qegħda fl-Uffiċċji tal-Impjiegi Poviat u billi, għaldaqstant, jista’ jkun hemm numru żgħir ta’ persuni li ma jaqgħu taħt l-ebda wieħed mill-gruppi msemmija, minħabba li ddeċidew li ma jirreġistrawx ruħhom fl-Uffiċċji tal-Impjiegi u għaldaqstant ma jipparteċipawx fil-miżuri;

Għaldaqstant, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jintegra s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu dwar l-applikazzjoni Pollakka:

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja skont ir-Regolament FEAG huma ssodisfati;

2.  Jinnota li l-awtoritajiet Pollakki offrew il-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati lill-ħaddiema kollha iżda li minħabba diversi raġunijiet parti biss mill-ħaddiema ssensjati eventwalment ipparteċipaw f’dawn il-miżuri;

3.  Ifakkar fl-applikazzjoni EGF/2010/006 PL/H.Cegielski-Poznan li tkopri 658 sensja fl-istess reġjun f’impriża li timmanifattura magni diżil ‘two-stroke’ għall-vapuri u għall-impjanti u f’erbgħa mill-fornituri tagħha;

4.  Jiddispjaċih li, fid-dawl tad-differenza fit-trattament tal-impjegati kwalifikati u dawk mhux kwalifikati b’kuntratti fissi fuq żmien qasir, l-applikazzjoni ma tindikax il-livell ta’ edukazzjoni tal-ħaddiema ssensjati;

5.  Jistaqsi jekk il-ħaddiema jibbenefikawx minn xi għajnuna ġenerali għat-tiftix għall-impjiegi;

6.  Jitlob aktar informazzjoni dwar il-miżuri speċifiċi ta’ taħriġ u taħriġ mill-ġdid fir-rigward tal-objettivi tat-taħriġ, kemm dan idum sejjer, u n-natura taċ-ċertifikati, diplomi u liċenzji li jistgħu jinkisbu;

7.  Jistaqsi jekk il-promozzjoni tal-imprenditorija u l-għajnuna għall-impjieg proprju jinkludux tip ta’ appoġġ ieħor apparti dak finanzjarju, bħall-mentoring jew il-konsulenza.

Dejjem tiegħek,

Pervenche Berès

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

2.12.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

18

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Damien Abad, Lajos Bokros, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazábal Rubial, Salvador Garriga Polledo, Jens Geier, Lucas Hartong, Sergej Kozlík, Jan Kozłowski, Alain Lamassoure, Giovanni La Via, Vladimír Maňka, Barbara Matera, Dominique Riquet, László Surján, Helga Trüpel, Angelika Werthmann

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Paul Rübig, Georgios Stavrakakis

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Mulder