Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2006/2267(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0067/2007

Testi mressqa :

A6-0067/2007

Dibattiti :

PV 28/03/2007 - 14
CRE 28/03/2007 - 14

Votazzjonijiet :

PV 29/03/2007 - 8.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0097

Testi adottati
PDF 261kWORD 93k
Il-Ħamis, 29 ta' Marzu 2007 - Brussell
Il-futur tal-Kosovo u l-irwol ta' l-UE
P6_TA(2007)0097A6-0067/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Marzu 2007 dwar il-futur tal-Kosovo u l-irwol ta' l-UE (2006/2267(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1244 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ta' l-10 ta' Ġunju 1999,

–   wara li kkunsidra r-rapport tar-Rappreżentant tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għar-Reviżjoni ta' l-Istandards dwar Reviżjoni Komprensiva ta' l-Implimentazzjoni ta' Standards, ippreżentat lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fis-7 ta' Ottubru 2005,

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, fl-Istqarrija mill-President tiegħu ta' l-24 ta' Ottubru 2005, li japprova l-proposta tas-Segretarju Ġenerali sabiex jibdew it-taħdidiet dwar l-istatus tal-Kosovo,

–   wara li kkunsidra l-ħatra, fl-14 ta' Novembru 2005, tas-Sur Martti Ahtisaari bħala Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-proċess dwar l-istatus futur tal-Kosovo,

–   wara li kkunsidra l-Istqarrija tal-Grupp ta' Kuntatt (Renju Unit, Franza, Ġermanja, Italja, Stati Uniti u Russja) tal-31 ta' Jannar 2006 li jenfasizzaw in-natura speċifika tal-problema tal-Kosovo – imfassla, skond l-Istqarrija, mill-isfaxxament tal-Jugożlavja u l-kunflitti li rriżultaw minnu, mit-tindif etniku u mill-ġrajjiet ta" l-1999, u mill-perjodu fit-tul ta" amministrazzjoni internazzjonali skond ir-Riżoluzzjoni 1244 (1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU – u li jitolbu sabiex il-kwistjoni tasal għal konklużjoni negozjata kmieni bħala l-aħjar triq li wieħed jista" jieħu,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' l-14 u l-15 ta' Diċembru 2006, li jappoġġjaw bis-sħiħ l-isforzi ta' Martti Ahtisaari lejn soluzzjoni għall-kwistjoni ta' l-istatus u jaffermaw mill-ġdid li l-Unjoni tinsab lesta li tieħu rwol sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-qbil dwar l-istatus futur,

–   wara li kkunsidra r-rapport aħħari tar-Rappreżentant Speċjali dwar l-istatus futur tal-Kosovo u l-Proposta Komprensiva għall-Qbil dwar l-Istatus tal-Kosovo tas-26 ta' Marzu 2007,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A6-0067/2007),

A.   billi l-prinċipji ta' gwida għal konklużjoni dwar l-istatus tal-Kosovo adottati mill-Grupp ta' Kuntatt fis-7 ta' Ottubru 2005 jenfasizzaw li konklużjoni negozjata għandha tkun prijorità internazzjonali u li, ġaladarba jibda, il-proċess ta' negozjati ma' jistax jiġi mblukkat u jrid jiġi konkluż; billi dawk il-prinċipji jistipulaw b'mod ċar li s-sitwazzjoni ma' tistax terġa' lura għal kif kienet qabel Marzu 1999, jew għal xi tqassim fil-Kosovo, jew għal xi unjoni tal-Kosovo ma' xi pajjiż ieħor jew parti minn xi pajjiż ieħor,

B.   billi fis-snin tad-disgħinijiet il-popolazzjoni tal-Kosovo kienet suġġetta għal atti sistematiċi ta' vjolenza u ripressjoni li fl-1999 kibru sal-punt tat-tkeċċija tal-massa tal-popolazzjoni ċivili, li wasslu sabiex il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jintervjeni u jqiegħed it-territorju taħt kontroll ċivili u ta' sigurtà internazzjonali; billi dan ħoloq sitwazzjoni li qatt ma kien hemm bħalha qabel fil-liġi internazzjonali,

