RAPPORT dwar pjan ta' azzjoni għall-mobilità fl-ibliet

2.4.2009 - (2008/2217(INI))

Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
Rapporteur: Gilles Savary

Proċedura : 2008/2217(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0199/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar pjan ta' azzjoni għall-mobilità fl-ibliet

(2008/2217(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tal-25 ta' Settembru 2007 bl-isem 'Lejn kultura ġdida għall-mobilità urbana' (COM(2007)0551),

–   wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tat-12 ta' Settembru 2001 dwar Politika Ewropea għat-trasport għall-2010: żmien għad-deċiżjoni (COM(2001)0370),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Ottubru 2007 bl-isem 'Pjan ta' azzjoni għal-loġistika tat-trasport tal-merkanzija' (COM(2007)0607),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Settembru 2007 bl-isem ''Lejn mobilità aktar sikura, aktar nadifa u aktar effiċjenti madwar l-Ewropa kollha: L-ewwel rapport dwar il-karozzi intelliġenti'' (COM(2007)0541),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Frar 2007 bl-isem 'Qafas Regolatorju kompetittiv għall-karozzi għas-Seklu 21 - Pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rapport finali tal-Grupp ta’ Livell Għoli CARS 21 - Kontribuzzjoni għall-iżvilupp tal-UE u l-istrateġija tal-impjiegi' (COM(2007)0022),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ġunju 2006 bl-isem 'Il-loġistika tat-trasport tal-merkanzija fl-Ewropa - is-soluzzjoni għall-mobilità sostenibbli' (COM(2006)0336),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Ġunju 2006 bl-isem 'Inżommu lill-Ewropa miexja – Il-mobilità sostenibbli għall-kontinent tagħna – Reviżjoni f'nofs it-terminu tal-White Paper tat-Trasport tal-2001 tal-Kummissjoni Ewropea' (COM(2006)0314),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Frar 2006 bl-isem 'L-Inizjattiva tal-karozzi intelliġenti – Sensibilizzazzjoni għat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) għal karozzi iktar intelliġenti, iktar siguri u iktar nodfa (COM(2006)0059),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Jannar 2006 bl-isem 'Rigward strateġija tematika dwar l-ambjent urban' (COM(2005)0718),

–   wara li kkunsidra l-proposti u l-linji gwida tal-Kummissjoni u l-pożizzjonijiet tal-Parlament Ewropew dwar il-Fondi Strutturali, il-Fondi ta' Koeżjoni u s-Seba' Programm Qafas għar-Riċerka,

–   wara li kkunsidra l-proposta riveduta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjoni ta' vetturi għat-trasport tat-triq li huma effiċjenti fl-użu tal-enerġija u li ma jniġġsux (COM(2007)0817),

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2008 dwar ''Lejn kultura ġdida tal-mobilità urbana''[1],

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2008 dwar 'Lejn mobilità iktar sigura, iktar nadifa u iktar effiċjenti madwar l-Ewropa kollha: l-ewwel rapport dwar l-inizjattiva l-ewwel karozzi intelliġenti'[2],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Frar 2008 dwar 'il-kontribuzzjoni għall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2008 rigward l-Istrateġija ta' Liżbona'[3],

–   - wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Ottubru 1988 dwar il-protezzjoni ta' persuni li jimxu fit-triq u l-karta Ewropea dwar id-drittijiet tal-persuni li jimxu fit-triq[4],

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar 'CARS 21: Qafas Regolatorju Kompetittiv għas-settur tal-Karozzi'[5]

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Settembru 2007 dwar il-Loġistika tat-Trasport tal-Merkanzija fl-Ewropa - is-soluzzjoni għall-mobilità sostenibbli[6],

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Lulju 2007 dwar “Inżommu lill-Ewropa miexja - Il-Mobilità sostenibbli għall-kontinent tagħna”[7],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa[8],

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru. 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar u servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq[9],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/49/KE tad-29 ta' April 2004 dwar is-Sigurtà tal-Ferroviji Komunitarji[10] (Direttiva dwar is-Sigurtà Ferrovjarja),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/40/KE tas-26 ta' Ġunju 2000 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li tirrigwarda l-mezz ta' protezzjoni tal-qiegħ fuq quddiem (front underrun protection) ta' vetturi bil-mutur[11],

–   wara li kkunsidra l-avviż min-naħa tal-Kummissjoni dwar il-pubblikazzjoni ta' pjan ta' azzjoni għat-trasport urban li ġiet posposta bosta drabi u li għaliha m'hemmx skadenza preċiża,

–   wara li kkunsidra l-bażijiet legali stabbiliti bl-Artikoli 70 sa 80 tat-Titolu V tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A6-0199/2009),

A.  billi t-trasport urban jikkostitwixxu proporzjon konsiderevoli tat-trasport kollu u li għalhekk l-Artikoli 70 sa 80 tat-Trattat KE jikkostitwixxu bażi legali li tagħti lill-Unjoni Ewropea kompetenza maqsuma mal-Istati Membri f'dan il-qasam,

B.  billi bosta direttivi u regolamenti Ewropej trażversali jew modali għandhom impatt fuq it-trasport urban u jeħtieġu jiġu allinjati permezz ta' approċċ speċifiku għall-problema tal-ivvjaġġar urban,

C.  billi l-pjan ''Klima Ewropea'' adottat mill-Kunsill Ewropew tat-8 u d-9 ta' Marzu 2007 jiffissa l-objettivi ambizzjużi ta' tnaqqis b'20% tal-konsum tal-enerġija, b'20% ta' tnaqqis ta' enerġija fossili u 20% ta' fornitura ta' enerġija rinnovabbli sal-2020, u li dawn l-objettivi ma jistgħux jintlaħqu mingħajr ma jkun hemm strateġija adattata kif suppost għat-trasport urban,

