Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2006/2205(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0066/2007

Testi mressqa :

A6-0066/2007

Dibattiti :

PV 28/03/2007 - 17
CRE 28/03/2007 - 17

Votazzjonijiet :

PV 29/03/2007 - 8.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0098

Testi adottati
PDF 469kWORD 154k
Il-Ħamis, 29 ta' Marzu 2007 - Brussell
Il-futur tar-riżorsi proprji ta" l-Unjoni Ewropea
P6_TA(2007)0098A6-0066/2007
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Marzu 2007 dwar il-futur tar-riżorsi proprji ta" l-Unjoni Ewropea (2006/2205(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-22 ta' Novembru 1990 dwar l-iffinanzjar fil-ġejjieni tal-Komunità Ewropea(1) u tal-21 ta' April 1994 dwar sistema ġdida ta' riżorsi proprji għall-Unjoni Ewropea(2),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/728/KE, Euratom tal-31 ta' Ottubru 1994 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej(3),

–   wara li kkunsidra d-dokument tas-7 ta' Ottubbru 1998 intitolat 'L-Iffinanzjar ta' l-Unjoni Ewropea - Rapport tal-Kummissjoni dwar l-Operat tas-Sistema tar-Riżorsi Proprji' (COM(1998)0560),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 1999 dwar il-bżonn li s-sistema tar-riżorsi proprji ta' l-Unjoni Ewropea tkun modifikata u rriformata(4),

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tas-17 ta' Novembru 1999 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar is-sistema tar-riżorsi proprji ta' l-Unjoni Ewropea(5),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/597/KE, Euratom, tad-29 ta' Settembru 2000 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej(6),

–   wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni dwar l-operat tas-sistema tar-riżorsi proprji(COM(2004)0505) u l-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni Ġdida tal-Kunsill dwar ir-riżorsi proprji, akkumpanjata minn proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-miżuri ta' implimentazzjoni għall-korrezzjoni ta' żbilanċi fil-baġit skond l-Artikoli 4 u 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ta' (...) dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (COM(2004)0501) imressqa fl-14 ta' Lulju 2004,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2005 dwar Sfidi ta' Politika u Mezzi Baġitarji ta' Unjoni akbar 2007-2013(7),

–   wara li kkunsidra l-Istudju magħmul għall-Parlament Ewropew: Riżorsi Proprji: L-evoluzzjoni tas-sistema f'UE ta' 25, ippreżentat fit-30 ta' Ġunju 2005(8),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell tal-15 - 16 ta' Diċembru 2005,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej u d-dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni dwar il-kalkolu, l-iffinanzjar, il-ħlas u d-dħul fil-baġit tal-korrezzjoni ta' żbilanċi fil-baġit favur ir-Renju Unit ("il-korrezzjoni tar-Renju Unit") skond l-Artikoli 4 u 5 tad-Deċżjoni tal-Kunsill (...), Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej COM(2006)0099,

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu ta' l-4 ta' Lulju 2006 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar is-sistema tar-riżorsi proprji ta' l-Unjoni Ewropea(9),

–   wara li kkunsidra l-Istudju magħmul għall-Parlament Ewropew: Riżorsi Proprji ta' l-UE - Evalwazzjoni preliminari ta' l-ambitu għal taxxi ta' l-Istati Membri liema taxxi jkunu jappoġġjaw sistema ta' taxxa mifruxa ma' l-UE, ippreżentat f'Jannar 2007(10),

–   wara li kkunsidra l-laqgħat tal-Kumitat għall-Baġit mal-presidenti tal-kumitati għall-baġit tal-parlamenti nazzjonali li saru fis-16 ta' Ġunju 2005 u l-21 ta' Ġunju 2006,

–   wara li kkunsidra t-tweġibiet għal stħarriġ dwar ir-riżorsi proprji mibgħut mill-Kumitat għall-Baġit fit-30 ta' Novembru 2005 lill-kumitati għall-baġit tal-parlamenti nazzjonali kollha ta' l-Istati Membri,

–   wara li kkunsidra l-iskambji formali u informali ta' opinjonijiet bejn ir-rapporteur permanenti għar-riżorsi proprji u l-kumitati parlamentari relevanti, jew ir-rappreżentanti tagħhom, li saru matul l-2006 u l-2007 fuq stedina tal-parlamenti nazzjonali interessati fid-diskussjoni dwar din il-kwistjoni,

–   wara li kkunsidra r-riżultati miksuba fil-gruppi ta' ħidma dwar il-futur ta' l-iffinanzjar ta' l-Unjoni Ewropea, tal-Laqgħat Parlamentari Konġunti tat-8-9 ta' Mejju 2006 u l-4-5 ta' Diċembru 2006,

–   wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina tal-baġit u amministrazzjoni finanzjarja tajba(11), b'mod partikolari l-punt 8 tagħha, u Dikjarazzjoni Nru.3 dwar ir-reviżjoni tal-qafas finanzjarju, annessi ma' dik il-ftehima,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġit u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A6-0066/2007),

A.   billi l-ewwel Komunità Ewropea, il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar stabbilita fit-23 ta' Lulju 1952, kienet iffinanzjata minn sistema ġenwina ta' riżorsi proprji bbażata fuq taxxa imposta fuq kull tunellata ta' azzar prodott, li kienet titħallas direttament fil-baġit ta' l-ECSC mill-pajjiżi li jipproduċu l-faħam u l-azzar,

B.   billi, taħt it-Trattat ta' Ruma tal-25 ta' Marzu 1957, il-Komunità Ekonomika Ewropea kellha tkun finanzjata b'kontribuzzjonijiet nazzjonali għal perjodu transitorju biss li kellu jiġi segwit minn bidla għal sistema ta' riżorsi proprji,

C.   billi din il-bidla fl-aħħar seħħet fil-21/22 ta' April 1970 meta l-Kunsill Ewropew fil-Lussemburgu qabel dwar deċiżjoni li ttemm il-kontribuzzjonijiet nazzjonali u tintroduċi sistema ġdida ta' ffinanzjar bbażata fuq żewġ riżorsi proprji ġenwini - it-taxxi tal-biedja u d-dazji - ikkumplimentat mit-tielet riżorsa ibbażata fuq it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT),

