Il-ġlieda kontra l-kanċer fl-UE: statistika u azzjoni (infografika)

Il-ġlieda kontra l-kanċer hija waħda mill-prijoritajiet tas-saħħa tal-UE. Skopri aktar fl-infografika tagħna.

Il-kanċer mhuwiex bilfors kundanna għall-mewt. 40% tal-każijiet tal-kanċer fl-UE huma evitabbli u huwa stmat li hemm mat-12-il miljun superstitu tal-kanċer. Ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-prevenzjoni huma kruċjali fil-ġlieda kontra l-kanċer u minn dejjem kienu fost l-ogħla prijoritajiet tas-saħħa tal-UE.

Statistika tal-UE dwar il-kanċer

 

Fl-2020, kważi tliet miljun ruħ ġew dijanjostikati bil-kanċer għall-ewwel darba u aktar minn 1.27 miljun persuna mietu bil-kanċer fl-UE. Wara l-mard kardjovaskulari, il-kanċer jiġi fit-tieni post bħala kawża tal-mewt. Madankollu, trattament innovattiv u aċċess aħjar għall-kura jfissru li ħafna Ewropej issa jgħixu aktar fit-tul wara li jiġu dijanjostikati bil-kanċer.

Il-kanċer fl-UE

  • L-Ewropa tirrappreżenta inqas minn 10% tal-popolazzjoni tad-dinja, iżda għandha 25% tal-każijiet kollha tal-kanċer
  • Id-differenzi fir-rati ta' sopravivenza tal-kanċer fl-Istati Membri tal-UE jaqbżu l-25%
  • Madwar 75% tal-każijiet kollha ta' kanċer dijanjostikati fl-UE jirrigwardaw persuni ta' 60 sena jew aktar;

Il-kanċer fi żmien il-COVID

 

Il-COVID-19 kellha impatt fuq il-każijiet tal-kanċer. Hu stmat li ma sarux 100 miljun test ta' skrinjar fl-Ewropa matul il-pandemija u huwa stmat li miljun każ ta' kanċer baqgħu ma ġewx dijanjostikati. Pazjent wieħed bil-kanċer minn kull ħamsa ma ngħatax fil-ħin it-trattament kirurġiku jew kemjoterapiku li kellu bżonn.

 

Hemm ukoll aħbar potenzjalment tajba. Studji preliminari jissuġġerixxu li t-teknoloġija mRNA wara xi wħud mill-vaċċini kontra l-COVID-19 tista' tkun effiċjenti f'mediċini futuri kontra l-kanċer.

 

Miżuri tal-UE fil-ġlieda kontra l-kanċer

 

L-UE qed tinvesti f'diversi attivitajiet bħal proġetti ta' riċerka, provi kliniċi u programmi ta' taħriġ.

Madwar 40%

tal-kanċers huma evitabbli

L-UE tikkomplementa wkoll l-isforzi tal-Istati Membri billi:

  • tiffaċilita l-kooperazzjoni u l-qsim tal-informazzjoni
  • tadotta leġiżlazzjoni biex tindirizza l-fatturi ta' riskju (bħat-tabakk, il-karċinoġeni jew il-pestiċidi)
  • twettaq kampanji ta' sensibilizzazzjoni

Fl-2020, il-Parlament waqqaf Kumitat Speċjali għall-Ġlieda kontra l-Kanċer biex jirrevedi l-azzjoni tal-UE kontra l-kanċer u jissuġġerixxi titjib. Ir-rapport finali u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat se jitressqu għall-votazzjoni fis-sessjoni plenarja ta' Frar.

Ara artikli relatati