C.   billi l-ġrajjiet ta' Marzu 2004, li jridu jiġu kkundannati, juru ċar it-tensjonijiet persistenti fil-Kosovo bejn il-komunitajiet Albaniżi u dawk Serbi u l-bżonn li tinstab soluzzjoni li tiggarantixxi d-drittijiet taż-żewġ gruppi etniċi u ta' gruppi etniċi oħrajn, f'konformità mal-pubblikazzjonijiet ta" l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE), tal-Kunsill ta" l-Ewropa u ta" organizzazzjonijiet oħra li għandhom kompetenzi fil-qasam tal-ħarsien tal-minoranzi,

D.   billi d-determinazzjoni ta" l-istatus futur tal-Kosovo se tikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku tiegħu, it-tfaċċar ta" klassi politika matura u l-iżvilupp fil-provinċja ta' soċjetà tolleranti u li ma fihiex segregazzjonijiet,

E.   billi minkejja l-ħafna rawnds ta' taħditiet li saru sfortunatament ma nstabet l-ebda konklużjoni negozjata aċċettabbli għaż-żewġ naħat, u filwaqt li jinnota l-fatt li r-Rappreżentant Speċjali tan-NU ppreżenta lill-Grupp ta" Kuntatt u lis-Segretarju Ġenerali tan-NU il-proposti għall-konklużjoni,

F.   billi l-konklużjoni finali ma tistax tiġi nfurzata b'theddid ta' radikalizzazzjoni fil-Kosovo jew fis-Serbja iżda għandha tkun ir-riżultat ta' soluzzjoni li tqis l-interessi tal-partijiet kollha involuti,

G.   billi aktar dewmien biex jiġi ddeterminat l-istatus tal-Kosovo jista" jkollu impatt negattiv fuq is-sitwazzjoni, li diġà hija fraġli u mimlija tensjoni,

H.   billi l-ġrajjiet ta' l-1999, l-amministrazzjoni internazzjonali intermedjarja fit-tul u l-fatt li bil-mod tfaċċaw u kkonsolidaw ruħhom l-Istituzzjonijiet Proviżorji ta' Awtogovernanza tal-Kosovo ħalqu sitwazzjoni eċċezzjonali li tagħmel l-integrazzjoni mill-ġdid tal-Kosovo mas-Serbja ħaġa mhux realistika,

I.   billi r-relazzjonijiet bejn il-Kosovo u s-Serbja, minħabba r-rabtiet kulturali, reliġjużi u ekonomiċi mill-qrib tagħhom, għandhom jiġu żviluppati aktar fi spirtu ta" sħubija u viċċinat tajba fl-interess tal-popolazzjoni kollha tal-Kosovo u tas-Serbja,

J.   billi n-nuqqas ta' fiduċja bejn il-gruppi etniċi differenti, is-sitwazzjoni li għadha volatili u l-ħtieġa li jiġu żviluppati u konsolidati aktar istituzzjonijiet demokratiċi u multi-etniċi fil-Kosovo jitolbu li jkun hemm preżenza internazzjonali kontinwa għall-futur qarib,

K.   billi l-komunità internazzjonali għandha tkompli tinvesti fl-edukazzjoni, speċjalment minħabba l-isfidi serji li qed tifaċċja l-ġenerazzjoni iktar żagħżugħa tal-Kosovo,

L.   billi, minħabba l-pożizzjoni strateġika tal-Kosovo, l-Unjoni Ewropea jrid ikollha rwol ċentrali fil-monitoraġġ, fil-garanzija u fl-iffaċilitar ta' l-implimentazzjoni tal-konklużjoni dwar l-istatus kif ukoll fl-għajnuna għall-ħolqien u l-konsolidazzjoni ta' istituzzjonijiet demokratiċi fil-Kosovo, bil-Parlament jeżerċita r-responsabbiltajiet tiegħu ta" monitoraġġ,

M.   billi l-kontribuzzjoni ta' l-UE trid tkun, madankollu, bil-kundizzjoni li, fil-każ ta' konklużjoni, jitwettqu ċerti rekwiżiti minimi,