D.   billi l-isforzi kollha tal-Parlament(12) sabiex jintuża r-ritorn attwali mill-VAT biex tiġi ddeterminata l-bażi ta' evalwazzjoni li għandha tintuża għar-riżorsa tal-VAT ("metodu tar-ritorn") minflok il-bażi armonizzata kkalkulata billi tiġi applikata rata medja aġġustata fuq it-total nett tad-dħul ("metodu tad-dħul") kien għal xejn, bir-riżultat li r-riżorsa tal-VAT inbidlet minn riżorsa proprja ġenwina b'konnessjoni b'saħħitha maċ-ċittadin Ewropew għal apparat purament statistiku għall-kalkolu tal-kontribut ta' Stat Membru,

E.   billi l-"Ftehima ta' Fontainbleau" konkluża mill-Kapijiet ta' l-Istat u tal-Gvern fil-25/26 Ġunju 1984 ddikkjarat b'mod ċar li "il-politika ta' l-infiq hija fl-aħħar mill-aħħar il-mezz essenzjali biex tinstab soluzzjoni għall-problema ta' żbilanċi baġitarji"; billi fl-istess ħin il-Kunsill Ewropew ħoloq "ir-roħs Brittanniku", mekkaniżmu ta' korrezzjoni għar-Renju Unit, li jistipula li mill-1985 'l quddiem, ir-Renju Unit għandu jirċievi 66% tad-differenza bejn il-sehem tiegħu tal-pagamenti tal-VAT u s-sehem tiegħu tan-nefqa allokata għal sena partikulari; billi l-ispiża ta' dan l-iskont kellu jkun iffinanzjat mill-Istati Membri kollha, b'ammont massimu fuq il-kontribut tal-Ġermanja; billi dan wassal li r-Renju Unit igawdi minn roħs fuq il-kontribut annwali tiegħu fil-baġit ta' l-UE li jammonta għal medja annwali ta' EUR 5.3 biljuni fil-perjodu 2001-2004,

F.   billi, fl-istess laqgħa għolja, il-Kapijiet ta' l-Istati u l-Gvern qablu wkoll, li bħala prinċipju u fiż-żmien xierq, għandu jkun jista' jgawdi mill-istess skont "kull stat membru li jġorr piż tal-baġit ikkunsidrat eċċessiv mal-prosperità relattiva tiegħu",

G.   billi fil-11 sat-13 ta' Frar 1988 il-Kunsill Ewropew fi Brussell stabbilixxa massimu għall-baġit Komunitarju ta' 1.2% tal-Prodott Gross Nazzjonali għall-pagamenti u ta' 1.3% għall-impenji u kkonferma li l-Istati Membri jistgħu jżommu 10% tad-dħul minn riżorsi proprji tradizzjonali sabiex ikopru l-ispejjeż ta' ġbir tagħhom,

H.   billi l-limitu tar-riżorsi propji żdied għal 1.24% tal-GNI ta' l-UE f'approprazjonijiet ta' ħlas u 1.31% f'approprjazzjonijiet ta' impenn fil-perjodu bejn l-1993 u l-1999, għal UE ta' 15-il Stat Membru, u baqa' ma nbidilx minn dak iż-żmien, minkejja t-tkabbir,

I.   billi, l-aktar importanti, il-Kunsill Ewropew ta' Brussell ta' l-1988 ħoloq ir-raba' riżors "addizzjonali" ibbażat fuq il-Prodotti Gross Domestiku li għandu jintuża jekk u meta l-ammont miġbur mill-VAT minn riżorsi proprji tradizzjonali ma jkunx biżżejjed sabiex ikopri l-impenji finanzjarji tal-Komunità,

J.   billi, bil-mogħdija taż-żmien, dan ir-riżors sar riżors prinċipali għall-baġit ta' l-Unjoni Ewropea, li huwa stmat li jakkonta għal 70% tad-dħul għas-sena finanzjarja 2007, filwaqt li r-riżorsa tal-VAT takkonta għal madwar 15% sabiex b'hekk is-sehem tar-riżorsi proprji tradizzjonali (dazji u taxxi agrikoli flimkien) naqas biss għal 15% tad-dħul,

K.   billi, d-deċiżjoni kurrenti dwar ir-Riżorsi Proprji tad-29 ta' Settembru 2000 daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 2002 u għandha bħala karatteristiċi ewlenin: limitu massimu tar-riżorsi proprji ta' 1.24% tad-Dħul Gross Nazzjonali (GNI) ta' l-Unjoni (ekwivalenti għal 1.27% tal-GDP) għal approprazzjonijiet ta' ħlas u 1.31% tal-GNI (ekwivalenti għal 1.335% tal-GDP) għal approprjazzjonijiet ta' impenn, konċessjoni għall-Istati Membri għan-nefqa tal-ġbir tar-riżorsi proprji tradizzjonali tagħhom ta' 25%, ir-rata massima ta' ġbir tal-VAT ta' 0.5%, bażi ta' taxxa fuq il-valur miżjud ta' l-Istati Membri ristretta għal 50% tal-GNP tagħhom ('capping' tal-bażi tal-VAT) u roħs favur wieħed mill-Istati Membri b'eċċezzjonijiet għal xi Stati Membri oħra dwar l-iffinanzjar ta' dan ir-roħs,

L.   billi, l-aktar proposta riċenti tal-Kummissjoni ppreżentata fl-2006 għandha l-għan li timplimenta d-deċiżjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell tal-15 u s-16 ta' Diċembru 2005 fil-qasam tar-riżorsi proprji li prinċiparjament huma kkaratterizzati miż-żieda ta' arranġamenti saħansitra aktar speċjali għal ċerti Stati Membri kontributuri netti, bħal rati tal-ġbir tal-VAT imnaqqsa jew tnaqqis gross tal-kontribuzzjonijiet annwali tal-GNI mal-lista ta' l-eċċezzjonijiet diġà eżistenti, biex b'hekk jiżdiedu l-komplessità u n-nuqqas ta' ftehim tas-sistema u jkompli jsaħħaħ l-kunċett bla viżjoni ta' żbilanċi baġitarji,

M.   billi, l-Kunsill Ewropew ġedded ukoll id-deċiżjoni li ttieħdet fl-2000 sabiex jiżdied il-premium tal-ġbir li għandu jinżamm mill-Istati Membri minn 10% għal 25% tar-riżorsi proprji tradizzjonali, minkejja l-fatt mhux dibattibbli li dan il-persentaġġ ma għandu l-ebda relazzjoni ma' l-ispejjeż kollettivi attwali ta' l-Istati Membri, jiffavorixxi l-Istati Membri li jiġbru sehem kbir mid-dazji, għad-detriment ta' dawk li ma jagħmlux hekk, u għalhekk għandu pjuttost jiġi kkunsidrat bħala forma oħra ta' roħs,