D.  billi l-programm ta' riċerka u żvilupp CIVITAS kellu suċċess kbir ferm, hekk li jirrifletti l-importanza li awtoritajiet u kumpaniji lokali jorganizzaw it-trasport tal-investiment Ewropew fi programmi innovattivi għat-trasport urban,

E.   billi l-Fondi ta' Koeżjoni u l-Fondi Strutturali jiffinanzjaw il-programmi ta' mobilità urbana, iżda għandhom l-iżvantaġġ li minn banda m'għandhom ebda strateġija jew objettivi Ewropej għall-mobilità urbana u, mill-banda l-oħra, mhumiex imqassma b'mod ugwali mat-territorju kollu tal-Unjoni,

F.   billi z-zoni urbani huma poli ewlenin ta' interkonnessjoni u intermodalità għan-netwerks trans-Ewropej tat-trasport, li għandu jgħin sabiex jintlaħqu l-objettivi ġenerali tagħhom ta' mobilità sostenibbli Ewropea u l-kompetittività sostenibbli tan-netwerks tal-ibliet kbar u iżgħar Ewropej,

G.  billi z-zoni urbani huma ċentri importanti ta’ attività ta’ negozju u billi t-trasport tal-merkanzija huwa kruċjali biex jiġu sodisfatti l-bżonnijiet tal-popolazzjoni u fl-istess ħin jiffaċċja sfidi minħabba spazju limitat għall-ħżin u dati ta’ skadenza qosra,

H.  billi r-rispett strett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà u tad-dritt għall-awtonomija fl-ippjanar lokali ma jippermettux li titqies politika Ewropea preskrittiva, iżda jippermetti lill-Unjoni li tadotta strateġija ta' inċentivi bħal dawk li għandha l-politika reġjonali u ta' koeżjoni tagħha, mingħajr ma jiġu imposti soluzzjoni minn fuq,

I.    billi l-problema taz-zoni urbani ma tistax tiġi solvuta permezz ta' politiki modali iżda permezz ta' politika mmirata lejn l-utenti u sistemi ta' trasport integrati,

J.    billi politika tat-trasport urban effiċjenti u sostenibbli għall-benefiċċju kemm taċ-ċittadini Ewropej u kemm tal-ekonomija Ewropea hija ggarantita biss billi jiġi żgurat trattament ġust għat-trasport tal-merkanzija u l-passiġġieri u l-mezzi differenti ta’ trasport,

K.  Ha. billi l-ippjanar urban li jikkunsidra l-bidliet demografiċi fis-soċjetà billi, pereżempju, jipprovdi akkomodazzjoni speċjali għall-anzjani fiċ-ċentri tal-ibliet u ħwienet viċin l-abitazzjonijiet, jista’ jikkontribwixxi bil-kbir biex jiġi evitat it-trasport,

L.   billi jeħtieġ li jitqies il-bżonn għal strateġiji sodi ta' trasport urban li jottimizzaw l-istrumenti tat-trasport urban billi jiġu żviluppati l-pjattaformi ta' skambju intermodali u billi jiġu integrati sistemi differenti ta' vvjaġġar,

M. billi jeħtieġ informazzjoni statistika affidabbli u iktar sistematika, li tippermetti li ssir evalwazzjoni tal-politiki pubbliċi lokali u li jsir skambju tal-aħjar prattika fil-qasam tat-trasport urban,

N.  billi diversi tekniki implimentati fit-trasport urban huma ta' importanza ekonomika u teknoloġika f'termini ta' kompetittività u ta' kummerċ estern tal-Unjoni Ewropea,

O. billi l-iskadenza tal-elezzjonijiet leġiżlattivi Ewropej li ġejjin ifisser li din trid tirrispetta l-kalendarju kif previst u mħabbar mill-Kummissjoni għad-diskussjoni fil-Parlament dwar il-pjan ta' azzjoni għat-trasport urban ,

1.   Jiddispjaċih li ma ġiex ippubblikat il-pjan ta' azzjoni dwar il-mobilità urbana mħabbar mill-Kummissjoni u filwaqt li japprova l-inizjattivi differenti, jinsisti dwar il-bżonn li jkun hemm approċċ koerenti; jiddeċiedi għalhekk li jagħti segwitu għar-rapport ta' inizjattiva tiegħu, b'rispett sħiħ għall-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità, billi jfassal proposti għal pjan ta' azzjoni Ewropew dwar il-mobilità urbana;

2.   Ifakkar li t-trasport urban huwa soġġett għall-prinċipju ta' sussidjarjetà; jenfasizza, madankollu, li l-awtoritajiet lokali ma jistgħux jiffaċċjaw dawn l-isfidi mingħajr ma jkun hemm koperazzjoni u koordinazzjoni Ewropea, u li għalhekk il-Kummissjoni għandha tipprovdi studji u qafas ġuridiku, tiffinanzja r-riċerka u tippromwovi u xxerred il-prattika tajba skont il-prinċipju li dan irid ikun pubblikament aċċessibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea;

3.   Jitlob lill-Kummissjoni biex tippubblika ġabra tad-dispożizzjonijiet vinkolanti regolamentarji Ewropej applikabbli f’dan il-qasam u biex tipproponi oqfsa ta’ referenza koerenti komuni lir-reġjuni u lill-ibliet, li jiffaċilitawlhom it-teħid ta’ deċiżjonijiet fl-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji għall-żvilupp;

Aċċellerazzjoni tar-riċerka u tal-innovazzjoni Ewropej fil-qasam tal-mobilità urbana

4.   Jipproponi li jitnieda immedjatament programm ta' aġġornament tal-istatistiċi u tal-bażijiet tad-dejta dwar il-mobilità urbana mill-Eurostat, billi b'mod partikolari jiġu inklużi:

- dejta dwar it-traffiku, inklużi modi ta' trasport li ma jagħmilx ħsara (bir-rota, bil-mixi, eċċ.),