N.   billi l-konklużjoni finali dwar l-istatus trid tkun kompatibbli ma' l-UE, iġifieri għandha tipprovdi għal qafas kostituzzjonali li huwa komaptibbli mal-prospetti Ewropej tal-Kosovo u għandhom jippermettu lill-Unjoni li tuża l-firxa sħiħa ta' strumenti disponibbli għaliha,

1.  Jappoġġja l-proċess immexxi min-NU biex jiġi ddeterminat l-istatus finali tal-Kosovo u l-isforzi biex jiġi stabbilit qafas vijabbli li jiggarantixxi l-istabilità u l-ħarsien għall-komunitajiet kollha fil-Kosovo u l-iżvilupp ekonomiku u soċjali fit-tul li jsostni lilu nnifsu waħdu; japprova l-Proposta Komprensiva għal Soluzzjoni ta" l-Istatus tal-Kosovo tas-Sur Ahtisaari u, huwa ta' l-opinjoni li s-sovranità sorveljata mill-komunità internazzjonali hija l-aħjar għażla sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi; fuq din il-bażi, jistenna lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jadotta malajr riżoluzzjoni ġdida li tieħu post ir-Riżoluzzjoni 1244 (1999);

2.  Huwa ta' l-opinjoni li l-unika konklużjoni sostenibbli għall-Kosovo hija dik li:

   tagħti aċċess lill-Kosovo għal organizzazzjonijiet finanzjarji internazzjonali u b'hekk ikun jista" jibda l-irkupru ekonomiku tiegħu u joħloq il-kundizzjonijiet għall-ħolqien ta" l-impjiegi;
   tipprevedi preżenza internazzjonali sabiex jinżamm il-karattru multi-etniku tal-Kosovo u sabiex jiġu salvagwardjati l-interessi u s-sigurtà tal-popolazzjoni Serba u tal-popolazzjoni Roma u ta" komunitajiet etniċi oħrajn;
   tipprovdi appoġġ internazzjonali sabiex ikun żgurat l-iżvilupp ta" istituzzjonijiet effettivi u li jsostnu lilhom infushom waħedhom għall-popolazzjoni tal-Kosovo kollha kemm hi, u li jaħdmu skond l-istat tad-dritt u r-regoli fundamentali tad-demokrazija;
   tippermetti lill-Kosovo li jissodisfa x-xewqa tiegħu li jkun integrat fl-Ewropa, li fiż-żmien se twassal għal relazzjonijiet ta" interdipendenza reċiproka mal-ġirien tiegħu;

3.  Iqis li kwalunkwe konklużjoni dwar l-istatus futur tal-Kosovo trid tkun skond il-liġi internazzjonali;

4.  Jesprimi t-tama li fis-Serbja ma jdumx ma jkun jista" jiġi ffurmat gvern b'saħħtu u li jkun b'mod ċar favur l-Ewropa, li jinvolvi ruħu b'mod serju u pożittiv fit-tiftix għal soluzzjoni għall-kwistjoni ta' l-istatus tal-Kosovo; jenfasizza li tali gvern huwa meħtieġ ukoll għall-finijiet ta" koperazzjoni sħiħa mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-ex-Jugożlavja u se jippermetti, taħt dawn il-kundizzjonijiet, għall-ftuħ mill-ġdid tan-negozjati dwar, u l-konklużjoni finali ta", Ftehim ta" Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn is-Serbja u l-Unjoni Ewropea;