N.   billi l-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni ġdida dwar riżorsi proprji, għalkemm sadanittant ġiet aċċettata mill-Parlament(13), għadha imblukkata fil-Kunsill mill-Istati Membri li l-ewwel kienu favuriha iżda issa huma kontra li japplikawha huma stess,

O.   billi l-Parlament iqis li r-reviżjoni komprensiva tad-dħul u n-nefqa ta' l-UE li se sseħħ fl-2008/2009, kif stipulata fil-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bħala opportunità - li ma għandiex tintilef - sabiex immorru lura għas-sistema ġenwina iżda ġusta ta' riżorsi proprji fl-ispirtu tat-trattati li jsejsu l-Komunitajiet Ewropej,

P.   billi sa mill-bidu ta' l-2006 saru konsultazzjonijiet ma' dawk il-parlamenti nazzjonali li huma interessati li jiddiskutu din il-kwistjoni sabiex isir kull sforz biex tiġi stabbilita bażi parlamentarja komuni għal dan il-proċess ta' reviżjoni li ġej,

Q.   billi, s'issa, dawn il-konsultazzjonijiet ma kienux biss skambji sempliċi ta' opinjonijiet personali fost il-membri parlamentarji, minħabba l-fatt li ħafna partiti politiċi nazzjonali u parlamentarji għad ma kellhomx l-opportunità li jadottaw pożizzjoni uffiċjali dwar il-kwistjoni ta' riżorsi proprji,

R.   madankolu, billi permezz ta' dawn il-laqgħat kien possibbli li jiġu identifikati, fost dawk li qed jipparteċipaw, bosta oqsma ta' konsensus u objettiv kondiviż b'mod wiesa' li jinstab metodu ta' ħidma flimkien dwar il-futur ta' l-iffinanzjar ta' l-UE,

S.   billi, sadanittant, saret proposta mill-President ta' l-Assemblea Nazzjonali Portugiża sabiex tiġi organizzata, konferenza tal-presidenti tal-kumitati dwar il-baġit u l-finanzi tal-parlamenti nazzjonali u tal-Parlament Ewropew, iddedikata għar-riżorsi proprji ta' l-Unjoni u l-qafas finanzjarju, matul il-Presidenza Portugiża iktar tard fl-2007,

Nuqqasijiet fis-sistema attwali ta' ffinanzjar

1.  Jinnota li sistema fejn madwar 70% tad-dħul ta' l-Unjoni mhux ġej minn riżorsi proprji iżda ġej direttament mill-baġits nazzjonali permezz tar-riżors GNI, u 15% jiġi minn riżorsi bħal ma hu l-persentaġġ tar-rata tal-VAT li ma tistax titqies (minħabba l-mod ta' kif tiġi ddeterminata) li hija minn kull aspett riżors propju ta' l-UE, jitbiegħed mid-dispożizzjonijiet u l-ispirtu tat-Trattat ta' Ruma; jinnota li l-eżistenza ta' l-Unjoni Ewropea ġabet magħha żieda fil-kummerċ intrakomunitarju u żieda fil-"ġid" ta' l-Istati Membri, u għal din ir-raġuni l-UE hija intitolata bis-sħiħ li jkollha sistema ġenwina ta' riżorsi proprji minflok waħda alimentata mill-kontributi nazzjonali;

2.  Jenfasizza li kienu dawn il-"miżati ta' sħubija" li aċċentwaw id-dibattitu bla viżjoni dwar il-kontributur nett li ma jagħmilx ġustizzja lill-benefiċċji ta' l-Unjoni Ewropea f'dak li huma l-paċi, il-libertà, il-prosperità u s-sigurtà, irrelevanti mill-fatt li l-kunċett ta' "bilanċi baġitarji netti" għandu nuqqasijiet serji anke f'termini tekniċi u ma jippermettix li jkun hemm aktar minn approssimazzjonijiet puri; jenfasizza li la n-naħa tad-dħul ("l-impatt ta' Rotterdam") u lanqas in-naħa ta' l-infiq ("l-impatt tal-Lussemburgu") tal-bilanċi netti ma jirriflettu bis-sħiħ ir-realtà;

3.  Huwa konvint bis-sħiħ li s-sistema kurrenti tar-riżorsi proprji bbażata fuq il-kontribuzzjonijiet ta' l-Istati Membri hija inġusta fir-rigward tal-pubbliku ġenerali u anti-demokratika, u ma tgħinx sabiex l-impenn għall-integrazzjoni Ewropea jkun enfasizzat; barra minn hekk, tali sistema, peress li tagħmel kontribut lill-Unjoni Ewropea jidher bħala piż żejjed fuq il-baġits nazzjonali, ma tipprovdix lill-Unjoni b'biżżejjed fondi għall-politiki kollha tagħha jikkritika bil-qawwa l-possibilitajiet li qed jinħolqu għall-pajjiżi individwali sabiex jiffinanzjaw uffiċjalment biss il-politiki li għandhom interess fihom; jibża' li dan jista' jkun il-bidu tal-qerda tal-valuri li kkaratterizzaw is-suċċess ta' l-Unjoni Ewropea f'dawn l-aħħar 50 sena;

4.  Jenfasizza li s-sistema kurrenti, bl-erba' riżorsi differenti tagħha u d-diversi mekkaniżmi differenti tar-roħs, sew jekk ikun ġenerali favur Stat Membru wieħed bħar-roħs Britanniku u sew jekk ikun roħs speċjali bħal roħs li jiffinanzja roħs ieħor, hija kumplessa ħafna, għandha nuqqas ta' trasparenza u ma tinftihem xejn maċ-ċittadini Ewropej; jenfasizza li s-sistema ma tikkontribwixxi xejn sabiex jintlaħqu r-rekwiżiti li jistabbilixxu rabta diretta bejn l-Unjoni u ċ-ċittadini tagħha;

5.  Jinnota li r-rekwiżit ta' l-unanimità fid-deċiżjonijiet dwar "ir-riżorsi proprji" u l-"oqfsa finanzjarji" tagħmel ir-riżultat tan-negozjati f'dawn l-oqsma dipendenti fuq il-volontà tajba u l-possibilitajiet finanzjarji ta' anki dawk l-Istati Membri li l-anqas għandhom interess, kemm għonja jew foqra; mhux sorpriż li r-riżultati huma ħafna drabi diżappuntanti;