- statistika dwar it-tniġġis u l-istorbju, l-inċidenti u l-konġestjoni u t-traffiku,

- statistika u indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi dwar is-servizzi tat-trasport u l-forniment tagħhom;

5.   Jissuġġerixxi li jitnedew immedjatament portal u forum Ewropej fuq l-Internet dwar il-mobilità urbana sabiex jiġi faċilitat l-iskambju u t-tixrid tal-informazzjoni, tal-prattiki tajbin u tal-innovazzjonijiet, b'mod partikolari fil-qasam tat-trasport li ma jagħmilx ħsara;

6.   Jissuġġerixxi li jitwaqqaf premju Ewropew annwali, li jinkludi l-premji taċ-CIVITAS, fil-qafas tal-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità sabiex jiġu ppremjati inizjattivi u proġetti ta' trasport li jispikkaw u li huma trasferibbli ;

7.   Jipproponi l-iżvilupp tat-tielet ġenerazzjoni taċ-CIVITAS (CIVITAS III), madwar sejħiet għal tressiq ta' proġetti li b'mod partikolari jkunu jinkludu:

- servizzi annessi marbuta mat-trasport intermodali (tariffi, eċċ.),

- programmi favur l-ergonomija (kumdità) tat-trasport urban,

- innovazzjonijiet f'termini ta' aċċessibilità intermodali, partikolarment għall-persuni b'mobilità mnaqqsa (PRM),

- programmi ta' informazzjoni integrata dwar in-netwerk tat-trasport urban għall-utenti, li jippermettulhom li jottimizzaw l-ivvjaġġar tagħhom u li jadattawh skont it-tibdil fin-netwerk,

8.   Jipproponi t-tisħiħ tar-riċerka u l-iżvilupp tal-ITS sabiex ikunu kkoordinati aħjar mal-ħtiġijiet u l-għanijiet tar-residenti tal-ibliet u l-awtoritajiet lokali u li jkunu indirizzati lejn l-aspetti li ġejjin:

-    is-sistemi ta’ mmaniġġjar integrat tal-informazzjoni u tal-immaniġġjar tat-traffiku,

-    it-tnaqqis tal-problemi u tal-inċidenti,

-    l-użu ta' teknoloġiji interoperabbli ġodda ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni, fosthom it-teknoloġiji satellitari u n-Near Field Communication I(NFC)[12], permezz tal-użu tat-telefonija mobbli (GSM), għall-informazzjoni għalll-utenti u l-għoti ta' biljetti tat-trasport integrati,

-    is-sigurtà u sikurezza fit-trasport pubbliku;

-    l-iżvilupp ta’ flotta ta’ vetturi urbani

-    soluzzjonijiet innovattivi għal trasport tal-merkanzija effiċjenti, b’mod partikolari għad-distribuzzjoni ta’ merkanzija għall-ħtiġiet lokali fl-ibliet;

9.   Jitlob għal żieda fl-għajnuna finanzjarja nazzjonali u Ewropea għall-applikazzjonijiet tal-ITS sabiex ikun hemm użu akbar tal-ITS mill-awtoritajiet lokali;

Tħeġġiġ tal-ottimizzazzjoni tad-diversi modi ta' trasport permezz ta' titjib tal-programmazzjoni urbana

10. Jitlob li l-prinċipju tal-approċċ integrat ikun promoss permezz ta' qafas ta' governanza bbażat fuq is-sħubija li jgħaqqad il-parteċipanti mill-ibliet u dawk periurbani, nazzjonali u Ewropej, u li jikkunsidra kwistjonijiet marbuta mat-trasport: l-integrazzjoni soċjali, l-istorbju, is-sikurezza, il-kompetittività, l-ambjent, eċċ; itenni t-talba tiegħu li l-implimentazzjoni ta' approċċ integrat għandu jkun obbligatorju fil-programmazzjoni u fl-għażla ta' proġetti għall-Fondi Strutturali;

11. Jirrakkomanda l-implimentazzjoni ta' pjanijiet ta' vjaġġar urban sostenibbli ta' 'l fuq minn 100,000 abitant, li jinkludu:

-    indikaturi u miri dijagnostici ta' mobilità, flimkien ma' evalwazzjoni tal-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali tagħhom,

-    pjan ta' żvilupp u ta' interkonnessjoni tan-netwerks tat-trasport, li jkun koordinat mal-pjan għat-trasport reġjonali u l-politika għall-ippjanar urban,

-     pjan għall-iżvilupp ta' infrastruttura għat-trasport li ma jagħmilx ħsara (toroq għar-roti, toroq għal min jimx eċċ.) li tkun integrata kompletament fit-trasport urban,

-    pjan ġenerali tal-parkeġġi u tal-pjattaformi ta' skambju intermodali,

-    programm għall-adattament tal-ġestjoni tan-netwerks tal-mobilità urbana u tal-interkonnessjonijiet tagħhom għall-utenti b'mobilità mnaqqsa,

-    pjan ġenerali ta' loġistika urbana, inkluża l-possibilità ta' użu tal-infrastruttura pubblika għat-trasport tal-merkanzija,

-   proċedura ta' parteċipazzjoni diretta taċ-ċittadini;

12. Jipproponi l-ħolqien ta' forum Ewropew permanenti dwar il-governanza tat-trasport urban bejn l-awtoritajiet li jirrappreżentaw l-organizzaturi tat-trasport, inklużi l-assoċjazzjonijiet tal-utenti u taċ-ċittadini u federazzjonijiet professjonali tal-operaturi tat-trasport, sabiex jippromwovi l-iskambu u t-tixrid ta' prattiki tajbin;

13. Jipproponi li finanzjamenti Ewropew fil-qasam tat-trasport urban jingħataw biss bil-kundizzjoni li jkun hemm pjanijiet integrati ta' mobilità urbana (pjanijiet ta' vvjaġġar urban);

