Is-suq tal-ikel organiku tal-UE: fatti u regoli

Tgħallem dwar il-fatti ewlenin dwar l-ikel u l-biedja organika fl-Ewropa u kif regoli ġodda se jtejbu aktar il-kwalità.

Regoli ġodda tal-UE dwar il-produzzjoni organika se jiggarantixxu l-kwalità tal-ikel, il-protezzjoni ambjentali u l-benessri tal-annimali tul il-katina kollha tal-provvista.

 

Aktar u aktar konsumaturi Ewropej qegħdin jixtru prodotti li huma magħmula minn sustanzi u proċessi naturali. L-ikel organiku ma għadux suq niċċa, minkejja li għadu jammonta biss għal proporzjon żgħir tal-produzzjoni agrikola totali fl-UE. Madankollu, "organiku" xi jfisser eżattament?

Id-definizzjoni tal-UE dwar il-biedja organika

  • Il-produzzjoni organika tfisser sistema agrikola sostenibbli li tirrispetta l-ambjent u t-trattament xieraq tal-annimali, iżda tinkludi wkoll l-istadji l-oħra kollha tal-katina tal-provvista tal-ikel.
Infografika li tispjega x'inhi l-biedja organika
Agħfas fuq l-istampa għal verżjoni akbar

Ir-regoli tal-UE dwar il-produzzjoni  

 

Ir-Regolament tal-UE dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi jiżgura li l-istess standards ta' kwalità għolja jiġu rispettati madwar l-UE kollha. Ir-regoli jirreferu għal prattiki tal-agrikoltura u tal-akkwakultura, l-ipproċessar u t-tikkettar tal-ikel, il-proċeduri ta' ċertifikazzjoni għall-bdiewa kif ukoll għall-importazzjoni ta' prodotti organiċi li mhumiex tal-UE.

 

Il-bdiewa organiċi fl-UE jużaw enerġija u riżorsi naturali b'mod responsabbli, jippromwovu s-saħħa tal-annimali u jikkontribwixxu għaż-żamma tal-bijodiversità, tal-bilanċ ekoloġiku u tal-kwalità tal-ilma/ħamrija.

 

Il-prattiki tal-biedja organika fl-UE jinkludu:

  • In-newba tal-għelejjel għall-użu effiċjenti tar-riżorsi
  • Projbizzjoni fuq l-użu tal-pestiċidi kimiċi u fertilizzanti sintetiċi
  • Limiti stretti ħafna fuq l-antibijotiċi għall-bhejjem
  • Projbizzjoni tal-organiżmi ġenetikament modifikati (OĠM)
  • Użu ta' riżorsi fuq il-post għall-fertilizzanti naturali u għall-għalf
  • Trobbija tal-bhejjem fil-beraħ, f'ambjent miftuħ u bl-użu tal-għalf organiku
  • Prattiki tat-trobbija tal-annimali mfassla apposta
Infografika dwar is-suq tal-ikel organiku: pajjiżi li jikkunsmaw l-aktar ikel organiku, żvilupp tas-suq tal-ikel organiku tal-UE-28 u x'jaħsbu l-Ewropej dwar l-ikel organiku.
Agħfas fuq l-istampa għal verżjoni akbar

It-tikkettar u l-logo għall-prodotti organiċi

 

Il-logo għall-prodotti organiċi tal-UE fuq il-prodotti alimentari jiggarantixxi li ġew rispettati r-regoli tal-UE dwar il-produzzjoni organika. Huwa obbligatorju għall-ikel ippakkjat minn qabel. Fil-każ ta' ikel ipproċessat, huwa jfisser li minn tal-inqas 95% tal-ingredjenti ta' oriġini agrikola huma organiċi. Is-supermarkets u bejjiegħa oħra bl-imnut jistgħu jittikkettaw il-prodotti tagħhom bit-terminu organiku fil-każ biss fejn huma jikkonformaw mar-regoli.

