X'inhu l-Istat tal-Unjoni Ewropea?

Id-dibattitu dwar l-Istat tal-Unjoni Ewropea 2020 (SOTEU) wasal fi żmien ta' inċertezza. L-Ewropa qed tiffaċċa waħda mill-aktar snin diffiċli tagħha s'issa hekk kif il-pandemija tal-coronavirus qed tkompli tolqot l-aspetti kollha tas-soċjetà.

Dan huwa żmien ta' bidla li tinħass, żmien ta' taqlib kbir hekk kif l-ekonomiji Ewropej u globali intlaqtu bil-kbir mir-restrizzjonijiet tal-COVID-19.

Id-dibattitu dwar l-Istat tal-Unjoni Ewropea huwa mument ewlieni li juri r-responsabbiltà tal-Kummissjoni Ewropea lejn ir-rappreżentanti eletti demokratikament tal-UE. Huwa jiffoka fuq kwistjonijiet importanti bħall-irkupru ekonomiku li ġej, it-tibdil fil-klima, il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-flussi migratorji. Dan l-avveniment annwali huwa sinifikanti biex jippromwovi Unjoni aktar trasparenti u demokratika. Din hija opportunità biex l-Unjoni Ewropea tinġieb eqreb lejn iċ-ċittadini, filwaqt li jiġu rilevati l-punti u l-isfidi ewlenin tas-sena. Id-drittijiet taċ-ċittadini u l-proċess demokratiku jinsabu fil-qalba ta' dan id-dibattitu plenarju uniku.

Qabel id-dibattitu, fil-15 ta' Settembru, l-atturi ewlenin fil-Parlament Ewropew se jiddiskutu l-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea u jirreaġixxu għall-mistoqsijiet u l-ideat tiegħek.

Involvi ruħek

L-SOTEU huwa opportunità biex issir taf dwar il-futur tal-UE u dwar il-Membri tal-Parlament Ewropew (MPE) li eleġġejt. Ara l-programm, involvi ruħek fl-avvenimenti lokali, ikkuntattja l-MPE tiegħek u segwi d-dibattiti f'xandira diretta.

Skopri aktar dwar l-MPE li eleġġejt u ikkuntattjahom.

Żomm ruħek aġġornat dwar x'qed jagħmel il-Parlament!