Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2608(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0347/2008

Testi mressqa :

B6-0347/2008

Dibattiti :

PV 09/07/2008 - 16
CRE 09/07/2008 - 16

Votazzjonijiet :

PV 10/07/2008 - 5.7
CRE 10/07/2008 - 5.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0364

Testi adottati
WORD 73k
Il-Ħamis, 10 ta' Lulju 2008 - Strasburgu Verżjoni finali
Is-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe
P6_TA(2008)0364B6-0347/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-10 ta' Lulju 2008 dwar is-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar iż-Żimbabwe, partikolarment dik ta' l-24 ta' April 2008(1) ,

–   wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/135/PESK(2) tat-18 ta' Frar 2008, li ġġeddet il-miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe sa l-20 ta' Frar 2009, imposti skond il-Pożizzjoni Komuni 2004/161/PESK(3) ,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar iż-Żimbabwe adottati fid-29 ta' April 2008 u fis-26-27 ta' Mejju 2008,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni dwar l-elezzjoni li kienet għadha se ssir fiż-Żimbabwe, adottata mill-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli (il-Kummissjoni Afrikana) li ltaqgħet waqt it-43 Sessjoni Ordinarja tagħha f'Ezulwini, ir-Renju tas-Sważiland bejn is-7 u t-22 ta' Mejju 2008,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Missjoni Parlamentari ta' Osservazzjoni ta' l-Elezzjoni Pan-Afrikana tad-29 ta' Marzu 2008 dwar l-armonizzazzjoni ta' l-elezzjonijiet fir-Repubblika taż-Żimbabwe,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tad-19-20 ta' Ġunju 2008, li emfasizzaw il-prontezza ta' l-UE biex tadotta miżuri addizzjonali kontra dawk responsabbli għall-vjolenza,

–   wara li kkunsidra l-istqarrija interim tal-Missjoni ta' Osservazzjoni ta' l-Elezzjoni tal-Komunità għall-Iżvilupp ta' l-Afrika tan-Nofsinhar (SADC) dwar il-ballottaġġ presidenzjali fiż-Żimbabwe u ta' l-elezzjonijiet parzjali tal-Kamra ta' l-Assemblea tad-29 ta' Ġunju 2008,

–   wara li kkunsidra l-istqarrija interim tal-Missjoni Parlamentari ta' Osservazzjoni ta' l-Elezzjoni Pan-Afrikana tat-30 ta' Ġunju 2008 dwar il-ballottaġġ presidenzjali u l-elezzjonijiet parzjali fiż-Żimbabwe,

–   wara li kkunsidra l-istqarrija preliminari tal-Missjoni Parlamentari ta' Osservazzjoni ta' l-Elezzjoni ta' l-Unjoni Afrikana (UA) tad-29 ta' Ġunju 2008,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni dwar iż-Żimbabwe adottata mill-Assembleja ta' l-UA fil-11-il Samit ta' l-UA, li sar f'Sharm el-Sheikh, l-Eġittu, fit-30 ta' Ġunju-1 ta' Lulju 2008,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi l-ballottaġġ presidenzjali taż-Żimbabwe, sar fis-27 ta' Ġunju 2008 minkejja l-irtirar tal-kandidat presidenzjali Morgan Tsvangirai minħabba li żdiedu l-vjolenza u r-restrizzjonijiet fuq il-partit ta' l-oppożizzjoni u l-partitarji,

B.   billi osservaturi mill-SADC, il-Parlament Pan-Afrikan u l-UA qalu li l-ballottaġġ kien imfixkel mill-vjolenza u ma laħaqx l-istandards ta' l-UA u l-SADC u ma rriflettiex ir-rieda tal-poplu,

C.   billi l-elezzjonijiet għall-Kamra ta' l-Assemblea taż-Żimbabwe, għas-Senat taż-Żimbabwe, għall-Presidenza, u għall-entitajiet tal-gvern lokali seħħew fid-29 ta' Marzu 2008,

