Il-plastik fl-oċeani: il-fatti, l-effetti u r-regoli l-ġodda tal-UE
Skopri l-fatti u l-effetti ewlenin dwar il-plastik fl-oċeani permezz tal-infografika tagħna, u x'qed tagħmel l-UE biex tnaqqas l-iskart tal-plastik fl-ibħra.
Ir-riżultati tal-kultura tal-plastik li jintuża darba biss u jintrema, nistgħu narawhom fuq ix-xtut tal-ibħra u l-oċeani madwarna. Kulma jmur, l-iskart tal-plastik qed iniġġes dejjem aktar l-oċeani, u skont stima, sal-2050 l-oċeani jista' jkun fihom aktar plastik milli ħut f'termini ta' piż.
Il-plastiks huwa wieħed mis-seba’ oqsma meqjusa bħala kruċjali mill-Kummissjoni Ewropea biex tinkiseb ekonomija ċirkolari fl-UE sal-2050. Minbarra l-Istrateġija Ewropea għall-Plastiks f’Ekonomija Ċirkolari, li telimina gradwalment l-użu tal-mikroplastiks, il-Kummissjoni mistennija toħroġ b’aktar proposti biex tindirizza l-iskart tal-plastik, inkluż il-mikroplastiks, aktar tard din is-sena.
Ir-regoli tal-UE, adottati mill-MEPs fis-27 ta’ Marzu 2019, jindirizzaw l-irkaptu tas-sajd mitluf u l-10 prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss li jinsabu l-aktar fuq ix-xtut Ewropej. Flimkien, dawn iż-żewġ gruppi jirrappreżentaw 70 % tal-iskart fil-baħar. Dawn ir-regoli l-ġodda ġew approvati wkoll mill-Kunsill f’Mejju 2019.
Il-problema
Il-plastik mhux biss iħammeġ ix-xtut tagħna, iżda wkoll jagħmel ħsara lill-annimali tal-baħar li jitħabblu f'biċċiet kbar u jitfixklu l-biċċiet żgħar ma' ikel. L-inġestjoni ta' partiċelli tal-plastik tista' żżommhom milli jiddiġerixxu l-ikel normali u jistgħu jattiraw sustanzi kimiċi tossiċi lejn l-organiżmi tagħhom.
Il-bniedem jiekol il-plastik mill-katina tal-provvista tal-ikel. L-effett fuq is-saħħa għadu mhux magħruf.
L-iskart fil-baħar jikkawża telf ekonomiku għas-setturi u l-komunitajiet dipendenti fuq il-baħar iżda wkoll għall-manifatturi: madwar 5 % biss tal-valur tal-imballaġġ tal-plastik jibqa’ fl-ekonomija — il-bqija huwa litteralment mormi, u dan juri l-ħtieġa għal approċċ iffukat aktar fuq ir-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid tal-materjali.
Il-projbizzjoni tal-UE fuq plastik li jintuża darba biss
L-aktar mod effettiv biex tiġi indirizzata l-problema huwa li jiġi evitat li aktar plastik jispiċċa fl-oċeani.
L-oġġetti tal-plastik li jintużaw darba biss huma l-akbar grupp ta' skart li jinsab fuq ix-xtut : prodotti bħal pożati tal-plastik, fliexken tax-xorb, loqom tas-sigaretti jew cotton buds jammontaw għal kważi nofs l-iskart fil-baħar.
Biex tindirizza din il-kwistjoni, l-UE implimentat projbizzjoni sħiħa fuq oġġetti tal-plastik li jintużaw darba biss u li għalihom hemm diġà alternattivi: cotton buds, pożati, platti, straws, ħawwada tax-xorb u stikek tal-bżieżaq. Ma' din il-lista l-MEPs żiedu wkoll prodotti tal-plastik ossodegradabbli u l-kontenituri tal-fast food magħmula mill-polistiren.
Ġiet approvata firxa ta' miżuri oħra:
- Responsabbiltà estiża tal-produttur b'mod partikolari għal kumpaniji tat-tabakk, biex tissaħħaħ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' min iniġġes iħallas. Din ir-regola ġdida se tapplika wkoll għall-irkaptu tas-sajd, biex ikun żgurat li l-manifatturi, u mhux is-sajjieda, isofru l-ispejjeż biex jinġabru x-xbieki mitlufa fil-baħar.
