L-intelliġenza artifiċjali: Opportunitajiet u riskji

L-intelliġenza artifiċjali (IA) taffettwalna dejjem aktar ħajjitna. Tgħallem dwar l-opportunitajiet u r-riskji għas-sigurtà, id-demokrazija, in-negozji u l-impjiegi.

Hekk kif l-intelliġenza artifiċjali ssir parti mill-ħajja tagħna ta’ kuljum, huwa dejjem aktar meħtieġ li tiġi rregolata.

It-tkabbir u l-ġid tal-Ewropa huma marbuta mill-qrib ma’ kif se tagħmel użu mid-data u t-teknoloġiji konnessi. L-IA tista’ tagħmel differenza kbira f’ħajjitna — għall-aħjar jew għall-agħar. F’Ġunju 2023, il-Parlament Ewropew adotta l-pożizzjoni ta’ negozjar tiegħu dwar l-att dwar l-IA — l-ewwel sett ta’ regoli komprensivi fid-dinja għall-ġestjoni tar-riskji tal-IA. Hawn taħt hawn xi opportunitajiet u theddid ewlenin marbuta ma’ applikazzjonijiet futuri tal-IA

 

Aqra aktar dwar x’inhi l-intelliġenza artifiċjali u kif tintuża

142 żettabyte

Il-volum ta' data prodotta fid-dinja huwa mistenni li jikber minn 33 zettabyte fl-2018 għal 175 fl-2025 (1 zettabyte hija elf biljun gigabytes).

Il-vantaġġi tal-IA

 

Il-pajjiżi tal-UE diġà huma b'saħħithom fl-industrija diġitali u fl-applikazzjonijiet minn negozju għal negozju. B'infrastruttura diġitali ta' kwalità għolja u qafas regolatorju li jipproteġi l-privatezza u l-libertà tal-espressjoni, l-UE tista' ssir mexxejja globali fl-ekonomija tad-data u l-applikazzjonijiet tagħha.

 

Il-benefiċċji tal-IA għaċ-ċittadini

 

L-IA tista' tgħin biex iċ-ċittadini jingħataw kura tas-saħħa mtejba, karozzi u sistemi oħra tat-trasport aktar sikuri, u prodotti u servizzi mfassla apposta, orħos u li jdumu aktar. L-IA tista' tiffaċilita wkoll l-aċċess għall-informazzjoni, l-edukazzjoni u t-taħriġ – dan speċjalment sar prominenti bil-ħtieġa tat-tagħlim mill-bogħod waqt il-pandemija tal-COVID-19. L-IA tista' wkoll tagħmel il-post tax-xogħol aktar sikur peress li r-robots jistgħu jintużaw għal partijiet perikolużi tal-impjiegi, u tiftaħ pożizzjonijiet ġodda ta' impjieg hekk kif l-industriji xprunati mill-IA jikbru u jinbidlu.

 

Opportunitajiet tal-intelliġenza artifiċjali għan-negozji

 

Għan-negozji, l-IA tista' tippermetti l-iżvilupp ta' ġenerazzjoni ġdida ta' prodotti u servizzi, inkluż f'setturi fejn il-kumpaniji Ewropej diġà għandhom pożizzjonijiet b'saħħithom: l-ekonomija ħadra u ċirkolari, il-makkinarju, il-biedja, il-kura tas-saħħa, il-moda, it-turiżmu. Hi tista' tippermetti mogħdijiet ta' bejgħ aktar faċli u ottimizzati, ittejjeb il-manutenzjoni tal-magni, iżżid il-produzzjoni u l-kwalità tal-produzzjoni, ittejjeb is-servizz tal-konsumatur, u tiffranka l-enerġija.

11%-37%

Iż-żieda stmata fil-produttività tax-xogħol, relatata mal-IA, sal-2035 (Grupp ta' Riflessjoni tal-PE ,2020).

Opportunitajiet tal-IA fis-servizzi pubbliċi

 

L-IA użata fis-servizzi pubbliċi tista' tnaqqas l-ispejjeż u toffri possibbiltajiet ġodda fit-trasport pubbliku, l-edukazzjoni, u l-ġestjoni tal-enerġija u tal-iskart u ttejjeb is-sostenibbiltà tal-prodotti. Għalhekk, l-IA tista' tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku tal-UE.