6.  Jattribbwixxi din is-sistema difettuża għan-nuqqasijiet tal-ftehima tal-Kunsill Ewropew dwar il-Qafas Finanzjarju l-ġdida 2007-2013 li sar waqt il-laqgħa għolja Ewropea ta' Brussell tal-14 u l-15 ta' Diċembru 2005; jemmen li l-pakkett finanzjarju miftiehem, bid-diversi eċċezzjonijiet li għandu fin-naħa tad-dħul tiegħu u fl-għotjiet ta' kumpens lil ċertu Stati Membri fin-naħa ta' l-infiq tiegħu, huma l-iktar prova ċara tal-falliment totali tas-sistema kurrenti; iqis mhux aċċettabbli li l-Istati Membri kollha qablu fuq attivitajiet importanti tal-Komunità, bħall-programm Galileo jew in-netwerks Transewropej, u li ffissaw miri ambizzjużi, bħal ngħidu aħna fir-rigward ta' l-objettivi ta' Goteborg u ta' Liżbona jew l-Għanijiet tal-Millenju, li issa ħadd ma jrid jiffinanzjhom;

7.  Jiddeplora l-fatt li l-Kunsill Ewropew ta' Brussell minflok ħoloq sistema aktar sempliċi u trasparenti, għamilha aktar kumplikata u mhux ċara billi ħalla l-korrezzjoni tar-Renju Unit, "ir-roħs Brittannikku", intatt fil-prinċipju u żied aktar derogi u korrezzjonijiet ta' benefiċċju għal Stati Membri oħra;

8.  Jinnota li kieku d-Deċiżjoni ta' Edinburgu ta' l-1988 li stabbilixxiet limitu massimu ta' 1.24% tal-GNI għar-riżorsi proprji ġiet użata kollha, il-baġit tal-Komunità kien jikseb 0.2% tal-GNI kull sena għal dawn l-aħħar 13-il sena, li huma ekwivalenti għal żieda ta' madwar EUR 240 biljun; iqis li dawn il-fondi li ġew adottati unanimament mill-Istati Membri skond proposta tal-Presidenza Britannika, huma neċessarji sabiex jippermettu lill-Unjoni Ewropea li taġixxi skond l-isfidi u l-poteri tagħha li dejjem jiżdiedu , partikularment fir-rigward ta' l-irwol tagħha fid-dinja, ta' l-isforzi biex jintlaħqu l-objettivi ta' Liżbona (l-innovazzjoni, l-edukazzjoni, ir-riċerka, l-infrastruttura u l-impjieg) jew kif miftiehem fit-Trattati ta' Maastricht, ta' Amsterdam u ta' Nizza, mingħajr ma nsemmu l-abbozz tal-Kostituzzjoni u għal Unjoni ta' 27 Stat Membru;

9.  Jissottolinea li mill-1995, il-Baġit Ewropew żdied biss bi 8.2% f'termini reali u s-sehem tiegħu fil-GNI naqas, filwaqt li fl-istess ħin il-baġits nazzjonali żdiedu b'medja ta' 23%, jiġifieri kważi bi tliet darbiet aktar;

L-ewwel fażi tar-riforma: sistema mtejba ta' kontributi nazzjonali

10.  Jirrikonoxxi l-fatt li kwalunkwe riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji se tkun eżerċizzju sensittiv u diffiċli, li għandu jitwettaq bl-involviment tal-parlamenti ta' l-Istati Membri; jitlob għalhekk li jkun hemm approċċ gradwali li jista' jiġi introdott f'żewġ stadji iżda li għandu jagħmel parti minn deċiżjoni waħda minħabba l-fatt li l-proċedura kumplessa tal-Komunità tagħmilha impossibbli li jittieħdu żewġ deċiżjonijiet fi żmien relattivament qasir. L-ewwel fażi provviżorja u transizzjonali twassal għal titjib tas-sistema kurrenti tal-kontribuzzjonijiet nazzjonali u li għaliha għandhom japplikaw il-prinċipji politiċi li ġejjin:

   - l-ugwaljanza bejn l-Istati Membri
   - is-sempliċità tal-preżentazzjoni kemm għar-rappreżentanti eletti u kemm għaċ-ċittadini
   - is-solidarjetà u d-dinjità ugwali fost l-Istati Membri
   - it-twaqqif ta' rabta politika bejn riforma tad-dħul u reviżjoni ta' l-infiq minħabba li hija diġà inkluża fil-Ftehima Interistituzzjonali;

L-ugwaljanza bejn l-Istati Membri

11.  Jiddefinixxi "l-ugwaljanza bejn l-Istati Membri" permezz tan-nuqqas ta' kwalunkwe privileġġ baġitarju għal kwalunkwe Stat Membru; jammetti li jista' jkun diffiċli għal ċertu Stati Membri li jiftiehmu li jirrinunċjaw għal storja twila ta' arranġamenti speċjali fuq in-naħa tad-dħul u ta' ċertu distribuzzjoni ta' nfiq li jistgħu jiġġustifikaw kwalunkwe riforma biss jekk tkun applikata b'mod progressiv ("tneħħija gradwali" tas-sistema l-antika); madanakollu jirrifjuta, li jaċċetta l-istorja twila ta' arranġamenti baġitarji speċjali bħala argument favur iż-żamma ta' sistema li, ladarba r-riformi meħtieġa jkunu saru, ma tibqax ġustifikabbli;

Is-sempliċita tal-preżentazzjoni

12.  Jenfasizza l-importanza li s-sistema mtejba tkun ippreżentata bl-aktar mod sempliċi possibbli sabiex tkun tinftiehem u tkun trasparenti għaċ-ċittadini Ewropej; jiddeplora preżentazzjonijiet li ma jinftehmux ta' deċiżjonijiet li jaffetwaw il-ħajja taċ-ċittadini Ewropej kollha, bħall-konklużjonijiet tal-presidenza dwar il-finanzi ta' l-UE tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell ta' Diċembru ta' l-2005;

Is-solidarjetà u d-dinjità ugwali fost l-Istati Membri

13.  Jitlob sabiex ikun hemm salvagwardja tal-prinċipji ta' solidarjetà u dinjità ugwali fost l-Istati Membri; jikkunsidra li dawn il-prinċipji qed ikunu mminati mis-sistema kurrenti ta' riżorsi proprji li biha xi wħud jibbenefikaw mill-kumpensi filwaqt li oħrajn jistgħu jiksbu kumpens biss jekk jinnegozjaw fil-laqgħat tal-Kunsill Ewropew; ifakkar li, mis-46 Artikoli fil-konklużjonijiet tal-presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell ta' l-2005 li jiddeterminaw in-nefqa fl-Intestatura 1b ġdida - Koeżjoni għat-Tkabbir u l-Impjiegi, 20 huma "Dispożizzjonijiet Addizzjonali" li jagħtu "Rigali tal-Milied" b'xejn lill-Istati Membri jew reġjuni varji(14);