D.   billi skond riżultati uffiċjali li ngħataw mill-Kummissjoni Elettorali taż-Żimbabwe, il-partit ta' l-oppożizzjoni Moviment għall-Bidla Demokratika (MDC) rebaħ maġġoranza ta' siġġijiet fl-Assemblea, waqt li Morgan Tsvangirai rebaħ 47,9% u Robert Mugabe rebaħ 43,2% tal-voti fl-elezzjoni presidenzjali,

E.   billi r-riżultati ta' l-elezzjoni presidenzjali damu ma ħarġu għal xi ġimgħat, dewmien li tellef il-kredibilità u t-trasparenza tal-proċess elettorali,

F.   billi Robert Mugabe ddikjara, qabel il-ballottaġġ elettorali, li l-MDC qatt mhu se jiggverna liż-Żimbabwe u li hu kien lest jiġġieled kontrihom biex ma jħallihomx jieħdu l-poter,

G.   billi fit-tħejjija għat-tieni fażi ta' l-elezzjoni presidenzjali attivisti u partitarji ta' l-oppożizzjoni sofrew vjolenza sponsorjata mill-istat, tortura, intimidazzjoni u arresti arbitrarji, u skond l-MDC għallinqas 86 partitarju tagħha ġew maqtula u 200,000 spustati minn darhom,

H.   billi, waqt il-kampanja elettorali, Morgan Tsvangirai kien arrestat diversi drabi, kien segwit minn suldati armati u mġiegħel jistkenn fl-Ambaxxata Olandiża f'Harare,

I.   billi s-Segretarju Ġenerali ta' l-MDC, Tendai Biti, kien arrestat fit-12 ta' Ġunju 2008 u akkużat b'sovversjoni u tradiment,

J.   billi l-midja ta' l-istat ipprojbixxiet reklami tal-kampanja ta' l-MDC, u għalhekk impediet li jkun hemm kampanja elettorali ħielsa u ġusta; billi r-rally ta' l-MDC ippjanat għat-22 ta' Ġunju 2008 f'Harare kien imfixkel minn partitarji vjolenti ta' l-Unjoni Nazzjonali Afrikana taż-Żimbabwe - Front Patrijottiku (ZANU-PF),

K.   billi fl-24 ta' Ġunju 2008 il-President tal-Kungress Nazzjonali Afrikan, Jacob Zuma ddeskriva s-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe bħala 'mingħajr kontroll', u sejjaħ għal intervent urġenti min-Nazzjonijiet Uniti u mill-SADC,

L.   billi l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (UNSC) fl-aħħar ikkundanna unanimament il-kampanja ta' vjolenza li saret mill-Gvern taż-Żimbabwe, għalkemm ma wasalx li jiddikjara din l-elezzjoni bħala illeġittima, minħabba l-oġġezzjoni ta' l-Afrika t'Isfel,

M.   billi l-UA ma qablet dwar l-ebda linjigwidi jew skeda ta' żmien ċara biex jinbdew u jintemmu n-negozjati u billi, barra minn hekk, id-diviżjonijiet fi ħdan l-SADC jfissru li x'aktarx mhux se jkun hemm djalogu,

N.   billi ġurnalisti kienu ffastidjati u intimidati u l-ġurnalisti barranin ma tħallewx jidħlu fil-pajjiż,

O.   billi l-pulizija arbitrarjament arrestat attivisti tas-soċjetà ċivili, inklużi membri ta' gruppi ċiviċi ta' diversi Knejjes f'Harare, u numru ta' NGOs u aġenziji ta' l-għajnuna kellhom jissospendu l-operazzjonijiet tagħhom,

P.   billi d-'diplomazija tas-silenzju' tal-President ta' l-Afrika t'Isfel, Thabo Mbeki, matul is-snin sfortunatament ma ħalliet l-ebda riżultat tanġibbli fir-rigward tas-sitwazzjoni politika fiż-Żimbabwe waqt li s-simpatiji magħrufa tiegħu għal Mugabe eventwalment wasslu biex l-oppożizzjoni fiż-Żimbabwe tirrifjutah bħala medjatur,