1.5%-4%

Stima ta' kemm l-IA tista' tgħin biex jitnaqqsu l-emissjonijiet globali tal-gassijiet serra sal-2030 (Grupp ta' Riflessjoni tal-PE, 2020)

It-tisħiħ tad-demokrazija

 

Id-demokrazija tista’ ssir aktar b’saħħitha bl-użu ta’ skrutinju bbażat fuq id-data, il-prevenzjoni tad-diżinformazzjoni u l-attakki ċibernetiċi u l-iżgurar tal-aċċess għal informazzjoni ta’ kwalità. L-IA tista’ tappoġġa wkoll id-diversità u l-ftuħ, pereżempju billi timmitiga l-possibbiltà ta’ preġudizzju fid-deċiżjonijiet ta’ reklutaġġ u minflok tuża data analitika.

 

L-IA, is-sigurtà u s-sikurezza

 

Huwa previst li l-IA tintuża aktar fil-prevenzjoni tal-kriminalità u fis-sistema tal-ġustizzja kriminali, peress li settijiet ta’ data massivi jistgħu jiġu pproċessati aktar malajr, ir-riskji ta’ titjir tal-ħabsin jiġu vvalutati b’mod aktar preċiż, il-kriminalità jew saħansitra l-attakki terroristiċi previsti u evitati. Diġà qed jintuża minn pjattaformi online biex jidentifikaw u jirreaġixxu għal imġiba online illegali u mhux xierqa.

 

Fi kwistjonijiet militari, l-IA tista’ tintuża għal strateġiji ta’ difiża u attakki fl-hacking u l-phishing jew biex timmira sistemi ewlenin fil-gwerra ċibernetika, filwaqt li l-vantaġġ ewlieni tas-sistemi ta’ armi awtonomi huwa l-potenzjal li wieħed jidħol f’kunflitt armat bir-riskju mnaqqas ta’ ħsara fiżika.

Ir-riskji u l-isfidi tal-IA

 

Id-dipendenza dejjem akbar fuq is-sistemi tal-IA toħloq ukoll riskji potenzjali.

 

Nuqqas ta' użu u użu żejjed tal-IA

 

In-nuqqas ta' użu tal-IA huwa meqjus bħala riskju kbir: l-opportunitajiet mitlufa fl-użu tal-IA għall-UE jistgħu jfissru implimentazzjoni fqira tal-programmi ewlenin, bħall-Patt Ekoloġiku tal-UE, it-telf ta' vantaġġ kompetittiv fil-konfront ta' reġjuni oħra, staġnar ekonomiku u possibbiltajiet anqas favorevoli għaċ-ċittadini. In-nuqqas ta' użu jista' jirriżulta min-nuqqas ta' fiduċja tal-pubbliku u tan-negozji fl-IA, minn infrastruttura fqira, nuqqas ta' inizjattiva, investimenti baxxi, jew, peress li t-tagħlim awtomatiku tal-IA huwa dipendenti fuq id-data, minn swieq diġitali frammentati.

 

L-użu eċċessiv jista' wkoll ikun problematiku: l-investiment f'applikazzjonijiet tal-IA li jirriżultaw li ma jkunux utli jew li l-applikazzjoni tal-IA għal kompiti li għalihom mhijiex adatta, pereżempju l-użu tagħha biex tispjega kwistjonijiet soċjetali kumplessi.

 

Ir-responsabbiltà: Min għandu jieħu t-tort għall-ħsara kkawżata mill-IA?

 

Sfida importanti hija li jiġi ddeterminat min hu responsabbli għall-ħsara kkawżata minn apparat jew servizz imħaddem bl-IA: f'inċident li jinvolvi karozza awtonoma, id-danni għandhom ikunu koperti mis-sid, mill-manifattur tal-karozza jew mill-programmatur?

 

Jekk il-produttur ikun assolutament ħieles mir-responsabbiltà, jista' ma jkun hemm l-ebda inċentiv biex jiġi pprovdut prodott jew servizz tajjeb, u dan jista' jagħmel ħsara lill-fiduċja tan-nies fit-teknoloġija; iżda r-regolamenti jistgħu jkunu stretti wisq u joħonqu l-innovazzjoni.

 

Ir-riskji tal-IA għad-drittijiet fundamentali u d-demokrazija

 

Ir-riżultati li tipproduċi l-IA jiddependu fuq kif tkun imfassla u fuq liema data tuża. Kemm id-disinn kif ukoll id-data jistgħu jkunu preġudikati intenzjonalment jew b'mod mhux intenzjonat. Pereżempju, xi aspetti importanti ta' kwistjoni jistgħu ma jiġux ipprogrammati fl-algoritmu jew jistgħu jiġu pprogrammati biex jirriflettu u jirreplikaw preġudizzji strutturali. Barra minn hekk, l-użu tan-numri biex jirrappreżentaw realtà soċjali kumplessa jista' jwassal biex l-IA tidher fattwali u preċiża meta fil-fatt ma tkunx ("mathwashing").