14. Iħeġġeġ il-koperazzjoni u l-integrazzjoni operattiva bejn l-awtoritajiet responsabbli għall-organizzjoni tat-trasport pubbliku, tat-traffiku u tal-ipparkjar f'i bliet Ewropej ta' 'l fuq minn 250,000 abitant, f'zonijiet komparabbli, li jkunu bbażati fuq flussi ta’ popolazzjoni u ta’ merkanzija skont il-karatteristiċi lokali;

15. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet organizzaturi biex jiffissaw miri voluntarji proattiovi u koerenti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gass b’effett serra permezz ta’ politiki ta’ mobilità stipulati fil-pjanijiet ta’ vvjaġġar (ara l-Artikolu 7) u biex jittrasformaw dawn il-miri f’obbligi ta’ prestazzjonijiet speċifiċi għall-operaturi ta’ servizzi ta’ trasport pubbliku jew privat;

16. Jipproponi li jiġi evalwat studju dwar l-esperjenzi ta' integrazzjoni tat-tariffi (inkluż il-proġett “Interoperable Fare Management”), tal-informazzjoni intermodali u tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet organizzaturi fil-konurbazzjonijiet tal-Unjoni sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-aħjar prattiki;

Il-valur miżjud tal-Unjoni: inċentiv għall-mobilità sostenibbli fiz-zoni urbani

17. Iħeġġeġ it-twaqqif ta' osservatorju tal-mobilità urbana fi ħdan il-Kummissjoni, iżda ma jixtieqx li tinħoloq aġenzija ġdida;

18. Jiddispjaċih li matul il-perjodu ta’ għajnuna attwali 2007-2013, 9% biss (ekwivalenti għal EUR 8,000,000,000) tar-riżorsi mill-Fond Strutturali li jintefqu fuq it-trasport (ekwivalenti għal EUR 82,000,000,000) huma previsti għat-trasport urban; iqis li dan il-proporzjon huwa żgħir wisq biex tinstab mobilità xierqa fl-ibliet Ewropej u protezzjoni għall-ambjent u l-klima;

19. Jissuġġerixxi bil-qawwa li, fil-kuntest tal-perspettivi finanzjarji 2014-2020, isir studju tal-istrument finanzjajru Ewropew għall-mobilità urbana (programm integrat tat-tip Marco Polo) li jippermetti l-kofinanzjament ta':

-    studji tal-pjanijiet ta' vvjaġġar urban bħala inċentiv għall-introduzzjoni mifrux tagħhom.

-    parti mill-investimenti jsiru f'mezzi tat-trasport li jissodisfaw l-objettivi ambjentali u soċjoekonomiċi tal-Unjoni;

u jipproponi li dan l-finanzjament jingħata bħala inċentiv fuq il-bażi ta' sejħiet għal offerti b'termini ta' referenza Ewropej;

20. Jitlob lill-Kummissjoni biex tħejji rapport dwar zoni li għandhom regolazzjonijiet dwar aċċess limitat f'setturi urbani sabiex tevalwa l-impatt tagħhom fuq il-mobilità, il-kwalità tal-ħajja, l-emissjonijiet u effetti esterni, is-saħħa u s-sikurezza, filwaqt li jitqies il-bżonn ta' sistema għall-infurzar ta' offiżi transkonfinali, kemm kriminali u kemm mhux kriminali;

21.  Jipproponi t-twaqqif ta' netwerk ta' informazzjoni u ta' bejgħ ta' biljetti għad-destinazzjonijiet urbani prinċipali fl-Unjoni Ewropea fl-istazzjonijiet u fl-ajruporti tal-postijiet tat-tluq, meta dawn ikunu jinsabu fl-Unjoni Ewropea;

22. Jipproponi li tiġi mfassla ''karta tal-utenti'' għat-trasport urban - inkużi l-persuni li jimxu u li jirkbu r-rota - u għad-distribuzzjoni ta’ merkanzija u servizzi rigward kif jinqasam l-użu tat-toroq, sabiex jonqsu l-inugwaljanzi eżistenti;

23. Huwa tal-opinjoni li l-kunċett ta' belt orjentata lejn rotot qosra (short journey city) huwa l-aħjar mod biex tiġi żgurata mobilità favur l-ambjent u favur il-klima fl-ibliet;

24. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet lokali sabiex iżidu u jestendu l-inizjattivi tagħhom rigward il-jiem mingħajr karozzi, hekk kif iseħħ fil-kuntest tal-Jum Annwali Ewropew Mingħajr Karozzi;

25. Jistieden lill-Kummissjoni biex issib approċċ armonizzat għall-ħolqien ta’ zoni ħodor u l-iżvilupp ta’ sticker unika Ewropea għaz-zoni l-ħodor kemm jista’ jkun malajr sabiex jiġi evitat l-iżvilupp ta’ sistemi differenti għal kull belt jew Stat Membru b’inkonvenjenza kunsiderevoli għaċ-ċittadini u l-kumpaniji;

26. Jikkunsidra li l-mobilità urbana għandha tinkludi li jiġu stabbiliti netwerks interurbani li jippermettu li l-ibliet il-kbar jingħaqdu flimkien, li jkun żgurat l-iżvilupp ekonomiku tagħhom u li t-trasport rapidu u mingħajr xkiel ta’ persuni u merkanziji jkun iffaċilitat;

It-trasport urban: settur industrijali u ta' teknoloġiji Ewropej li għandu jitqies fil-kuntest tal-Istrateġija ta' Liżbona u tal-Pjan ta' Rkupru tal-ekonomija Ewropea