Q.   billi l-kriżi fiż-Żimbabwe qed tħalli effetti sinifikanti fuq il-pajjiżi ġirien, l-aktar l-Afrika t'Isfel,

R.   billi skond rapport ta' l-Organizzazzjoni dwar l-Ikel u l-Agrikoltura u l-Programm Dinji ta' l-Ikel madwar żewġ miljun persuna se jkunu mingħajr ikel bejn Lulju 2008 u Settembru 2008 fiż-Żimbabwe, u din il-figura mistennija li tikber għal 5,1 miljun bejn Jannar u Marzu 2009,

S.   billi wieħed minn kull għaxart itfal fiż-Żimbabwe imutu qabel ma jagħlqu l-ħames snin u li l-medja ta' l-għomor tal-ħajja hi ta' 37 sena għall-irġiel u 34 sena għan-nisa,

1.  Jenfasizza li l-elezzjonijiet tas-27 ta' Ġunju 2008 ma jistgħux jitqiesu bħala leġittimi, u jilqa' b'sodisfazzjon l-istqarrija tat-28 ta' Ġunju 2008 tal-Presidenza tal-Kunsill li b'mod ċar tiddikjara din il-pożizzjoni;

2.  Jikkundanna bil-qawwa l-kampanja ta' vjolenza sponsorjata mill-gvern kontra l-oppożizzjoni politika qabel it-tieni fażi ta' l-elezzjonijiet Presidenzjali, li rriżultat fil-qtil, l-arrest arbitrarju u l-fastidju ta' attivisti u partitarji ta' l-oppożizzjoni kif ukoll ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

3.  Iqis li l-kampanja ta' vjolenza, theddid u intimidazzjoni kontra l-oppożizzjoni għamlitha impossibbli li jkun hemm ballottaġġ għall-elezzjoni presidenzjali ħieles u ġust, kif magħruf sew mill-komunità internazzjonali, inklużi l-osservaturi Afrikani ta' l-elezzjoni u mexxejja Afrikani;

4.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-istqarrijia presidenzjali ta' l-UNSC li tikkundanna l-mod kif saret l-elezzjoni presidenzjali fiż-Żimbabwe;

5.  Jilqa' l-istqarrija tal-mexxejja tal-G8 dwar iż-Żimbabwe tat-8 ta' Lulju 2008, b'mod partikolari ir-rifjut tagħhom li jaċċettaw il-leġittimità ta' kull gvern li ma jirriflettix ir-rieda tal-poplu taż-Żimbabwe, jilqa' ir-rakkomandazzjoni tagħhom li jinħatar Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU sabiex jirraporta dwar is-sitwazzjoni politika, umanitarja, drittijiet tal-bniedem u sigurtà u sabiex jappoġġjaw l-isforzi reġjonali biex jitmexxew in-negozjati bejn il-partiti politiċi filwaqt li jkunu rispettati r-riżultati ta' l-elezzjoni tad-29 ta' Marzu 2008, u l-intenzjoni tagħhom li jieħdu passi ulterjuri, inter alia billi jintroduċi miżuri finanzjarji u oħrajn kontra dawk l-individwi responsabbli mill-vjolenza;

6.  Jistieden lill-pajjiżi Afrikani u lill-komunità internazzjonali kollha biex tirrifjuta li tirrikonoxxi r-reġim ta' Mugabe;

7.  Jistieden lill-Unjoni Afrikana, lill-SADC u lin-NU biex jiffaċilitaw proċess inklussiv ta' medjazzjoni bi skadenzi ċari għal negozjati, li jippermetti soluzzjoni rapida u pożittiva għall-kriżi taż-Żimbabwe, ibbażata fuq elezzjonijiet ħielsa u ġusti;