- Mira tal-ġbir ta' 90% tal-fliexken tax-xorb sal-2025 (pereżempju permezz ta' sistemi ta' flus lura tad-depożitu)
- Mira ta' 25% għall-kontenut riċiklat fi fliexken tal-plastik sal-2025 u 30% sal-2030
- Rekwiżiti tat-tikkettar għal prodotti tat-tabakk bil-filtru, tazzi tal-plastik, assorbenti sanitarji u wet wipes biex iwissu lill-utenti jarmuhom kif suppost
- Kuxjenza u sensibilizzazzjoni
Għall-irkaptu tas-sajd, li jammonta għal 27% tal-iskart fil-baħar, il-produtturi jkollhom ikopru l-ispejjeż tal-ġestjoni tal-iskart mill-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart. Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiġbru wkoll mill-inqas 50% tal-irkaptu tas-sajd mitluf kull sena u jirriċiklaw 15% minnu sal-2025.
L-impatt tal-iskart fil-baħar fuq is-sajd
F’riżoluzzjoni adottata fil-25 ta’ Marzu 2021, il-Parlament Ewropew qed jappella għal miżuri biex jitnaqqas b’mod urġenti l-iskart fil-baħar, inkluż aktar restrizzjonijiet fuq il-plastik li jintuża darba biss u jiżdied l-użu ta’ materjali magħmula b’mod sostenibbli mfassla għall-irkaptu tas-sajd.
Il-Membri tal-PE enfasizzaw kif l-iskart fil-baħar jagħmel ħsara lill-ekosistemi u lill-konsumaturi kif ukoll lill-attivitajiet tas-sajd u lis-sajjieda.
730 tunnellata
ta’ skart jintremew fil-Mediterran kuljum
L-iskart tas-sajd u tal-akkwakultura jammonta għal 27 % tal-iskart tal-baħar. Biex jiġu indirizzati l-fenomeni tal-“ghost gear” (li huwa t-telf tal-irkaptu tas-sajd fuq il-baħar), il-Membri tal-PE iridu l-immappjar, ir-rappurtar u l-intraċċar kif ukoll l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni biex jiġi żviluppat tagħmir tas-sajd li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent. Huma jappellaw ukoll lill-Kummissjoni biex tipproponi t-tneħħija gradwali tal-kontenituri u l-imballaġġi tal-polistiren espandut mill-prodotti tas-sajd, kif ukoll il-plastik u l-imballaġġ kollu mhux meħtieġ b’mod ġenerali.
Il-Membri tal-PE iridu wkoll jaraw viżjoni marittima msaħħa fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, fl-Istrateġija għall-Bijodiversità u fl-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” u jappellaw lill-Kummissjoni biex tħaffef l-iżvilupp ta’ ekonomija ċirkolari fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura.
Aktar tagħrif dwar x’jagħmel il-PE fil-ġlieda kontra t-tniġġis tal-plastik
Aktar tagħrif dwar il-politika tal-UE dwar l-ilma:
- Il-prevenzjoni tat-tniġġis tal-ilma ta’ taħt l-art u tal-ilma tal-wiċċ fl-UE
- L-ilmijiet tal-Ewropa: l-isfidi ewlenin u s-soluzzjonijiet tal-UE
- Il-protezzjoni u l-immaniġġjar tal-ilma
-
Ara l-progress dwar il-proposta leġiżlattiva: l-impatt fuq is-sajd taż-żibel fil-baħar [EN]
jiftaħ f'paġna ġdida
-
Ara l-progress dwar it-tnaqqis tal-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent [EN]
jiftaħ f'paġna ġdida
- Daqqa t’għajn: plastik u rkaptu tas-sajd li jintużaw darba biss (2019) [EN]
- Daqqa t’għajn: it-tnaqqis tal-iskart fil-baħar mill-plastik (2019) [EN]
- Daqqa t’għajn: l-impatt ambjentali tal-użu tal-plastik u l-mikroplastik, l-iskart u t-tniġġis (2019) [EN]