27. Jissuġġerixxi t-twaqqif ta' politika Ewropea ta' normalizzazzjoni u ta' ċertifikazzjoni ta' tagħmir fir-rigward tas-sigurtà u tas-saħħa, tal-kumdità (ħsejjes, vibrazzjonijiet), tal-interoperabilità tan-netwerks (''busway'', tram-train, eċċ.), tal-aċċessibilità għall-persuni b'mobilità mnaqqsa jew persuni bit-trabi f'pushchairs, tal-mezzi li ma jagħmlux ħsara u tal-magni nodfa (karozzi tal-linja, taxis) fuq il-bażi ta' bilanċ tal-karbonju u analiżi tal-impatt fuq l-ispejjeż għall-operaturi u l-utenti;

28. Jipproponi li jkun hemm attenzjoni kostanti fir-rigward tad-deċiżjonijiet kollha biex tiġi żgurata proporzjonalità bejn l-ispejjeż u l-benefiċċju u l-possibilità ta’ sussidju lill-utenti inqas vantaġġjati finanzjarjament (persuni b’diżabilità, familji kbar, dawk li jirċievu għajnuna mill-Istat);

29. Jissuġġerixxi li jinħarġu linji gwida għar-rakkomandazzjonijiet minimi ta' kwalità tas-servizzi, l-evalwazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-utenti u taċ-ċittadini, fil-kuntest tal-ftuħ għall-kompetizzjoni tan-netwerks tat-trasport urban, bi qbil mar-Regolament (KE) Nru 1370/2007;

30. Jissuġġerixxi li parti kbira mill-krediti meħlusa permezz tal-pjan ta' rkupru tal-ekonomija Ewropea tingħata għall-finanzjament tal-investimenti u tax-xogħol tat-trasport urban u t-trasport kollettiv li qed isir bħalissa u li jista' jiġi ffinanzjat u mwettaq qabel il-31 ta' Diċembru 2009;

31. Jinnota li, fil-qafas tal-Programm ta' Rkupru Ewropew, riżorsi mill-Fondi Strutturali ġew mogħtija minn qabel għall-proġetti infrastrutturali sostenibbli; jistieden lill-Istati Membri u lir-reġjuni biex jużaw b’urġenza parti sostanzjali minn dawn ir-riżorsi għat-trasport urban favur l-ambjent;

32. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tqis il-proposti f'din ir-Riżoluzzjoni, kif ukoll ir-rieda tal-Parlament Ewropew, li hi tieħu l-inizjattiva f'dan il-qasam li jkun jista' jwassal kemm jista' jkun malajr għal pjan ta' azzjoni;

o

o        o

33. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

  • [1]  Testi Adottati f'din id-data, P6_TA(2008)0356.
  • [2]  Testi adottati, P6_TA(2008)0311.
  • [3]  Testi adottati, P6_TA(2008)0057.
  • [4]  ĠU C 290, 14.11.1988, p. 51.
  • [5]  Testi adottati, P6_TA(2008)0007.
  • [6]  ĠU C 187 E, 24.7.2008, p. 154.
  • [7]  ĠU C 175 E, 10.7.2008, p. 556.
  • [8]  ĠU L 152, 11.6.2008, p. 1.
  • [9]  ĠU L 315, 3.12.2007, p. 1.
  • [10]  ĠU L 164, 30.4.2004, p. 44.
  • [11]  ĠU L 203, 10.8.2000, p. 9.
  • [12]  Near Field Communication (NFC), hija teknoloġija ta' skambju ta' dejta b'distanza qasira ħafna li tippermetti l-identifikazzjoni bir-radju.

NOTA SPJEGATTIVA

Sa mit-Trattat ta' Ruma fl-1957, il-politika tat-Trasport ilha tikkostitwixxi waħda mill-kompetenzi Komunitarji l-kbar. Irregolata mit-Titolu V tat-Trattat KE (Artikoli 70 sa 80), hija tikkostitwixxi kompetenza maqsuma bejn l-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea, imwettqa skont l-Artikolu 251 tat-Trattat KE (kodeċiżjoni).

Peress li fl-2005 60% tal-Ewropej kienu jgħixu fiz-zoni urbani, u li dawn se jsiru 80% sal-2020, it-trasport urban jikkostitwixxi komponent konsiderevoli tat-trasport tal-merkanzija u tal-persuni fi ħdan l-ispazju Ewropew.

Bosta leġiżlazzjonijiet Ewropej trażversali bħad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja (Direttiva 2008/50/KE adottata fil-21 ta' Mejju 2008), ir-Regolament dwar Servizzi Pubbliċi tat-Trasport tal-Passiġġieri (KE 1370/2007 tat-23 ta' Ottubru 2007), id-Direttiva dwar ix-Xiri ta' Vetturi Nodfa (2005/0283/KE, adottata mill-Parlament fit-22 ta' Ottubru 2008); jew inkella modali, bħad-direttivi u r-regolamenti dwar is-Sigurtà u s-Sikurezza Ferrovjarja u fl-Ajruporti, it-Tariffi tal-Infrastruttura Ferrovjarja (Direttivi 2001/14/KE u 2004/49/KE), id-direttivi dwar is-sikurizzazzjoni tal-vetturi bil-magna (Direttiva 2000/40/KE) u bosta regoli ta' materjali tat-toroq, tal-ferroviji jew tal-ajru, kellhom impatt fuq it-trasport urban madankollu mingħajr ma l-Unjoni kellha strateġija speċifika fir-rigward tagħhom.

I. It-trasport urban : suġġett emerġenti

Wieħed għandu jinnota madankollu żewġ inizjattivi tal-Kummissjoni relatati b'mod speċifiku mat-trasport urban :

- il-Programm CIVITAS (maħluq fl-2002), li, fuq il-krediti tal-Programm ta' Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp, jiffinanzja r-riċerka u l-innovazzjonijiet fil-qasam tat-trasport urban.

CIVITAS kien ta' benefiċċju għal iktar minn erbgħin belt Ewropea b'finanzjament ta' madwar EUR 100 miljun (il-baġit allokat għat-totalità tal-inizjattiva huwa ta' 'l fuq minn EUR 300 miljun) u huwa soġġett għal forum permanenti ta' skambji ta' esperjenza u ta' prattiki tajbin.