5.  Jemmen li l-konklużjoni finali għandha tkopri, inter alia, l-aspetti li ġejjin:

   definizzjoni ċara ta' l-irwol u tal-mandat tal-preżenza internazzjonali ċivili u ta' sigurtà;
   dispożizzjonijiet ċari dwar id-deċentralizzazzjoni li jagħtu awtonomija sostanzjali f'oqsma prinċipali bħall-edukazzjoni, is-saħħa u s-sigurtà lokali u, fil-każ tal-muniċipalitajiet Serbi, jippermettu rabtiet diretti imma trasparenti ma' Belgrad; dispożizzjonijiet bħal dawn għandhom ikunu finanzjarjament sostenibbli u m'għandhomx idgħajfu l-prerogattivi eżekuttivi u leġiżlattivi ta' Kosovo unitarju;
   rispett sħiħ lejn id-drittijiet tal-bniedem inkluż l-obbligu li jiġu pprovduti garanziji kostituzzjonali għall-interessi vitali ta' minoranzi u refuġjati, u mekkaniżmi xierqa sabiex jiġu salvagwardjati interessi bħal dawn;
   il-ħarsien tas-siti kulturali u reliġjużi kollha;
   dispożizzjonijiet dwar il-ħolqien ta' Forza ta' Sigurtà interna tal-Kosovo li tkun armata b'mod ħafif, tkun multi-etnika u jkollha ambitu, kapaċità u funzjonijiet limitati, taħt is-sorveljanza stretta tal-Forza tal-Kosovo mmexxija min-NATO (KFOR);
   garanziji internazzjonali għall-integrità territorjali ta" l-Istati ġirien kollha;

6.  Jenfasizza li s-soluzzjoni fil-Kosovo ma tistabbilixxi l-ebda preċedent fil-liġi internazzjonali, peress li l-Kosovo ilu taħt il-governanza tan-NU mill-1999 u r-Riżoluzzjoni 1244 (1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU diġà kellha dispożizzjonijiet dwar il-ħtieġa li tiġi solvuta l-kwistjoni ta' l-istatus finali tal-Kosovo; jikkonkludi, għalhekk, li s-sitwazzjoni rigward il-Kosovo ma hija bl-ebda mod komparabbli mas-sitwazzjoni f'reġjuni oħra ta" kunflitt li m'humiex taħt l-amministrazzjoni tan-NU;

7.  Jenfasizza li l-ftehim dwar il-futur tal-Kosovo trid tinkludi wkoll arranġamenti istituzzjonali speċifiċi għal Kosovska Mitrovica li jiggarantixxu bis-sħiħ id-drittijiet u s-sigurtà tal-komunità Serba mingħajr ma jdgħajfu l-unità tal-Kosovo; jemmen li dawk l-arranġamenti għandhom ikunu sorveljati direttament mill-komunità internazzjonali, b'konsultazzjoni ma' Belgrad; ifakkar lis-Serbja, madankollu, li involviment bħal dan fil-Kosovo huwa marbut mal-koperazzjoni tas-Serbja fl-implimentazzjoni tal-konklużjoni dwar l-istatus finali;

8.  Jilqa', għalhekk, il-fatt li l-proposta Ahtisaari ssemmi awtonomija wiesgħa għall-komunità Serba u għal komunitajiet oħrajn, inkluż ammont sostanzjali ta' awtonomija muniċipali f'konformità mal-prinċipji Ewropej ta' sussidjarjetà u awtogovernanza;

9.  Huwa ta' l-opinjoni li l-komunità internazzjonali għandha tindirizza, sa fejn ikun possibbli, il-preżenza tagħha biex tgħin lill-awtoritajiet lokali:

   fl-implimentazzjoni tat-termini tal-konklużjoni;
   fl-iżvilupp ta' kapaċità istituzzjonali, amministrattiva, ġudizzjarja u tal-pulizija li tkun awtonoma u etnikament ibbilanċjata;
   fil-kisba ta' progress fil-konformità ma' l-istandards tan-NU u mal-punti ta' referenza (benchmarks) ta' stabilizzazzjoni u ta' assoċjazzjoni ta' l-UE;

10.  Jemmen, għalhekk, li filwaqt li l-preżenza internazzjonali fil-Kosovo għandu jkollha ammont ta' persunal fi proporzjon max-xogħol tagħha, dan m'għandux jirriżulta fil-ħolqien ta' amministrazzjoni parallela jew fir-ripetizzjoni ta' l-amministrazzjoni eżistenti mmexxija min-NU;

11.  Jenfasizza li l-komunità internazzjonali għandu jkollha setgħat diretti korrettivi u, f'każijiet limitati, setgħat ta' sostituzzjoni f'oqsma kruċjali bħal:

   is-salvagwardja ta' l-interessi kruċjali tal-minoranzi;
   il-ħarsien ta" siti sensittivi;
   is-sigurtà;
   il-ġudikatura u l-istat tad-dritt usa', partikolarment fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata;

