Flow jirbaħ il-Premju LUX tal-Udjenza 2025
Il-film animat Flow rebaħ il-Premju LUX tal-Udjenza 2025 koorganizzat mill-Parlament Ewropew. Skopri aktar dwar il-premju u l-finalisti.
Il-film rebbieħ tal-Premju LUX 2025 tħabbar waqt ċerimonja fil-Parlament Ewropew fi Brussell fid-29 ta’ April 2025. Flow huwa koproduzzjoni Latvjana, Franċiża u Belġjana li jsegwi għadd ta' annimali li qed jiffaċċjaw għargħar katastrofiku. Aktar kmieni fl-2025, Flow irċieva wkoll Oscar għall-Aqwa Film Animat.
It-trofew ġie ppreżentat minn Nela Riehl, president tal-kumitat għall-kultura u l-edukazzjoni tal-Parlament.
F'messaġġ imwassal permezz ta' filmat waqt iċ-ċerimonja, il-Viċi President tal-Parlament Sabine Verheyen faħħret il-films nominati għall-premju: “Kull wieħed minn dawn il-films imur lil hinn mir-rakkontar tal-istejjer. Huma jinvolvu ruħhom, jisfidaw u jispiraw l-azzjoni. U din hija l-essenza tal-Premju LUX tal-Udjenza: ċelebrazzjoni taċ-ċinema li tgħaqqad lin-nies, il-politika u l-valuri Ewropej.”
Organizzat mill-Parlament Ewropew u l-European Film Academy fi sħubija mal-Kummissjoni Ewropea u Europa Cinemas mill-2020, il-Premju LUX tal-Udjenza jiġbor il-klassifikazzjonijiet tal-pubbliku Ewropew mal-klassifikazzjonijiet tal-Membri tal-PE, li kull wieħed minnhom jammonta għal 50 % tar-riżultat finali.
“Ċelebrazzjoni taċ-ċinema li tgħaqqad lin-nies, il-politika u l-valuri Ewropej”
Flow: film animat impressjonanti tal-fantasija
Id-direttur Gints Zilbalodis ħoloq film animat ta' fantasija dwar is-sopravivenza ta’ tmiem id-dinja. Il-qattus huwa annimal solitarju, iżda peress li d-dar tiegħu tiġi meqruda minn għargħar, ikollu jingħaqad mal-annimali l-oħra minkejja d-differenzi tagħhom. Huma u jgħaddu minn pajsaġġi mistiċi, jitgħallmu jinnavigaw l-isfidi biex jadattaw għal din id-dinja l-ġdida.
Il-finalisti l-oħra
Animal (il-Greċja, l-Awstrija, ir-Rumanija, Ċipru, il-Bulgarija)
B'direzzjoni ta' Sofia Exarchou, il-film isegwi lil Kalia, li tmexxi l-animaturi f'resort li jinkludi kollox, fil-qilla tax-xemx Griega. Hekk kif is-sajf javvanza u l-pressjoni tax-xogħol tiżdied, l-iljieli jsiru vjolenti. Iżda meta l-attenzjoni tkun fuqek, l-ispettaklu għandu jibqa' għaddej.
Dahomey (Franza, is-Senegal, il-Benin)
Id-direttriċi Mati Diop tirrakkonta l-istorja ta' 26 teżor irjali tar-Renju ta' Dahomey li waslu biex jintbagħtu lura minn Pariġi lejn il-pajjiż ta' oriġini tagħhom, ir-Repubblika tal-Benin tal-lum. Flimkien ma' eluf ta' artefatti oħra, dawn ittieħdu mit-truppi kolonjali Franċiżi fl-1892. Iżda r-ritorn ta' dawn it-teżori jqajjem dibattiti vivaċi fost l-istudenti fl-Università lokali ta' Abomey-Calavi.
Intercepted (il-Kanada, Franza, l-Ukrajna)
Taħt id-direzzjoni ta’ Oksana Karpovych, dan id-dokumentarju jagħti stampa ċara ta’ kif il-gwerra tiddiżumanizza lin-nies permezz ta’ eluf ta’ telefonati interċettati magħmula minn suldati Russi mill-kamp tal-battalja fl-Ukrajna. L-ilħna tas-suldati jiżvelaw illużjonijiet, telf ta' raġuni, dubju, diżappunt, delitti tal-gwerra, u l-effetti tal-propaganda.
Julie Keeps Quiet (Julie zwijgt) (il-Belġju, l-Iżvezja)
Din id-drama mid-direttur Leonardo Van Dijl iddur madwar Julie - l-aqwa plejer f'akkademja tal-ogħla livell tat-tennis. Il-kowċ tagħha f'daqqa waħda tpoġġa taħt investigazzjoni u ġie sospiż. Meta l-plejers kollha tal-klabb jiġu mħeġġa jitkellmu, Julie tiddeċiedi li tibqa' siekta...
Il-Premju LUX tal-Udjenza
Organizzat mill-Parlament Ewropew u l-European Film Academy fi sħubija mal-Kummissjoni Ewropea u Europa Cinemas mill-2020, il-Premju LUX tal-Udjenza jiġbor flimkien il-klassifikazzjonijiet tal-pubbliku Ewropew mal-klassifikazzjonijiet tal-Membri tal-PE, li t-tnejn li huma jammontaw għal 50 % tar-riżultat finali.
Il-Parlament Ewropew jipprovdi sottotitoli fl-24 lingwa uffiċjali tal-UE għall-finalisti kollha tal-films u jorganizza wiri bla ħlas fis-swali taċ-ċinema madwar l-Ewropa sal-25 ta' April.
Matul l-edizzjoni tal-2025, il-Premju huwa kkomplementat mill-Programm Talent Żagħżugħ biex jinvolvi professjonisti żgħażagħ taċ-ċinema fil-promozzjoni tal-valuri Ewropej u l-proġett tal-Premju LUX tal-Udjenza.