- fil-kuntest tal-orjentament tal-politika tat-Trasport lejn objettiv ta' mobilità sostenibbli, il-White Paper bl-isem ta' "Il-politika Ewropea tat-Trasport sal-2010: ħin l-għażla", ippubblikata mill-Kummissjoni fl-2010 fuq inizjattiva tal-Kummissarju Loyola de Palacio, antiċipat integrazzjoni tal-problema tat-Trasport urban fil-politika Ewropea tal-mobilità sostenibbli promossa minnha. Għandha ''tinbeda tibdila reali fil-politika komuni tat-trasport u għandhom jingħataw objettivi ġodda lill-istess politika: ibbilanċjar mill-ġdid b'mod sostenibbli tal-qsim bejn il-mezzi tat-trasport, u żvilupp tal-intermodalità, il-ġlieda bis-saħħa kontra t-traffiku, u t-tqegħid tas-sigurtà u tal-kwalità tas-servizzi fuq nett fl-azzjoni tagħna, filwaqt li jinżamm id-dritt għall-mobilità'' u l-iżvilupp ta' iktar minn 60 proposta rigward id-diversi mezzi ta' trasport (ferrovija, fuq l-art, bil-baħar, fl-ajru).

Stennija qawwija ħafna għan-netwerks tal-ibliet Ewropej, iżda wkoll tal-protagonisti tat-trasport urban (awtoritajiet organizzatriċi, operaturi, kostrutturi) u tal-assoċjazzjonijiet tal-utenti, wasslet lill-Kummissarju Jacques Barrot biex f'Ġunju 2007 ħabbar inizjattiva tal-Kummissjoni f'dan il-qasam, li reġgħet issemmiet u ġiet ikkonfermata mis-suċċessur tiegħu Antonio Tajani, li xtaq jagħmilha prijorità tal-madat tiegħu.

II. L-interess tal-Unjoni Ewropea li taġixxi fil-qasam tat-trasport urban

1. Il-Green Paper « Lejn kultura ġdida tal-mobilità urbana » : inizjattiva tal-Kummissjoni u riżoluzzjoni parlamentari sakemm ikun hemm pjan ta' azzjoni

Fil-25 ta' Settembru 2007, il-Kummissjoni ppubblikat Green Paper dwar it-trasport urban, bl-isem ta' ''Lejn kultura ġdida tal-mobilità urbana'', li kienet soġġetta għal konsultazzjoni wiesgħa, li r-riżultati tagħha ma ġewx imħabbra u lanqas ma ġew ippubblikati, s'issa.

Fid-9 ta' Lulju 2008, il-Parlament Ewropew ivvota riżoluzzjoni kontributtiva għal din il-Green Paper (wara rapport ta' Reinhard Rack tat-12 ta' Ġunju 2008) li enfasizzat l-assi ta' riflessjoni li ġejjin :

- qsim ċar tal-oqsma li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Unjoni Ewropea ;

- elenkar tal-oqsma li fihom hija neċessarja azzjoni tal-Unjoni Ewropea :

* żvilupp ta' approċċ globali u integrat,

* ġbir u tixrid ta' dejta affidabbli u paragunabbli,

* twaqqif ta' ''pjattaforma Ewropea tal-mobilità urbana'',

* evalwazzjoni tal-ispejjeż esterni tal-mezzi tat-trasport differenti.

- tixrid u skambju tal-prattiki tajbin ;

- il-finanzjament ta' proġetti fuq il-bażi tal-krediti tal-Unjoni Ewropea issa għandu jkun iktar soġġett għall-kundizzjonijiet u l-obbligi tat-trasport sostenibbli u ta' protezzjoni ambjentali.

Bi qbil mal-avviżi politiċi tal-Kummissjoni, din ir-riżoluzzjoni parlamentari saret sakemm ikun hemm abbozz ta' Pjan ta' azzjoni, li ma setgħax jitressaq qabel tmiem l-2008, hekk kif kien ġie previst inizjalment.

2. Il-Parlament Ewropew jirriproponi l-inizjattiva ta' Pjan ta' azzjoni għat-trasport urban

Sakemm ma jiġix ippubblikat abbozz ta' Pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni, u meta titqies il-prossimità tal-iskadenza tal-elezzjonijiet Ewropej f'Ġunju 2009, il-Parlament Ewropew, fuq proposta tal-Kumitat għat-Trasport, iddeċieda b'mod eċċezzjonali li jfassal dan ir-rapport ta' inizjattiva dwar il-Pjan ta' azzjoni, ex nihilo.

3. Komponent essenzjali tal-politika tat-Trasport tal-Unjoni

Il-kwistjoni tat-trasport urban ma tistax tibqa' mifruda b'mod sostenibbli mill-politika tat-Trasport tal-Unjoni Ewropea, peress li hija taffettwa :

- il-mobilità tal-persuni u tal-oġġetti, b'applikazzjoni tal-prinċipju tal-moviment liberu li huwa l-bażi tal-kostruzzjoni tas-Suq Intern Ewropew;

- l-organizzazzjoni ta' poli ta' skambju intermodali bejn it-trasport bl-ajru, bil-baħar, fuq ix-xmajjar, fit-toroq u bil-ferrovija fit-territorju tal-Unjoni;

- il-konnessjoni taz-zoni urbani man-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport u t-twettiq tajjeb ta' 30 proġett prijoritarju miżmum fil-programmazzjoni tal-2004 tat-TEN-T

Kieku tibqa' mifruda, il-politika tat-Trasport tal-Unjoni tkun qed tinjora waħda mid-dimensjonijiet territorjali u soċjali essenzjali tagħha.

