Schengen: gwida għaż-żona Ewropea mingħajr fruntieri

Iż-żona tal-UE ta' vjaġġar mingħajr passaport, magħrufa bħala ż-żona Schengen, hija waħda mill-aktar kisbiet konkreti tal-integrazzjoni Ewropea. Hawn issib dak li għandek tkun taf dwarha.

Karozzi jistennew li jgħaddu minn kontroll tal-fruntiera
Karozzi jistennew li jgħaddu minn kontroll tal-fruntiera

X'inhi ż-żona Schengen?

 

Iż-żona Schengen hija waħda mill-pilastri tal-proġett Ewropew. Dan beda fl-1985, meta ħames pajjiżi Ewropej iffirmaw ftehim biex jeliminaw gradwalment il-kontrolli tal-passaporti bejniethom. Hekk kif aktar pajjiżi ssieħbu, iż-żona Schengen espandiet u ffaċilitat il-libertà tal-moviment, li jfisser li l-Ewropej jistgħu jgħixu, jistudjaw, jaħdmu u jirtiraw kullimkien fl-UE. It-turisti u n-negozji jibbenefikaw ukoll minn vjaġġar faċli.

 

Il-pajjiżi taż-żona Schengen

 

Il-pajjiżi kollha tal-UE huma parti minn Schengen, minbarra : l-Irlanda, li għażlet li ma tipparteċipax (l-hekk imsejjaħ “opt-out”), u Ċipru, li f’xi punt fil-futur huwa previst li jidħol fiż-żona Schengen.

 

Barra minn hekk, erba’ pajjiżi mhux tal-UE huma wkoll parti miż-żona Schengen: l-Iżlanda, in-Norveġja, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein.

L-iskop u l-benefiċċji

 

Miljuni ta’ nies jivvjaġġaw kuljum minn fruntiera interna tal-UE għal oħra. Fil-prattika, il-moviment liberu jista’ jinvolvi drittijiet differenti għal kategoriji differenti ta’ persuni, mit-turisti sal-familji.

 

Iċ-ċittadini kollha tal-UE jistgħu joqogħdu f'pajjiż ieħor tal-UE bħala turist sa tliet xhur b'passaport validu jew karta tal-identità valida. Jistgħu wkoll jgħixu f'pajjiż ieħor tal-UE għax-xogħol, bid-dritt li jiġu ttrattati bl-istess mod bħaċ-ċittadini ta' dak il-pajjiż. L-intraprendituri jibbenefikaw mil-libertà tal-istabbiliment u l-istudenti għandhom id-dritt li jistudjaw kullimkien fl-UE.

 

L-għeluq tal-fruntieri interni tal-UE għal darb’oħra jimponi spejjeż kbar u jimpedixxi l-ivvjaġġar transfruntier għal 1.7 miljun persuna.

Niżguraw is-sigurtà

 

Ir-regoli ta' Schengen jabolixxu l-kontrolli fil-fruntieri interni, filwaqt li jarmonizzaw u jsaħħu l-protezzjoni tal-fruntieri esterni taż-żona. Ladarba jidħlu fiż-żona Schengen, in-nies jistgħu jivvjaġġaw minn pajjiż għal ieħor mingħajr ma jkunu soġġetti għal kontrolli fil-fruntieri. Madankollu, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jagħmlu l-kontrolli fuq in-nies fil-postijiet tal-fruntieri interni jew qrib tagħhom wara riskji speċifiċi li jirrikjedu żieda temporanja fis-sorveljanza.

 

Iż-żona Schengen tinkludi wkoll politika komuni dwar il-viżi għal żjarat qosra għal ċittadini mhux tal-UE u tgħin lill-korpi tal-pulizija u lill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-pajjiżi parteċipanti jikkollaboraw fil-ġlieda kontra l-kriminalità.

 

Sa mill-bidu tagħha fl-1995, is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen saret l-aktar sistema użata u l-akbar sistema ta’ qsim ta’ informazzjoni għas-sigurtà u l-ġestjoni tal-fruntieri fl-Ewropa. Hi tipprovdi informazzjoni dwar persuni mfittxija jew nieqsa, ċittadini irregolari mhux tal-UE u oġġetti mitlufa jew misruqa.

 

Matul is-snin, is-sistema ġiet aġġornata b’funzjonalitajiet addizzjonali. Biex tipprovdi aktar sigurtà lill-Ewropej, f’Marzu 2023, is-sistema ssaħħet b’sistemi mtejba ta’ qsim tal-informazzjoni, tipi ġodda ta’ data bijometrika u aċċess għall-aġenziji tal-UE bħall-Europol, fost karatteristiċi oħra.

Fruntieri esterni u interni

 

Restrizzjonijiet għall-moviment liberu fiż-żona Schengen

 

Ir-regoli ta’ Schengen jippermettu l-introduzzjoni mill-ġdid temporanja ta' kontrolli fil-fruntieri interni b’reazzjoni għall-kriżijiet. Xi pajjiżi tal-UE għamlu użu minn din id-dispożizzjoni minħabba tħassib dwar is-sigurtà, il-flussi migratorji jew it-tifqigħa tal-COVID-19 fl-2020.

