Pre?entazzjoni u kompetenzi
Preżentazzjoni u kompetenzi
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' April 2007 dwar it-twaqqif u l-istipulazzjoni tal-kompetenzi, tal-kompożizzjoni u tat-tul tal-mandat tal-kumitat temporanju għall-bidla klimatika
Il-Parlament Ewropew,
- Jiddeċiedi li jwaqqaf kumitat temporanju għall-bidla fil-klima, li jkollha l-attribuzzjonijiet li jmiss:
- li jifformula proposti dwar il-politika integrata tal-futur ta' l-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-bidla klimatika u li jikkordina l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew fir-rigward tan-negozjati tal-qafas internazzjonali dwar il-politika dwar il-klima għal wara l-2012;
- fir-rigward tal-bidla klimatika, li janalizza u jevalwa l-istat tal-kwistjoni u li jipproponi azzjonijiet xierqa, fil-livelli kollha, flimkien ma' l-evalwazzjoni dwar l-impatt finanzjarju tagħhom u dwar l-ispiża tan-nuqqas ta' azzjoni;
- li jibni inventarju kemm jista' jkun komplut tal-progressi riċenti u tal-prospettivi fil-qasam tal-ġlieda kontra l-bidla klimatika, b'tali mod li jagħti lill-Parlament l-analiżi dettaljati meħtieġa dwar dawn sabiex dan ikun jista' jassumi r-responsabbiltajiet politiċi tiegħu;
- li jistudja l-impatt ambjentali, ġuridiku, ekonomiku, soċjali, ġeopolitiku, reġjonali u fuq is-saħħa pubblika ta' dawn il-progressi riċenti u ta' dawn il-prospettivi;
- li janalizza u jevalwa l-applikazzjoni li tkun saret attwalment tal-leġiżlazzjoni Komunitarja relevanti;
- għal dan il-għan, li jagħmel il-kuntatti xierqa u li jorganizza smigħ mal-parlamenti u mal-gvernijiet ta' l-Istati Membri u ta' pajjiżi terzi, ma' l-istituzzjonijiet Ewropej u ma' l-organizzazzjonijiet internazzjonali, kif ukoll mar-rappreżentatni tal-komunità xjentifika, ta' l-intrapriżi u tas-soċjetà ċivili, inklużi n-netwerks ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali;
- Jiddeċiedi li l-kompetenzi tal-kumitati permanenti tal-Parlament li għandhom f'idejhom l-adozzjoni, is-segwitu u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar is-suġġett ma jinbidlux, imma li l-kumitat temporanju jista' jifformula rakkomandazzjonijiet għal azzjonijiet jew inizjattivi li għandhom jittieħdu;
- Jiddeċiedi li t-tul tal-mandat tal-kumitat temporanju se jkun ta' tnax-il xahar mill-10 ta' Mejju 2007, u li wara t-tmien tiegħu l-kumitat għandu jippreżenta rapport lill-Parlament, li jkun jinkludi, jekk ikun il-każ, ir-rakkomandazzjonijiet għal azzjonijiet jew inizjattivi li għandhom jittieħdu;
- Jiddeċiedi li l-kumitat temporanju se jkollu 60 membru.
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-18 ta' Frar 2008 (estensjoni ta' mandat)
Fuq talba tal-Kumitat Temporanju dwar il-Bidla fil-Klima, il-Konferenza tal-Presidenti matul il-laqgħa tagħha li saret fl-14 ta' Frar 2008, ipproponiet li jiġi estiż il-mandat ta' l-imsemmi kumitat b'9 xhur li jibdew jgħoddu mill-10 ta' Mejju 2008.
Barra minn hekk, il-Konferenza proponiet li jsir rapport interim dedikat esklussivament għal informazzjoni xjentifika dwar il-bidla fil-klima, rapport li possibilment għandu jkun preżentat sas-sessjoni ta' Mejju. Ir-rapport finali għandu jitressaq quddiem il-Parlament fi tmiem il-mandat il-ġdid.
Il-President irrimarka li ma kien hemm l-ebda oppożizzjoni għal din il-proposta.