12.  Jenfasizza li jenħtieġu aktar sforzi biex jiġi appoġġjat ir-ritorn ulterjuri ta' refuġjati u ta' persuni spustati madwar il-Kosovo; jenfasizza li opportunitajiet ta' xogħol huma essenzjali għar-ritorn sostenibbli u li l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli issa jrid isir prijorità; jenfasizza li r-refuġjati mhux Serbi u mhux Albaniżi, bħar-Roma u l-Ashkali, għandhom bżonn attenzjoni speċjali, inklużi l-persuni Roma spustati internament li qed jgħixu fil-kampijiet f'Kosovska Mitrovica;

13.  Jappoġġja l-ħtieġa għal sistema edukattiva inklużiva u ġusta li se tippermetti li l-istudenti Roma u Ashkali jitagħlmu parzjalment bil-lingwa Roma, b'hekk titrawwem l-identità u l-kultura ta' dawk il-komunitajiet tal-minoranzi;

14.  Jenfasizza l-irwol importanti li għandu jilgħab il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti għal deċiżjoni finali dwar l-istatus finali tal-Kosovo iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha, u b'mod partikulari dawk l-Istati Membri li huma wkoll membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, biex jagħtu l-appoġġ sħiħ u attiv tagħhom biex tinstab soluzzjoni vijabbli għall-istatus futur tal-Kosovo;

15.  Iqis li l-adozzjoni ta' riżoluzzjoni ġdida tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU hija wkoll kruċjali għall-parteċipazzjoni futura ta' l-UE fil-Kosovo, u li fin-nuqqas ta' tali riżoluzzjoni m'għandu jkun previst l-ebda involviment ikbar ta' l-UE;

16.  Jinsab konvint li, fid-dawl ta" l-irwol ċentrali tagħha fl-implimentazzoni tal-konklużjoni, l-Unjoni Ewropea għandha tkun involuta b'mod deċiżiv fit-termini finali tal-konklużjoni;

17.  Jemmen li l-Istati Membri għandhom jippruvaw jilħqu pożizzjoni unika dwar il-kwistjoni tal-Kosovo u għalhekk jistieden lill-Kunsill sabiex jagħmel ħiltu biex jadotta pożizzjoni komuni dwar il-kwistjoni ta" l-istatus li tispjega ċar ir-rekwiżiti minimi ta" soluzzjoni għall-Kosovo li tkun sostenibbli u kompatibbli ma' l-UE;

18.  Ifakkar li, skond l-Artikolu 19 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, Stati Membri rappreżentati fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jkunu mistennija li jżommu mal-pożizzjoni komuni u jżommu lill-Kunsill ta' l-UE infurmat regolarment dwar in-negozjati; jitlob ukoll li l-Parlament jiġi infurmat regolarment;

19.  Jistieden lil dawk l-Istati Membri ta' l-UE li huma membri tal-Grupp ta' Kuntatt biex jaqsmu l-informazzjoni tagħhom mal-Kunsill u ma' l-Istati Membri l-oħrajn kollha, u biex itejbu l-koordinazzjoni u l-koperazzjoni magħhom, għaliex l-UE kollha kemm hi se jkollha terfa' r-responsabilità internazzjonali u l-piż finanzjarju tal-konklużjoni finali;

20.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri li qegħdin fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u, b'mod partikolari, il-Membri Permanenti sabiex ikollhom irwol kostruttiv, biex jagħmlu li jistgħu biex jiżguraw li ż-żewġ partijiet involuti jaġixxu b'mod flessibbli u sabiex jadottaw soluzzjoni għall-Kosovo li tkun ċara u sostenibbli, fuq l-istess linji tal-proposti tar-Rappreżentant Speċjali, kemm jista' jkun bil-ftehim taż-żewġ partijiet;

