L-Ewropa tieqaf mal-Ukrajna: il-Parlament jitlob sanzjonijiet eħrex kontra r-Russja

Il-Parlament Ewropew jitlob aktar appoġġ għall-Ukrajna u sanzjonijiet eħrex kontra r-Russja wara l-invażjoni tagħha fil-pajjiż.

Fis-sessjoni straordinarja li saret fl-1 ta' Marzu fi Brussell biex tiġi diskussa r-risposta tal-UE għall-attakk Russu fl-Ukrajna, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet: "Ninsabu hawn illum fid-dell skur li l-gwerra ta' Putin qed tixħet fuqna. Gwerra li ma pprovokajnihiex aħna. Gwerra li ma bdejnihiex aħna. Invażjoni krudila ta' Stat sovran u indipendenti. F'isem il-Parlament Ewropew, nikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-aggressjoni militari Russa kontra l-Ukrajna u nesprimi s-solidarjetà tiegħi ma' dawk kollha li qegħdin ibatu u mal-vittmi kollha."

F'intervent f'xandira diretta minn Kiev, il-President Ukren Volodymyr Zelenskyy kellem lill-Parlament u semma l-Ukreni li tilfu ħajjithom biex jiddefendu lil pajjiżhom u rringrazzja lill-UE għall-appoġġ tagħha: "Qed niġġieldu għal drittijietna, għal-libertajiet tagħna, għal ħajjietna, u bħalissa – għas-sopravivenza tagħha. Qed niġġieldu wkoll biex insiru membri ndaqs tal-Ewropa. Mela issa, uruna li qegħdin magħna."

Dakinhar stess, f'riżoluzzjoni adottata b'maġġoranza assoluta, il-Membri tal-PE kkundannaw bil-qawwa l-invażjoni illegali min-naħa tar-Russja u talbu sanzjonijiet aktar ibsin kontra r-Russja. Il-Membri tal-PE stiednu wkoll lill-pajjiżi tal-UE jipprovdu armi difensivi lill-Ukrajna b'mod aktar rapidu, jimponu sanzjonijiet immirati kontra dawk responsabbli mill-korruzzjoni ta' livell għoli fir-Russja u fil-Belarussja, kif ukoll itemmu l-prattika tal-"viżi tad-deheb" għall-miljunarji Russi.

Il-Membri ħeġġew ukoll lill-pajjiżi tal-UE jaħdmu biex l-Ukrajna tingħata l-istatus ta' kandidat tal-UE.

Ara l-filmat biex issir taf aktar.

Ara artikli relatati