 

Jekk ma tkunx ipprogrammata kif suppost, l-IA tista' twassal għal deċiżjonijiet, fir-rigward ta' offerta ta' xogħol jew ta' tkeċċija, meta jiġi offrut self, jew saħansitra fi proċedimenti kriminali, li jkunu influwenzati mill-etniċità, mill-ġeneru jew mill-età.

 

L-IA jista' jkollha impatt serju fuq id-dritt għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data. Tista' tintuża pereżempju f'tagħmir ta' rikonoxximent tal-wiċċ jew għal traċċar u tfassil ta' profili online ta' individwi. Barra minn hekk, l-IA tippermetti l-amalgamazzjoni ta' biċċiet ta' informazzjoni li persuna tkun tat f'data ġdida, li tista' twassal għal riżultati li l-persuna ma tkunx qed tistenna.

 

Tista' wkoll tkun ta' theddida għad-demokrazija; L-IA diġà ġiet akkużata li ħolqot bżieżaq ta' eku (echo chambers) online ibbażati fuq l-imġiba online preċedenti ta' persuna, li turi biss kontenut li jkun jogħġob lill-persuna, minflok toħloq ambjent għal dibattitu pubbliku pluralistiku, aċċessibbli b'mod ugwali u inklużiv. Tista' tintuża wkoll biex toħloq vidjows, awdjos u immaġnijiet foloz iżda estremament realistiċi, magħrufa bħala deepfakes, li jistgħu jippreżentaw riskji finanzjarji, jagħmlu ħsara lir-reputazzjoni, u jisfidaw it-teħid tad-deċiżjonijiet. Dan kollu jista' jwassal għal separazzjoni u polarizzazzjoni fl-isfera pubblika u jimmanipula l-elezzjonijiet.

 

L-IA jista' jkollha rwol ukoll biex tagħmel ħsara lil-libertà tal-għaqda u tal-protesta peress li tista' ssegwi u tagħti profil lil individwi marbuta ma' ċerti twemmin jew azzjonijiet.

 

L-impatt tal-IA fuq l-impjiegi

 

L-użu tal-IA fuq il-post tax-xogħol huwa mistenni li jirriżulta fl-eliminazzjoni ta' għadd kbir ta' impjiegi. Għalkemm l-IA hija mistennija wkoll li toħloq u tagħmel impjiegi aħjar, l-edukazzjoni u t-taħriġ se jkollhom rwol kruċjali biex jipprevjenu l-qgħad fit-tul u jiżguraw forza tax-xogħol b'ħiliet.

14 %

tal-impjiegi fil-pajjiżi tal-OECD huma awtomatizzabbli ħafna u 32 % oħra jistgħu jiffaċċjaw bidliet sostanzjali (stima, Grupp ta' Riflessjoni tal-PE, 2020).

Kompetizzjoni

 

L-akkumulu tal-informazzjoni jista' jwassal ukoll għal distorsjoni tal-kompetizzjoni peress li l-atturi bl-aktar informazzjoni jistgħu jiksbu vantaġġ u jeliminaw b'mod effettiv lill-kompetituri.

 

Riskji ta' sikurezza u sigurtà

 

Applikazzjonijiet tal-IA li huma f'kuntatt fiżiku mal-bnedmin jew integrati fil-ġisem tal-bniedem jistgħu joħolqu riskji għas-sikurezza peress li jistgħu jkunu ddisinjati, użati ħażin jew hacked. L-użu mhux regolat tajjeb tal-IA fl-armamenti jista' jwassal għat-telf tal-kontroll tal-bniedem fuq l-armamenti perikolużi.

 

L-isfidi għat-trasparenza

 

L-iżbilanċi fl-aċċess għall-informazzjoni jistgħu jiġu sfruttati. Pereżempju, abbażi tal-imġiba online ta' persuna jew ta' data oħra u mingħajr l-għarfien tagħha, bejjiegħ online jista' juża l-IA biex ibassar kemm hija lesta li tħallas, jew kampanja politika tista' tadatta l-messaġġ tagħha. Kwistjoni oħra ta' trasparenza hija li xi kultant jista' ma jkunx ċar għan-nies jekk humiex qed jinteraġixxu ma' IA jew ma' persuna.

Ara artikli relatati