21.  Huwa ppreparat li jagħmel ir-riżorsi addizzjonali meħtieġa disponibbli sabiex jiffinanzja l-involviment futur ta' l-UE fil-Kosovo bl-iskop li tiġi implimentata l-konklużjoni dwar l-istatus u b'appoġġ għall-prospetti għall-UE tal-Kosovo, bil-kundizzjoni li:

   il-konklużjoni dwar l-istatus appoġġjata mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tqis b'mod xieraq il-pożizzjoni komuni ta' l-Unjoni;
   ikun hemm konsultazzjoni biżżejjed minn qabel dwar l-ambitu, l-objettivi, il-mezzi u l-modalitajiet ta' dik il-missjoni, ħalli l-Parlament ikun assigurat li r-riżorsi jkunu fi proporzjon mal-ħidmiet;
   dawk ir-riżorsi finanzjarji addizzjonali jkunu disponibbli skond il-kundizzjonijiet tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina tal-baġit u amministrazzjoni finanzjarja tajba(1); u
   konferenza dwar donaturi internazzjonali li ssir fi żmien xieraq;

22.  Jappoġġja t-twaqqif ta' missjoni tal-Politika Ewropea għas-Sigurtà u d-Difiża (ESDP) fil-Kosovo li tikkontribbwixxi għall-implimentazzjoni ta' l-istejtus fil-qasam ta' l-Istat tad-Dritt; iqis li l-missjoni ESDP għandha jkollha l-miżuri kollha neċessarji li jiżguraw li hija tista' timplimenta l-mandat tagħha u tassumi r-responsabilita' kbira li se tkun fdata biha;

23.  Ifakkar dwar l-impenn, li daħlet għalih il-Presidenza Finlandiża f'isem il-Kunsill fir-rigward ta' l-adozzjoni tal-baġit għall-2007, biex il-Parlament ikun provdut b'informazzjoni ddettaljata dwar l-ambitu, l-objettivi u l-implikazzjonijiet finanzjarji probabbli ta' l-operazzjoni li tista" ssir fil-ġejjieni hekk kif l-ippjanar tal-missjoni jipproċedi;

24.  Jirrimarka li l-Unjoni Ewropea hija rappreżentata fil-Kosovo kemm mill-Uffiċċju tal-Kummissjoni għall- Koperazzjoni (Commission Liaison Office) kif ukoll minn entitajiet mmexxija mis-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill/Rappreżentant Għoli; jistieden lill-Kunsill biex iqis aktar il-kwistjoni dwar jekk l-organizzazzjoni tal-preżenza tiegħu fil-Kosovo tistax tittejjeb u tiġix issimplifikata aktar;

25.  Jinsab imħasseb dwar il-mod li bih se tiġi mmaniġġjata t-tranżizzjoni mill-Missjoni għall-Amministrazzjoni Interim tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo (UNMIK) għall-Uffiċċju Ċivili Internazzjonali l-ġdid; ifakkar lill-UNMIK li għandha tibqa' involuta fil-Kosovo sakemm l-Uffiċċju l-ġdid ikun organizzat u jkun qed jopera b'mod sħiħ; jistieden lin-Nazzjonijiet Uniti u lill-UE sabiex isibu mod ta' kif jiġi evitat aktar telf ta' ħiliet internazzjonali f'oqsma kruċjali ta' l-amministrazzjoni, partikolarment fid-dawl tal-fatt li l-Istituzzjonijiet Proviżorji ta' Awtogovernanza tal-Kosovo se jkollhom bżonn il-ħin u l-għajnuna sabiex jieħdu f'idejhom ċerti setgħat leġiżlattivi u eżekuttivi mill-UNMIK;

26.  Iħeġġeġ lill-OSCE biex tkompli fl-irwol ewlieni tagħha fil-Kosovo wara l-konklużjoni dwar l-istatus, fir-rigward, b'mod partikolari, tal-monitoraġġ u l-verifika tal-proċessi elettorali; jistieden, f'dan ir-rigward, kemm lill-Kunsill kif ukoll lill-OSCE biex isaħħu l-koperazzjoni tagħhom fil-qasam ta' l-istat tad-dritt, bi tqassim ċar tal-ħidmiet fejn hija kkonċernata l-missjoni tal-Politika Ewropea ta' Sigurtà u Difiża (ESDP);

