Żjarat fil-Parlamentarium waqt il-coronavirus 

Żjarat fil-Parlamentarium waqt il-coronavirus

Brussell
Il-Parlamentarium

Ġew stabbiliti miżuri ta' iġjene u sikurezza biex ikunu jistgħu jsiru żjarat fil-Parlamentarium waqt il-pandemija tal-coronavirus. Jekk jogħġbok aqra l-informazzjoni bir-reqqa biex tħejji għaż-żjara tiegħek.

60'
6
24

Żjarat fil-Parlamentarium waqt il-coronavirus

Brussell
Il-Parlamentarium

Jekk jogħġbok ħu nota ta' dan li ġej:

  • Fid-dawl tal-fatt li l-wirja hija interattiva ħafna u bil-għan li jitnaqqas ir-riskju ta' kontaminazzjoni, il-partijiet tal-wirja tal-Parlamentarium li huma aċċessibbli għall-viżitaturi huma dawn li ġejjin biss: it-taqsimiet iddedikati għall-istorja Ewropea, l-integrazzjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, kif ukoll iċ-ċinema 360°. Niżżel il-pjanta għal aktar dettalji. 
  • Il-viżitaturi kollha jsegwu passaġġ fiss waqt iż-żjara tagħhom.
  • Sakemm ma jingħatax avviż ieħor, il-Logħba tar-Rwoli mhijiex disponibbli.
  • Skont il-leġiżlazzjoni Belġjana attwali, iż-żjarat huma limitati għal individwi u viżitaturi li jgħixu taħt l-istess saqaf (mhux aktar minn 6). Iż-żjara ma tistax iddum aktar minn siegħa.
  • Il-ħanut tal-Parlamentarium huwa miftuħ. Sakemm ma jingħatax avviż ieħor, il-kafetterija għadha magħluqa.

 

Ħinijiet tal-ftuħ

Il-ħinijiet tal-ftuħ ma nbidlux. L-aħħar dħul huwa 90 minuta qabel il-ħin tal-għeluq.

It-Tnejn 13.00 – 18.00, mit-Tlieta sal-Ġimgħa 09.00 – 18.00, is-Sibt u l-Ħadd 10.00 – 18.00.

Prenotazzjoni obbligatorja

Sabiex il-viżitaturi jitqassmu bis-sikurezza kollha matul il-jum, ġiet stabbilita sistema ta' ħinijiet bi kwota massima ta' viżitaturi għal kull siegħa. Il-viżitaturi huma ġentilment mitluba jirriżervaw ħin għaż-żjara tagħhom. 

Ibbukkja ż-żjara tiegħek online jew bit-telefon (+32 2 283 2222). Int trid ikollok mill-inqas 18-il sena biex tibbukkja onlajn.

F'każ li l-viżitaturi ma jkunux jistgħu jirriżervaw il-ħin tagħhom, huma jistgħu jikkuntattjaw lill-uffiċċju tal-informazzjoni fl-entratura biex jaraw jekk ikunx għad baqa' ħinijiet battala disponibbli għal żjara.

Il-viżitaturi huma ġentilment mitluba jirrispettaw il-ħin tagħhom.

Miżuri ta' iġjene waqt iż-żjara

Sabiex tiġi żgurata żjara sikura u pjaċevoli għal kulħadd, il-viżitaturi huma ġentilment mitluba josservaw il-miżuri li ġejjin:

  • Ġewwa l-Parlamentarium, il-maskri komuni huma obbligatorji għall-viżitaturi li għandhom aktar minn 12-il sena. Huwa rakkomandat li t-tfal jilbsuhom ukoll.
  • Ir-regoli ta' tbegħid soċjali jeħtieġ jiġu applikati. Il-viżitaturi huma ġentilment mitluba jżommu distanza ta' mill-inqas 1.5 m.
  • Ġell tad-diżinfettar huwa disponibbli fl-entratura u matul il-wirja. Il-viżitaturi huma mħeġġa jużawh matul iż-żjara tagħhom.
  • Isir kontroll tas-sigurtà mad-dħul, inkluż kontroll tat-temperatura tal-ġisem permezz ta' scanner.
  • Il-viżitaturi jistgħu jużaw il-lockers li jinsabu fil-vestjarju. Dawn jiġu diżinfettati kull darba li jintużaw. Il-viżitaturi huma ġentilment mitluba jġorru magħhom l-inqas ammont ta' oġġetti personali possibbli. Mhux permess jiddaħħlu basktijiet kbar u trolleys; handbags u backpacks żgħar huma permessi dment li jinħażnu fil-vestjarju.
  • Il-Parlamentarium juża gwidi multimedjali personali u screens tattili matul il-wirja kollha. Sabiex jitnaqqas kemm jista' jkun ir-riskju ta' kontaminazzjoni, hemm disponibbli apparat għas-smigħ u pinen tattili li jintremew għal kull viżitatur. Earphones u pinen tattili personali jistgħu jintużaw ukoll, u jiġu diżinfettati meta jitqassmu l-gwidi multimedjali personali.
  • Ċirkwit f'direzzjoni waħda matul il-Parlamentarium huwa indikat permezz ta' marki mal-art u panelli (inklużi ż-żoni tad-dħul). Il-viżitaturi huma mitluba jsegwu dan iċ-ċirkwit.
  • It-tagħmir u l-materjal kollu (bħall-gwidi multimedjali personali u l-elementi interattivi tal-wirja), il-faċilitajiet sanitarji pubbliċi u żoni sensittivi oħra (bħall-mankijiet u l-bibien) jitnaddfu fuq bażi regolari.

X'tista' tagħmel biex tipproteġi lilek innifsek u lil viżitaturi oħra?

  • Jekk il-viżitaturi jħossuhom ma jifilħux jew inkella kellhom kuntatt riċenti (matul l-aħħar 14-il jum) ma' persuna marida, iż-żjara għandha tiġi posposta.
  • Il-viżitaturi għandhom jaħslu idejhom sikwit bis-sapun u bl-ilma.
  • Il-viżitaturi għandhom iżommu distanza ta' mill-inqas 1.5 metru meta jkunu barra.
  • Il-viżitaturi għandhom jillimitaw l-għadd ta' persuni li jiltaqgħu magħhom.
  • Il-viżitaturi għandhom jilbsu maskra meta jużaw it-trasport pubbliku u fi spazji pubbliċi użati minn ħafna nies.
  • Jekk jisogħlu jew jagħtsu, il-viżitaturi għandhom jagħmlu dan f'maktur tal-karti ġdid kull darba, u jarmu l-maktur tal-karti użat f'landa taż-żibel magħluqa. F'każ li ma jkollhomx maktur tal-karti, għandhom jisogħlu jew jagħtsu fin-naħa ta' ġewwa ta' minkbejhom.

 

Għal aktar informazzjoni dwar il-COVID-19 u l-miżuri ta' prevenzjoni fil-Belġju, żur is-sit www.info-coronavirus.be

Il-Parlament Ewropew qed isegwi s-sitwazzjoni kontinwament u jadatta l-miżuri tiegħu skont il-bżonn.

Aġġornata l-aħħar: 12/06/20