Il-konnessjoni politika bejn ir-riforma tad-dħul u l-infiq

14.  Huwa konvint li r-rabta politika bejn riforma tad-dħul u reviżjoni ta' l-infiq hija inevitabbli u perfettament raġjonevoli, speċjalment sakemm il-loġika ta' l-iffinanzjar tal-linji politiċi tal-Komunità permezz ta' dħul li ġej minn baġits nazzjonali għadha l-prinċipju li tigwida lill-Unjoni;

Il-karattru proviżorju u tranżizzjonali tas-sistema

15.  Jinnota li kwalunkwe sistema attwali mtejba bħala l-ewwel stadju tal-metodu b'żewġ fażijiet li ġie propost għandha tkun ikkunsidrata bħala proviżorja u tranżizzjonali minħabba d-dgħjufija fonda tas-sistema ta' kontributi ta' l-Istati Membri li jagħmluha politikament mhux sostenibbli;

16.  Madankollu, jaqsam l-istess ħsieb tal-Qorti Ewropea ta' l-Awdituri(15) li huwa diffiċli ħafna li tinkiseb riforma fil-fond tas-sistema tar-riżorsi proprji jekk id-diskussjoni ta' riforma bħal din tkun ikkumbinata direttament ma' negozjati rigward limiti massimi finanzjarji u rigward l-ammonti li għandhom jintefqu għall-politiki tal-Komunità f'qafas finanzjarju plurijennali, kif kien il-każ kemm-il darba fid-diskussjonijiet tal-Kunsill Ewropew fil-passat;

Rakkomnadazzjonijiet għal sistema mtejba ta' kontributi nazzjonali
Il-proposti Schreyer

17.  Ifakkar li diġà saru proposti għat-titjib tas-sistema attwali ta' iffinanzjar, per eżempju, dawk imressqa mill-Kummissarju Michaele Schreyer f'Lulju 2004(16) skond liema:

   - kull Stat Membru, mingħajr kunsiderazzjoni tal-ġid li għandu, huwa intitolat għal 'rebate' li jiġi fis-seħħ meta l-kontribut tiegħu għall-baġit ta' l-UE jilħaq limitu ta' 0.35% tal-GNI,
   - ir-rimbors għandu jkun f'forma ta' 66% tnaqqis fil-kontribuzzjoni netta ta' Stat Membru, u
   - ir-rimbors globali massimu disponibbli għar-roħs kollu ikun stabbilit għal EUR7.5 biljuni kull sena;

18.  Jammetti li uħud mill-aspetti tal-proposti Schreyer marru fid-direzzjoni t-tajba sa fejn kienu se jagħmlu s-sistema ftit aktar trasparenti billi mill-anqas jabolixxu l-prinċipju ta' rroħs fuq ir-roħs jew għax kien ikollhom kumpensi jew korrezzjonijiet limitati - u bil-punt l-aktar pożittiv ikun dak li ġew ikkonċepiti biss bħala sistema tranżizzjonali sa l-2014;

19.  Huwa konvint madanakollu li l-ġeneralizzazzjoni tar-roħs anke meta dan ikun akkumpanjat minn limitu massimu għall-bilanċi baġitarji netti, se jkun żball doppju minħabba li dan se jsaħħaħ il-karatteristiċi mhux komunitarji tas-sistema u se jiffinalizza b'mod konkret l-approċċ bla viżjoni ta' "juste retour" kwantifikat; jinsisti li l-unika soluzzjoni possibbli hija t-tneħħija darba għal dejjem tas-sistema tal-bilanċi netti b'mod parallel ma' riforma fix-xejriet ta' l-infiq; jenfasizza li dak li jwarrabb fuq naħa l-infiq Ewropew minn oħrajn huwa preċiżament il-valur miżjud tiegħu bbażat fuq il-prinċipju tas-solidarjetà finanzjarja;

Il-kwistjoni tan-nefqa strutturali u ta' koeżjoni

20.  Jiċħad kategorikament l-idea inkluża fi proposti ta' riformi oħra li jeskludu n-nefqa strutturali u ta' koeżjoni mill-komputazzjonijiet kollha bl-iskop li jiġu stabbiliti l-kontributi ta' l-Istati Membri jew 'roħs' fuq dawn il-kontributi minħabba li tali pass jġib differenza bejn infiq "nobbli" u infiq "suspettuż", u b'hekk jiftaħ bieb għall-Unjoni Ewropea à la carte fejn il-linji politiċi jkunu fl-aħħar mill-aħħar iffinanzjati biss mill-Istati Membri li għandhom interess fihom;

Konklużjoni

21.  Jinnota li l-proposta mressqa mill-Finlandja f'April 2004 dwar li s-sistema attwali ta' finanzjament ta' l-Unjoni Ewropea għandha tinbidel, filwaqt li tħalli f'posthom ir-riżorsi proprji tradizzjonali, ma' sistema bbażata fuq GNI, billi tieħu ishma tal-GNI bħala l-bażi tal-kontributi ta' l-Istati Membri lejn ir-riżorsi proprji ta' l-Unjoni, billi tabolixxi r-riżorsa tal-VAT fil-forma attwali tagħha, għaliex hija biss bażi matematika għall-kalkolu tal-kontributi nazzjonali, u gradwalment tnaqqas ir-roħs Brittanniku għal żero sa l-2013;

22.  Jissottolinea l-fatt li din is-sistema għandu jkollha l-vantaġġi li hija sempliċi u trasparenti u li tikkostitwixxi possibbilità ta' pass 'l quddiem lejn l-istabbiliment ta' sistema ġenwina ta' riżorsi proprji għall-Unjoni u li l-Istati Membri kollha li fil-mument jikkontribwixxu għar-roħs tar-Renju Unit jibbenefikaw, kif ukoll jagħmel ir-Renju Unit innifsu, permezz tat-tneħħija tar-riżorsa tal-VAT fil-forma kurrenti tiegħu jenfasizza li dan ma jippreġudikax l-inklużjoni fit-tul tal-VAT mibdula fl-iffinanzjar ta' l-Unjoni Ewropea;

23.  Jirrikonoxxi li r-riżors tal-GNI hu inqas viżibbli għaċ-ċittadini iżda ekwitabbli fir-relatazzjoni tal-kontribuzzjoniijiet mal-livell ġenerali tal-prosperità ta' l-Istati Membri u ta' l-espressjoni ta' solidarjetà bejniethom;