27.  Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-enfasi li tagħmel l-UE fuq il-ġudikatura u l-istat tad-dritt fil-fażi ta" wara l-konklużjoni, u jenfasizza li se jkun meħtieġ trasferiment mingħajr xkiel tar-responsabbiltajiet; jitlob li jiġi stabbilit tqassim ċar u trasparenti tal-ħidmiet u tar-responsabbiltajiet bejn il-qrati u l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali tal-Kosovo u l-missjoni ppjanata ta" l-UE għall-infurzar tal-liġi u l-ordni; jitlob għal responsabbiltà sħiħa u rispett sħiħ għall-istat tad-dritt fir-rigward ta' detenzjonijiet u azzjonijiet oħrajn mill-KFOR;

28.  Jindika lill-awtoritajiet tal-Kosovo li l-komunità internazzjonali tistennihom

   jikkonċentraw l-isforzi tagħhom biex jiżviluppaw il-kapaċità istituzzjonali u amministrattiva meħtieġa sabiex finalment jieħdu f'idejhom ir-responsabbiltajiet li s'issa kienu f'idejn l-UNMIK;
   jelaboraw kunċett Kosovar ta' ċittadinanza li jibni b'mod espliċitu fuq il-karattru multilingwistiku u multi-etniku tar-reġjun, waqt li jipprovdi għall-komunitajiet etniċi varji li jikkostitwixxu l-popolazzjoni tal-Kosovo;
   li jaħdmu bis-serjetà u b'mod kostruttiv lejn il-ħolqien ta' pajjiż u soċjetà li jkunu multi-etniċi, multikulturali, bi twemmin differenti u tolleranti li jirrispettaw id-drittjiet tal-gruppi etniċi kollha;

29.  Jenfasizza f'dan il-kuntest li l-preżenza internazzjonali se tibqa' fil-Kosovo sakemm l-objettivi msemmija hawn fuq ikunu tassew integrati u jintlaħqu verament;

30.  Huwa mħasseb ħafna dwar id-dimostrazzjonijiet vjolenti li saru dan l-aħħar fil-Kosovo, li qed jipperikolaw b'mod serju t-tkomplija bla xkiel tal-proċess li tinstab soluzzjoni paċifika għall-istatus futur tal-Kosovo; jistieden liż-żewġ naħat biex kemm jista' jkun irażżnu lilhom infushom u biex jagħmluha possibbli li jkun hemm konklużjoni paċifika tal-proċess dwar l-istatus;

31.  Barra minn hekk ifakkar lill-awtoritajiet tal-Kosovo li, ladarba l-kwistjoni ta' l-istatus tiġi finalment solvuta, il-poplu tal-Kosovo se jkun irid lill-gvern tiegħu jittratta l-problemi li jaffettwaw il-ħajja ta' kuljum tagħhom, bħal dawk relatati mas-sigurtà, l-iżvilupp ekonomiku, il-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, l-impjiegi, is-servizzi pubbliċi adegwati u l-ugwaljanza għal kulħadd f'għajnejn il-liġi;

32.  Jistieden lill-UE u lill-awtoritajiet tal-Kosovo biex jaħdmu flimkien sabiex joħolqu kundizzjonijiet għal tkabbir ekonomiku mtejjeb għall-benefiċċju tal-komunitajiet etniċi kollha fil-Kosovo; itenni l-ħtieġa għall-ħolqien ta' pjan ta' żvilupp ekonomiku fit-tul komprensiv u realistiku kif ukoll għal konformità sħiħa mal-prinċipji fundamentali ta' l-istat tad-dritt, u strateġija ddettaljata u b'riżorsi xierqa kontra l-korruzzjoni;

33.  Jenfasizza l-bżonn li jingħata iktar appoġġ għall-iżvilupp ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) fuq il-bażi tal-Karta Ewropea għal Intrapriżi Żgħar, li kienet approvata mill-Kosovo; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura aċċess għall-Fondi Strutturali ta' l-UE, biex tipprovdi ffinanzjament aħjar għal proġetti relatati ma' l-SMEs u toħloq qafas istituzzjonali li jtejjeb il-koperazzjoni bejn il-Komunità u s-settur privat fil-Kosovo;

