Kif nippreservaw il-bijodiversità: Politika tal-UE (filmat)

Sabiex tippreserva l-ispeċijiet fil-periklu u l-ħajja tal-bniedem, l-UE tixtieq ittejjeb u tippreserva l-bijodiversità fil-kontinent. Skopri kif fil-filmat tagħna.

Il-bijodiversità: Inġibu lura n-natura

F'Mejju 2020, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat l-Strateġija għall-Bijodiversità għall-2030 il-ġdida, wara li f'Jannar 2020 il-Parlament kien appella biex jiġu indirizzati l-ixprunaturi ewlenin tat-telf tal-bijodiversità u jiġu stabbiliti miri legalment vinkolanti.

 

Waqt is-sessjoni plenarja ta' Ġunju 2021, il-Parlament adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar l-"Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030:Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna", filwaqt li insista li l-implimentazzjoni tagħha tkun konsistenti ma' strateġiji oħrajn tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, inkluża l-istratġeija Mill-Għalqa sal-Platt.

 

Fi Frar 2024, il-Membri tal-PE appoġġaw liġi ġdida dwar ir-restawr tan-natura, li hija parti mill-isforzi tal-UE biex tippreserva l-bijodiversità fl-Ewropa. Din il-liġi torbot lill-pajjiżi kollha tal-UE biex jaħdmu għar-restawr tal-ħabitats naturali.

 

Skopri aktar dwar l-importanza tal-bijodiversità

 

L-istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030: x'hemm fiha?

 

L-iffissar ta' miri tal-UE għall-bijodiversità

 

Skont l-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità għall-2030, l-UE stabbiliet għaliha miri ġodda għall-għaxar snin li ġejjin.

 

Il-membri tal-PE appoġġaw bis-sħiħ il-miri tal-UE li jipproteġu mill-inqas 30 % tal-inħawi tal-baħar u terrestri tal-UE (foresti, artijiet mistagħdra, torbieri, bwar u ekosistemi kostali), u li 10 % tal-oċeani u l-art tal-UE, inklużi l-foresti primarji u antiki kollha li jifdal u ekosistemi oħra rikki fil-karbonju għandhom jibqgħu essenzjalment mhux disturbati.

 

Huma jridu li l-miri jkunu vinkolanti u implimentati mill-pajjiżi tal-UE fil-livell nazzjonali, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet reġjonali u lokali.

 

Ir-restawr tan-natura

 

Il-Parlament laqa' wkoll proposta għal miri vinkolanti dwar ir-restawr tan-natura, li titlob mira minima ta' mill-inqas 30 % tal-art u tal-ibħra tal-UE.

 

L-indirizzar tat-tnaqqis tad-dakkara

 

Il-membri tal-PE enfasizzaw li t-tnaqqis fl-għadd ta' dakkara mhux biss huwa ħażin għall-bijodiversità iżda huwa wkoll theddida għas-sigurtà tal-ikel u appellaw għal reviżjoni urġenti tal-Inizjattiva tal-UE dwar id-Dakkara. L-inizjattiva riveduta għandha tinkludi qafas ġdid ta' monitoraġġ tad-dakkara madwar l-UE b'miżuri robusti, objettivi u indikaturi ċari marbuta maż-żmien, inklużi indikaturi tal-impatt, u l-bini tal-kapaċitajiet meħtieġ;

 

Nieħdu vantaġġ miż-żoni urbani ekoloġiċi

 

Skont ir-rapport, iż-żoni urbani ekoloġiċi jistgħu jappoġġaw il-bijodiversità u jikkontribwixxu għall-benesseri fiżiku u mentali tal-popolazzjoni.

 

Il-membri tal-PE jappoġġaw it-twaqqif ta' pjattaforma tal-UE għall-ekoloġizzazzjoni urbana u jistiednu lill-Kummissjoni tiffissa miri vinkolanti ambizzjużi u speċifiċi dwar il-bijodiversità urbana, inklużi:

 

  • sehem minimu ta' soqfa ekoloġiċi fuq binjiet ġodda
  • l-appoġġ għall-biedja urbana
  • l-iżgurar li ma jintużawx pestiċidi kimiċi
  • it-tnaqqis tal-użu tal-fertilizzanti fiż-żoni ekoloġiċi urbani tal-UE

 

It-tnaqqis tal-impatt tal-agrikoltura

 

Il-Membri tal-PE laqgħu wkoll il-miri tal-2030 li tal-inqas 25 % tal-art agrikola tinġieb taħt ġestjoni ta' biedja organika, li għandhom jiżdiedu fuq perjodu ta' żmien medju sa twil;

 

Huma qablu mal-miri tal-Kummissjoni li tnaqqas:

 

  • l-użu ta' pestiċidi u kimiċi aktar perikolużi b'50 %
  • l-użu tal-fertilizzanti b'tal-inqas 20 %
  • it-telf ta' nutrijenti b'tal-inqas 50 % sal-2030

 

X'sar biex jiġu salvagwardjati l-ispeċijiet u l-bijodiversità fil-periklu fl-Ewropa?

 

S'issa, l-isforzi tal-UE biex ittejjeb il-bijodiversità kienu qed jitwettqu fil-qafas tal-Istrateġija għall-Bijodiversità tal-2020, li ġiet introdotta fl-2010.

 

  • Id-Direttiva dwar l-Għasafar għandha l-għan li tipproteġi l-500 speċi ta' għasafar selvaġġi kollha li jinsabu b'mod naturali fl-UE
  • Id-Direttiva dwar il-Ħabitats tiżgura l-konservazzjoni ta' firxa wiesgħa ta' speċijiet ta' annimali u pjanti rari, mhedda jew endemiċi, inklużi madwar 200 tip ta' ħabitats rari u karatteristiċi.
  • Natura 2000 huwa l-akbar network ta' żoni protetti fid-dinja, b'siti ewlenin ta' tnissil u ta' mistrieħ għal speċijiet rari u mhedda, u tipi ta' ħabitats naturali rari.
  • L-Inizjattiva tal-UE dwar id-Dakkara għandha l-għan li tindirizza t-tnaqqis tad-dakkara fl-UE u tikkontribwixxi għal sforzi ta' konservazzjoni globali, filwaqt li tiffoka fuq it-titjib tal-għarfien dwar it-tnaqqis, l-indirizzar tal-kawżi u s-sensibilizzazzjoni

 

Barra minn hekk, il-programm Ewropew LIFE, li se jkompli jiffinanzja proġetti għat-titjib tal-bijodiversità, pereżempju, salva lil-linċi tal-Iberja u lill-ispanjulett sekond tal-Bulgarija li kienu kważi estinti.

 

Skopri fatti u ċifri dwar l-ispeċijiet fil-periklu fl-Ewropa