 

Is-suq organiku u l-art għall-biedja organika

 

Is-suq tal-prodotti organiċi fl-UE qiegħed jikber b'mod kostanti u issa għandu valur ta' madwar €37.4 biljun fis-sena. Għalkemm l-art għall-biedja organika żdiedet tul is-snin, din tirrappreżenta biss 7.5% taż-żona agrikola totali. Id-differenza bejn id-domanda u l-produzzjoni hija koperta miż-żieda fl-importazzjoni.

 

Infografika dwar il-biedja organika fl-UE-28 fl-2018: Spanja, Franza, l-Italja u l-Ġermanja jammontaw għal 55.5 % taż-żona organika totali tal-UE.
Agħfas fuq l-istampa għal verżjoni akbar

Punti ewlenin tar-regoli l-ġodda

 

L-UE qiegħda taħdem fuq aġġornament tar-regoli eżistenti dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar b'reazzjoni għal bidliet maġġuri li qegħdin jittrasformaw is-settur. L-emendi proposti jinkludu:

 

Kontrolli aktar stretti: l-operaturi kollha tul il-katina tal-provvista tal-ikel (il-bdiewa, dawk li jrabbu l-annimali, il-proċessuri, il-kummerċjanti, l-importaturi) jiġu kkontrollati minn tal-inqas darba fis-sena.

 
Kompetizzjoni aktar ġusta: produtturi minn pajjiżi li mhumiex membri tal-UE li jridu jbigħu l-prodotti tagħhom fl-UE jeħtieġ li jikkonformaw mal-istess regoli li magħhom iridu jikkonformaw il-produtturi fl-UE.

 
Il-prevenzjoni tal-kontaminazzjoni bil-pestiċidi: il-bdiewa jeħtiġilhom jieħdu miżuri ta' prekawzjoni biex tiġi evitata kontaminazzjoni aċċidentali b'fertilizzanti jew b'pestiċidi mhux awtorizzati. Prodott jitlef l-istatus organiku tiegħu jekk il-kontaminazzjoni hija minħabba frodi jew imġiba negliġenti. Il-pajjiżi tal-UE li jkollhom limiti għal sustanzi mhux awtorizzati f'ikel organiku jistgħu jkomplu japplikawhom, iżda dawn għandhom jippermettu ikel organiċi oħra minn pajjiżi oħra tal-UE fis-swieq tagħhom. Il-Kummissjoni Ewropea se tivvaluta r-regoli kontra l-kontaminazzjoni fl-2025.

 
Provvista aħjar ta' żrieragħ u annimali organiċi: bażi tad-data kompjuterizzata dwar id-disponibbiltà taż-żrieragħ u annimali organiċi se tkun stabbilita f'kull pajjiż tal-UE.

 
Azjendi agrikoli mħallta: il-bdiewa huma awtorizzati li jipproduċu prodotti konvenzjonali minbarra dawk organiċi, iżda jeħtieġ li jiġu separati b'mod ċar mill-attivitajiet agrikoli tagħhom.

 
Proċeduri ta' ċertifikazzjoni għal bdiewa żgħar se jsiru aktar faċli.

 
Prodotti ġodda bħal melħ, sufra u żjut essenzjali huma inklużi. Oħrajn jistgħu jiżdiedu aktar tard.

 

Il-Membri tal-Parlament Ewropew adottaw ir-regoli l-ġodda f'April 2018. F'Ottubru 2020, il-Parlament approva l-posponiment tal-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda b'sena (sal-1 ta' Jannar 2022) biex il-bdiewa u l-awtoritajiet nazzjonali, imħabbtin bil-kriżi tal-COVID-19, jingħataw aktar żmien biex jaġġustaw. F'Novembru 2021 il-Membri tal-PE adottaw qafas ġdid għall-Politika Agrikola Komuni (PAK) li se jkompli jagħti appoġġ lill-bdiewa.

Skopri aktar fatti u ċifri dwar l-agrikoltura fl-infografika tagħna