Dar

Dwar il-kumitati

Il-Membri jitqassmu fost 20 kumitat permanenti speċjalizzat.

Dawn il-kumitati jagħmlu proposti leġiżlattivi permezz tal-adozzjoni ta' rapporti, jipproponu emendi għall-Plenarja u jaħtru tim ta' negozjaturi biex imexxu negozjati mal-Kunsill dwar il-leġiżlazzjoni tal-UE. Jadottaw ukoll rapporti fuq inizjattiva proprja, jorganizzaw seduti ta' smigħ ma' esperti u jagħmlu skrutinju fuq il-korpi u l-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE.

Kumitat huwa kompost minn bejn 25 u 73 membru sħiħ u għadd ekwivalenti ta' sostituti.

Kull kumitat jeleġġi president u sa erba' viċi presidenti fost il-membri sħaħ tiegħu, li flimkien jiffurmaw il-"bureau tal-kumitat", għal mandat ta' sentejn u nofs. Il-kompożizzjoni politika tal-kumitati tirrefletti dik tal-assemblea plenarja.

Il-Parlament jista' wkoll jistabbilixxi sottokumitati u kumitati temporanji speċjali biex jittrattaw kwistjonijiet speċifiċi, u għandu wkoll is-setgħa li joħloq kumitati ta' inkjesta biex jinvestigaw allegazzjonijiet ta' ksur jew amministrazzjoni ħażina tad-dritt tal-UE.

Fl-istadju ta' konċiljazzjoni jinħoloq Kumitat ta' Konċiljazzjoni speċifiku.

Il-kumitati parlamentari normalment jiltaqgħu fi Brussell, u x-xogħol tagħhom huwa sostnut minn segretarjat. Id-dibattiti tagħhom isiru fil-pubbliku u, bħala prinċipju, ikunu webstreamed.

Il-presidenti tal-kumitati jikkoordinaw ix-xogħol tal-kumitati fil-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati.

Kumitati speċjali

Il-Parlament jista', fi kwalunkwe ħin, joħloq kumitati temporanji dwar kwistjonijiet speċifiċi. Dawn il-kumitati speċjali għandhom mandat ta' tnax-il xahar, li jista' jiġi estiż.

Kumitati ta' inkjesta

Il-Parlament jista' joħloq kumitati ta' inkjesta biex jinvestiga ksur tal-liġi tal-Unjoni jew allegazzjoni ta' amministrazzjoni ħażina fl-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni.

Is-setgħat ta' dawn il-kumitati huma bbażati fuq id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta' inkjesta tal-Parlament Ewropew.

Kumitat ta' Konċiljazzjoni

Il-konċiljazzjoni hija t-tielet u l-aħħar fażi tal-Proċedura Leġiżlattiva Ordinarja (OLP) (magħrufa wkoll bħala "kodeċiżjoni"). Il-proċedura ta' konċiljazzjoni tinfetaħ jekk il-Kunsill ma japprovax l-emendi kollha adottati mill-Parlament fit-tieni qari.

Il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni jikkonsisti f'żewġ delegazzjonijiet: id-delegazzjoni tal-Kunsill, komposta minn rappreżentant wieħed ta' kull Stat Membru (ministri jew ir-rappreżentanti tagħhom) u d-delegazzjoni tal-Parlament, kompostaminn għadd ugwali ta' MPE. Il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni huwa responsabbli għat-tfassil ta' "test konġunt", li mbagħad għandu jiġi approvat kemm mill-Parlament u l-Kunsill.

Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati

Il-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati (KPK) hi l-entità politika li tikkoordina x-xogħol tal-kumitati u tiżgura kooperazzjoni mingħajr intoppi bejniethom. Tikkonsisti fil-Presidenti tal-kumitati permanenti u tal-kumitati speċjali kollha u tiltaqa' nhar ta' Tlieta fis-sessjonijiet parzjali ta' Strasburgu. Il-President jġi elett minn fost il-membri tagħha għal mandat ta' sentejn u nofs.

Rakkomandazzjoni dwar l-aġenda għas-sessjonijiet plenarji

Il-KPK ta' kull xahar tressaq rakkomandazzjoni quddiem il-Konferenza tal-Presidenti għall-abbozz ta' aġenda tas-sessjoni parzjali li jkun imiss, kif ukoll rapport ta' monitoraġġ ta' kull xahar rigward il-kompatibbiltà tal-abbozzi ta' leġiżlazzjoni mar-regoli tat-Trattat dwar atti delegati u ta' implimentazzjoni.

Kooperazzjoni bejn il-kumitati

Il-KPK tikkostitwixxi forum ta' diskussjoni dwar kwistjonijiet orizzontali u problemi komuni tal-kumitati, u tikkontribwixxi b'mod attiv għall-iskambju tal-aħjar prattiki, jiġifieri permezz tal-adozzjoni ta' approċċi jew linji gwida komuni marbuta mal-attivitajiet tal-kumitati. Tista' tressaq quddiem il-Konferenza tal-Presidenti kwalunkwe rakkomandazzjoni dwar ix-xogħol tal-kumitati. Il-KPK għandha wkoll rwol ta' medjazzjoni bejn il-kumitati parlamentari. Tittratta talbiet għall-kooperazzjoni u tipproponi soluzzjonijiet għal kunflitti ta' kompetenza.

Djalogu leġiżlattiv mal-Kummissjoni u l-Kunsill

Il-KPK tipprepara l-kontribut tal-Parlament għall-Programm ta' Ħidma annwali tal-Kumissjoni billi telenka l-prijoritajiet f'kull qasam leġiżlattiv. Torganizza wkoll laqgħa konġunta annwali mal-Kulleġġ tal-Kummissarji, u diversi drabi matul is-sena tiltaqa' mal-Presidenza tal-Kunsill biex tpprepara u tiddiskuti l-prijoritajiet tal-Presidenzi u tieħu kont tax-xogħol kurrenti.