Barra minn hekk, l-Unjoni Ewropea ma tistax tonqos milli tirrikonoxxi x'hemm x'jintrebaħ f'termini ta' kompetittività ekonomika tal-istruttura tagħha u tad-diversi oqsma industrijali tat-trasport, jekk dawn jiġu adattati għal strateġija ta' mobilità sostenibbli u għal sforzi tekniċi bil-għan li tinkiseb mobilità sostenibbli.

4. L-involviment tat-trasport urban fl-objettivi tal-Pjan dwar il-Klima

Mill-White Paper tal-2001, u wara l-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2007, l-Unjoni Ewropea ddeċidiet li tagħti lilha nnifisha l-objettiv partikolarment ambizzjuż li żżid l-effikaċja tal-enerġija tagħha b'20%, li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra b'20% u li tilħaq perċentwal ta' 20% ta' enerġija rinnovabbli fil-konsum tal-enerġija totali tal-Unjoni Ewropea, sal-2020.

Il-fatt li t-trasport fit-toroq fiz-zoni urbani jikkawża parti kunsiderevoli mill-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra (40%), iżda jikkawża wkoll problemi kbar ta' traffiku, ta' inċidenti u nuqqas ta' rispett tal-ħajja kif xieraq tar-residenti, jiġġustifikaw inizjattiva Ewropea konformi għall-bażijiet legali tagħha dwar it-trasport u l-ambjent u mal-objettivi politiċi tal-Kunsill.

III. L-irwol tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tat-trasport urban

· Ir-rispett bis-sħiħ tal-prinċipju tas-sussidjarjetà

Il-parti l-kbira tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, kemm jekk huma Stati Federali kif ukoll jekk le, jirrispettaw prinċipju (li spiss ikun ta' natura kostituzzjonali) ta' amministrazzjoni ħielsa tal-kollettivitajiet lokali. L-awtoritajiet lokali u l-assemblej huma liberi li jiddeċiedu dwar il-politiki tagħhom, il-programmi u l-investimenti fit-trasport urban u fit-trasport ta' madwar il-ibliet tagħhom.

L-Unjoni Ewropea għalhekk ma tistax tipproponi inizjattivi preskrittivi fir-rigward tal-politika tat-Trasport tal-awtoritajiet lokali. Madankollu, hekk kif kienet għamlet wara dibattitu twil dwar dan il-prinċipju, matul id-diskussjoni dwar ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 dwar l-obbligi tas-Servizzi Pubbliċi tat-Trasport[1], l-Ewropa, bil-mezzi kollha li jippermettulha li tagħti valur miżjud lid-deċiżjonijiet lokali, hija ddeterminata li tiżgura li t-trasport urban ikun konformi mal-objettivi ġenerali tal-politika tagħha għall-preservazzjoni ambjentali u mal-ġlieda kontra l-bidla fil-klima.

· Approċċ ''mill-utent''

Madankollu, li titħeġġeġ mobilità urbana iktar sostenibbli jfisser :

- azzjoni dwar imġiba min-naħa tal-utenti tat-trasport u tal-ispazju pubbliku, sabiex jingħatalhom inċentiv ħalli jtejbu u jiddiversifikaw il-mezzi tat-trasport tagħhom fir-rigward tal-istili tal-ħajja u tar-restrizzjonijiet speċifiċi relatati mal-ispazju urban ;

- adattament fiżiku u kwalitattiv tal-offerta għaċ-ċaqliq u tal-mezzi tat-trasport urbani, għall-objettivi ta' titjib tal-istandard tal-ħajja, għar-rispett tal-objettivi klimatiċi u ambjentali tal-Unjoni, għad-diversifikazzjoni, l-aċċessibilità fiżika u tariffarja għall-pubbliku in ġenerali, ta' sigurtà u ta' kumdità tal-mezzi ta' ċaqliq urban.

· Approċċ f'termini ta' ''sistemi ta' ċaqliq urban''

Il-kumplessità u l-interdipendenzi tas-sistemi ta' ċaqliq u tal-mezzi ta' trasport individwali u kollettiv fi ħdan l-ispazji urbani jirrestrinġu ferm approċċ unikament tekniku, skont il-mezz tat-trasport.

Mill-banda l-oħra, jaqbel li wieħed jirraġuna f'termini ta' ''sistemi ta' ċaqliq integrati'', billi jiġu assoċjati flimkien il-mezzi taċ-ċaqliq li ma jagħmlux ħsara u l-mezzi tat-trasport diversifikat u kumplimentari.

Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-kwalità tas-servizz u tal-materjali, kif ukoll lill-integrazzjoni tal-funzjonijiet tariffarji, tekniċi u tan-netwerks bejn id-diversi mezzi.

  • [1]  Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (20.2.2009)

għall-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

dwar il-pjan ta' azzjoni għall-mobilità fl-ibliet
(2008/2217(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Jean Marie Beaupuy

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali jistieden lill-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.   Jenfasizza li strateġija Ewropea sostenibbli għall-mobilità fl-ibliet hija indispensabbli sabiex l-Unjoni Ewropea tkun tista' tirrispetta l-objettiv tagħha ta' tnaqqis b'20% tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra sal-2020; jiddispjaċih dwar l-eżitazzjoni tal-Kummissjoni biex tippubblika l-Pjan ta' Azzjoni tagħha previst inizjalment għal tmiem l-2008;

2.   Huwa tal-opinjoni li l-kunċett ta' belt orjentata fuq rotot qosra huwa l-aħjar mod biex tiġi żgurata mobilità favur l-ambjent u l-klima fl-ibliet;

