Immarka Jum l-Ewropa 2025 bi żjara fil-Parlament Ewropew

Iċċelebra Jum l-Ewropa magħna billi żżur il-Parlament Ewropew fi Strażburgu, Brussell jew il-Lussemburgu jew billi tipparteċipa f'avvenimenti f'pajjiżek.

Fid-9 ta' Mejju, l-Unjoni Ewropea tiċċelebra l-kisbiet tagħha ta' unità u paċi fit-tul, b'tifkira tal-iffirmar tad-Dikjarazzjoni ta' Schuman fl-1950.
Jum l-Ewropa: żur il-Parlament matul il-jiem għall-pubbliku

Dwar xiex inhu Jum l-Ewropa?

 
Bħala Ewropej, niċċelebraw Jum l-Ewropa fid-9 ta' Mejju, bħala tfakkira tad-dikjarazzjoni ta' Schuman, li ġiet ippreżentata mill-ministru tal-affarijiet barranin Franċiż Robert Schuman fid-9 ta' Mejju 1950 f'Pariġi. Dan wassal għall-pedament tal-Unjoni Ewropea li nafu llum.

 

Din is-sena hija eċċezzjonali, peress li tfakkar il-75 sena minn dan l-avveniment importanti.

 

Il-Parlament u istituzzjonijiet oħra tal-UE qed jorganizzaw diversi avvenimenti u attivitajiet eċċitanti għall-viżitaturi fil-binjiet tagħhom.

 

Żurna u esplora kif il-Parlament Ewropew jibni u jiddefendi d-demokrazija kuljum! Skopri aktar dwar ir-responsabbiltajiet tal-Parlament: kif jadotta l-liġijiet, kif isawwar u jissorvelja l-baġit tal-UE u kif jiskrutinizza l-ħidma tal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE. Iltaqa' mal-gruppi politiċi, kellem lill-esperti, ara l-wirjiet u ħafna aktar!

Ġurnata għall-pubbliku fi Strażburgu - il-Ħadd 4 ta' Mejju

 

Fi Strażburgu, il-Parlament Ewropew se jkun miftuħ għall-viżitaturi nhar il-Ħadd 4 ta' Mejju mill-10:00 sas-18:00 (l-aħħar entratura fil-17:30).

 

Se jkollok l-opportunità li żżur il-kamra plenarja, timxi madwar il-bini tal-Parlament biex tiskopri l-istands ta' informazzjoni tagħna, tieħu sehem f'ħafna attivitajiet, u tara wirjiet.

 

Jum għall-pubbliku fi Brussell u l-Lussemburgu - is-Sibt 10 ta' Mejju

Il-jum għall-pubbliku fi Brussell se jsir is-Sibt 10 ta' Mejju mill-10:00 sas-18:00 (l-aħħar daħla: il-17:30). Bħal fi Strażburgu, tista' tara l-kamra plenarja, tipparteċipa f'taħditiet dwar il-ħidma tal-Parlament, tara l-istands tal-informazzjoni u tieħu sehem f'diversi attivitajiet oħra.

 

Il-Parlament Ewropew qed ifakkar ukoll Jum l-Ewropa fil-bini tiegħu fil-Lussemburgu. Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-10 ta’ Mejju (12:00-18:00) jinkludu programm kulturali għani u stands ta’ informazzjoni li jippreżentaw l-istituzzjonijiet tal-UE, il-proġetti tal-UE fil-Lussemburgu, u l-

 

Fi Brussell u l-Lussemburgu ser ikollok ukoll l-opportunità li tattendi avvenimenti organizzati minn istituzzjonijiet oħra tal-UE biex ifakkru Jum l-Ewropa, inklużi l-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill.

 

Avvenimenti ta' Jum l-Ewropa f'postijiet oħra

 

Strażburgu, Brussell u l-Lussemburgu mhumiex l-uniċi postijiet fejn niċċelebraw Jum l-Ewropa - se jiġu organizzati avvenimenti madwar l-Ewropa kollha!

Żur il-Parlament Ewropew is-sena kollha

 

Mhux se jirnexxilek tiġi tara l-Parlament Ewropew għal Jum l-Ewropa? Ara l-kontijiet tal-midja soċjali tal-Parlament Ewropew għal kopertura speċjali u tinsiex li l-Parlament Ewropew huwa miftuħ għall-viżitaturi b'xejn is-sena kollha.