 

Il-Parlament ikkritika kemm-il darba l-kontinwazzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni fiż-żona Schengen, bl-argument li dawn jirrestrinġu l-moviment liberu u għandhom ikunu permessi biss bħala l-aħħar miżura. F'riżoluzzjoni dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija adottata f'April 2020, il-Parlament ħeġġeġ lill-pajjiżi tal-UE jadottaw biss miżuri meħtieġa u proporzjonati meta jintroduċu u jestendu l-kontrolli fil-fruntieri interni, filwaqt li enfasizza l-ħtieġa li nerġgħu lura għal żona Schengen li tiffunzjona bis-sħiħ.

 

F’April 2024, l-UE aġġornat il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen biex tippermetti lill-pajjiżi jintroduċu mill-ġdid temporanjament il-kontrolli fil-fruntieri għal massimu ta’ sentejn b’reazzjoni għal theddid serju bħat-terroriżmu jew il-migrazzjoni mhux awtorizzata fuq skala kbira. Matul emerġenzi tas-saħħa pubblika, il-Kummissjoni Ewropea tista’ tawtorizza kontrolli sa sitt xhur.

 

Ir-riformi jippromwovu wkoll il-kooperazzjoni tal-pulizija fiż-żoni tal-fruntiera u jippermettu lill-pajjiżi tal-UE jittrasferixxu migranti irregolari matul pattulji konġunti.

 

L-iżgurar tal-fruntieri esterni

 

Fruntiera esterna tal-UE ġestita tajjeb hija essenzjali għal żona Schengen mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni. Dan jgħin biex it-theddid jiġi identifikat kmieni, jappoġġa l-qsim legali tal-fruntieri u jagħmel il-moviment liberu fl-UE possibbli. L-istrateġija tal-UE għall-2023-2027 għandha l-għan li ssaħħaħ il-ġestjoni tal-fruntieri filwaqt li tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem.

 

Ir-responsabbiltà għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni hija maqsuma bejn il-pajjiżi tal-UE u l-UE. Il-Frontex hija aġenzija tal-UE li taħdem mal-awtoritajiet nazzjonali biex tipproteġi l-fruntieri u tiġġieled il-kriminalità transfruntiera. Din l-aġenzija tikkoordina l-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri u qed tibni forza ta’ 10,000 membru tal-persunal biex tappoġġa l-kontroll tal-fruntieri.

 

F’April 2024, l-UE rriformat ukoll ir-regoli tagħha dwar il-migrazzjoni biex iż-żona Schengen issir aktar reżiljenti għal kriżijiet futuri. Il-bidliet jiffukaw fuq governanza aħjar tal-kontrolli temporanji fil-fruntieri u t-titjib ta’ kif Schengen jiġi evalwat biex tiġi indirizzata malajr kwalunkwe kwistjoni fil-pajjiżi tal-UE.

L-isfidi u r-reazzjonijiet tal-UE

 

L-isfidi tal-UE fil-ġestjoni tal-migrazzjoni qanqlu żviluppi konsiderevoli fil-politika tal-ġestjoni tal-fruntieri. Inħolqu, pereżempju, strumenti u aġenziji bħas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen, is-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), jew sistema ta' reġistrazzjoni tad-dħul u l-ħruġ mal-fruntieri esterni taż-żona Schengen.

 

F'riżoluzzjoni adottata f'Lulju 2021, il-Parlament approva l-baġit imġedded tal-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) għall-2021-2027, li żdied għal €9.88 biljun. Dan il-fond jikkontribwixxi biex isaħħaħ il-politika komuni dwar l-ażil, jiżviluppa l-migrazzjoni legali skont il-bżonnijiet tal-Istati Membri, isostni l-integrazzjoni taċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi u jiġġieled kontra l-migrazzjoni irregolari. Iservi wkoll biex iġiegħel lill-Istati Membri jaqsmu r-responsabbiltà li jilqgħu fi ħdanhom ir-rifuġjati u l-applikanti għall-ażil b'mod aktar ġust.

 

Il-fond jaħdem f'kuntatt mill-qrib mal-Fond għas-Sigurtà Interna (ISF) il-ġdid, billi jikkonċentra fuq il-ġlieda kontra t-theddid transfruntier, bħat-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u ċ-ċiberkriminalità. L-ISF ġie approvat ukoll mill-Parlament f'Lulju 2021 b'baġit ta' €1.9 biljun.

 

Il-vjaġġaturi li ma għandhomx bżonn viża se jiġu kkontrollati qabel ma jaslu fl-UE bl-użu tas-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) biex jinqabdu l-kriminali, it-terroristi jew kull min jirrappreżenta riskju qabel ma dawn jidħlu fl-UE. L-ETIAS hija mistennija li tkun operattiva minn nofs l-2025.

 

Dan l-artiklu ġie inizjalment ippubblikat f’Ġunju 2019 u aġġornat l-aħħar f’Jannar 2025.