Il-piena tal-mewt fl-Ewropa u madwar id-dinja: fatti ewlenin
Il-piena tal-mewt fl-Ewropa u madwar id-dinja: fatti ewlenin
Il-piena kapitali: fatti u ċifri
Sal-2017, 142 pajjiż kienu abolixxew il-piena tal-mewt fil-liġi jew fil-prattika, u baqgħu 56 pajjiż li għadhom jużaw il-piena kapitali. Kien hemm minn tal-inqas 993 eżekuzzjoni rreġistrata f'23 pajjiż (eskluża ċ-Ċina, fejn huwa maħsub li seħħew eluf ta' eżekuzzjonijiet), b'aktar minn 20.000 persuna kkundannata għall-mewt.
Madwar 84 % tal-eżekuzzjonijiet irreġistrati kollha fl-2017 seħħew f'erba' pajjiżi - l-Iran, l-Arabja Sawdija, l-Iraq u l-Pakistan.
Hemm oppożizzjoni qawwija għall-abolizzjoni tal-piena tal-mewt fl-Asja, fid-dinja Għarbija u fl-Istati Uniti. Madankollu, erba' minn kull ħamsa mill-55 pajjiż Afrikan abolixxew il-piena kapitali jew jimponu moratorji.
Kif l-UE tiġġieled il-piena tal-mewt
Bħala parti mill-impenn tagħha biex tiddefendi d-drittijiet tal-bniedem, l-Unjoni Ewropea hija l-akbar donatur fil-ġlieda kontra l-piena tal-mewt madwar id-dinja. Il-pajjiżi kollha tal-UE abolixxew il-piena tal-mewt skont il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.
L-UE tiġġieled għall-abolizzjoni tal-piena kapitali f'diversi modi:
- tipprojbixxi l-kummerċ ta' oġġetti li jistgħu jintużaw għat-tortura u l-eżekuzzjoni
- tuża l-politika kummerċjali biex tħeġġeġ il-konformità mad-drittijiet tal-bniedem
- tappoġġa l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jżidu l-għarfien, jimmonitorjaw u jiddokumentaw is-sitwazzjoni f'pajjiżi li żammew il-piena tal-mewt
- bħala osservatur permanenti fin-NU, hija ssemma' l-appoġġ tagħha għall-azzjonijiet kollha biex tintemm il-piena tal-mewt
- il-Parlament jadotta riżoluzzjonijiet u jospita dibattiti li jikkundannaw l-azzjonijiet ta' pajjiżi li għadhom jużaw il-piena kapitali. Riżoluzzjoni tal-2015 dwar il-piena tal-mewt ikkundannat l-użu tagħha biex trażżan l-oppożizzjoni, jew għal raġunijiet ta' twemmin reliġjuż, l-omosesswalità jew l-adulterju.
Il-Belarussja hija l-uniku pajjiż fil-kontinent Ewropew li jkompli jwettaq l-eżekuzzjonijiet. Hemm moratorju fir-Russja.
"Il-piena kapitali hija l-iktar omiċidju premeditat".