L-Asja tal-Lvant

Skedi Informattivi dwar l-UE 01-01-2018

L-Indo-Paċifiku għaddej minn bidla rapida, u bħala post fejn joqogħdu aktar minn 50% tal-popolazzjoni dinjija, qed isir reġjun ġeostrateġiku ewlieni. Żewġ terzi tal-kummerċ dinji tal-kontejners jgħaddi mill-Indo-Paċifiku u r-rotot tal-baħar tiegħu huma r-rotot ewlenin għall-kummerċ u l-provvisti tal-enerġija. L-istrateġija tal-UE għall-kooperazzjoni fl-Indo-Paċifiku ġiet adottata f'Settembru 2021 biex iżżid l-involviment tal-UE, tibni sħubijiet u ssaħħaħ l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli u tindirizza l-isfidi globali. L-Unjoni qed tadatta l-istrumenti attwali tagħha biex jappoġġaw l-awtonomija strateġika tal-UE. Il-Boxxla Strateġika tal-UE għas-Sigurtà u d-Difiża tagħha, approvata formalment mill-Kunsill f'Marzu 2022, tippromwovi arkitettura ta' sigurtà reġjonali miftuħa u bbażata fuq ir-regoli, inkluż linji marittimi siguri, bini tal-kapaċità u preżenza navali msaħħa fl-Indo-Paċifiku. L-Asja tal-Lvant qed tiffaċċja tħassib ta' sigurtà fir-reġjun, bħall-isfida nukleari fil-Korea ta' Fuq, it-tilwim marittimu fil-Baħar taċ-Ċina tal-Lvant u tan-Nofsinhar u l-kwistjoni tat-Tajwan. L-UE hija attur ekonomiku qawwi fl-Asja tal-Lvant u qed taħdem biex trawwem il-kummerċ ġust, il-multilateraliżmu, il-bini tal-istituzzjonijiet, id-demokrazija, il-governanza tajba u d-drittijiet tal-bniedem.