24.  Huwa konxju mill-fatt li ftehima dwar sistema ġdida ta' ffinanzjar fuq il-linji tal-proposta Finlandiża hija politikament aċċettabbli biss fi ħdan il-qafas ta' proċess globali ta' negozjar li jinkludi wkoll in-nefqa; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra s-sistema bbażata fuq il-GNI deskritta hawn fuq kull meta tressaq xi proposti ġodda dwar id-dħul ta' l-UE bħala segwitu tal-proċess ta' reviżjoni kif stipulat fil-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006;

25.  Jisħaq li r-rabta bejn id-dħul u l-infiq għandha tifforma aspett mill-kunsiderazzjonijiet dwar il-bidla għas-sistema l-ġdida; jirrifjuta kull attentat sabiex il-Politika Komuni Agrikola terġa' tiġi nazzjonalizzata;

26.  Jirrakkomanda li l-ewwel fażi tar-riforma għandha tibda immedjatament wara r-ratifikazzjoni tal-ftehima li għad trid tintlaħaq; filwaqt li s-sistema ta' kontributi nazzjonali tibqa' kif inhi, tista' ssir iktar sempliċi, trasparenti u fi proporzjon assolut mal-ġid relattiv ta' kull Stat Membru; madanakollu jenfasizza n-natura temporanja ta' fażi bħal din, fis-sens li l-uniku għan tagħha jkun li jkun hemm preparazzjoni għall-introduzzjoni ta' sistema ġenwinamwent ġdida ta' riżorsi proprji;

It-tieni fażi tar-riforma: sistema ġdida ta' riżorsi proprji

27.  Jikkonferma l-opinjonijiet li esprima aktar kmieni, li l-iskop tar-riforma tad-dħul tal-Komunità, se jkun il-ħolqien ta' riżors ġenwin proprju għall-Unjoni Ewropea sabiex jieħu post il-mekkaniżmi eżistenti; ifakkar li dan l-objettiv u l-proposti sabiex dan jintlaħaq mhumiex revoluzzjonarji iżda jfittxu li jqanqlu mill-ġdid l-ispirtu tat-trattati li jwaqqfu l-Unjoni Ewropea;

28.  Iqis il-prinċipji li ġejjin, li dehru fil-kuntatti kollha mal-parlamenti nazzjonali bħala l-qofol ta' kwalunkwe sistema ta' riżorsi proprji futura:

   - Rispett sħiħ tal-prinċipju tas-sovranità fiskali ta' l-Istati Membri
   - Newtralità fiskali
   - L-ebda tibdil għall-ordni ta' kobor tal-baġit ta' l-UE
   - Dħul fis-seħħ progressiv tas-sistema l-ġdida
   - Ħolqien ta' rabta politika ċara bejn riforma tad-dħul u riforma ta' l-infiq;

Rispett sħiħ tas-sovranità fiskali ta' l-Istati Membri,

29.  Iqis li, kif imsemmi fit-Trattati u fl-abozz tal-Kostituzzjoni, is-sovranità fiskali se tibqa ma' l-Istati Membri, li jistgħu, madanakollu, jawtorizzaw lill-Unjoni għal perjodu limitat li jista' jiġi rrevokat fi kwalunkwe ħin, sabiex tibbenefika direttament minn ċertu sehem ta' taxxa kif inhu l-każ fil-maġġoranza ta' l-Istati Membri li għandhom awtoritajiet reġjonali jew lokali;

Newtralità fiskali

30.  Jinsab konvint li, meta l-kundizzjonijiet ikunu l-istess, is-sistema l-ġdida la għandha żżid in-nefqa pubblika inġenerali u lanqas għandha żżid it-taxxi fuq iċ-ċittadini; jikkonkludi li, jekk sistema ġdida talloka taxxa b'mod dirett u viżibbli għaċ-ċittadini, parzjalment jew kompletament, lill-Unjoni Ewropea, ikollu jsir tnaqqis ekwivalenti x'imkien ieħor; jissuġġerixxi li l-qrati ta' l-awdituri nazzjonali u l-Qorti ta' l-Awdituri Ewropea għandhom ikunu mistiedna jiċċekkjaw u jiggarantixxu konformità ma' dan il-prinċipju;

31.  Iqis li l-iżvilupp ta' sistema ġdida ta' riżorsi proprji għandha tqis l-isforzi ta' l-Istati Membri sabiex jikoordinaw il-politiki tagħhom fil-qasam ta' tassazzjoni;

L-ebda tibdil għall-ordni ta' kobor tal-baġit ta' l-UE iżda li jkun hemm biżżejjed dħul baġitarju għall-UE sabiex jissodisfa l-prijoritajiet politiċi ta' l-UE

32.  Fil-mument ma jara ebda bżonn li jinbidel il-massimu ta' 1.24% tal-GNI li diġà jippermetti li jkun hemm marġni ta' manuvrar imdaqqas; ifakkar li l-ebda baġit qatt ma ġie viċin dan il-limitu massimu miftiehem mill-Istati Membri nfushom fl-1992 waqt il-Presidenza Ingliża, bl-approprjazzjonijiet għal ħlas jilħqu l-livell massimu tagħhom ta' 1.18% tal-GNP fl-1993; jenfasizza li minkejja li l-qafas finanzjarju jipprevedi persentaġġ ta' 1.045% tal-GNI għas-snin 2007-2013, l-ewwel baġit ta' dan il-perjodu kien adottat f'livell baxx ta' 0.99% tal-GNI;

Dħul fis-seħħ progressiv tas-sistema l-ġdida

33.  Jitlob li jkun hemm introduzzjoni gradwali tas-sistema l-ġdida li se tibda fl-2014; huwa favur li jkun hemm perjodu tranżizzjonali sabiex tkun garantita t-tneħħija mingħajr ħafna problemi tas-sistema finanzjarja l-antika bl-arranġamenti storiċi speċjali kollha tagħha;

Ħolqien ta' rabta politika ċara bejn riforma tad-dħul u riforma ta' l-infiq;

34.  Juri li riforma fl-istruttura tad-dħul ta' l-UE u riforma fl-istruttura tan-nefqa ta' l-UE għandhom jimxu id f'id, kif maħsub fid-Dikjarazzjoni Nru 3 annessa mal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006;

35.  Jinnota li sistema ta' riżorsi proprji li tiżgura l-evoluzzjoni tad-dħul baġitarju ta' l-UE wara t-tkabbir tal-ġid fl-Istati Membri ser ittejjeb il-klima politika tat-teħid ta' deċiżjonijiet baġitarji, u tippermetti lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet sabiex jikkonċentraw fuq prijoritajiet li għandhom valur miżjud għall-UE minflok ta' nnegozjar dwar livelli ta' nfiq;