8.  Jenfasizza li biex l-isforz ta' medjazzjoni iwassal għal djalogu nazzjonali sodisfaċenti u produttiv, parteċipanti esterni oħra flimkien mal-President Mbeki għandhom ikunu involuti, u d-djalogu intern m'għandux ikun ristrett għaż-żewġ partiti politiċi, imma għandu jinkludi parteċipanti oħra tas-soċjetà ċivili bħal NGOs, knejjes,trade unions u l-parlament;

9.  Isejjaħ biex ikun hemm soluzzjoni negozjata għall-kriżi attwali, li twassal għall-ħolqien ta' amministrazzjoni tranżizzjonali, b'mandat biex tintemm il-vjolenza sponsorjata mill-gvern, ikunu demobilizzati l-militias, jitneħħew il-liġijiet ripressivi, tissolva l-kriżi umanitarja, ikun hemm stabilità ekonomika, jinbeda proċess inklussiv u kostituzzjonali ta' reviżjoni, u terġa titwaqqaf il-Kummissjoni Elettorali taż-Żimbabwe (ZEC) sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet għal elezzjonijiet presidenzjali ħielsa u ġusti fil-futur qarib taħt il-partroċinju ta' l-UA u n-NU; jitlob li dawn in-negozjati jkunu osservati minn mibgħut ta' l-UA/Nazzjonijiet Uniti;

10.  Jistieden lin-NU sabiex tniedi investigazzjoni sħiħa u indipendenti dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li saru u tinsisti li dawk responsabbli ma jitħallewx mingħajr ma jieħdu li ħaqqhom u għandhom jitressqu quddiem tribunal kompetenti u imparzjali;

11.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' riabilitazzjoni tal-vittmi u jitlob għal miżuri tranżizzjonali ta' ġustizzja, inkluż it-twaqqif ta' kummissjoni tal-verità u r-rikonċiljazzjoni;

12.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-pożizzjoni ta' numru sew ta' pajjiżi Afrikani, kif ukoll ta' grupp kbir ta' personalitajiet Afrikani rispettati sew, inkluż Nelson Mandela, Desmond Tutu u Kofi Annan, li tikkundanna s-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe, u tinkoraġġihom biex b'mod konkret jimpenjaw ruħhom għal soluzzjoni politika u demokratika;

13.  Jappoġġja lil Botswana fis-sejħiet tagħha biex iż-Żimbabwe tkun sospiża mill-fora Afrikani sakemm jinżammu elezzjonijiet ħielsa u ġusti;

14.  Jitlob lill-Afrika t'Isfel biex tassumi rwol ewlieni fir-reġjun ta' l-SADC għall-futur taż-Żimbabwe u jiddispjaċih sew dwar ir-rifjut ta' l-Afrika t'Isfel fil-UNSC li tiddikjara din l-elezzjoni illeġittima;

15.  Jitlob lill-komunità internazzjonali biex iżżid il-pressjoni diplomatika fuq ir-reġim ta' Mugabe biex iwaqqaf kull vjolenza immedjatament, u jippermetti lill-Parlament li kien elett tliet xhur ilu li jiltaqa';

16.  Jistieden lill-Kunsill biex jintensifika s-sanzjonijiet immirati kontra membri tar-reġim ta' Mugabe u persuni oħra responsabbli mill-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, jekk l-isforzi ta' medjazzjoni ma jkunux aċċettati u jekk il-vjolenza sponsorjata mill-istat ma tieqafx, u sabiex jinsisti dwar sanzjonijiet li għandhom ikunu adottati fuq livell tan-NU, inkluż embargo ta' l-armi kif ukoll iffriżar komprensiv ta' l-assi kollha tal-gvern u tal-partit fit-tmexxija; jenfasizza l-ħtieġa li jkunu implimentati b'mod strett is-sanzjonijiet u li jkun hemm koordinazzjoni mal-komunità internazzjonali kollha sabiex tiġi żgurata l-effettività tagħhom u ma jkunx hemm evażjonijiet;

