Kif se ttejjeb is-sigurtà tal-fruntieri s-sistema ta’ dħul/ħruġ tal-UE?
L-UE qed tistabbilixxi sistema diġitali li tirreġistra l-vjaġġaturi mhux mill-UE kull darba li jidħlu jew joħorġu mill-fruntieri taż-żona Schengen tal-moviment liberu.
Is-sistema ta’ dħul/ħruġ tal-UE tissostitwixxi l-ittimbrar manwali tal-passaporti b’sistema ta’ reġistrazzjoni kompletament diġitali bl-użu ta’ data bijometrika. Il-pajjiżi tal-UE bdew jintroduċu s-sistema mit-12 ta’ Ottubru 2025 u għandha tkun operazzjonali fil-punti kollha ta’ qsim tal-fruntieri esterni sal-10 ta’ April 2026.
X’inhuma l-benefiċċji tas-sistema ta’ dħul/ħruġ?
Is-sistema tfasslet biex ittejjeb is-sigurtà tal-fruntieri u tagħmel il-kontrolli fil-fruntieri aktar rapidi u aktar effiċjenti. Dan se jagħmilha aktar faċli li d-data tiġi kontroverifikata bejn il-pajjiżi u li tiġi identifikata frodi bħall-użu ta’ identitajiet foloz.
Dan se jgħin ukoll biex jiġu identifikati persuni li jaqbżu ż-żmien permess tagħhom. Il-vjaġġaturi jistgħu jibqgħu fiż-żona Schengen sa tliet xhur fi kwalunkwe perjodu ta' sitt xhur.
Kif taħdem is-sistema ta’ dħul/ħruġ?
Is-sistema tirreġistra d-dħul, il-ħruġ u r-rifjut tad-dħul għall-vjaġġaturi kollha minn barra l-UE meta jivvjaġġaw lejn u mill-UE. Dan japplika irrispettivament minn jekk il-vjaġġaturi jeħtiġux viża jew le.
Bis-sostituzzjoni tat-timbri tal-passaport b’sistema elettronika, il-proċess se jkun kemm aktar rapidu kif ukoll aktar sikur. Din is-sistema taħżen data dwar il-vjaġġaturi, li tippermetti qsim aktar rapidu tal-fruntieri.
F’liema pajjiżi se tkun operattiva s-sistema ta’ dħul/ħruġ tal-UE?
Is-sistema se tkun operattiva fiż-żona Schengen, li tinvolvi 29 pajjiż Ewropew: 25 mis-27 pajjiż tal-UE kif ukoll l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera. F'Ċipru u l-Irlanda, il-passaporti xorta se jiġu ttimbrati manwalment.
Liema data tinġabar mis-sistema ta’ dħul/ħruġ?
- Dati u ħinijiet tad-dħul u tal-ħruġ
- Postijiet tad-dħul u tal-ħruġ
- Isem il-vjaġġatur u n-numru tal-passaport
- Data bijometrika (immaġni tal-wiċċ u marki tas-swaba')
- Kwalunkwe deċiżjoni ta' rifjut ta' dħul
Aqra aktar dwar is-sigurtà tal-fruntieri tal-UE: