Kif l-UE trid tikseb ekonomija ċirkolari sal-2050

Skopri dwar il-pjan ta' azzjoni tal-UE għal ekonomija ċirkolari u liema miżuri addizzjonali jridu l-Membri tal-PE biex inaqqsu l-iskart u jagħmlu l-prodotti aktar sostenibbli.

Irriċikla l-ikona tal-ħwejjeġ fuq it-tikketta tad-drapp b'test riċiklat 100%. © AdobeStock / HollyHarry
Ir-riċiklaġġ huwa parti importanti mill-ekonomija ċirkolari

Jekk se nibqgħu nisfruttaw ir-riżorsi kif qed nagħmlu issa, sal-2050 se jkollna bżonn ir-riżorsi ta' tliet dinjiet. Riżorsi limitati u kwistjonijiet klimatiċi jitolbu bidla minn soċjetà "ħu-uża-armi" għal soċjetà newtrali fil-karbonju, ambjentalment sostenibbli, mingħajr tossiċità u kompletament ċirkolari sal-2050.

 

Il-kriżi attwali enfasizzat dgħufijiet fil-ktajjen tar-riżorsi u tal-valur, li jolqtu lill-SMEs u lill-industrija. Ekonomija ċirkolari se tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2, waqt li tistimola t-tkabbir ekonomiku u toħloq opportunitajiet ta' impjieg.

Il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolar

 

F'konformità mal-għan tan-newtralità klimatika tal-UE għall-2050 skont il-Patt Ekoloġiku, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet f'Marzu 2022 l-ewwel pakkett ta’ miżuri sabiex tiġi avvanzata t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkulari, hekk kif kien imħabbar fil-Pjan ta' Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari. Il-proposti jinkludu li tingħata spinta għal prodotti sostenibbli, li l-konsumaturi jingħataw is-setgħa għat-tranżizzjoni ekoloġika, eżami mill-ġdid tar-regolament dwar il-prodotti għall-bini, kif ukoll strateġija dwar tessuti sostenibbli.

 

F’Novembru 2022, il-Kummissjoni pproponiet regoli ġodda madwar l-Ewropa kollha għall-użu tal-imballaġġ. Dawn jinkludu titjib fid-disinn tal-imballaġġ, bħat-tikkettar ċar, biex jitħeġġeġ l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ. Il-proposta tappella wkoll għal tranżizzjoni lejn plastik b’bażi bijoloġika, l-użu ta’ plastik bijodegradabbli u kompostabbli.

 

F’riżoluzzjoni adottata fid-9 ta’ Frar 2021, il-Parlament sejjaħ għal regoli dwar ir-riċiklaġġ aktar stretti u miri vinkolanti tal-2030 għall-użu u l-konsum tal-materjali.

 

F'Ottubru 2022, il-Parlament approva eżami mill-ġdid tar-regoli dwar pollutanti organiċi persistenti sabiex jitnaqqas l-ammont ta' kimiċi perikolużi fl-iskart u l-proċessi ta' produzzjoni. Ir-regoli l-ġodda se jintroduċu limiti aktar stretti, jipprojbixxu ċerti kimiċi u jżommu s-sustanzi li jniġġsu mir-riċiklaġġ.

 

Lejn prodotti aktar sostenibbli

 

Il-proċess tal-produzzjoni jibda bil-materja prima, u l-ktajjen tal-provvista globali ntlaqtu ħafna mill-pandemija tal-Covid-19. Fl-2021, il-Membri tal-PE talbu strateġija komprensiva tal-UE għal materja prima kritika bbażata fuq sorsi sostenibbli u standards ambjentali, soċjali u tad-drittijiet tal-bniedem għoljin. Il-Membri tal-PE jridu jnaqqsu d-dipendenza tal-UE fuq numru żgħir ta’ pajjiżi mhux tal-UE u jridu jippromwovu r-riċiklaġġ u l-irkupru ta’ materja prima kritika.

 

Sabiex jinkiseb suq tal-UE ta' prodotti sostenibbli, newtrali għall-klima u effiċjenti fir-riżorsi, il-Kummissjoni tipproponi l-estensjoni tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn għal prodotti mhux relatati mal-enerġija u li jinħolqu Passaporti Diġitali tal-Prodotti, bil-għan li tiġi aċċessibbli l-informazzjoni rilevanti kollha tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott.

 

Apparti dan, il-Membri tal-PE jappoġġjaw inizjattivi sabiex jiġġieldu l-ħruġ mill-użu ppjanat, itejbu d-durabilità u l-possibbiltà ta' tiswija tal-prodotti u jissaħħu d-drittijiet tal-konsumatur bid-dritt għat-tiswija. Huma jinsistu li l-konsumaturi għandhom id-dritt li jkunu infurmati sew dwar l-impatt ambjentali tal-prodotti u s-servizzi li jixtru u talbu lill-Kummissjoni sabiex tagħmel proposti sabiex tiġġieled dak li jissejjaħ greenwashing - meta l-kumpaniji jippreżentaw ruħhom b’tali mod li jidhru aktar ekoloġiċi u ambjentali milli huma verament. F’Marzu 2022, il-Kummissjoni ressqet proposta biex jiġu aġġornati r-regoli tal-UE dwar il-konsumatur biex tiġi appoġġata t-tranżizzjoni ekoloġika u f’Marzu 2023 ressqet proposta għal direttiva dwar is-sostanzjar ta’ “asserzjonijiet ekoloġiċi”.

 

F’Jannar 2024, il-Membri tal-PE approvaw ftehim proviżorju mal-Kunsill biex jiġu aġġornati r-regoli tal-UE dwar il-konsumatur li jipprojbixxi l-greenwashing u jipprovdi aktar informazzjoni lill-konsumaturi dwar id-durabbiltà tal-prodotti.