17.  Jinsisti li miżuri koersivi bħal dawn għandhom isemmu u jagħmlu diżunur lil dawk in-negozjanti responsabbli għall-finanzjament tar-reġim ripressiv ZANU-PF, kif ukoll li ma jħallulhomx id-dritt ta' residenza fl-Ewropa, u ma jagħtux aċċess għall-membri tal-familji tagħhom għal impjieg jew għal istituzzjonijiet edukattivi, kif ukoll jesponu isimhom lill-azzjonisti tal-banek internazzjonali li jservu biex jgħaddu l-qliegħ b'mod korrott, u jipprovdu self u investiment bħal Barclays Bank, Standard Chartered u oħrajn; jinkoraġġixxi kumpaniji Ewropej u internazzjonali oħra biex jirrevedu kull attività li tippermetti lir-reġim aċċess għal munita soda u, f'dan il-kuntest, jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni ta' Tesco u Giesecke & Devrient biex itemmu r-relazzjonijiet ta' kummerċ maż-Żimbabwe;

18.  Jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri biex ma jagħtu l-ebda viża lil Robert Mugabe, lill-kabinett tiegħu u lit-tmexxija ta' ZANU-PF għal skopijiet nazzjonali jew internazzjonali fuq territorju ta' l-UE, għaliex huma jirrapreżentaw reġime de facto illeġittimu, u ma jistgħux jitolbu l-ebda privileġġ skond il-konvenzjonijiet internazzjonali relevanti dwar libertajiet u privileġġi;

19.  Jistieden lill-Istati Membri, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex iżidu l-ħidma diplomatika mal-gvernijiet Afrikani, l-SADC u l-Unjoni Afrikana kif ukoll ma' parteċipanti oħra importanti, inkluż il-gvern Ċiniż, sabiex jidentifikaw pożizzjonijiet komuni dwar il-kriżi taż-Żimbabwe;

20.  Jistieden liċ-Ċina u lil-Libja biex ma jkomplux jagħtu appoġġ lir-reġim ta' Mugabe;

21.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jimpenjaw lilhom infushom speċifikament ma' l-Afrika t'Isfel, bħala l-pajjiż ewlieni tar-reġjun, ħalli jesprimu t-tħassib serju tagħna għan-nuqqas ta' kwalunkwe riżultat ta' medjazzjoni tanġibbli f'dawn l-aħħar snin fir-rigward tal-kriżi taż-Żimbabwe, biex juru li l-impatt tal-kriżi fuq pajjiżi ġirien, inkluż l-Afrika t'Isfel, m'għandux jitħalla mingħajr ma jingħata attenzjoni fir-reġjun u sabiex jiċċaraw li l-appoġġ politiku u ekonomiku kontinwu lir-reġim ta' Mugabe jista' jkollu effetti negattivi fuq ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika t'Isfel;

22.  Jistieden lill-Kunsill biex jinsisti dwar miżuri effettivi u tanġibbli ta' prevenzjoni tal-konflitt internazzjonali u miżuri ta' mitigazzjoni, jekk meħtieġ permezz ta' l-iskjerament rapidu tal-forzi taż-żamma tal-paċi ta' l-UA/NU;

23.  Iħeġġeġ biex il-persuni arrestati għal raġunijiet politiċi jinħelsu immedjatament;

24.  Jinnota l-impatt devastanti li l-kriżi politika qed ikollha fuq il-poplu taż-Żimbabwe u jistieden lill-Gvern ta' Mugabe sabiex ineħħi r-restrizzjonijiet kollha kontra aġenziji ta' l-għajnuna umanitarja u sabiex jiżgura li l-għajnuna umanitarja tista' titwassal skond il-prinċipji ta' l-umanità, in-newtralità, l-imparzjalità u l-indipendenza;

25.  Jistieden lill-gvern taż-Żimbabwe biex immedjatament ineħħi l-armi minn idejn il-milizja żagħżugħa u l-veterani tal-gwerra u jiddemobilizzahom kif ukoll jieħu passi kontra individwi li wettqu ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