36.  Jilqa' l-inizzjattiva mnedija mil-laqgħat konġunti tal-Parlament Ewropew u tal-Parlamenti ta' l-Istati Membri bil-għan li jinġabar flimkien grupp speċjali ta' ħidma dwar ir-riżorsi proprji; jikkunsidra li djalogu mal-parlamenti ta' l-Istati Membri huwa essenzjali jekk għandu jsir kwalunkwe progress fir-riforma tar-riżorsi proprji;

Għażliet possibbli għall-futur

37.  Itenni li, fil-kuntatti mal-parlamenti nazzjonali ta' l-Istati Membri, ħafna kkunsidraw li għadu ma wasalx iż-żmien għal taxxa Ewropea ġdida fuq medda ta' żmien qasir; jenfasizza, madanakollu, li dan ma jeskludix il-possibilità li, jekk u meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jiġbru taxxi ġodda, huma jistgħu fl-istess waqt, jew fi stadju aktar tard, jiddeċiedu li jawtorizzaw lill-Unjoni sabiex tibbenefika direttament minn dawn it-taxxi ġodda;

38.  Jenfasizza, madanakollu, li jkun vitali li f'tieni fażi jiġi eżaminat il-ħolqien ta' sistema ġdida ta' riżorsi proprji bbażata fuq taxxa li diġà teżisti fl-Istati Membri, l-idea hija li din it-taxxa, parzjalment jew kompletament, tgħaddi direttament fil-baġit ta' l-UE bħala riżors proprju ġenwin, u għalhekk tiġi stabbilita rabta diretta bejn l-Unjoni u dawk li jħallsu t-taxxa fl-Ewropa; jirrimarka li dan iservi wkoll biex ikun hemm aprossimazzjoni tal-liġijiet nazzjonali; jenfasizza li din it-tip ta' soluzzjoni se tfisser biss pass lura lejn il-prinċipju stipulat fit-Trattat ta' Ruma, li permezz tiegħu l-infiq Ewropew għandu jkun iffinanzjat mir-riżorsi proprji Ewropej;

39.  Ifakkar li t-taxxi kandidati sħaħ jew parti minnhom li tqiesu għal dan l-iskop matul l-iskambji ta' opinjonijiet mal-parlamenti nazzjonali jew fir-rapporti tal-Kummissjoni dwar ir-riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji jinkludu dawn li ġejjin:

   - il-VAT
   - it-taxxa tas-sisa fuq il-karburant tal-magni għat-trasport u taxxi oħra fuq l-enerġija
   - it-taxxa tas-sisa fuq it-tabakk u l-alkoħol
   - it-taxxi fuq il-qligħ tal-kumpaniji;

40.  Jinnota li fid-diskussjonijiet fil-Parlament Ewropew ġew esplorati possibilitajiet oħra bħal:

   - taxxi fuq negozji u sigurtajiet
   - it-taxxi fuq servizzi ta' trasport u telekomunikazzjoni
   - it-taxxa fuq id-dħul
   - il-'withholding tax' fuq l-interessi
   - profitti ta' l-ECB (seigniorage);
   - l-'ecotax'
   - taxxa fuq transazzjonijiet fil-munita
   - taxxi fuq it-tifdil
   - taxxi fuq transazzjonijiet finanzjajri ;

41.  Iqis li l-fatt dwar kemm sistema ġdida ta' riżorsi proprji hija xierqa għandu jkun iġġudikat skond il-kriterji li ġejjin:

   - Suffiċjenza: Id-dħul ikun biżżejjed sabiex ikopri l-infiq ta' l-Unjoni Ewropea għal tul ta' żmien?
   - Stabbilità: Is-sistema se twassal għal dħul stabbli għall-baġit ta' l-UE?
   - Viżibilità u sempliċità: Tkun viżibbli għaċ-ċittadini ta' l-UE u tkun tinftiehem minnhom?
   - Spejjeż baxxi ta' operat: Is-sistema tkun sempliċi sabiex tiġi amministrata u tkun tinvolvi spejjeż baxxi għall-konformità?
   - Allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi: Is-sistema twassal għal allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi fl-UE?
   - Ekwità vertikali: Tkun tinvolvi distribuzzjoni mill-ġdid tad-dħul?
   - Ekwità orizzontali: Ikollha l-istess impatt fuq min iħallas it-taxxa b'mod ekwivalenti fl-UE?
   - Kontribuzzjonijiet ġusti: Ir-riżorsa tiġbor dħul mill-Istati Membri skond is-saħħa ekonomika tagħhom?

42.  Jesprimi x-xewqa li jkompli l-istudju ta' dawn l-għażliet b'koperazzjoni mill-qrib mal-parlamenti nazzjonali qabel jieħu pożizzjoni aħħarija; jagħti prijorità għolja għall-istabbilliment, possibbilment waqt il-Presidenza Portugiża, ta' bażi komuni għad-diskussjoni f'dak li jirrigwarda r-reviżjoni li ġejja tad-dħul ta' l-UE; jagħmel kull sforz sabiex tittieħed pożizzjoni dwar il-futur tar-riżorsi proprji ta' l-UE li jistgħu jkunu appoġġjati minn maġġoranza tal-parlamenti ta' l-Stati Membri;

43.  Jikkunsidra li din ir-riżoluzzjoni hija l-ewwel bażi, imma waħda soda, fuq liema għandhom isiru aktar sforzi sabiex tinstab sistema ġdida aktar ġusta u aktar trasparenti għall-iffinanzjar ta' l-Unjoni Ewropea; għandu l-intenzjoni li jiddiskuti u jadotta l-pożizzjoni finali tiegħu dwar sistema ġdida ta' riżorsi proprji għall-Unjoni Ewropea, f'biżżejjed żmien sabiex tkun ikkunsidrata fid-deliberazzjonijiet rigward ir-reviżjoni komprensiva tad-dħul u l-infiq ta' l-UE kif miftiehem fil-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006;

o
o   o

44.  Jagħti istruzzjonijiet lill President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u l-Anness tagħha lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri.