Nagħmlu s-setturi kruċjali ċirkolari

 

Iċ-ċirkolarità u s-sostenibbiltà jridu jiġu inkorporati fl-istadji kollha ta' katina tal-valur sabiex tinkiseb ekonomija kompletament ċirkolari: mit-tfassil sal-produzzjoni u fl-istadji kollha sakemm il-prodott jasal għand il-konsumatur. Il-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni jistabbilixxi seba' oqsma ewlenin li huma essenzjali għall-kisba ta' ekonomija ċirkolari: il-plastiks; it-tessuti; l-iskart elettroniku; l-ikel, l-ilma u n-nutrijenti; l-imballaġġ; il-batteriji u l-vetturi; u l-bini u l-kostruzzjoni.

 

Il-plastiks

 

Il-Membri tal-PE jappoġġaw l-Istrateġija Ewropea għall-Plastiks f'Ekonomija Ċirkolari, li telimina gradwalment l-użu tal-mikroplastiks.

It-tessuti

 

It-tessuti jużaw ħafna materja prima u ilma, b'inqas minn 1 % jiġu rriċiklati.

 

L-istrateġija tal-UE għal tessuti sostenibbli u ċirkolari ppreżentata mill-Kummissjoni f'Marzu 2020 għandha l-għan li tiżgura li sal-2030 il-prodotti tat-tessut fis-suq tal-UE jkunu ta' ħajja twila u riċiklabbli, magħmula kemm jista' jkun minn fibri riċiklati u ħielsa minn sustanzi perikolużi.

 

Il-Membri tal-PE jridu miżuri ġodda kontra t-telf tal-mikrofibra u standards aktar stretti dwar l-użu tal-ilma.

L-elettronika u l-ICT

 

L-iskart elettroniku u elettriku, jew l-iskart-e, huwa l-aktar fluss ta' skart li qed jiżdied b'rata mgħaġġla fl-UE u inqas minn 40 % minnu jiġi rriċiklat. Il-Membri tal-PE jridu li l-UE tippromwovi ħajja itwal tal-prodott permezz tal-possibbiltajiet ta' użu mill-ġdid u ta' tiswija.

L-ikel, l-ilma u n-nutrijenti

 

Madwar 10 % tal-ikel kollu disponibbli jintilef jew jinħela fl-UE. Il-Membri tal-PE jħeġġu sabiex l-iskart tal-ikel jitnaqqas bin-nofs sal-2030 taħt l-Istrateġija "Mill-Għalqa sal-Platt".

L-imballaġġ

 

L-iskart mill-imballaġġ fl-Ewropa qed jikber. Kull persuna fl-UE ġġenerat medja ta’ 189 kg ta’ skart mill-imballaġġ fl-2021. L-UE rrevediet ir-regoli dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ biex tnaqqas l-ammont tagħha u ttejjeb is-sitwazzjoni.

 

Il-batteriji u l-vetturi

 

Il-Membri tal-PE qed iħarsu lejn proposti li jirrikjedu li l-produzzjoni u l-materjali tal-batteriji kollha fis-suq tal-UE jkollhom marka tal-karbonju baxxa u jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, l-istandards soċjali u ekoloġiċi.

Il-bini u l-kostruzzjoni

 

Il-kostruzzjoni tammonta għal aktar minn 35 % tal-iskart totali tal-UE. Il-Membri tal-PE jixtiequ li t-tul tal-ħajja tal-bini jiżdied, li jkun hemm miri ta' tnaqqis għall-impronta tal-karbonju tal-materjali u rekwiżiti minimi dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u l-enerġija.

 

Il-ġestjoni u vjeġġ tal-iskart

 

L-UE tiġġenera aktar minn 2.5 biljun tunnellata ta' skart fis-sena. L-esportazzjonijiet tal-UE tal-iskart lejn pajjiżi mhux tal-UE laħqu 32.7 miljun tunnellata fl-2020. Il-maġġoranza tal-iskart mibgħut jikkonsisti minn laqx tal-metall ferruż u mhux ferruż kif ukoll skart tal-karti, plastik, tessuti u ħġieġ u tmur prinċipalment lejn it-Turkija, l-Indja u l-Eġittu.

 

Il-Membri tal-PE jħeġġu lill-pajjiżi tal-UE sabiex iżidu r-riċiklaġġ ta' kwalità għolja, jitbiegħdu mir-rimi f’landfills, jimminimizzaw l-inċinerazzjoni u jnaqqsu s-sustanzi kimiċi ta' ħsara fl-iskart. F'Jannar 2023, il-Parlament ivvota dwar il-pożizzjoni tiegħu rigward ir-regoli tal-vjeġġ tal-iskart, li għandhom l-għan li jippromwovu l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ u jnaqqsu t-tniġġis.

 

Skont ir-regoli, l-iskart esportat mill-UE għandu jiġi mmaniġjat b'mod ambjentalment sod fil-pajjiżi ta' destinazzjoni u l-infurzar għandu jiżdied sabiex jiġi sfrattat il-vjeġġ illegali. Fi ħdan l-UE, il-Membri tal-PE jridu skambju aħjar ta' informazzjoni u trasparenza dwar il-vjeġġi. L-esportazzjonijiet tal-UE ta' skart perikoluż lejn pajjiżi mhux tal-OECD (Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi) għandhom, b'mod ġenerali, jiġu pprojbiti. L-esportazzjonijiet tal-iskart tal-plastik lejn pajjiżi mhux tal-OECD għandhom jiġu pprojbiti wkoll, filwaqt li tali esportazzjonijiet lejn il-pajjiżi tal-OECD għandhom jitneħħew gradwalment fi żmien 4 snin.