26.  Jikkundanna l-fatt li uffiċjal tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU kien imkeċċi miż-Żimbabwe ġimgħa qabel l-elezzjonijiet ippjanati, u jistieden lill-gvern biex jagħti aċċess bla tfixkil lill-istaff tan-NU;

27.  Jistieden lill-awtoritajiet ta' l-Afrika t'Isfel u lill-Istati Membri ta' l-UE biex ma jiddeportawx refuġjati li ġejjin miż-Żimbabwe u jagħtuhom status temporanju sakemm ikun possibbli li jirritornaw lura b'mod sikur;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni biex iżżid l-appoġġ għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tieħu azzoni malajr meta jkun hemm ħtieġa umanitarja addizzjonali kkawżata mill-kriżi politika, partikolarment fir-rigward tal-bżonnijiet u tas-sikurezza tal-persuni li huma spustati f'pajjiżhom;

29.  Juri tħassib dwar it-tbassir ta' żieda ta' bejn l-10% u l-40% ta' persuni miż-Żimbabwe li jaqsmu l-fruntieri fil-ġimgħat li ġejjin; jinnota li fost il-migranti, it-tfal se jkunu partikolarment f'sitwazzjoni vulnerabbli, f'riskju ta' abbuż, u furzati li jagħmlu xogħol perikoluż bħal dak fil-minjieri, iħaddmu makkinarju tal-biedja jew xogħol relatat mas-sess biex jibqgħu jgħixu;

30.  Jistieden lill-UE sabiex twaqqaf kwalunkwe għajnuna li qed titqassam permezz ta' l-awtoritajiet taż-Żimbabwe u biex tindirizzaha minflok permezz ta' istituzzjonijiet indipendenti nazzjonali u internazzjonali;

31.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissarju Michel li jżid b'mod sinifikanti l-appoġġ għaż-Żimbabwe u l-poplu tiegħu billi jwiegħed EUR 250 miljun f'għajnuna għall-iżvilupp, ladarba terġa' lura d-demokrazija u jiġi elett gvern leġittmu u kredibbli;

32.  Jinsisti dwar il-ħtieġa li jkunu rispettati x-xewqat demokratiċi tal-poplu taż-Żimbabwe; iħeġġeġ lil dawk kollha li jixtiequ jieħdu sehem fil-ġejjieni taż-Żimbabwe sabiex jikkoperaw mal-forzi tal-bidla demokratika;

33.  Jistieden lill-Gvern taż-Żimbabwe biex jirrispetta l-impenji tiegħu stess favur prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt bħala firmatarju tat-Trattat SADC u tal-Protokolli relattivi, inkluż il-protokoll elettorali ta' l-SADC, ta' l-Att Kostituttiv ta' l-Unjoni Afrikana, tal-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli u tas-Sħubija Ġdida għall-Iżvilupp ta' l-Afrika;

34.  Jistieden lil dawk ta' rieda tajba fl-istrutturi tar-reġim u fiż-ZANU-PF sabiex iwarrbu l-forzi anti-demokratiċi u jieħdu azzjoni ħalli jikkoperaw ma l-MDC biex iġibu bidla rapida qabel ikun tard wisq;

35.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri, lill-gvernijiet tal-pajjiżi tal-G8, lill-gvernijiet u lill-parlamenti taż-Żimbabwe u ta' l-Afrika t'Isfel, lis-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, liċ-Chairpersons tal-Kummissjoni u tal-Kunsill Eżekuttiv ta' l-Unjoni Afrikana, lill-Parlament Pan-Afrikan, u lis-Segretarju Ġenerali u l-gvernijiet ta' l-SADC u lill-Forum Parlamentari tiegħu.

(1) Testi adottati, P6_TA(2008)0184.
(2) ĠU L 43, 19.2.2008, p.39.
(3) ĠU L 50, 20.2.2004, p.66.

Aġġornata l-aħħar: 31 ta' Marzu 2009Avviż legali