34.  Iħeġġeġ lill-mexxejja tal-komunità Serba fil-Kosovo sabiex jirrikonoxxu li l-interessi tagħhom ikunu moqdija aħjar f'Kosovo demokratika, deċentralizzata u ekonomikament vijabbli, u sabiex jinvolvu ruħhom fil-proċess ta' wara l-konklużjoni sabiex jiżguraw li dawk id-dispożizzjonijiet tal-ftehim li huma ta' interess dirett għalihom jiġu implimentati b'mod sħiħ;

35.  Jistieden lill-Gvern Serb sabiex jirrikonoxxi li l-futur jinsab fl-iżvilupp ta' rabtiet mill-qrib u trasparenti mal-Kosovo, fil-kuntest ta' integrazzjoni reġjonali aktar fil-fond u tal-prospett komuni ta' sħubija fl-UE fil-futur;

36.  Jenfasizza li hija ta' l-ikbar importanza għall-istabbilità u l-iżvilupp ulterjuri tar-reġjun kollu li tinstab soluzzjoni għall-kwistjoni ta' l-istatus futur tal-Kosovo fuq il-bażi tal-proposti finali tas-Sur Ahtisaari; jistieden f'dan il-kuntest lill-gvernijiet ta' l-Istati kollha ġirien biex jagħtu kontribut pożittiv għal dan il-proċess u biex jirrispettaw il-fruntieri attwali ta' l-Istat; barra minn hekk, jappoġġja l-opinjoni li, fuq medda twila ta' żmien, is-soluzzjoni fir-rigward ta' l-istatus futur tal-Kosovo tinsab ukoll fil-fatt li kemm is-Serbja kif ukoll il-Kosovo mistennija jsiru parti mill-UE, flimkien mal-ġirien tagħhom, minħabba li l-futur tal-Balkani tal-Punent jinsab fl-Unjoni Ewropea;

37.  Itenni li t-tisħiħ sew tal-Kosovo fil-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandu jsaħħaħ, inter alia, ir-relazzjonijiet ekonomiċi tal-Kosovo ma' l-Istati Membri u mal-ġirien tagħhom fil-Balkani tal-Punent u jħaffef il-proċess ta' stabilizzazzjoni fir-reġjun;

38.  Jilqa', il-firma tal-ftehim dwar il-kummerċ ħieles ma' l-Albanija, ma' l-ex-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja, mal-Bożnja Ħerżegovina u mal-Kroazja; iħeġġeġ lill-awtorijiet tal-Kosovo sabiex jimplimentaw bis-sħiħ dawk il-ftehim u jiżguraw li l-kummerċ ħieles mas-Serbja u l-Montenegro jkompli;

39.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jipproċedu lejn ftehima ta' ffaċilitar tal-viża għall-Kosovo, bħala parti mill-fażi ta' wara l-ftehim u fuq il-linji negozjati attwalment mal-pajjiżi ġirien tiegħu, li tqis il-problemi speċjali relatati mal-Kosovo, jiġifieri n-nuqqas ta' uffiċċji konsulari ta' ħafna Stati Membri u l-użu, s'issa ta' passaporti UNMIK;

40.  Jistieden lill-awtoritajiet Kosovari u Serbi biex jikkoperaw bis-sħiħ ma' xulxin u ma' l-ICTY sabiex jestradixxu lil dawk il-persuni li huwa allegat li huma kriminali tal-gwerra;

41.  Jemmen li l-pubblikazzjoni tar-rapport tas-Sur Ahtisaari għandu jiġi akkumpanjat minn kampanja li twassal messaġġ immirata biex tispjega b'mod ċar u oġġettiv lill-popli kkonċernati, inkluzi ċ-ċittadini Serbi, il-kundizzjonijiet tal-konklużjoni proposta, u li messaġġ ta' koeżistenza paċifika jrid jiġi enfasizzat mill-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-Kosovo; iqis li Kosovo li jirrikonoxxi d-drittjiet tal-maġġoranza u tal-minoranza se jgawdi minn stabilità u prosperità;

42.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Gvern tas-Serbja u lill-Istituzzjonijiet Proviżorji ta' Awtogovernanza tal-Kosovo, lill-UNMIK, lill-Membri tal-Grupp ta' Kuntatt, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u lir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-proċess dwar l-istatus futur tal-Kosovo.

(1) ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

Avviż legali - Politika tal-privatezza