3.   Ifakkar li t-trasport urban huwa soġġett għall-prinċipju ta' sussidjarjetà; jenfasizza, madankollu, li l-awtoritajiet lokali ma jistgħux jiffaċċjaw dawn l-isfidi mingħajr ma jkun hemm koperazzjoni u koordinazzjoni Ewropea, u li għalhekk, il-Kummissjoni għandha tipprovdi studji, qafas ġuridiku, tiffinanzja r-riċerka, u tippromwovi u xxerred il-prattika tajba skont il-kriterji pubblikament aċċessibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea; jitlob lill-Kummissjoni biex tippubblika ġabra tad-dispożizzjonijiet regolamentarji Ewropej applikabbli f’dan il-qasam u biex tipproponi oqfsa ta’ referenza koerenti komuni lir-reġjuni u lill-ibliet, li jiffaċilitawlhom it-teħid ta’ deċiżjonijiet fl-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji għall-żvilupp;

4.   Jikkunsidra li l-mobilità urbana għandha tinkludi l-kostituzzjoni ta’ netwerks interurbani li jippermettu li l-ibliet il-kbar jingħaqdu flimkien, li jkun żgurat l-iżvilupp ekonomiku tagħhom, li t-trasport rapidu u mingħajr xkiel ta’ persuni u merkanziji u jkun iffaċilitat u li jkun promoss it-turiżmu;

5.   Jitlob li l-prinċipju tal-approċċ integrat ikun promoss fil-qafas ta' governanza ta' sħubija li tgħaqqad il-parteċipanti tal-ibliet u periurbani, dawk nazzjonali u Ewropej, u li tikkunsidra kwistjonijiet marbuta mat-trasport: l-integrazzjoni soċjali, l-istorbju, is-sikurezza, il-kompetittività, l-ambjent, eċċ; itenni t-talba tiegħu li l-implimentazzjoni ta' approċċ integrat għandha tkun obbligatorja fil-programmazzjoni u fl-għażla ta' proġetti għall-Fondi Strutturali;

6.   Jiddispjaċih li matul il-perjodu ta’ għajnuna attwali 2007-2013, 9% biss (ekwivalenti għal EUR 8,000,000,000) tar-riżorsi mill-Fond Strutturali li jintefqu fuq it-trasport (ekwivalenti għal EUR 82,000,000,000) huma previsti għat-trasport urban; iqis li dan il-proporzjon huwa żgħir wisq biex jindirizza l-isfidi għal mobilità xierqa fl-ibliet Ewropej u għall-ħarsien tal-ambjent u l-klima;

7.   Jinnota li, fil-qafas tal-programm okkażjonali Ewropew, mezzi ta' Fondi Strutturali ġew mogħtija minn qabel għall-proġetti infrastrutturali sostenibbli; jistieden lill-Istati Membri u lir-reġjuni biex jużaw b’urġenza parti sostanzjali minn dawn ir-riżorsi għat-trasport urban favur l-ambjent;

8.   Jitlob lill-Kummissjoni biex tiżviluppa għodod li jiffaċilitaw it-twettiq u l-ewalwazzjoni ta' politika sostenibbli integrata tat-trasport fl-ibliet u b'mod partikulari:

- biex tgħin lill-Istati Membri u l-ibliet sabiex itejbu s-sostenibilità tal-ippjanar territorjali u l-ippjanar tat-trasport fl-ibliet u periurban, b'mod partikulari permezz tal-applikazzjoni tal-pjanijiet ta' ċaqliq fl-ibliet; jistieden f'dan ir-rigward lill-parteċipanti ekonomiċi sabiex jipparteċipaw bis-sħiħ f'din l-istrateġija, permezz tal-Pjanijiet ta' ċaqliq ippjanat;

- biex tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-approċċ integrat u tal-governanza ta' sħubija permezz ta' tfassil ta' gwida għall-parteċipanti attivi f'dan il-qasam u l-istudji li jixħtu dawl fuq l-ispejjeż ta' approċċ mhux integrat;

- biex tiddefinixxi l-indikaturi rilevanti u armonizzati u toħloq skeda tat-trasport fl-ibliet li tippermetti li ssir evalwazzjoni komparattiva bejn il-ibliet.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

12.2.2009

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

45

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Emmanouil Angelakas, Stavros Arnaoutakis, Elspeth Attwooll, Rolf Berend, Victor Boştinaru, Wolfgang Bulfon, Giorgio Carollo, Bairbre de Brún, Gerardo Galeote, Iratxe García Pérez, Monica Giuntini, Ambroise Guellec, Pedro Guerreiro, Gábor Harangozó, Filiz Hakaeva Hyusmenova, Mieczysław Edmund Janowski, Gisela Kallenbach, Evgeni Kirilov, Miloš Koterec, Constanze Angela Krehl, Florencio Luque Aguilar, Jamila Madeira, Iosif Matula, Miroslav Mikolášik, Maria Petre, Markus Pieper, Giovanni Robusti, Wojciech Roszkowski, Bernard Soulage, Catherine Stihler, Margie Sudre, Lambert van Nistelrooij, Oldřich Vlasák

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Emanuel Jardim Fernandes, Stanisław Jałowiecki, Zita Pleštinská, Samuli Pohjamo, Christa Prets, Flaviu Călin Rus, Richard Seeber, László Surján, Iuliu Winkler

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Wolf Klinz, Sepp Kusstatscher, Toine Manders

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

31.3.2009

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

28

1

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Gabriele Albertini, Inés Ayala Sender, Paolo Costa, Luis de Grandes Pascual, Petr Duchoň, Saïd El Khadraoui, Robert Evans, Emanuel Jardim Fernandes, Francesco Ferrari, Brigitte Fouré, Mathieu Grosch, Georg Jarzembowski, Timothy Kirkhope, Jaromír Kohlíček, Jörg Leichtfried, Eva Lichtenberger, Erik Meijer, Luís Queiró, Reinhard Rack, Ulrike Rodust, Gilles Savary, Brian Simpson, Dirk Sterckx, Ulrich Stockmann, Michel Teychenné, Yannick Vaugrenard, Armando Veneto, Roberts Zīle

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Elisabeth Jeggle, Anne E. Jensen, Marie Panayotopoulos-Cassiotou