(1) ĠU C 324, 24.12.1990, p. 243.
(2) ĠU C 128, 9.5.1994, p. 363.
(3) ĠU L 293, 12.11.1994, p. 9.
(4) ĠU C 175, 21.6.1999, p. 238.
(5) ĠU C 189, 7.7.2000, p. 72.
(6) ĠU L 253, 7.10.2000, p. 42.
(7)7 ĠU C 124 E, 25.5.2006, p. 373.
(8) Studju magħmul mill-Grupp ta' Studju għall-Politiki Ewropej (SEP), ara wkoll l-Anness: Kummenti dwar l-adegwatezza tad-dħul ta' taxxi possibbli ta' l-UE, 30 ta' Awwissu 2005.
(9) Testi adottati, P6_TA(2006)0292.
(10) Studju magħmul minn Deloitte u Touche: Rapport tat-Tieni Fażi - Abbozz preliminari, 12 ta' Jannar 2007.
(11) ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
(12) Per eżempju ir-Rapport Cornelissen: Parlament Ewropew 1985: "Jista' l-Parlament jittollera l-fatt li d-dħul mill-VAT qieghed dejjem iżjed jiġi ridott għal kontribuzzjoni finanzjarja nazzjonali wara l-abbandun meħtieġ tal-prinċipju ta' rata ta' VAT uniformi u jista' huwa jaċċetta li l-istabbiliment tal-bażi uniformi tal-VAT tiġi fl-aħħar mill-aħħar ridotta għal evalwazzjoni statistika? ... Jew għandu jsir kull sforz, b'rabta mal-kalkolu tal-VAT, biex terġa titqajjem is-sistema ta' riżorsi proprji tal-Komunitajiet u l-awtonomija finanzjarja tal-Komunità li hija dipendenti fuq dan?"
(13) Testi adottati ta' l-4.7.2006, P6_TA(2006)0292.
(14) Ara l-Anness għal din ir-riżoluzzjoni.
(15) Ara l-paragrafu 18 ta' l-opinjoni Nru 2/2006 (ĠU C 203, 25.8.2006, p. 50).
(16) "Rapport Schreyer": COM(2004)0505 u COM(2004)0501 ta' l-14 ta' Lulju 2004.


ANNESS

Eċċezzjonijiet imdaħħla mill-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2005 dwar il-parti tal-baġit dwar l-infiq u d-dħul, viz.:

Indikati għal Proġetti:

· EUR 865 miljun għall-impjant ta" l-enerġija nukleari ta" Ignalina (LIT) u 375 miljun għall-impjant ta" l-enerġija nukleari ta" Bohunice (SLK)

· 200 miljun għall-proċess ta" paċi fl-Irlanda tan-Nord (UK)

Indikati għar-Reġjuni

· 879 miljun għal ħames reġjuni Pollakki ta" l-Objettiv 2 (EUR 107 għal kull ċittadin)

· 140 miljun għal reġjun Ungeriż (Közép-Magyarország)

· 200 miljun għal Praga

· appoġġ għat-"tneħħija gradwali" għal Reġjun Finlandiż u għal Madeira, li oriġinalment kienu reġjuni ta" "dħul gradwali"

· 100 miljun għall-Gżejjer Kanarji

· 150 miljun għar-reġjuni tal-fruntieri ta" l-Awstrija

· 75 miljun għall-Bavarja

· 50 miljun għal Ceuta u Melilla (ES)

· 225 miljun għal-Länder fil-lvant tal-Ġermanja

· 136 miljun għar-reġjuni l-iktar remoti (EUR 35 għal kull ċittadin)

· 150 miljun għar-reġjuni Svediżi fl-Objettiv "Kompetittività u Impjiegi"

Fondi Speċjali għall-Istati Membri

· rata ta" assorbiment għall-Polonja tiżdied b"4%

· appoġġ ta" "dħul gradwali" għal Ċipru, minkejja li qatt ma kienet reġjun ta" l-Objettiv 1

· 2 000 miljun għal Spanja, li għandu jiġi maqsum b'mod liberu bejn l-Objettivi tal-Fond Strutturali

1 400 miljun għall-Italja (distribuzzjoni definita minn qabel)

· fondi speċjali għall-iżvilupp rurali fil-Portugall (320 miljun) mingħajr kofinanzjar

Kundizzjonijiet Speċjali għall-Iffinanzjar tal-Baġit

· ir-rata tal-ġbir għall-kontribut tal-VAT għal riżorsi proprji titnaqqas b"25% għall-Awstrija

· ir-rata tal-ġbir għall-kontribut tal-VAT għal riżorsi proprji titnaqqas b"50% għall-Ġermanja

o 1 350 miljun għall- Awstrija

20 miljun għal- Lussemburgu

o 460 miljun għall- Finlandja

o 100 miljun għal- Franza

o 500 miljun għall- Irlanda

o 820 miljun għall- Iżvezja

o 500 miljun għall- Italja

o 320 miljun għall- Portugall

· ir-rata tal-ġbir għall-kontribut tal-VAT għal riżorsi proprji titnaqqas b"66% għall-Iżvezja u għall-Olanda

· L-Olanda tirċievi 4 230 miljun (GNI "riżorsi proprji")

· L-Iżvezja tirċievi 1 050 miljun (GNI "riżorsi proprji")

it-tnaqqis għar-Renju Unit jinżamm, ċerti pagamenti ta" dħul gradwali għall-Istati Membri l-ġodda jitnaqqsu minnu

· 100 miljun għal Franza (Objettiv: "Kompetittività u Impjiegi Reġjonali")

· 47 miljun għall-Estonja (EUR 35 għal kull ċittadin)

· 81 miljun għal-Litwanja (EUR 35 għal kull ċittadin)

· pagamenti addizjonali mill-iżvilupp rurali:

Kundizzjonijiet Speċjali

· apoġġ miżjud b"50% għall-fruntieri esterni ta" qabel lill-ROM u lill-BLF, meta mqabbel ma" l-appoġġ regolari għal reġjuni tal-fruntieri

· Kofinanzjar privat jista" jiġi inkluż għal proġetti appoġġjati mill-Fond Strutturali ta' l-Istati Membri l-ġodda (GDP per capita <85% tal-medja ta" l-UE) u l-Länder tal-lvant tal-Ġermanja

· fl-Istati Membri l-ġodda (<85%), il-VAT tista' tiġi kkunsidrata nefqa eliġibbli għal proġetti tal-Fond Strutturali

Kundizzjonijiet Speċjali fil-Bażi Legali

· tbegħid mir-regola "n+2" għall-Istati Membri l-ġodda (<85%) fl-2007-2010

· proġetti ta" bini huma eliġibbli għal appoġġ fl-Istati Membri l-ġodda (EU10 + ROM, BLG)

20% tal-fondi mill-ewwel pilastru (Agrikoltura) jistgħu jintużaw minn kull pajjiż għall-iżvilupp rurali, mingħajr ma jitqiesu regoli ġenerali bħall-kofinanzjar

Avviż legali - Politika tal-privatezza