Il-Kummissjoni Ewropea

Skedi Informattivi dwar l-UE 01-04-2017

Il-Kummissjoni hija l-istituzzjoni tal-UE li għandha l-monopolju fuq l-inizjattiva leġiżlattiva u setgħat eżekuttivi importanti fil-politiki bħal pereżempju dwar il-kompetizzjoni u l-kummerċ estern. Hija l-korp eżekuttiv ewlieni tal-Unjoni Ewropea u hija ffurmata minn Kulleġġ ta' Membri magħmul minn Kummissarju wieħed għal kull Stat Membru. Din tippresiedi wkoll il-kumitati responsabbli għall-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE. Is-sistema ta' komitoloġija preċedenti ġiet sostitwita bi strumenti ġuridiċi ġodda, jiġifieri l-atti ta' implimentazzjoni u l-atti delegati.